Language of document : ECLI:EU:T:2012:605

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

16 ta’ Novembru 2012 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kompetizzjoni – Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-ksur tal-Artikolu 81 KE – Ċaħda tat-talba intiża għat-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni abbażi tal-komunikazzjoni tagħha dwar il-kooperazzjoni – Talba għal miżuri provviżorji – Urġenza – Fumus boni juris – Ibbilanċjar tal-interessi”

Fil-Kawża T‑345/12 R,

Akzo Nobel NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjizi l-Baxxi),

Akzo Nobel Chemicals Holding AB, stabbilita f’Nacka (l-Isvezja),

Eka Chemicals AB, stabbilita f’Bohus (l-Isvezja),

irrappreżentati minn C. Swaak u R. Wesseling, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, M. Kellerbauer u G. Meessen, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni C (2012) 3533 finali tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Mejju 2012, li tiċħad it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB u Eka Chemicals AB, abbażi tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni 2011/695/UE, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), u talba għal miżuri provviżorji intiża sabiex tiġi ordnata ż-żamma tal-kunfidenzjalità dwar ċertu informazzjoni li tirrigwarda lir-rikorrenti sa fejn tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/903/KE, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel, Akzo Nobel Chemicals Holding, Eka Chemicals, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret S.A., Kemira OYJ, L’Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/F/C.38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (ĠU L 353, p. 54),

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Din il-proċedura għal miżuri provviżorji tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 3533, tal-24 ta’ Mejju 2012, li tiċħad it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB u Eka Chemicals AB, abbażi tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni 2011/695/UE, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-Uffiċjal tas-Seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea ċaħdet it-talba intiża għaż-żamma tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni 2006/930/KE tagħha, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Fteħim ŻEE kontra Akzo Nobel, Akzo Nobel Chemicals Holding, Eka Chemicals, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret S.A., Kemira OYJ, L’Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/F/C.38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), kif ippubblikata f’Settembru 2007 fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni” (ĠU L 353, p. 54, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-2006”).

3        Fid-Deċiżjoni tal-2006, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat ksur tal-Artikolu 81 KE mwettaq mir-rikorrenti, Akzo Nobel, Akzo Nobel Chemicals Holding u Eka Chemicals, u minn erbatax-il impriża oħra bejn l-1994 u l-2000 fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fir-rigward tal-perossidu tal-idroġenu u perborat. Peress illi f’Marzu tal-2003, waħda mir-rikorrenti, Eka Chemicals, kienet it-tieni impriża li kkuntattjat lill-Kummissjoni skont l-avviż tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2002 C 45, p. 3 iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni”) u peress illi ressqet provi li jipprovdu valur miżjud sinjifikanti meta mqabbla ma’ dawk diġà fil-pussess tal-Kummissjoni, il-multa li kieku kellha tkun imposta tnaqqset b’40 %. Konsegwentement, it-tliet rikorrenti ngħataw multa ta’ EUR 25.2 miljun in solidum.

4        Wara li kkunsidrat it-talbiet għat-trattament kunfidenzjali magħmula mid-destinatarji tad-Deċiżjoni tal-2006, f’Settembru tal-2007 l-Kummissjoni ppubblikat verżjoni sħiħa mhux kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni fuq is-sit internet tagħha. Din il-pubblikazzjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.

5        Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tippubblika, għal raġunijiet ta’ trasparenza, verżjoni mhux kunfidenzjali iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2006 u tathom l-opportunità li jidentifikaw, fit-test propost, eventwali informazzjoni kunfidenzjali. Wara li kkonstatat li parti kbira mill-verżjoni iktar dettaljata proposta kienet tinkludi l-informazzjoni pprovduta abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, informazzjoni li ma ġietx ippubblikata f’Settembru tal-2007 għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, ir-rikorrenti formalment oġġezzjonaw għall-proposta tal-Kummissjoni, minħabba li din kienet toħloq preġudizzju gravi u irriversibbli għall-interessi tagħhom. Madankollu, mingħajr preġudizzju, huma ppreżentaw lista ta’ talbiet għall-kunfidenzjalità li tenfasizza dawk it-testi tal-verżjoni iktar dettaljata proposta li f’kull każ, għandhom jibqgħu kunfidenzjali.

6        Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-oppożizzjoni tagħhom, u kkomunikatilhom abbozz rivedut tal-verżjoni mhux kunfidenzjali iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2006. Hija għarrfithom li dan l-abbozz rivedut kien jirrifletti l-pożizzjoni definittiva tagħha rigward it-talbiet għall-kunfidenzjalità, billi l-informazzjoni kollha li tippermetti li tiġi ddeterminata l-oriġini tal-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni kienet ġiet oskurata. Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti, li f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, jirreferu l-kwistjoni lill-Uffiċjal tas-Seduta abbażi tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

7        Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ April 2012, ir-rikorrenti informaw lill-Uffiċjal tas-Seduta li huma kienu qed joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni tal-2006 li jidher li hija iktar dettaljata minn dik ippubblikata f’Settembru tal-2007 u talbu li tiġi evitata l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kollha pprovduta abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, huma allegaw ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress illi verżjoni mhux kunfidenzjali kienet, wara konsultazzjoni, diġà ġiet ippubblikata fl-2007. Barra minn hekk, huma sostnew li kienu ġew imġiegħla jaħsbu li l-informazzjoni pprovduta b’mod volontarju fl-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali, peress illi l-Kummissjoni kienet miżmuma milli, b’effett retroattiv, twarrab il-prassi antika tagħha, li preċiżament kienet tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-imsemmija informazzjoni.

8        Fid-deċiżjoni kkontestata, immarkata “[g]ħall-Kummissjoni”, l-Uffiċjal tas-Seduta ċaħad it-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti. Huwa enfasizza n-natura limitata tat-termini ta’ referenza tiegħu, li ma kinux jippermettulu li jevalwa jekk l-informazzjoni inkwistjoni setgħetx tkun żvelata, minħabba li din ma kinitx xi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali jew li l-iżvelar tagħha kien jippreżenta interess maġġuri. Barra minn hekk, huwa indika li r-rikorrenti ma kinux qed jgħidu li l-verżjoni iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2006 kienet tinkludi informazzjoni kunfidenzjali jew sigrieti kummerċjali, iżda oġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni ta’ din il-verżjoni sempliċement minħabba li din kienet tinkludi informazzjoni pprovduta skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, meta huma ma kinux urew li l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni kien jirriskja li jikkawżalhom preġudizzju gravi, li anki jekk dak huwa l-każ, ma jwaqqafx lill-Kummissjoni, milli tipproċedi għall-pubblikazzjoni intenzjonata.

9        Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-28 u d-29 ta’ Mejju 2012.

10      Permezz ta’ email tal-31 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni għarrfet lir-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata kienet il-pożizzjoni definittiva tagħha fuq din il-kwistjoni.

11      Permezz ta’ rikors iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u dan mhux biss sa fejn, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali, iżda wkoll billi din għandha tkun ikkunsidrata bħala li tat l-aċċess għal ċertu informazzjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Insostenn ta’ dan ir-rikors, huma jargumentaw essenzjalment li l-pubblikazzjoni kkontestata tikser l-obbligu ta’ kunfidenzjalità li għandha l-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 339 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, billi l-verżjoni iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2006 tinkludi l-informazzjoni li huma kienu pprovdew lill-Kummissjoni bil-ħsieb li jibbenefikaw mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

12      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqu din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha huma jitolbu sabiex jogħġob lill-President tal-Qorti Ġenerali:

–        skont l-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jissospendi l-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet fuq din it-talba għal miżuri provviżjori jew, fi kwalunkwe każ, fuq ir-rikors promotur,

–        sa fejn din id-deċiżjoni tippermetti lill-Kummissjoni tippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2006 u, għal dan l-iskop, jordna lill-Kummissjoni tastjeni milli tippubblika tali verżjoni,

–        sa fejn din id-deċiżjoni tawtorizza, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għat-test sħiħ tad-Deċiżjoni tal-2006 u, għal dan l-iskop, jordna lill-Kummissjoni sabiex tastjeni milli tawtorizza tali aċċess;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      B’digriet tas-7 ta’ Awwissu 2012, il-President tal-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura, laqa’ l-miżuri provviżorji mitluba mir-rikorrenti.

14      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżjori, iddepożitata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni titlob lill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex jogħġbu:

–        jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

15      Filwaqt illi jammettu li ma jafux jekk effettivament il-Kummissjoni ħaditx deċiżjoni sabiex tagħti aċċess għat-test sħiħ tad-Deċiżjoni tal-2006 tagħha skont ir-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi interpretata li għandha awtorizzazzjoni impliċita għall-aċċess abbażi tal-imsemmi Regolament. Konsegwentement, it-talba tagħhom għal miżuri provviżjori tikkunsidra d-deċiżjoni kkontestata mhux biss sa fejn din tippermetti l-pubblikazzjoni kkontestata, iżda wkoll sa fejn tista’ tkun ikkunsidrata bħala li tawtorizza, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali li huma kienu pprovdew lill-Kummissjoni skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

16      Il-Kummissjoni tippreċiża li sal-lum, ma teżisti l-ebda deċiżjoni li permezz tagħha hija tat l-aċċess għall-informazzjoni kkontestata abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, din kienet espressament ibbażata sempliċement fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u fuq id-Deċiżjoni 2011/695.

17      F’dan ir-rigward, l-imħallef għal miżuri provviżorji jista’ biss jieħu konjizzjoni tal-fatt li la din it-talba għal miżuri provviżjori u lanqas ir-rikors promotur ma għandu bħala suġġett deċiżjoni li kienet diġà ttieħdet mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Huwa għalhekk għal raġuni purament prekawzjonali li r-rikorrenti jipprovaw li jiksbu li l-imħallef għal miżuri provviżorji jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tadotta tali deċiżjoni, li hija ekwivalenti għal azzjoni preventiva intiża li twaqqaf lill-Kummissjoni milli taġixxi. Issa, il-ġurisdizzjoni tal-imħallef għal miżuri provviżorji hija limitata għal stħarriġ ġudizzjarju fuq atti amministrattivi li l-Kummissjoni diġà wettqet, iżda ma testendix għall-evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet li din l-istituzzjoni għadha ma ppronunzjatx ruħha fuqhom. Fil-fatt, tali setgħa, tkun qed tantiċipa argumenti fil-mertu u toħloq konfużjoni fil-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, inkompatibbli mas-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 1996, Sogecable vs Il‑Kummissjoni, T‑52/96 R, Ġabra p. II‑797, punt 39). Għalhekk, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li l-imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jipprevjeni lill-Kummissjoni milli teżerċita s-setgħat amministrattivi tagħha, qabel ma’ din tkun adottat id-deċiżjoni definittiva, li r-rikorrenti jixtiequ jevitaw l-implementazzjoni tagħha, (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2001, Reisebank vs Il‑Kummissjoni, T‑216/01 R, Ġabra p. II‑3481, punt 52), għalkemm l-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi ma ġietx stabbilita mir-rikorrenti f’dan il-każ.

18      Minn dan isegwi li din it-talba għal miżuri provviżjori għandha tiġi ddikjarata inammissibbli sa fejn din hija intiża, minn naħa, li tissosspendi l-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tawtorizza, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għat-test sħiħ tad-Deċiżjoni tal-2006 u, min-naħa l-oħra, li tordna lill-Kummissjoni sabiex tastjeni milli tawtorizza tali aċċess.

 Fuq il-mertu

19      Minn qari flimkien tal-Artikoli 278 TFUE u 279 TFUE, minn naħa, u tal-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-imħallef għal miżuri provviżorji jista’, jekk iqis li ċ-ċirkustanzi jkunu jeżiġu dan, tordna s-sospensjoni tal-implementazzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali jew tippreskrivi l-miżuri provviżorji neċessarji.

20      L-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżjori għandhom jispeċifikaw is-suġġett ikkontestat, iċ-ċirkustanzi li jikkawżaw l-urġenza kif ukoll il-motivi fil-fatt u fil-liġi li jiġġustifikaw prima facie l-implementazzjoni ta’ miżuri provviżorji li jintalbu. Għalhekk, is-sospensjoni għall-eżekuzzjoni ta’ miżuri provviżorji oħra tista’ tiġi deċiża mill‑imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-implementazzjoni hija prima facie ġġustifikata fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li hija urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat preġudizzju gravi u irreparabbli għall- interessi tal-parti li tkun issollevatha, li tiġi deċiża u tkun tipproduċi l-effetti tagħha sa minn qabel id-deċiżjoni fuq ir-rikors promotur. Jekk ikun il-każ, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jibbilanċja wkoll l-interessi involuti (digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 2001, L‑Awstrija vs Il‑Kunsill, C‑445/00 R, Ġabra p. I‑1461, punt 73).

21      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni sħiħa, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa u jibqa’ ħieles li jiddetermina, fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, il-mod kif għandhom jiġu vverifikati dawn il-kundizzjonijiet differenti kif ukoll l-ordni ta’ din l-evalwazzjoni, peress li ebda dispożizzjoni legali ma timponilu skema ta’ analiżi prestabbilita sabiex jevalwa l-ħtieġa li jagħti deċiżjoni provviżorja [digrieti tal-President tal-Qorti tad-19 ta’ Lulju 1995, Il‑Kummissjoni vs Atlantic Container Line et, C‑149/95 P(R), Ġabra p. I‑2165, punt 23, u tat-3 ta’ April 2007, Vischim vs Il‑Kummissjoni, C‑459/06 P(R), li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 25].

22      Fid-dawl tal-provi tal-proċess, l-imħallef għal miżuri provviżorji jqis li għandu l-provi kollha neċessarji sabiex jiddeċiedi dwar din it-talba għal miżuri provviżorji, mingħajr ma hemm bżonn li jinstemgħu, minn qabel, l-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet.

23      Fiċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, qabelxejn huwa neċessarju li jiġu bbilanċjati l-interessi u jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni relatata mal-urgenza hijiex milħuqa.

 Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi u fuq l-urgenza

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ibbilanċjar tad-diversi interessi preżenti jfisser għall-imħallef għal miżuri provviżorji li dan għandu jiddetermina jekk l-interess li għandha l-parti li titlob il-miżuri provviżorji jipprevalix jew le fuq l-interess li għandha l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni inkwistjoni billi jeżamina, b’mod iktar partikolari, jekk l-annullament eventwali ta’ din id-deċiżjoni mill-qorti tal-ewwel grad tippermettix t-treġġigħ lura tas-sitwazzjoni li tkun ġiet ipprovokata mill-eżekuzzjoni immedjata tagħha u, kuntrarjament, jekk is-sospensjoni tal-implementazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni hijiex ta’ natura li toħloq ostakolu għall-effett sħiħ tagħha, fil-każ fejn ir-rikors promotur jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Mejju 1989, RTE et vs Il‑Kummissjoni, 76/89 R, 77/89 R u 91/89 R, Ġabra p. 1141, punt 15, u tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 R u C‑217/03 R, Ġabra p. I‑6887, punt 142).

25      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-kundizzjoni li permezz tagħha s-sitwazzjoni ġuridika maħluqa b’digriet provviżorju għandha tkun riversibbli, għandu jiġi nnotat li l-iskop aħħari tal-miżuri provviżjori huwa limitat sabiex jiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Akzo u Akcros, C‑7/04 P(R), Ġabra p. I‑8739, punt 36]. Konsegwentement, din il-proċedura għandha karattru purament anċillari meta mqabbla mal-kawża prinċipali li torbot fuqha (digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 1996, Lehrfreund vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑228/95 R, Ġabra p. II‑111, punt 61), b’mod li d-deċiżjoni meħuda mill-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollha natura provviżorja fis-sens li ma tkun tista’ la tippreġudika d-deċiżjoni futura fuq il-mertu u lanqas ma trendiha illużorja billi tnaqqsilha l-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 1991, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90 R, Ġabra p. I‑2557, punt 24, u tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1995, Connolly vs Il‑Kummissjoni, T‑203/95 R, Ġabra p. II‑2919, punt 16).

26      Minn dan isegwi neċessarjament li l-interess difiż minn xi parti għal miżuri provviżjori ma huwiex denju għal protezzjoni sa fejn din il-parti titlob lill-imħallef għal miżuri provviżorji jadotta deċiżjoni li, lil hinn milli jkollha natura purament provviżorja, għandha bħala effett, preġudizzju fir-rigward tad-deċiżjoni futura fuq il-mertu u li tirrendiha illużorja billi tiġi mċaħħda mill-effettività tagħha. Barra minn hekk, huwa għal din l-istess raġuni li t-talba għal miżuri provviżjori li tistieden lill-imħallef għal miżuri provviżorji sabiex jordna l-iżvelar “provviżorju” tal-informazzjoni allegatament kunfidenzjali miżmuma mill-Kummissjoni ġiet iddikjarata inammissibbli sa fejn id-digriet li jilqa’ din it-talba kien ikun suxxettibbli li jinnewtralizza bil-quddiem il-konsegwenzi tad-deċiżjoni li għandha tiġi mogħtija iktar tard fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Jannar 2012, Henkel u Henkel France vs Il‑Kummissjoni, T‑607/11 R, punti 23 sa 25).

27      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tkun mitluba tiddeċiedi, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata – li permezz tagħha, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti li tesiġi li hija għandha tastjeni milli tippubblika l-informazzjoni kkontestata – għandha tkun annullata, b’mod partikolari, għal ksur tas-sigriet professjonali protett bl-Artikolu 339 TFUE u minħabba l-ksur tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li r-rikorrenti kienu pprovdew lill-Kummissjoni fid-dawl li jibbenefikaw mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, huwa evidenti li, sabiex tiġi kkonservata l-effettività ta’ sentenza li tannulla d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jevitaw li l-Kummissjoni tipproċedi għall-pubblikazzjoni illeċita tal-informazzjoni inkwistjoni. Issa, sentenza għal annullament issir illużorja u nieqsa mill-effettività jekk din it-talba għal miżuri provviżjori tkun miċħuda, billi l-konsegwenza ta’ din iċ-ċaħda hija li tippermetti lill-Kummissjoni tippubblika immedjatament l-informazzjoni inkwistjoni u għalhekk de facto tippreġudika d-deċiżjoni futura fil-mertu, jiġifieri li r-rikors għal annullament ikun miċħud.

28      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati miċ-ċirkustanza li anki pubblikazzjoni effettiva tal-informazzjoni inkwistjoni probabbilment ma għandhiex l-effett li ċċaħħad lir-rikorrenti mill-interess ġuridiku fir-rigward tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, b’mod partikolari, ir-raġuni hija li kull interpretazzjoni oħra trendi l-ammissibbiltà tar-rikors dipendenti fuq jekk il-Kummissjoni tiżvelax jew le l-imsemmija informazzjoni u tippermettilha li taħrab, bil-ħolqien ta’ fait accompli, mill-istħarriġ ġudizzjarju billi tipproċedi għal tali żvelar anki jekk dan fih innifsu jkun illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T‑474/04, Ġabra p. II‑4225, punti 39 sa 41). Issa, din iż-żamma formali ta’ interess ġuridiku għall-finijiet tal-kawża prinċipali ma tipprekludix li sentenza ta’ annullament mogħtija wara l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni ma jkollha l-ebda effettività ulterjuri għar-rikorrenti.

29      Konsegwentement, l-interess tal-Kummissjoni li tinċaħad it-talba għal miżuri provviżjori għandu jċedi quddiem l-interess difiż mir-rikorrenti, speċjalment peress li l-għoti ta’ miżuri provviżorji mitluba jammonta biss għaż-żamma, għal perijodu limitat, tal-istatus quo li ilu jeżisti għal diversi snin (ara, f’dan is-sens, id-digriet RTE et vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 15; ara wkoll id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2012, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑341/12 R, punt 24).

30      Teżisti urġenza għall-protezzjoni tal-interessi difiżi mir-rikorrenti, fejn dawn jirriskjaw li jbatu preġudizzju gravi u irreparabbli f’każ li t-talba tagħhom għal miżuri provviżjori tiġi miċħuda. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-pubblikazzjoni tal-verżjoni iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2006 ma setgħetx iktar titħassar. Ġaladarba l-informazzjoni kunfidenzjali tkun ippubblikata, annullament ulterjuri tad-deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tas-sigriet professjonali protett mill-Artikolu 339 TFUE ma jinvertix l-effetti li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni. Konsegwentement, id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkun biss “qoxra vojta” jekk l-informazzjoni kkontestata tkun ikkomunikata qabel tiġi deċiża l-kawża prinċipali.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ipoteżi li jiġi stabbilit, fil-kawża prinċipali, li l-pubblikazzjoni intiża mill-Kummissjoni tikkonċerna informazzjoni ta’ kunfidenzjalità, liema żvelar imur kontra l-protezzjoni tas-sigriet professjonali, abbażi tal-Artikolu 339 TFUE, ir-rikorrenti jistgħu jinvokaw din id-dispożizzjoni, li tagħtihom dritt fundamentali, sabiex jopponu din il-pubblikazzjoni.

32      Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, Ġabra p. I‑581, punti 47 u 48), filwaqt illi għamlet referiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-fatt jista’ jkun neċessarju li jiġi miċħud l-iżvelar ta’ ċertu informazzjoni kkwalifikata bħala kunfidenzjali, sabiex jiġi protett id-dritt fundamentali ta’ impriża għar-rispett tad-dritt għal ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar’il quddiem il-“KEDB”), u tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389, iktar ’il quddiem il-“Karta”), billi huwa ppreċiżat li l-kunċett ta’ “ħajja privata” ma għandux jiġi interpretat li jeskludi l-attività kummerċjali ta’ persuna ġuridika. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-impriża inkwistjoni tista’ tbati “preġudizzju estremament gravi” jekk ċertu informazzjoni tkun suġġetta għal komunikazzjoni irregolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Varec, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

33      Peress illi l-Kummissjoni, f’każ li din it-talba għal miżuri provviżjori tiġi miċħuda, tista’ tipproċedi immedjatament għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kkontestata, jeżisti riskju li d-dritt fundamentali tar-rikorrenti għall-protezzjoni tas-sigrieti professjonali tagħhom, stabbilit fl-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 8 tal-KEDB u l-Artikolu 7 tal-Karta, jitlef b’mod irriversibbli l-iskop kollu fir-rigward tal-imsemmija informazzjoni. Fl-istess ħin, ir-rikorrenti jirriskjaw li jikkompromettu d-dritt fundamentali tagħhom għal rimedju legali, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta, jekk il-Kummissjoni tkun awtorizzata li tippubblika l-informazzjoni inkwistjoni qabel ma l-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet fuq ir-rikors promotur. Konsegwentement, peress illi d-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti jistgħu jkunu suxxettibbli għal dannu gravi u irreparabbli, suġġetti għal evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris (ara, għal rabtiet mill-qrib bejn din l-aħħar kundizzjoni u l-kundizzjoni li tikkonċerna l-urġenza, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ April 2008, Ċipru vs Il‑Kummissjoni, T‑54/08 R, T‑87/08 R, T‑88/08 R u T‑91/08 R sa T‑93/08 R, li ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punti 56 u 57), jidher li huwa urġenti li jintlaqgħu l-miżuri provviżorji mitluba (ara wkoll id-digriet Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 26 sa 28).

 Fuq il-fumus boni juris

34      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija sodisfatta meta tal-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors promotur, jidher, prima facie, rilevanti u, f’kull każ, mhux nieqes minn bażi serja, sa fejn juri l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ġuridiċi kumplessi li għalihom, is-soluzzjoni ma tkunx immedjata u għalhekk timmerita evalwazzjoni fil-fond, li ma tistax issir mill-imħallef għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun is-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-argument bejn il-partijiet juri l-eżistenza ta’ disputa legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma hijiex immedjata (digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Settembru 2012, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑52/12 R, punt 13, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 2003, Il‑Kummissjoni vs Artegodan et, C‑39/03 P-R, Ġabra p. I‑4485, punt 40).

35      F’dan il-każ, filwaqt li jitfakkar li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-2006, kif ippubblikata fl-2007, kienet riżultat ta’ proċess twil li matulu, il-Kummissjoni ikkunsidrat, minn naħa, is-sigriet professjonali kif ukoll l-aspettattivi leġittimi ta’ impriżi li kienu bbenefikaw mill-Avviż dwar il‑kooperazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-interess pubbliku għal trasparenza, ir-rikorrenti jargumentaw li, bil-pubblikazzjoni ta’ verżjoni iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2006 li tinkludi l-informazzjoni pprovduta skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tar-rispett tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-[Kummissjoni] skont l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

36      B’referiment għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il‑Kummissjoni (145/83, Ġabra p. 3539, punt 34), ir-rikorrenti jqisu li l-informazzjoni pprovduta b’mod volontarju mill-impriżi, flimkien ma’ talba għall-kunfidenzjalità bbażata fuq l-Avviż dwar il-kooperazzjoni, huma effettivament koperti mill-protezzjoni tas-sigriet professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE. Fis-sentenza Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 64 u 66), il-Qorti Ġenerali kienet ippreċiżat li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni kien jipproteġi din l-informazzjoni bħala sigrieti professjonali. Il-Kummissjoni kienet, hija stess, sejħet għat-trattament kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni f’numru ta’ kawżi. Għalhekk, filwaqt li tirrikonoxxi li l-iżvelar ta’ informazzjoni li toriġina mill-applikazzjonijiet għall-klemenza huwa ta’ natura li joħloq preġudizzju gravi għall-applikanti tal-klemenza, peress illi tiżvantaġġjahom b’mod sinifikattiv fil-proċeduri għad-danni mressqa f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011, CDC Hydrogene Peroxide vs Il‑Kummissjoni, T‑437/08, Ġabra p. II‑8251, punt 57) u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, punt 115) li l-interess li din l-informazzjoni ma tkunx żvelata kien jimmerita li jkun protett sal-punt li kien essenzjali għall-funzjonament tal-programm ta’ klemenza u l-politika tagħha dwar l-infurzar tal-akkordji.

37      Ir-rikorrenti jilmentaw ukoll li l-Kummissjoni kisret l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tagħha, li jiggarantixxi, fil-punti 29, 32 u 33, li l-informazzjoni pprovduta mill-impriżi fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-klemenza hija protetta bis-sigriet professjonali u li dawn l-impriżi jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-aspettattivi leġittimi f’dan ir-rigward. Peress li l-Kummissjoni kienet marbuta b’din il-komunikazzjoni, id-deċiżjoni li tippubblika verżjoni iktar dettaljata tad-Deċiżjoni tal-2006 u b’hekk li tikkomunika l-informazzjoni li toriġina mill-applikazzjoni għall-klemenza tar-rikorrenti tikser il-protezzjoni mogħtija permezz tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

38      Skont ir-rikorrenti, il-verżjoni tad-Deċiżjoni tal-2006, kif ippubblikata f’Settembru 2007, kienet diġà tirrispondi għall-għan li l-pubbliku jkun mgħarraf bir-raġunijiet wara l-azzjonijiet tal-Kummissjoni. Konsegwentement, ma kien hemm “ebda interess rilevanti, jew ġustifikazzjoni” għall-pubblikazzjoni iktar dettaljata intenzjonata, li setgħet tissupera l-aspettattivi leġittimi individwali tar‑rikorrenti li l-verżjoni ppubblikata fl-2007 kienet definittiva għat-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni li toriġina mill-applikazzjoni għal klemenza. Il-pubblikazzjoni ta’ verżjoni iktar dettaljata iktar minn erba’ snin wara l-pubblikazzjoni inizjali, kienet tikser bl-istess mod il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Jekk il-Kummissjoni tixtieq tibdel il-prattika antika tagħha, fir-rigward tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li toriġina mill-applikazzjonijiet għall-klemenza, hija għandha tagħmel dan għat-talbiet futuri u mhux b’mod retroattiv meta, bħal f’dan il-każ, id-deċiżjoni inkwistjoni kienet diġà ġiet ippubblikata iktar minn erba’ snin ilu.

39      Il-Kummissjoni twieġeb li d-deċiżjoni li tipproċedi għall-pubblikazzjoni kkontestata kienet diġà ttieħdet fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Novembru 2011 (ara punt 5 iktar ’il fuq) għal raġunijiet ta’ trasparenza. Jekk ir-rikorrenti kienu kkunsidraw din id-deċiżjoni bħala illeċita, huma kellhom jikkontestawha permezz ta’ rikors għal annullament, u dan skont it-terminu tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Issa, ir-rikorrenti kienu astjenew milli jagħmlu dan. Fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni li tirrigwarda l-fumus boni juris ma hijiex sodisfatta, peress illi ma hemmx provi konkreti li prima facie juru l-fondatezza tar-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti.

40      B’referiment, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni (T‑198/03, Ġabra p. II‑1429, punt 78), u għas-sentenza Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72), il-Kummissjoni targumenta li r-rikorrenti setgħu jkunu jafu faċilment li, skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-ġurisprudenza stabbilita dwar din id-dispożizzjoni, hija kienet, fil-prinċipju, awtorizzata li tippublika l-kontenut sħiħ tad-deċiżjoni finali li tikkonċerna l-kompetizzjoni. Għalhekk, la s-sigriet professjonali tar-rikorrenti u lanqas l-avviż dwar il-kooperazzjoni jew il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma kienu nkisru f’dan il-każ. L-iżvelar tal-informazzjoni kkontestata ma setax jikkawża preġudizzju serju lir-rikorrenti, peress illi l-pożizzjoni tagħhom allegatament inqas favorevoli fil-proċeduri għad-danni li jitressqu kontrihom wara l-pubblikazzjoni intenzjonata hija l-konsegwenza leġittima tal-aġir illegali tagħhom. Iktar minn hekk, l-interess tar-rikorrenti li jżommu sigrieti d-dettalji tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-aġir illegali ma jimmerita l-ebda protezzjoni partikolari, fid-dawl tal-interess pubbliku li jkun magħruf bl-iktar mod wiesa’ possibbli r-raġunijiet tal-azzjoni tal-Kummissjoni u tal-interess tal-persuni milquta mill-ksur billi jsiru jafu bid-dettalji sabiex ikunu jistgħu, fejn xieraq, jasserixxu d-drittijiet tagħhom kontra l-impriżi ssanzjonati.

41      Il-Kummissjoni żżid li lanqas ma għadha protetta l-informazzjoni li qabel kienet, iżda ilha ħames snin jew iktar u għandha, minħabba f’hekk, titqies bħala storika, sakemm, eċċezzjonalment, il-fornitur tagħha ma jurix li minkejja ż-żmien tagħha, din l-informazzjoni għad għandha provi essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew dik ta’ persuni terzi. Issa, l-informazzjoni kollha kkontestata tmur lura iktar minn ħames snin. Anki jekk din kienet kunfidenzjali fil-perijodu tat‑trażmissjoni tagħha, illum din l-informazzjoni għandha tiġi miżmuma bħala storika peress illi r-rikorrenti ma wrewx li, minkejja ż-żmien tagħha, din l-informazzjoni tibqa’ tinkludi provi essenzjali dwar il-pożizzjoni kummerċjali tagħhom jew dik ta’ persuni terzi.

42      Skont il-Kummissjoni, is-sentenzi Adams vs Il‑Kummissjoni u Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, ma jikkonfermawx li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni jipprovdi għall-protezzjoni tal-informazzjoni li toriġina mill-applikazzjonijiet għal klemenza, abbażi tas-sigriet professjonali. Il-punti 32 u 33 ta’ din il-Komunikazzjoni jikkonċernaw biss l-iżvelar ta’ dokumenti u ta’ dikjarazzjonijiet miktuba. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti ġeneralment ma tkunx protetta mill-iżvelar. Billi tammetti li, f’ċerti każijiet partikolari, hija opponiet, fil-passat, l-iżvelar ta’ ċerti “dokumenti” pprovduti mill-impriżi li jitolbu l-klemenza fejn l-aċċess għal dawn id-dokumenti f’pajjiżi oħra jew ġurisdizzjonijiet, jew abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, setgħu jikkontestaw ir-restrizzjonijiet għall-aċċess tal-fajl kif previst mir-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ssostni li, min-naħa l-oħra, qatt ma tat assigurazzjoni li hija se tastjenti milli tiżvela l-“informazzjoni” li tinsab f’dawn id-dokumenti.

43      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-punt 32 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni jipproteġi d-dokumenti li jirrigwardjaw il-klemenza biss fil-kuntest ta’ “l-għanijiet tal-attivitajiet [tagħha] ta’ ispezzjoni u ta’ investigazzjoni”, u mhux fl-interess privat tal-impriżi li jitolbu l-klemenza, u li l-punt 29 tagħha joħloq aspettattiva leġittima għall-impriżi li jitolbu l-klemenza biss fir-rigward tal-immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom f’każijiet ta’ akkordji li huma intitolati għaliha f’ċerti ċirkustanzi. Sabiex tinżamm l-attrazzjoni lejn il-programm ta’ klemenza tagħha, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra neċessarju, f’każijiet partikolari, li tittratta bl-istess mod l-impriżi li jitolbu l-klemenza u kontravenjenti oħra billi ma trendix aċċessibbli dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti mwettqa abbażi tal-klemenza. Min-naħa l-oħra, l-impriżi li jitolbu l-klemenza ma għandhomx ikunu ppreferuti fuq parteċipanti oħrajn fl-akkordju billi żżomm sigriet parti mill-aġir illegali tagħhom, peress illi dan is-sigriet jiżvantaġġja b’mod eċċessiv lil terzi li jbatu d-dannu minħabba l-akkordju li għandhom interess leġittimu li jitolbu rimedju. Issa, l-iżvelar ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti jaqgħu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Il-possibbiltà li individwi jistgħu jinvokaw dan quddiem il-qrati nazzjonali, li tkun iffaċilitata b’dan l-iżvelar, ikun wieħed mill-pilastri li jippermetti l-garanzija tal-effettività tal-liġi tal-kompetizzjoni.

44      F’dan ir-rigward, l-imħallef għal miżuri provviżorji jikkonstata, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni, permezz tar-referiment tagħha għall-allegat karattru deċiżjonali tal-ittra tat-28 ta’ Novembru 2011, għandha l-għan li tikkontesta, fil-kuntest tal-fumus boni juris, l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament li magħha hija marbuta t-talba għal miżuri provviżjori (billi tallega li d-deċiżjoni kkontestata tikkonferma bħala definittiva d-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2011), jew sabiex tallega li r‑rikorrenti huma preklużi milli jinvokaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li huma kienu pprovdew fl-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Ikun x’ikun il-każ, l-argumenti tal-Kummissjoni għandhom, prima facie, jiġu skartati. Fil-fatt, fl-ittra tagħha tal-15 ta’ Marzu 2012 (ara punt 6 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma qagħditx fuq il-karattru definittiv ta’ deċiżjoni li, fit-28 ta’ Novembru 2011, kienet diġà ċaħdet it-talba għall-kunfidenzjalità tar-rikorrenti, iżda għall-kuntrarju, stiednet lir-rikorrenti sabiex iressqu l-każ quddiem l-Uffiċjal tas-Seduta, fl-ipoteżi li dawn jinvokaw din it-talba. Barra minn hekk, fl-email tagħha tal-31 ta’ Mejju 2012 (ara punt 10 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni espressament ikkonfermat li d-deċiżjoni kkontestata kienet il-pożizzjoni definittiva tagħha f’dan ir-rigward.

45      Għalhekk, ma hemm l-ebda raġuni li topponi l-fumus boni juris għall-evalwazzjoni sħiħa tar-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti.

46      Kif diġà ġie espost, fil-kuntest tal-bilanċ tal-interessi, is-sentenza li għad trid tingħata fuq il-mertu għandha tiddeċiedi, essenzjalment, il-punt jekk id-deċiżjoni kkontestata tiksirx id-dritt għas-sigriet professjonali tar-rikorrenti, iggarantit mill-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 8 tal-KEDB u l-Artikolu 7 tal-Karta, peress illi l-pubblikazzjoni prevista mill-Kummissjoni tinkludi informazzjoni li r-rikorrenti għaddewlha abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni u li, konsegwentement, minħabba l-oriġini u n-natura tagħha, tikkostitwixxi informazzjoni kunfidenzjali li għandha tiġi pprotetta mill-pubblikazzjoni.

47      Kuntrarjament għal dak li jidher li l-Kummissjoni qed issostni, il-ġurisprudenza ma tippermettix tweġiba faċli għal din il-kwistjoni, anzi teħtieġ evalwazzjoni fil-fond fil-kuntest tal-kawża prinċipali, speċjalment fil-kwistjonijiet irrilevati mill-kunfidenzjalità li tingħata għall-applikazzjonijiet għall-klemenza (iktar ’il quddiem il-“kwistjoni marbuta mal-klemenza”) ma humiex espressament previsti fir-Regolament Nru 1/2003 jew fir-Regolament Nru 1049/2001.

48      Fil-fatt, l-ebda waħda mis-sentenzi speċifikament invokati mill-partijiet – is-sentenzi Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob u Adams vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, – ma jikkonċernaw il-kwistjoni marbuta mal-klemenza. Fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2012, EnBW Energie Baden‑Württemberg vs Il‑Kummissjoni (T‑344/08, punti 8 u 148), skont liema, b’konformità mar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal dokumenti pprovduti fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal klemenza ma jistax jinċaħad lill-persuni milquta minn akkordju, peress illi l-interess ta’ kumpannija li kienet involuta f’akkordju sabiex tevita azzjonijiet għad-danni ma tikkostitwixxix f’interess denju għal protezzjoni, għandu jiġi osservat li din is-sentenza għadha ma hijiex definittiva, peress illi l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C‑365/12 P).

49      Barra minn hekk, fis-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, Ġabra p. I‑5161, punt 30), rigward il-kwistjoni tal-aċċess ġenerali għall-persuna milquta minn akkordju għad-dokumenti pprovduti fil-kuntest ta’ applikazzjoni għall-klemenza u miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali għall-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċiment indikat li l-qorti nazzjonali għandha tiżgura li tibbilanċja l-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni tal-informazzjoni pprovduta b’mod volontarju mill-applikant għall-klemenza u l-protezzjoni ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li, fil-konklużjonijiet għal din is-sentenza ppreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2010, l-Avukat Ġenerali, M. Mazák, esprima ruħu, fil-prinċipju, kontra l-aċċess għad-dikjarazzjoni, u għad-dokumenti relatati li kienu ġew ikkomunikati b’mod volontarju mill-applikanti għal klemenza u li fihom, dawn effettivament jammettu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

50      Konsegwentement, il-kwistjoni tal-liġi li trid tiġi stabbilita fil-kuntest tal-kawża prinċipali għadha ma kinitx is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva tal-Qorti tal-Unjoni. Din għandha titwieġeb billi jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha, inkluż l-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, il-ġurisprudenza li tirrigwarda r-Regolament Nru 1049/2001 għandu jkollha wkoll l-importanza f’dan ir-rigward, speċjalment peress illi l-Kummissjoni stess għamlet referiment għal dan ir-Regolament fil-punt 32 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni u fl-ittra tat-28 ta’ Novembru 2011 (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, tal-inqas għandu jiġi rriċerkat jekk il-ġurisprudenza li tirrigwarda r-Regolament Nru 1/2003, minn naħa, u dik li tirrigwarda r-Regolament Nru 1049/2001, min-naħa l-oħra, iwasslux għal diverġenzi eventwali ta’ evalwazzjoni sa fejn tikkonċerna l-kwistjoni marbuta mal-klemenza u, jekk ikun il-każ, kif dawn id-diverġenzi jistgħu jiġu megħluba.

51      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għandha tiġi evalwata wkoll il-fondatezza tal-argumentazzjoni li tgħid li l-interess tar-rikorrenti li jissalvagwardjaw is-sigriet tal-informazzjoni li huma kienu pprovdew bħala applikanti għall-klemenza ma hijiex denja għall-protezzjoni, minħabba li l-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni jinkludi inċentiv suffiċjenti li joffri l-prospettiva ta’ tnaqqis ta’ multa, jekk għalhekk il-Kummissjoni ma għandha l-ebda bżonn li tagħti iktar vantaġġi lill-applikanti għal klemenza. Jista’ jkun li din l-argumentazzjoni tinjora l-fatt li l-applikant għal klemenza jidħol fir-riskju li ma jirċievi l-ebda tnaqqis sinifikattiv tal-ammont tal-multa tiegħu, minkejja l-ammissjoni tiegħu u l-komunikazzjoni ta’ provi inkriminanti, minn membri oħra tal-akkordju li kienu diġà informaw lill-Kummissjoni.

52      F’dan ir-rigward, għandu jittieħed kont, skont il-każ, tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada u (C‑67/91, Ġabra p. I‑4785, punti 52 u 53), skont liema, il-benefiċċju li jirriżulta bħala tnaqqis tal-ammont tal-multa favur impriża li tkun innotifikat il-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju magħmul minn kunsiderazzjoni, għar-riskju meħud minn dik l-impriża li tiddenunzja l-akkordju nnifsu, fil-fatt, milli tiġi rrifjutata mill-ammont tal-multa mitluba u tkun ippenalizzata għall-azzjonijiet tagħha qabel in-notifika. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-Istati Membri jistgħu jużaw, bħala motivi ta’ prova, l-informazzjoni li tinsab f’tali notifika sabiex jiġġustifikaw il-pieni nazzjonali, dan inaqqas l-iskop tal-vantaġġ mogħti lill-impriżi li jinnotifikaw. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-użu ta’ din l-informazzjoni huwa pprojbit.

53      Meta l-Kummissjoni targumenta li l-informazzjoni kkontestata kollha ilha, mingħajr eċċezzjoni, iktar minn ħames snin, li fi kwalunkwe każ tkun tilfet il-kunfidenzjalità tagħha, effettivament hija tista’ tinvoka l-ġurisprudenza li tikkonċerna t-trattament kunfidenzjali tad-dokumenti li għandhom jiġu kkomunikati lil intervenjenti skont l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Skont din il-ġurisprudenza, informazzjoni dwar l-impriżi li kienet sigrieta jew kunfidenzjali, iżda li ilha ħames snin jew iktar, għandha, b’regola ġenerali, tinżamm bħala storika (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Frar 2005, Hynix Semiconductor vs Il‑Kunsill, T‑383/03, Ġabra p. II‑621, punt 60, u tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 2012, Spira vs Il‑Kummissjoni, T‑108/07, punt 65), minħabba li tkun tilfet il-valur kummerċjali tagħha. Madankollu, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, għandu jiġi evalwat jekk din l-evalwazzjoni, li tidher li tikkonċerna b’mod partikolari l-impriżi li huma parti fil-kawża u jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ekonomika, hija bl-istess mod adattata fil-każ inkwistjoni, li jikkonċerna l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dettaljata li tirrigwarda ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, li, anke jekk din hija antika, tista’ tkun importanti għall-persuni milquta mill-akkordju billi huma suxxettibbli, fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni mressqa kontra r-rikorrenti, li tiffaċilitalhom il-preżentazzjoni tal-fatti neċessarji sabiex jiddeterminaw il-livell ta’ preġudizzju u l-kawżalità.

54      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huwa importanti wkoll li jsir magħruf jekk ir-rikorrenti, f’Marzu tal-2003, meta kkommunikaw l-informazzjoni inkwistjoni lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, jistgħux joqogħdu fuq il-fatt li din l-informazzjoni tibbenefika, bħala informazzjoni kunfidenzjali min-natura tagħha, għal protezzjoni dejjiema mill-pubblikazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa permissibbli li jiġi kkunsidrat, prima facie, li, f’dan il-mument, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni rigward il-kwistjoni marbuta mal-klemenza kienet tikkorrispondi, essenzjalment, ma’ dik li hija ddefendiet fil-kawża li kienet tat lok għas-sentenza CDC Hydrogene Peroxide vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31): ir-riskju li titressaq azzjoni għad-danni jikkostitwixxi preġudizzju serju, suxxettibbli li jwassal, fil-futur, li l-impriżi parteċipanti f’akkordju ma jikkoperawx iktar, u għal din ir-raġuni ma jistax ikun aċċettat li l-protezzjoni tas-sigriet professjonali tal-impriżi li jikkoperaw magħha fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-akkordji tiġi affettwata minn talba għall-aċċess tad-dokumenti bbażata esklużivament fuq l-interessi tad-dritt privat. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza EnBW Energie Baden‑Württemberg vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 70), il-Kummissjoni estendiet din il-pożizzjoni għall-proċeduri skont ir‑Regolament Nru 1/2003, fis-sens li l-parteċipanti f’akkordju li b’mod volontarju jgħaddu l-informazzjoni huma leġittimament fi dritt li jistennew li l-Kummissjoni ma tiżvelax id-dokumenti inkwistjoni u li dawn tal-aħħar ikunu użati għall-finijiet tal-proċedura li tikkonċerna l-kompetizzjoni, inkluż fil-kuntest tal-kontroll imwettaq mill-Qorti tal-Unjoni. Barra minn hekk, huwa stabbilit li, anki s-sena l-oħra, il-Kummissjoni kienet oġġezzjonat għal talbiet simili min-naħa tal-qrati tal-Istati Membri u ta’ Stati terzi meta invokaw raġunijiet simili.

55      Il-qorti tal-ewwel grad għandha tevalwa jekk f’Marzu tal-2003, ir-rikorrenti setgħux jikkunsidraw li din il-pożizzjoni rigward il-protezzjoni tal-informazzjoni kkomunikata fil-kuntest ta’ applikazzjonijiet għal klemenza, difiżi b’mod qawwi mill-Kummissjoni, kinitx tinfluwenza wkoll l-interpretazzjoni tal-punt 32 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tastjeni milli tiżvela, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, id-“dokumenti rċevuti fil-kuntest ta’ dan l-avviż”. Fid-dawl, kemm tal-protezzjoni tad-dritt fundamentali għas-sigriet professjonali u tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, jista’ jidher formalistiku li din il-protezzjoni tkun limitata biss għad-“dokumenti” abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li l-iskop intiż mit-tali protezzjoni jkun ikopri wkoll, anki fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-pubblikazzjoni sħiħa tal-informazzjoni u testi li joriġinaw minn dawn id-dokumenti. Fl-aħħar nett, għandu jiġi evalwat, f’dan ir-rigward, sa liema punt l-argument sostnut f’dan il-każ mill-Kummissjoni, skont liema din l-implementazzjoni tal-liġi tal-akkordji permezz ta’ azzjonijiet għad-danni jagħmlu parti mill-piena tal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni skont il-punt 33 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, tista’ tiġi rrikonċiljata mal-pożizzjoni li hija ddefendiet fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi EnBW Energie Baden‑Württemberg vs Il‑Kummissjoni u CDC Hydrogene Peroxide vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li din il-kawża tqajjem kwistjonijiet ta’ liġi kumplessi li ma jistgħux, prima facie, jiġu kkunsidrati bħala irrilevanti, iżda s-soluzzjoni tagħhom timmerita evalwazzjoni fil-fond fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Għalhekk hemm lok li jiġi deċiż li jeżisti każ ta’ fumus boni juris (ara wkoll id-digriet Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punti 38 sa 50).

57      Minn dan isegwi li peress illi l-kundizzjonijiet kollha huma sodisfatti għal dan l-iskop, it-talba għal miżuri provviżjori għandha tintlaqa’ billi jittieħdu miżuri provviżorji intiżi li jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tippubblika l-informazzjoni inkwistjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

tordna:

1)      L-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni C (2012) 3533 tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Mejju 2012, li tiċħad it-talba għal trattament kunfidenzjali minn Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB u Eka Chemicals AB, abbażi tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-Uffiċjal tas-Seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) hija sospiża.

2)      Il-Kummissjoni hija ordnata tastjeni milli tippubblika verżjoni tagħha tad-Deċiżjoni 2006/903/KE, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel, Akzo Nobel Chemicals Holding, Eka Chemicals, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret S.A., Kemira OYJ, L’Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/F/C.38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), li tkun iktar dettaljata, sa fejn tikkonċerna lil Akzo Nobel, Akzo Nobel Chemicals Holding u Eka Chemicals, minn dik ippubblikata f’Settembru 2007 fuq is-sit internet tagħha.

3)      Il-kumplament tat-talba għal miżuri provviżjori hija miċħuda.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Novembru 2012.

Reġistratur

 

      Il-President

E. Coulon

 

      M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.