Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Awwissu 2011 - Gold East Paper (Jiangsu) and Gold Huasheng Paper (Suzhou Industrial Park) vs Il-Kunsill

(Kawża T-444/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Gold East Paper (Jiangsu) Co. Ltd (Jiangsu, iċ-Ċina) and Gold Huasheng Paper (Suzhou Industrial Park) Co. Ltd (Jiangsu) (rappreżentanti: V. Akritidis, Y. Melin u F. Crespo, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 452/2011, tas-6 ta' Mejju 2011, li jimponi dazju definittiv kontra s-sussidji fuq l-importazzjonijiet ta' karta fina miksija li toriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 128, p. 18), sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw għaxar motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-ammont ta' dazju kumpensatorju impost jeċċedi l-ammont ta' sussidji kumpensabbli li ntsabu kuntrarji għall-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji1, sa fejn l-ewwel id-dazju ad valorem impost ma kienx espress bħala perċentwali tal-prezz CIF iżda bħala perċentwali tal-fatturat.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-benefiċċju mogħti mill-provvista tal-Gvern ta' drittijiet ta' użu ta' art għal ħlas li kien inqas minn adegwat ma ġiex ikkalkolat sew, bi ksur tal-Artikoli 4, 6(d) u 28 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, peress li l-iskema tal-eżenzjoni fuq id-dividenti bejn l-impriżi residenti kkwalifikati ma hijiex speċifika, u, minħabba dan, id-dażju impost sabiex tiġi kkumpensata din l-iskema jikser l-imsemmija dispożizzjoni.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, peress li l-allokazzjoni tal-ammont ta' sussidju għall-eżenzjoni mill-VAT u mit-tariffa fuq tagħmir importat u tnaqqis fuq il-VAT għal tagħmir immanifatturat lokalment ġie allokat fuq perijodu iqsar mill-perijodu normali ta' deprezzament fl-industrija kkonċernata.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(b) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, peress li għas-self preferenzjali lill-industrija tal-karta miksija, l-istituzzjonijiet Ewropej ikkonċernati ma investigawx liema rata r-rikorrenti kienu jiksbu fis-suq.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, peress li l-impożizzjoni ta' dazji kumpensatorji ma kinitx neċessarja fid-dawl tal-pożizzjoni konkomitanti tad-dazji antidumping.

Is-seba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji u nuqqas ta' motivazzjoni, sa fejn l-istituzzjonijiet Ewropej ikkonċernati wettqu l-investigazzjoni tagħhom b'tali mod li sar iktar probabbli li, permezz tal-proċess investigattiv jew ta' evalwazzjoni, kienu ser jiddeterminaw li l-industrija UE ġiet ippreġudikata.

It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 2(d) u 15 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, sa fejn ir-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 452/2011 jiffissa marġni ta' profitt indikattiv li l-industrija tal-UE qatt ma kisbet fil-passat.

Id-disa' motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni li jiġu esklużi r-rombli web-fed mill-prodott ikkonċernat u l-prodott simili kienet ibbażata fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża u rriżultaw fi ksur tal-Artikolu 8 (ħsara), l-Artikolu 9(1) (industrija tal-Unjoni) u l-Artikolu 10(6) (saħħa) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji.

L-għaxar motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8(6) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidji, sa fejn ma kienx hemm evalwazzjoni fir-regolament ikkontestat dwar jekk id-dazju impost imurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi kkumpensata l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet issussidjati.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009, tal-11 ta' Ġunju 2009, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, p. 93)