Language of document : ECLI:EU:F:2009:157

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

25 ta’ Novembru 2009

Kawża F-11/09

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Ċaħda tat-talbiet għal rimbors ta’ spejjeż mediċi”

Suġġett: Rikors, ippreżentat bis-saħħa tal-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih L. Marcuccio qed jitlob b’mod partikolari, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiċħdu, minn naħa, it-talba tiegħu tas-27 ta’ Diċembru 2007 għar-rimbors ta’ diversi spejjeż mediċi bir-rata normali u, min-naħa l-oħra, it-talba tiegħu tas-27 ta’ Diċembru 2007 għal rimbors “komplementari”, jiġifieri rimbors ta’ 100 % tal-istess spejjeż mediċi; it-tieni nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Ottubru 2008, li tiċħad l-ilment tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2008 kontra l-imsemmija deċiżjonijiet; it-tielet nett, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu, bħala rimbors ta’ 100 % ta’ dawn l-ispejjeż, is-somma ta’ EUR 356.18 jew kull somma oħra li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis ġusta u ekwa bħala rimbors, flimkien mal-interessi bir-rata ta’ 10 % fis-sena, bil-kapitalizzazzjoni annwali li tiddekorri mill-ġurnata li t-Tribunal jistabbilixxi.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud inkwantu parzjalment manifestament infondat fid-dritt, u inkwantu parzjalment manifestament inammissibbli. Ir-rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Talba għar-rimbors tal-ispejjeż mediċi – Uffiċjal li ma kienx id-destinatarju tad-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-aġenzija tal-ħlas

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

2.      Uffiċjali – Rikorsi – Att li jikkawża preġudizzju – Att konfermattiv – Esklużjoni – Proċedura – Eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 72(1), 90 u 91)

1.      Deċiżjoni li tiċħad talba għal rimbors tal-ispejjeż mediċi tkun motivata suffiċjentement meta tinforma lill-uffiċjal bil-mod kif tkun ġiet ittrattata t-talba tiegħu u tagħti r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw irkupru, mis-sistema ta’ assigurazzjoni għall-mard tal-Komunitajiet Ewropej, tas-somom li kienu tħallsu lilu. Anki jekk wieħed jissuponi li huwa ma kienx id-destinatarju tad-dikjarazzjonijiet kollha meta nħarġu, il-persuna kkonċernata kellha tevalwa l-possibbiltà li tressaq azzjoni quddiem il-qorti Komunitarja meta d-dikjarazzjonijiet żbaljati kienu ġew annessi mad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

Barra minn hekk u f’kull każ, anki fl-ipoteżi fejn tali deċiżjoni ta’ ċaħda ma kinitx suffiċjentement motivata, hija kellha tiġi analizzata fis-sens li għandha almenu bidu ta’ motivazzjoni, li tippermetti lill-istituzzjoni tagħti l-informazzjoni komplementari fil-mori tal-kawża u li tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

(ara l-punti 53, 58 u 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Settembru 1990, Hanning vs Il‑Parlament, T‑37/89, Ġabra p. II‑463, punti 41 u 44

2.      Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba ta’ rimbors tal-ispejjeż mediċi ta’ 100 % li ma jkollha l-ebda element ġdid meta mqabbla ma’ talba preċedenti li tkun ġiet miċħuda u li kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti Komunitarja ma tbiddilx is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent u għaldaqstant ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Anki jekk wieħed jissuponi li tali deċiżjoni tista’ titqies li hija att konfermattiv tal-ewwel deċiżjoni, u li allura tista’ tiġi konfuża magħha u tista’, b’dan il-mod, tikkawża preġudizzju, il-qorti Komunitarja li quddiemha jitressaq dan ir-rikors minn din id-deċiżjoni għandha ex officio tirrileva l-fatt li l-appell huwa indirizzat kontra l-istess partijiet, li għandu l-istess suġġett u li huwa bbażat fuq l-istess motivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appell jaqa’ taħt l-eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens u għaldaqstant ikun manifestament inammissibbli.

(ara l-punti 67 u 68)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Mejju 1973, Perinciolo vs Il-Kunsill, 58/72 u 75/72, Ġabra p. 511, punti 3 sa 5; 19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 9;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Ġunju 2007, Landtag Schleswig-Holstein vs Il‑Kummissjoni, T‑68/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 16; 9 ta’ Lulju 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑296/05 u T-408/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 47 sa 49, bħalissa taħt appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kawża C‑432/08 P; 9 ta’ Settembru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑143/08, ĠabraSP p. I‑A‑2‑0000 u II‑A‑2‑0000, punti 39 sa 41, bħalissa taħt appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kawża C‑513/08 P; 9 ta’ Settembru 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑144/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 32 sa 34, bħalissa taħt appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Kawża C‑528/08 P;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Jannar 2008, Duyster vs Il‑Kummissjoni, F‑80/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 52; 20 ta’ Mejju 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑73/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 61, bħalissa taħt appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Kawża T‑311/09 P