Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Awissu 2012 - L-Ungerija vs Il-Kummssjoni

(Kawża T-346/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ungerija

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Ungerija (rappreżentanti: Miklós Zoltán Fehér u Katalin Szíjjártó, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni ta' Implementazzjoni tal-Kummissjoni C(2012) 3324 finali, tal-25 ta' Mejju 2012, dwar l-għajnuna finanzjarja nazzjonali mogħtija lill-organizzazzjonijiet ta' produtturi;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-eżerċiżżju tal-kompetenzi tagħha, u għalhekk kisret id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, meta stabbilixxiet l-ammont tar-rimbors parzjali lill-Ungerija tal-għajnuna finanzjarja nazzjonali mogħtija fl-2009 lill-organizzazzjonijiet ta' prodotturi operattivi fis-settur tal-frott u tal-ħaxix.

Ir-rikorrenti ssostni li d-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix il-possibbiltà li, fid-deċiżjoni tagħha dwar ir-rimbors parzjali Komunitarju tal-għajnuna finanzjarja nazzjonali mogħtija, skont l-Artikolu 103e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 , lill-organizzazzjonijiet ta' produtturi operattivi fis-settur ta' frott u tal-ħaxix, il-Kummissjoni tippermetti biss ir-rimbors ta' dawk l-ammonti li ġew indikati mill-Ungerija fit-talba għal awtorizzazzjoni tagħha għall-għoti ta' għajnuna nazzjonali, li tistabbilixxi bħala ammonti stmati, previdibbli jew provviżorji.

Ir-rikorrenti tikkunsidra li, skont l-Artikolu 103e tar-Regolament Nru 1234/2007, l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna nazzjonali tirreferi għall-għoti ta' għajnuna u mhux għall-istabbiliment min-naħa tal-Kummissjoni ta' limitu massimu għall-għajnuna li tista' tingħata. Dan il-limitu huwa previst b'mod inekwivoku fir-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi li l-għajnuna nazzjonali ma tistax taqbeż 80 % tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-fondi operattivi tal-membri jew l-organizzazzjonijiet ta' produtturi. Ir-regoli relatati mar-rimbors parzjali Komunitarju tal-għajnuna nazzjonali lanqas ma jippermettu li l-Kummissjoni, meta tawtorizza dan ir-rimbors parzjali, tiffissa bħala limitu massimu l-ammont li l-Istat Membru jkun ikkomunika lill-Kummissjoni fit-talba għal awtorizzazzjoni tiegħu, kemm bħala ammont totali tal-għajnuna, kemm bħala ammont tal-għajnuna prevista għal ċerti organizzazzjonijiet ta' prodotturi, speċjalment meta fl-imsemmija komunikazzjoni l-Gvern tal-Ungerija jkun ippreżenta l-ammonti inkwistjoni bħala biss ippjanati jew provviżorji.

Bl-istess mod, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għandha dritt li tivverifika li għajnuna verament mogħija ma tkunx qabżet il-limtu massimu ta' 80 % msemmi iktar 'il fuq, u li r-rimbors mitlub ma jaqbiżx 60 % tal-għajnuna mogħtija, iżda mhux li tistabbilixxi bħala limitu massimu għar-rimbors l-ammonti indikati fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew fil-komunikazzjoni dwar l-imsemmija applikazzjoni, speċjalment meta din l-applikazzjoni jew din il-komunikazzjoni tenfasizza n-natura stmata, ippjanata jew provviżorja tal-informazzjoni. Meta, minħabba raġunijiet determinati, jinbidel matul is-sena l-ammont tal-għajnuna nazzjonali proporzjanta għal kwaunkwe organizzazzjoni ta' produtturi, ir-rimbors parzjali Komunitarja jingħata għall-kwantità effettivament mogħtija, dejjem jekk jiġu sodisfatti r-rekwiżiti imposti mid-dritt tal-Unjoni f'dan ir-rigward.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta' Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodoti (ĠU L 299, p. 7).