Language of document :

Kawża T164/21

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

QM

vs

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tad9 ta’ Novembru 2022

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Kuntratt għal żmien determinat li ma jiġġeddidx għal żmien indeterminat – Interess tas-servizz – Żball ta’ liġi – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dmir ta’ premura”

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Membri tal-persunal tal-Europol – Adozzjoni ta’ direttiva interna li tipproponi l-prinċipju ta’ tiġdid taħt ċerti kundizzjonijiet – Awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fil-qasam

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, Artikolu 47(1)(b); Regolamenti tal-Persunal ta’ Europol, Artikolu 4(3))

(ara l-punti 82-89)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Kunċett – Oneru tal-prova

(Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra, Artikolu 2(a), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 u l-Artikolu 47(b))

(ara l-punti 114, 115, 121-123)

Sunt

F’Jannar 2020, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) tat bidu għall-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrent, QM, membru tal-persunal temporanju u Kap ta’ dipartiment fi ħdan din l-aġenzija, permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, konformement mar-regoli applikabbli fi ħdan Europol.

F’Mejju 2020, id-Direttriċi Eżekuttiva, fil-kapaċità tagħha bħala Awtorità li għandha s-Setgħa Tikkonkludi Kuntratti ta’ Ingaġġ (iktar ’il quddiem l-“AECE”), informat lir-rikorrent dwar l-intenzjoni tagħha li ma ġġeddidx il-kuntratt tiegħu b’kuntratt għal żmien indeterminat, filwaqt li ppreċiżat li, sabiex tiġi riflessa l-istrateġija futura ta’ Europol, il-futur Kap tad-dipartiment inkwistjoni kellu jkun mogħni b’kapaċitajiet u kompetenzi addizzjonali li r-rikorrent ma kellux.

Fl-istess xahar, l-AECE ddeċidiet li ma ġġeddidx il-kuntratt tar-rikorrent b’kuntratt għal żmien indeterminat minħabba li ħtieġa operattiva ta’ Kap tad-Dipartiment mogħni bi speċjalizzazzjoni supplimentari, b’rabta mal-kariga tar-rikorrent, madankollu ġiet identifikata.

Adita b’rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali interpretat id-direttiva interna ta’ Europol li tissuġġetta t-tiġdid ta’ kuntratt għal żmien indeterminat għall-osservanza ta’ diversi kriterji. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li aġenzija, bħal Europol, li għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda s-sostituzzjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat b’kuntratt għal żmien indeterminat, tista’ tiddeċiedi li ma ġġeddidx kuntratt tax-xogħol fil-każ fejn il-kapaċitajiet u l-kompetenzi tal-membru tal-persunal ma jikkorrispondux iktar mar-rekwiżiti, raġonevolment prevedibbli fil-futur, tal-kariga okkupata anki jekk fil-ġejjieni din il-kariga ma hijiex ser titneħħa.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-possibbiltà li jiġġedded kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tikkostitwixxi sempliċi possibbiltà li titħalla għall-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti, fejn l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, skont il-kompiti fdati lilhom, u fl-assenzjazzjoni, fid-dawl ta’ dan kollu, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li din l-assenzjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz. Din tidher wisq iktar rilevanti meta jkun każ ta’ sostituzzjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat b’kuntratt għal żmien indeterminat, li joħloq rabta iktar stabbli u mingħajr limiti ratione temporis bejn l-istituzzjoni u l-membru tal-persunal ikkonċernat.

Madankollu, meta, permezz ta’ direttiva interna, amministrazzjoni tkun adottat sistema speċifika, b’mod partikolari intiża li tiggarantixxi t-trasparenza tal-proċess ta’ tiġdid tal-kuntratti kif ukoll l-applikazzjoni korretta ta’ ċerti kundizzjonijiet proċedurali, din is-sistema għandha tiġi analizzata bħala awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni li minnha l-amministrazzjoni ma tistax tidderoga – mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – sakemm ma tispjegax b’mod ċar ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw dan it-tibdil. Fil-fatt, dan huwa l-każ ta’ Europol, li ddefinixxiet sistema speċifika li tissuġġetta t-tiġdid tal-kuntratti għal żmien indeterminat għal tliet kriterji kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel, il-bżonn kontinwu tal-kariga jew tal-funzjoni, inkluż fid-dawl tal-iżviluppi futuri prevedibbli, it-tieni, il-kapaċitajiet u l-kompetenzi tal-membru tal-persunal u r-rilevanza tagħhom għall-kariga jew il-funzjoni okkupata u, it-tielet, il-prestazzjoni konstantement elevata tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

Il-Qorti Ġenerali teżamina, fl-ewwel lok, jekk l-applikazzjoni minn Europol tal-ewwel żewġ kriterji u l-konstatazzjoni minn din tal-aħħar ta’ nuqqas ta’ adegwatezza bejn il-kapaċitajiet u l-kompetenzi tar-rikorrent u l-iżviluppi futuri prevedibbli kinux iġġustifikati u koerenti.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tqis li, fl-interess tas-servizz, Europol kellha, b’mod responsabbli, tevalwa l-bidliet futuri u l-iżviluppi prevedibbli qabel ma ħadet id-deċiżjoni dwari it-tiġdid tal-kuntratt. F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali tosserva li, minn naħa, billi ħadet inkunsiderazzjoni bosta dokumenti strateġiċi ta’ programmazzjoni relatati mal-attività tagħha, Europol qieset li d-dipartiment ikkonċernat kellu jeżerċita attivitajiet operattivi u mhux biss attivitajiet ta’ sostenn għall-attivitajiet operattivi tad-dipartimenti l-oħra, fejn għalhekk il-Kap tad-dipartiment ikkonċernat kellu jkollu kompetenzi addizzjonali. Min-naħa l-oħra, wara li evalwat il-kapaċitajiet u l-kompetenzi tar-rikorrent, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-fajl personali u l-kummentarji tiegħu, sottomessi fil-kuntest tal-proċedura ta’ tiġdid tal-kuntratt, Europol ikkunsidrat li dawn ma kinux jikkorrispondu mal-iżviluppi ppjanati għall-futur.

It-tieni, applikazzjoni tal-kriterji ta’ tiġdid b’mod totalment awtonomu tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha Europol ikollha ġġedded il-kuntratt ta’ membru tal-persunal filwaqt li l-kompetenzi tiegħu ma jikkorrispondux mar-rekwiżiti, raġonevolment prevedibbli fil-futur, tal-kariga okkupata – liema fatt huwa manifestament kuntrarju għall-interess tas-servizz u għall-għan tal-proċedura prevista.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-AECE fil-qasam tat-tiġdid tal-kuntratti għal żmien determinat b’kuntratti għal żmien indeterminat, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li Europol ma wettqitx żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kandidat għat-tiġdid tal-kuntratt.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq riorganizzazzjoni futura tal-aġenzija. B’hekk, il-kariga ta’ Kap ta’ dipartiment inżammet fl-organigramma ta’ Europol iżda, peress li l-ħtiġijiet tal-kariga jikkorrispondu għal kompetenzi ġodda jew iddefiniti mill-ġdid, b’rekwiżiti u kompetenzi addizzjonali.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tqis li Europol ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li r-rikorrent ma kellux kapaċitajiet u kompetenzi adegwati mal-ħtiġijiet il-ġodda tagħha. Hija tinnota wkoll li Europol la tikkontesta l-prestazzjonijiet elevati tar-rikorrent u lanqas il-ħila tiegħu ta’ adattament. Ir-raġuni li ġġustifikat in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tar-rikorrent tinsab fin-nuqqas ta’ adegwatezza tal-profil tiegħu għall-ħtiġijiet futuri ta’ Europol, jiġifieri fir-rigward ta’ kompetenza supplimentari li issa kienet rikjesta. Minn dan jirriżulta li ġew identifikati ħtiġijiet u oqsma ta’ kompetenza supplimentari ġodda u li, skont Europol, il-kompetenzi tar-rikorrent ma humiex suffiċjenti biex dawn jiġu ssodisfatti. Barra minn hekk, dawn il-ħtiġijiet ġodda tal-organizzazzjoni kienu magħrufa sew mir-rikorrent, ġaladarba ġew identifikati b’mod ċar f’numru ta’ dokumenti strateġiċi li l-elaborazzjoni tagħhom ġiet assoċjata mar-rikorrent u li fir-rigward tagħhom huwa kellu l-possibbiltà li jiddeskrivi dawk il-kapaċitajiet tiegħu li ma ssemmewx fil-fajl personali tiegħu.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu.