Language of document : ECLI:EU:T:2014:268

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

21 ta’ Mejju 2014 (*)

“Appell — Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Kuntratt għal żmien determinat — Deċiżjoni li ma jiġġeddidx — Ċaħda tal-ilment — Obbligu ta’ motivazzjoni — Raġuni ppreżentata fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment”

Fil-Kawża T-347/12 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2012, Mocová vs Il-Kummissjoni (F‑41/11), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

Dana Mocová, residenti fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn D. de Abreu Caldas, S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u É. Marchal, avukati,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger (Relatur), President, O. Czúcz u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Fuq l-appell

 Procedura

10      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti ressqet talba għal għajnuna legali skont l-Artikolu 95 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex tippreżenta dan ir-rikors. Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Diċembru 2012, Mocová vs Il‑Kummissjoni (T-347/12 P AJ), il‑President tal‑Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba għal għajnuna legali.

11      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-8 ta’ Jannar 2013, l-appellanti ppreżentat dan l-appell. Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ April 2013, l-appellanti ppreżentat talba motivata, skont l-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tinstema’ waqt il-fażi orali tal-proċedura.

12      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-8 ta’ Ottubru 2013.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni li tiċħad it-talba għal tiġdid tal-kuntratt tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u dawk tal-proċedura tal-appell.

14      Fir-risposta tagħha, ippreżentata fl-10 ta’ April 2013, Il-kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment bħala infondat;

–        tikkundanna lill-apellanti tħallas l-ispejjeż tagħha ta’ din l-istanza.

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv, fuq l-“assenza ta’ motivazzjoni rilevanti”

[omissis]

–       Fuq l-allegat żball ta’ liġi fil-bidla tal-motivazzjoni tar-rifjut li jiġġedded il-kuntratt tal-appellanti fil-fażi prekontenzjuża

26      L-appellanti tqis li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta bbaża r-raġunament tiegħu fuq raġuni — jiġifieri l-eżistenza ta’ limiti baġitarji — estranea għad-deċiżjoni tal-15 ta’ ottubru 2010, liema raġuni ġiet esposta mill-ASTK biss fil-fażi tar-risposta għall-ilment.

27      B’dan il-mod, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma segwiex, l-ewwel nett, il-ġurisprudenza li tgħid li l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment titqies li taqbel mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha jiġi indirizzat l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Ottubru 1995, Obst vs Il-Kummissjoni, T-562/93, ĠabraSP p. I-A-247 u II-737, punt 79, u tas-6 ta’ Novembru 1997, Berlingieri Vinzek vs Il-Kummissjoni, T-71/96, ĠabraSP p. I‑A‑339 u II-921, punt 79), it-tieni nett, il-prinċipju ta’ legalità, li bis-saħħa tiegħu r-raġunijiet ta’ deċiżjoni jistgħu biss ikunu bbażati fuq elementi preċedenti jew kontemporanji għaliha, u, t-tielet nett, l-iskop tal-proċedura prekontenzjuża, li tagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jaslu għal ftehim bonarju tat-tilwima (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Jannar 2000, Gouloussis vs Il-Kummissjoni, T-86/98, ĠabraSP p. I-A-5 u II-23, punt 61).

28      Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti huma infondati.

29      Għandu jiġi kkonstatat li mis-sentenza appellata jirriżulta li, b’ittra tal-15 ta’ Ottubru 2010, l-aġent direttur ġenerali tal-OLAF indika li l-appellanti, b’risposta għat-talba tagħha li l-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju jiġġedded, li dan tal-aħħar kien jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010, fid-dawl tal-assenza ta’ kull possibbiltà ta’ tiġdid lil hinn mill-perijodu massimu ta’ tmien snin għall-membri tal-persunal temporanju impjegati fi ħdan l-OLAF.

30      Madankollu, fir-risposta tagħha tal-11 ta’ Frar 2011, l-ASTK ċaħdet l-ilment tal-appellanti tal-10 ta’ Novembru 2010 mingħajr ma rreferiet għar-regola antikumulu ta’ tmien snin, iżda bbażat ruħha fuq il-possibbiltajiet baġitarji, l-interess tas-servizz u l-merti u l-kompetenzi tal-appellanta.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikkontestati fl-ewwel istanza mill-appellanta bħala li jikkostitwixxu kontradizzjoni ta’ raġunijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies preliminarjament, billi bbaża ruħu fuq is-sentenza Il-Kummissjoni vs Birkhoff, iċċitata iktar ’il fuq (punti 58 u 59), li, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal‑proċedura prekontenzjuża, hija l-motivazzjoni li tidher fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-legalità tal-att li jikkawża preġudizzju, peress li din il-motivazzjoni tiqies li taqbel ma’ dan l-aħħar att. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku madankollu ppreċiża li, wara kollox, kienet il-legalità tal-att inizjali li kkawża preġudizzju li ġiet eżaminata, u dan fid-dawl tar-raġunijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

32      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies, barra minn hekk — fil-punt 38 tas-sentenza appellata — li l-fatt li, biċ-ċaħda tal-ilment, l-ASTK, filwaqt li żammet id-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tal-appellanta, b’dan il-mod ma segwietx il-motivazzjoni li dehret fid-deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2010, u minflok qieset motivi oħra, ma jistax, fih innifsu, jirrendi d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid illegali, peress li l-għan tal-proċedura ta’ lment huwa preċiżament li jippermetti l-eżami mill-ġdid mill-ASTK tal-att ikkontestat fid-dawl tal-ilmenti magħmula minn min jagħmel l-ilment, jekk ikun il-każ, billi temenda l-motivi li jsostnu d-dispożittiv tiegħu.

33      Issa, għandu jiġi rrilevat li, billi bbaża ruħu fuq in-natura evoluttiva tal-fażi prekontenzjuża sabiex jikkonkludi li kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li jidhru fiċ-ċaħda tal-ilment, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għamel xejn ħlief jislet il-konsegwenzi ta’ ġurisprudenza stabbilita dwar id-determinazzjoni tan-natura kontestabbli tar-risposta għall-ilment, li minnha jirriżulta li l-ASTK tista’, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, tissupplimenta, jew timmodifika, id-deċiżjoni tagħha.

34      B’dan il-mod, l-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, huma parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni preliminari sabiex issir kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors, anki jekk formalment intiż kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu bħala effett li jirriferi lill-qorti l-att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu l-ilment ġie ppreżentat, ħlief fl-ipoteżi fejn iċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu ġie fformat l-ilment. Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment, tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att kkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’din l-ipoteżi, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodhom inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew tqishom att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi lil dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T-325/09 P, Ġabra p. II-6515, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Dan il-kunċett huwa wkoll ikkonfermat mill-kunsiderazzjoni li tgħid li s-suppliment ta’ motivazzjoni, fil-fażi tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, hija konformi mal-għan tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), li jgħid li d-deċiżjoni fuq l-ilment għandha tkun hija stess motivata. Din id-dispożizzjoni timplika neċessarjament, fil-fatt, li l-awtorità li għandha tiddeċiedi fuq l-ilment ma hijiex marbuta biss mal-motivazzjoni, li tista’ tkun insuffiċjenti jew anki ineżistenti fil-każ ta’ deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, tad-deċiżjoni li tkun is-suġġet tal-ilment (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 2011, Longinidis vs Cedefop, T‑283/08 P, punt 72).

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza li fuqha qed tibbaża ruħha l-appellanti, li tgħid li ġie deċiż li l-istituzzjoni ma kinitx awtorizzata tissostitwixxi motivazzjoni inizjali kompletament żbaljata b’waħda kompletament ġdida (sentenza Berlingieri Vinzek vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79), tqis l-ipoteżi partikolari li fiha l-istituzzjoni tat raġunijiet komplementari wara t-tressiq ta’ rikors, u għaldaqstant ma hijiex applikabbli għall-fażi prekontenzjuża.

37      Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-appellanta, interpretazzjoni bħal din ma tmur la kontra r-regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment, u la kontra l-finalità tal-proċedura prekontenzjuża, u lanqas kontra l-prinċipju ta’ legalità.

38      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda r-regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment kif ukoll il-finalità tal-proċedura prekontenzjuża, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju bis-saħħa tal-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, kollha kemm hi, għandha bħala għan li tippermetti u tiffavorixxi ftehim bonarju tat-tilwima li tkun qamet bejn l-uffiċjal u l-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 1986, Schwiering vs Il-Qorti tal-Awdituri, 142/85, Ġabra p. 3177, punt 11, u tal-14 ta’ Marzu 1989, Del Amo Martinez vs Il-Parlament, 133/88, Ġabra p. 689, punt 9 ; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Marzu 1990, Alexandrakis vs Il‑Kummissjoni, T-57/89, Ġabra p. II-143, punt 8) u li timponi fuq l-awtorità li minnha jiddependi l-uffiċjal li teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha fid-dawl tal-oġġezzjonijiet eventwali tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 1980, Vecchioli vs Il-Kummissjoni, 101/79, Ġabra p. 3069, punt 31 ; digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Jannar 1993, Piette de Stachelski vs Il-Kummissjoni, T-53/92, Ġabra p. II-35, punt 16).

39      Skont il-ġurisprudenza, ir-regola ta’ konkordanza bejn ir-rikors u l-ilment tfittex b’dan il-mod li tevita li l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal jinvoka ċerti lmenti, jew kollha flimkien, biss matul il-fażi kontenzjuża, bil-konsegwenza li kull possibbiltà ta’ ftehim bonarju tkun imnaqqsa ħafna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fatt, jekk ma jkollhiex il-possibbiltà li tkun taf bi preċiżjoni suffiċjenti l-ilmenti jew id-desiderata tal-persuna kkonċernata (sentenza Schwiering vs Il-Qorti tal-Awdituri, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 1996, Weir vs Il-Kummissjoni, T-361/94, ĠabraSP p. I-A-121 u II-381, punt 27), l-ASTK ma jkollha l-ebda possibbiltà li tilqa’ l-pretensjonijiet tiegħu, jew li tipproponi soluzzjoni bonarja u, b’hekk, li ma tissuġġettax direttament it-tilwima għad-deċiżjoni tal-qorti.

40      L-għan intiż li jippermetti lill-persuna kkonċernata u lill-ASTK jaslu għal ftehim bonarju fil-fażi prekontezjuża madankollu ma jfissirx li l-uffiċjal għandu, f’kull ċirkustanza, id-dritt li jikkontesta, fil-fażi prekontenzjuża, kull raġuni ġdida invokata mill-ASTK fil-kuntest tal-fażi amministrattiva.

41      Għandu b’hekk jiġi rrilevat b’mod partikolari li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-ASTK ma hija marbuta timmotiva deċiżjoni ta’ promozzjoni la fir-rigward tad-destinatarju tagħha u lanqas fir-rigward tal-kandidati mhux promossi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1987, Delauche vs Il-Kummissjoni, 111/86, Ġabra p. 5345, punt 13 ; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il‑Kummissjoni, T-112/96 u T-115/96, ĠabraSP p. I-A-115 u II-623, punt 76 , u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il-Kummissjoni, T‑338/00 u T-376/00, ĠabraSP p. I-A-301 u II-1457, punt 48), hija għandha, min-naħa l-oħra, l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda ta’ lment imressaq bis-saħħa tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal minn kandidat mhux promoss, peress li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda titqies li taqbel mal-motivazjoni tad-deċiżjoni li kontriha jkun indirizzat l-ilment (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ottubru 1974, Grassi vs Il-Kunsill, 188/73, Ġabra p. 1099, punt 13, u tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni, C-343/87, Ġabra p. I-225, punt 13 ; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 1992, Volger vs Il‑Parlament, T-52/90, Ġabra p. II-121, punt 36). Il-motivazzjoni għandha tingħata mhux iktar tard miċ-ċaħda tal-ilment (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2002, Roman Parra vs Il-Kummissjoni, T‑117/01, ĠabraSP p. I-A-27 u II-121, punt 26, u tal-15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T-132/03, ĠabraSP p. I-A-253 u II‑1169, punt 32).

42      Reċiprokament, skont il-ġurisprudenza, l-ASTK ma hijiex marbuta li tirrispondi b’mod espliċitu għall-ilment, meta d-deċiżjoni inizjali tkun hija stess motivata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 1993, Il-Parlament vs Volger, C-115/92 P, Ġabra p. I-6549, punt 23).

43      Bl-istess mod, l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli għall-membri tal-persunal temporanju bis-saħħa tal-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, jipprevedi huwa stess l-ipoteżi li fiha, fl-iskadenza tat-terminu ta’ erba’ xhur li jibda jiddekorri mit-tressiq tat-talba, in-nuqqas ta’ risposta — min-natura tiegħu mingħajr motivazzjoni — ifisser deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda li tkun is-suġġett ta’ lment, b’tali mod li r-raġunijiet ippreżentati mill-ASTK f’din l-ipoteżi jkunu jistgħu jiġu kkontestati mill-membru tal-persunal temporanju biss fil-fażi kontenzjuża.

44      Fil-kuntest tar-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu madankollu jiġi enfasizzat li, fl-ipoteżi fejn il-persuna li tagħmel l-ilment issir taf bil-motivazzjoni tal-att li jkun ta’ preġudizzju għaliha permezz tar-risposta għall-ilment tagħha jew fl-ipoteżi fejn l-imsemmija motivazzjoni timmodifika, jew tissupplimenta, sostanzjalment, il-motivazzjoni li tinsab f’dan l-att, kull motiv imressaq għall-ewwel darba fil-fażi tar-rikors u intiż li jikkontesta l-fondatezza tal‑motivi esposti fir-risposta għandu jitqies li huwa ammissibbli. Fil-fatt, f’dawn l-ipoteżijiet, il-persuna kkonċernata ma tkunx tqiegħdet f’pożizzjoni li ssir taf bi preċiżjoni u b’mod definittiv ir-raġunijiet wara l-att li jikkawżalha preġudizzju.

45      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-fatt allegat li l-prinċipju ta’ legalità ma ġiex segwit, huwa minnu li l-legalità ta’ deċiżjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatti u tal-punti ta’ liġi li minnhom tiddisponi l-istituzzjoni fil-mument li tadotta l-imsemmija deċiżjoni. Fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-fażi prekontenzjuża kif espost qabel, għandu madankollu jiġi osservat li r-redazzjoni tal-att li jiffissa l-pożizzjoni definittiva tal-istituzzjoni tispiċċa mal-adozzjoni tar-risposta magħmula mill-ASTK għall-ilment imressaq mill-membru tal-persunal temporanju. Isegwi li l-legalità tal-att definittiv li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti jiġi evalwat fid-dawl tal-fatti u tal-punti ta’ liġi li jkunu għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni fil-mument tal-adozzjoni, espliċita jew impliċita, ta’ din ir-risposta, bla ħsara għall-possibbiltà, għall-istituzzjoni, fil-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza, li tagħti informazzjoni supplimentari matul il-fażi kontenzjuża. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma osservax il-prinċipju ta’ legalità.

46      Minn dawn il-kunsiderazzjonijit kollha jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaq l-ebda żball ta’ liġi meta kkonkluda li kellu jsir eżami tal-legalità tad-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tal-appellanta billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li jidhru fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, meta huma stess ma kinux jidhru fid-deċiżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2010.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Dana Mocová għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Jaeger

Czúcz

Papasavvas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Mejju 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1 – Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.