Language of document : ECLI:EU:T:2015:50

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

28 ta’ Jannar 2015 (*)

“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Suq Ewropew tal-perossidu tal-idroġenu u tal-perborat — Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ċaħda ta’ talba intiża sabiex jinkiseb it-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni bis-saħħa tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tagħha — Obbligu ta’ motivazzjoni — Kunfidenzjalità — Sigriet professjonali — Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑345/12,

Akzo Nobel NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Akzo Chemicals Holding AB, stabbilita f’Nacka (l-Isvezja),

Eka Chemicals AB, stabbilita f’Bohus (l-Isvezja),

irrappreżentati minn C. Swaak u R. Wesseling, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, M. Kellerbauer u G. Meessen, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

CDC Hydrogene Peroxide Cartel Damage Claims (CDC Hydrogene Peroxide), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn T. Funke, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 3533 finali, tal‑24 ta’ Mejju 2012, li tirrigwarda ċ-ċaħda ta’ talba għal trattament kunfidenzjali mressqa minn Akzo Nobel, Akzo Chemicals Holding u Eka Chemicals, skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni 2011/695/UE, tat‑13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (Każ COMP/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President, N. J. Forwood (Relatur) u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-3 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, Eka Chemicals AB, Degussa AG, Edison SpA, FMC Corporation, FMC Foret SA, Kemira OYJ, L’Air Liquide SA, Chemoxal SA, Snia SpA, Caffaro Srl, Solvay SA/NV, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni PIP”).

2        Fid-Deċiżjoni PIP, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari li Akzo Nobel, Akzo Chemicals Holding u Eka Chemicals, ir-rikorrenti, kienu pparteċipaw fi ksur tal-Artikolu 81 KE fit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), flimkien ma’ erbatax‑il kumpannija oħra attivi fis-settur tal-perossidu tal-idroġenu u tal-perbora. Ġiet imposta multa konġunta u in solidum ta’ EUR 25.2 miljun fuq ir-rikorrenti.

3        Fl-2007, l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ġiet ippubblikata fis-sit internet tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“DG COMP”).

4        F’ittra indirizzata lir-rikorrenti fit‑28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni informathom dwar l-intenzjoni tagħha li tippubblika verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP, li tinkludi l-kontenut kollu tal-imsemmija deċiżjoni bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali. F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti sabiex huma jidentifikaw, fid-Deċiżjoni PIP, l-informazzjoni li fir-rigward tagħha huma kellhom l-intenzjoni jitolbu t-trattament kunfidenzjali.

5        Wara li kkonstataw li l-verżjoni iktar dettaljata tad-Deċiżjoni PIP li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni pprospettat il-pubblikazzjoni kienet tinkludi numru kbir ta’ informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta’ talba bbażata fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002”), ir-rikorrenti, f’ittra indirizzata lill-Kummissjoni fid‑9 ta’ Jannar 2012, informaw lil din tal-aħħar li huma kienu qed jikkontestaw il-proposta tagħha, minħabba l-fatt li l-pubblikazzjoni pprospettata tippreġudika serjament l-interessi tagħhom, u dan b’mod irriversibbli. Għalhekk huma talbu lill-Kummissjoni, b’mod prinċipali, li jikkunsidraw mill-ġdid l-intenzjoni tagħha li tippubblika verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP u, sussidjarjament, li tħalli barra fl-imsemmija pubblikazzjoni serje ta’ informazzjoni li huma jqisu li hija kunfidenzjali.

6        Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet aċċettat li tħassar mill-verżjoni l-ġdida mhux kunfidenzjali li kellha tiġi ppubblikata l-informazzjoni kollha li tippermetti direttament jew indirettament li jiġi identifikat is-sors tal-informazzjoni kkomunikata taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li ma kienx ġustifikat li l-benefiċċju tal-kunfidenzjalità jingħata għall-informazzjoni l-oħra li fir-rigward tagħha r-rikorrenti kienu talbu t-trattament kunfidenzjali.

7        Billi għamlu użu mill-possibbiltà prevista mid-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni 2011/695/UE, tat‑13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, p. 29, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta”), ir-rikorrenti adixxew lill-uffiċjal tas-seduta sabiex dan tal-aħħar jeskludi mill-verżjoni mhux kunfidenzjali l-pubblikazzjoni ta’ kull informazzjoni pprovduta minnhom bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

 Id-deċiżjoni kkontestata

8        Permezz tad-Deċiżjoni C (2012) 3533 finali, tal‑24 ta’ Mejju 2012 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-uffiċjal tas-seduta, f’isem il-Kummissjoni, ċaħad it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti u, konsegwentement, awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kkomunikata minnhom lill-Kummissjoni bil-għan li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza ta’ din tal-aħħar.

9        Fid-deċiżjoni kkontestata, l-uffiċjal tas-seduta qabel kollox enfasizza l-limiti tal-mandat tiegħu, li kien jippermettilu biss li jeżamina jekk informazzjoni kellhiex titqies li hija kunfidenzjali u mhux li jirrimedja ksur allegat tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti lejn il-Kummissjoni.

10      Barra minn hekk huwa osserva li r-rikorrenti kienu jopponu l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP għas-sempliċi raġuni li din kienet tinkludi informazzjoni pprovduta bis-saħħa tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Issa, skont l-uffiċjal tas-seduta, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tiddeċiedi li tippubblika iktar mill-essenzjali tad-deċiżjonijiet tagħha. Barra minn hekk, riferimenti għal dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv ma jikkostitwixxux, fihom infushom, sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.

11      Skont l-uffiċjal tas-seduta, ir-rikorrenti ma pprovawx li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li huma kienu kkomunikaw lill-Kummissjoni bil-għan li jibbenefikaw mill-klemenza ta’ din tal-aħħar setgħet tikkawżalhom preġudizzju serju. L-interess ta’ impriża li lilha l-Kummissjoni imponiet multa minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex id-dettalji tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li bih qed tiġi akkużata ma jiġux żvelati lill-pubbliku, fi kwalunkwe każ, ma jixraqlu ebda protezzjoni partikolari. L-uffiċjal tas-seduta fakkar, dwar dan il-punt, li r-rikorsi għal kumpens kienu jagħmlu parti sħiħa mill-politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni u li, għalhekk, ir-rikorrenti ma setgħux jinvokaw interess leġittimu li jiġu protetti kontra r-riskju li jkunu suġġetti għal tali rikorsi, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell imsemmi mid-Deċiżjoni PIP.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Awwissu 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

13      Permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ Novembru 2012, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (T‑345/12 R, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, minn naħa, li jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li jordna lill-Kummissjoni toqgħod lura milli tippubblika verżjoni tad-Deċiżjoni PIP li tkun iktar iddettaljata, għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, minn dik ippubblikata fis-sit internet tad-DĠ COMP sa mill-2007.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tagħti trattament prijoritarju lil din il-kawża, taħt l-Artikolu 55(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

15      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Ġunju 2013, CDC Hydrogene Peroxide Cartel Damage Claims (CDC Hydrogene Peroxide) ġiet ammessa tintervjeni f’din il-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

16      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

17      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, (it-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali mingħajr ma tilqa’ t-talba għal trattament prijoritarju ppreżentata mill-Kummissjoni. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura hija talbet ukoll il-produzzjoni ta’ dokumenti mir-rikorrenti. Dawn tal-aħħar ipproduċew id-dokumenti mitluba fit-terminu mogħti.

18      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad‑9 ta’ April 2014.

19      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata b’mod sħiħ jew parzjalment;

–        fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li d-deċiżjoni kkontestata tinvolvi awtorizzazzjoni ta’ aċċess ibbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), tannulla d-deċiżjoni li tinkludi tali awtorizzazzjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, indikaw li huma kienu qed jirrinunzjaw għat-tieni kap tat-talbiet tagħhom, liema fatt ġie rreġistrat fil-proċess verbali tas-seduta.

21      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

22      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, sa fejn għandu jiġi kkunsidrat li l-ittra li hija bagħtet lir-rikorrenti fit‑28 ta’ Novembru 2011 kienet tinkludi deċiżjoni formali ta’ pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP, l-imsemmija rikorrenti huma preklużi milli jikkontestaw il-legalità ta’ tali deċiżjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ġaladarba huma ma ressqux azzjoni għall-annullament tiegħu fit-terminu stabbilit fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa ċertament minnu li, fl-ittra tagħha tat‑28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet “reċentament iddeċidiet” li tippubblika verżjoni ġdida tad-Deċiżjoni PIP iktar iddettaljata minn dik disponibbli fuq is-sit internet tad-DG COMP sa mill‑2007, l-għan ta’ din l-inizjattiva kien li jippermetti lir-rikorrenti jitolbu li jiġu esklużi minn tali pubblikazzjoni sigrieti tan-negozju eventwali li jikkonċernawhom jew informazzjoni kunfidenzjali oħra, konformement mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti fl-Anness III tal-imsemmija ittra. Din tal-aħħar għalhekk ma kinitx tinkludi l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità li huma fiċ-ċentru ta’ din it-tilwima.

24      Qabel kollox dan jispjega l-fatt li l-Kummissjoni, fl-ittra li hija bagħtet lir-rikorrenti fil‑15 ta’ Marzu 2012, ma invokatx in-natura definittiva ta’ deċiżjoni ta’ pubblikazzjoni li allegatament kienet tinsab fl-ittra tagħha tat‑28 ta’ Novembru 2011, iżda stiednet pjuttost lir-rikorrenti sabiex jadixxu lill-uffiċjal tas-seduta jekk xtaqu jikkontestaw iċ-ċaħda mid-DG COMP ta’ maġġoranza tat-talbiet tagħhom għal kunfidenzjalità.

25      Jeħtieġ li jiġi ulterjorment osservat li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, bi tweġiba għal talba tar-rikorrenti, bagħtet għall-informazzjoni ta’ dawn tal-aħħar posta elettronika li minnha jirriżulta li l-imsemmija deċiżjoni kienet l-unika waħda adottata fir-rigward tagħhom dwar is-suġġett u li din kienet tirrifletti l-pożizzjoni definittiva tagħha.

26      Minn dan jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

27      Insostenn tat-talbiet tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jqajmu tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba, it-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità li jirriżulta mill-Artikolu 339 TFUE u mill-Artikolu 28(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u, it-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti u fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

28      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex adegwatament immotivata u tikser għalhekk l-Artikolu 296 TFUE kif ukoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba ggarantit mill-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Qabel kollox huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni kkontestata ma tippermettilhomx jifhmu r-raġunijiet li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-argumenti bbażati fuq l-aspettattivi leġittimi tagħhom, ippreżentati insostenn tat-talbiet tagħhom għal trattament kunfidenzjali. Sussegwentement, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tweġibx l-argument tagħhom li l-pubblikazzjoni pprospettata mill-Kummissjoni tiddevja mill-prassi amministrattiva preċedenti tagħha. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li l-livell ta’ motivazzjoni meħtieġ f’dan il-każ huwa għoli, ġaladarba d-deċiżjoni kkontestata ma timxix skont l-approċċ adottat mill-Kummissjoni fl‑2007, li kien jikkonsisti f’li tiġi ppubblikata verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP li ma kinitx tinkludi l-informazzjoni li fir-rigward tagħha r-rikorrenti kienu talbu trattament kunfidenzjali.

29      Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata, meħuda fil-kuntest tagħha, hija suffiċjentement immotivata.

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandu bħala għan li jippermetti lill-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni u li tipprovdi indikazzjoni suffiċjenti lill-persuna kkonċernata sabiex tkun tista’ tagħraf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex possibbilment ivvizzjata b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tagħha, madankollu fid-dawl tal-preċiżazzjoni li l-portata ta’ dan l-obbligu tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 14; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il‑Kummissjoni, T‑499/95, Ġabra p. II‑1799, punt 51).

31      B’hekk, għalkemm, skont l-Artikolu 296 TFUE, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li ssemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tad-deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha teħodha, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑26 ta’ Ottubru 2012, CF Sharp Shipping Agencies vs Il‑Kunsill, T‑53/12, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37). B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ April 2011, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, T‑465/08, Ġabra p. II‑1941, punt 163).

32      Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni huma implementat fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta, moqri flimkien mal-paragrafu 3 ta’ din l-istess dispożizzjoni, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li l-uffiċjal tas-seduta huwa mitlub jagħti dwar talbiet ta’ trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

33      F’dan il-każ, kemm mill-ittri tar-rikorrenti tat‑8 ta’ Diċembru 2011 u tad‑9 ta’ Jannar 2012, indirizzati lid-DG COMP, kif ukoll mill-ittra li huma bagħtu lill-uffiċjal tas-seduta fl‑10 ta’ April 2012 jirriżulta li r-rikorrenti sostnew, matul il-proċedura amministrattiva, li l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni tad-Deċiżjoni PIP li tinkludi informazzjoni li huma kienu kkomunikaw b’mod volontarju bil-għan li jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 tmur kontra l-aspettattivi leġittimi tagħhom. Barra minn hekk minn dawn l-istess ittri jirriżulta li r-rikorrenti sostnew li pubblikazzjoni ta’ dan it-tip tiddevja mill-prassi amministrattiva preċedenti tal-Kummissjoni, li tikkonsisti f’li ma tiżvelax lil terzi l-informazzjoni li kienet ikkomunikata lilha minn impriżi fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza.

34      Dwar dan il-punt, għandu jiġi osservat li, filwaqt li l-uffiċjal tas-seduta ma weġibx speċifikament fuq il-mertu għal kull wieħed minn dawn l-argumenti, dan għamlu, hekk kif jirriżulta essenzjalment mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali ta’ din il-ġurnata (1), Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni (T‑341/12, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 42 sa 44 u 58), bil-għan li josserva l-limiti tat-termini ta’ referenza li kienu ġew fdati lilu mill-President tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

35      Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-tmiem ta’ proċedura amministrattiva li matulha l-Kummissjoni ġiet imsejħa twieġeb għall-oġġezzjonijiet ta’ prinċipju għall-pubblikazzjoni pprospettata mqajma mir-rikorrenti, li kienu joħorġu mill-qafas tal-kompetenzi tal-uffiċjal tas-seduta.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi u sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva lir-rikorrenti, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata titqies fil-kuntest li wassal għall-adozzjoni tagħha u li jiġi kkunsidrat, għaldaqstant, li l-imsemmija deċiżjoni tinkludi impliċitament, iżda neċessarjament, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-pubblikazzjoni pprospettata, espressa permezz tad-DG COMP, sa fejn din tikkonċerna aspetti li ma jaqawx taħt it-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta.

37      Issa, id-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrata b’dan il-mod, tippermetti lir-rikorrenti jifhmu l-punti ta’ fatt u ta’ dritt li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tagħha.

38      Għalhekk, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, fl-ittra li bagħtet lir-rikorrenti fit‑28 ta’ Novembru 2011, iġġustifikat l-intenzjoni tagħha li tippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali iktar dettaljata tad-Deċiżjoni PIP b’riferiment għal għan ta’ trasparenza. Barra minn hekk, f’ittra mibgħuta lir-rikorrenti fl‑20 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni ppreċiżat, essenzjalment, li l-pubblikazzjoni pprospettata kellha tinftiehem fid-dawl ta’ talba għal aċċess għall-verżjoni kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP, imressqa abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

39      Fit-tieni lok, għalkemm huwa ċertament minnu li l-uffiċjal tas-seduta ddeklina l-kompetenza tiegħu sabiex jeżamina ksur eventwali tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, minħabba li tali eżami kien imur lil hinn mil-limiti tat-termini ta’ referenza li kienu jirriżultaw mill-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta, il-Kummissjoni, fl-ittra indirizzata mid-DG COMP tagħha lir-rikorrenti fil‑15 ta’ Marzu 2012, madankollu wieġbet espressament għall-argument ta’ dawn tal-aħħar li l-pubblikazzjoni kontenzjuża tmur kontra l-aspettattivi leġittimi tagħhom.

40      Fil-fatt mill-imsemmija ittra jirriżulta, essenzjalment, li, fil-kuntest tal-analiżi tal-oġġezzjoni ta’ prinċipju għall-pubblikazzjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li hija kellha l-obbligu li tibbilanċja, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet investigattivi tagħha, imsemmija mill-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ trasparenza prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, mal-interessi leġittimi tal-partijiet. Barra minn hekk il-Kummissjoni indikat li dokument ma kienx jibbenefika minn protezzjoni għas-sempliċi fatt li kien ġie kkomunikat fil-kuntest ta’ talba għal klemenza u li l-pubblikazzjoni pprospettata ma kinitx tippreġudika l-għanijiet tal-attivitajiet investigattivi tagħha. Hija enfasizzat ulterjorment li kien jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jgħid li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti msemmija fl-ewwel tliet paragrafi ta’ dan l-artikolu kienu japplikaw biss matul il-perijodu fejn il-protezzjoni li kienet prevista għalihom kienet ġustifikata fir-rigward tal-kontenut tad-dokument. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-pubblikazzjoni kontenzjuża ma kinitx twassal għal ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

41      Fit-tielet lok, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi numru ta’ elementi insostenn taċ-ċaħda tat-talbiet għal kunfidenzjalità mressqa mir-rikorrenti. L-uffiċjal tas-seduta enfasizza fiha, preliminarjament, li riferimenti għal dokumenti li jinsabu fil-fajl amministrattiv ma jikkostitwixxux, fihom infushom, sigrieti tan-negozju jew informazzjoni oħra ta’ natura kunfidenzjali. Iċ-ċaħda tat-talbiet ta’ kunfidenzjalità sussegwentement ġiet iġġustifikata, l-ewwel nett, permezz tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li minnu tibbenefika l-Kummissjoni sabiex tippubblika iktar milli hu essenzjali tad-deċiżjonijiet li hija kienet tadotta bis-saħħa tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, it-tieni nett, permezz taċ-ċirkustanza li r-rikorrenti ma kinux ipprovaw li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li huma kienu kkomunikaw lill-Kummissjoni taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 setgħet tikkawżalhom dannu gravi u, it-tielet nett, permezz tal-fatt li, kieku kellu jitqies li tali riskju ġie stabbilit, mill-ġurisprudenza kien jirriżulta li l-interess tar-rikorrenti li d-dettalji tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur ma kinux magħrufa mill-pubbliku ma kienx jixraqlu protezzjoni.

42      Il-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt preċedenti jwasslu wkoll sabiex jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma tesponix x’jiġġustifika li f’dan il-każ il-Kummissjoni tidderoga mill-prassi amministrattiva preċedenti tagħha. Fil-fatt, li kieku kellu jitqies li ġiet stabbilita l-prassi amministrattiva preċedenti li għaliha jagħmlu riferiment ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata, meħuda fil-kuntest tal-adozzjoni tagħha, tipprovdi biżżejjed elementi li jippermettulha tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tapplikahiex f’dan il-każ.

43      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-livell ta’ motivazzjoni meħtieġ f’dan il-każ huwa ogħla minn dak tas-soltu ġaladarba d-deċiżjoni kkontestata tawtorizza l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni preċedentement ikkunsidrata bħala kunfidenzjali mill-Kummissjoni, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, li kieku kellu jitqies li tali tisħiħ tal-obbligu ta’ motivazzjoni huwa ġġustifikat, ikun hemm lok li jiġi kkunsidrat li, kemm fid-dawl tan-natura tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti lill-uffiċjal tas-seduta fl-ittra tagħhom tal‑10 ta’ April 2012 kif ukoll fid-dawl tal-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, magħruf mir-rikorrenti, l-imsemmija deċiżjoni tesponi b’mod suffiċjentement ċar u preċiż ir-raġunijiet għalfejn ġie deċiż, f’dan il-każ, li l-informazzjoni kontenzjuża ma tibqax titqies li hija kunfidenzjali.

44      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jiġu segwiti meta jallegaw li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod suffiċjenti. Peress li wara kollox ir-rikorrenti ma indikawx f’xiex l-ilment tagħhom, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, huwa distint mill-argument tagħhom intiż sabiex jikkritika l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi lment lanqas ma jista’ jiġi milqugħ. Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità li jirriżulta mill-Artikolu 339 TFUE u mill-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003

45      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-obbligu ta’ kunfidenzjalità li għandha l-Kummissjoni taħt l-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-informazzjoni kkomunikata volontarjament lill-Kummissjoni minn impriżi għandha tkun tista’ tibbenefika minn protezzjoni kontra l-iżvelar. Issa, l-informazzjoni li fir-rigward tagħha r-rikorrenti talbu trattament kunfidenzjali f’dan il-każ ġiet ikkomunikata volontarjament minnhom lill-Kummissjoni bil-għan li jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002.

46      Ir-rikorrenti jirreferi, barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprovdi li meta l-Kummissjoni tippubblika d-deċiżjonijiet tagħha, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu tal-impriżi sabiex is-sigrieti tan-negozju tagħhom ma jiġux żvelati, kif ukoll għall-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas‑7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), li jipprovdi li s-sigrieti tan-negozju u informazzjoni kunfidenzjali oħra ma għandhiex tiġi kkomunikata, u lanqas ma għandha ssir aċċessibbli.

47      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-informazzjoni li huma kkomunikaw taħt il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 taqa’ taħt is-sigriet professjonali.

48      B’hekk, l-imsemmija komunikazzjoni, b’mod partikolari l-paragrafi 29, 32 u 33 tagħha, tipprovdi għat-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni li tinsab fit-talbiet għal klemenza. Il-protezzjoni mogħtija lil din l-informazzjoni hija kkonfermata bil-paragrafu 6 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jikkonċernaw akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2006”). Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din l-informazzjoni ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni b’mod uffiċjali, li hija magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni u li l-iżvelar tagħha tippreġudika serjament lir-rikorrenti peress li dan jiżvantaġġahom b’mod sinjifikattiv fir-rigward ta’ destinatarji oħra tad-Deċiżjoni PIP li ma kkooperawx mal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ rikorsi għal kumpens ippreżentati kontrihom. Għal dawn ir-raġunijiet, in-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni ma hijiex affettwata bid-dekorriment taż-żmien, bil-kontra ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva fis-sens strett tal-kelma. L-interess tar-rikorrenti li l-imsemmija informazzjoni ma tiġix żvelata barra minn hekk jixraqlu protezzjoni peress li t-trattament kunfidenzjali tal-imsemmija informazzjoni jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, għall-effettività tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji.

49      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jikkontestaw l-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti f’li tiġi offerta protezzjoni biss għad-dokumenti kkomunikati fil-kuntest ta’ talbiet għal klemenza jew għad-dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna li titlob il-klemenza, bl-esklużjoni ta’ informazzjoni li dawn id-dokumenti u dikjarazzjonijiet jinkludu. Fil-fehma tagħhom, dan l-approċċ imur kontra d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali ggarantit permezz tal-Artikolu 339 TFUE. Fis-seduta, ir-rikorrenti żiedu li l-pubblikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata pprospettata mill-Kummissjoni tevita l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll ir-regoli speċifiċi ta’ aċċess għall-fajls tal-investigazzjoni fil-qasam tal-akkordji previsti mir-Regolament Nru 1/2003.

50      Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, il-pubblikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl‑2007 diġà tissodisfa l-għan li l-pubbliku inġenerali jiġi informat dwar ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni. Bil-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali iktar kompleta tad-Deċiżjoni PIP, il-Kummissjoni fil-verità qed tipprova tiffaċilita r-rikors għal kumpens ippreżentat mill-intervenjenti quddiem il-Landgericht Dortmund (tribunal reġjonali ta’ Dortmund, il-Ġermanja). F’dan ir-rigward id-deċiżjoni kkontestata tirrifletti bidla iżjed ġenerali tal-politika ta’ pubblikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-akkordji, intiża li tgħin lill-persuni li jitolbu din l-informazzjoni f’azzjonijiet għad-danni ppreżentati kontra parteċipanti f’dan it-tip ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fl-assenza ta’ riforma tal-kuntest ġuridiku applikabbli, id-deċiżjoni li tiġi ppubblikata verżjoni mhux kunfidenzjali iżjed iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP madankollu ma hijiex ġustifikata. L-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprojbixxi, fil-fatt, l-użu ta’ informazzjoni miġbura fil-kuntest tal-investigazzjoni għal finijiet li ma għandhomx x’jaqsmu magħha u għalhekk jipproteġi l-interessi ta’ impriżi involuti fl-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni kontra l-użu ta’ din l-informazzjoni fil-kuntest ta’ azzjonijiet ċivili. Ir-rikorrenti żiedu ulterjorment waqt is-seduta, essenzjalment, li, fi kwalunkwe każ, l-interess ta’ vittmi eventwali ta’ akkordju li jiksbu informazzjoni preċiża fir-rigward tal-iżvolġiment tiegħu kien protett b’mod suffiċjenti bil-fakultà li kellhom il-qrati nazzjonali li jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tikkomunikalhom tali informazzjoni.

51      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

52      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali osservat, preliminarjament, li l-argumenti dwar ksur tal-aspettattivi leġittimi allegatament miksuba mir-rikorrenti permezz tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u tal‑2006 kif ukoll permezz tal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni, invokati insostenn tat-tieni motiv, jitħalltu, essenzjalment, ma’ parti mill-argument żviluppat insostenn tat-tielet motiv. Għalhekk dawn l-argumenti għandhom jiġu eżaminati f’dan il-kuntest.

53      Sussegwentement għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 339 TFUE, il-membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-membri tal-kumitati kif ukoll l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni huma meħtieġa, anki wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, li ma jiżvelawx l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali, u b’mod partikolari t-tagħrif li jirreferi għall-impriżi u li jikkonċerna r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-prezz ta’ manifattura u ta’ distribuzzjoni tal-prodotti tagħhom.

54      Skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul investigazzjonijiet li hija tmexxi taħt l-imsemmi regolament, bis-saħħa tal-Artikoli 17 sa 22 tiegħu, jistgħu, bla ħsara għall-Artikoli 12 u 15 ta’ dan l-istess regolament, jintużaw biss għall-finijiet li għalihom inġabru. L-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkompleta r-regola ta’ kondotta stabbilita fl-Artikolu 339 TFUE fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, jispeċifika, b’mod partikolari, li, bla ħsara għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tal-Istati Membri kif ukoll għall-possibbiltà mogħtija lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jikkonsultaw il-fajl tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni u l-imsemmija awtoritajiet, l-uffiċjali tagħhom, il-membri tal-persunal tagħhom u l-persuni l-oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet, kif ukoll il-membri tal-persunal u l-uffiċjali ta’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri, għandhom l-obbligu li ma jiżvelawx l-informazzjoni li huma ġabru jew skambjaw bis-saħħa tal-imsemmi regolament u li, min-natura tagħha stess, hija koperta bis-sigriet professjonali.

55      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tippubblika, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom hija timponi multi lill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li hija żżomm bħala responsabbli għal ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji. Skont l-Artikolu 30(2) ta’ dan ir-regolament, l-imsemmija pubblikazzjoni ssemmi l-ismijiet tal-partijiet ikkonċernati u l-kontenut prinċipali tad-Deċiżjoni, inklużi s-sanzjonijiet imposti, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigrieti tan-negozju tagħhom ma jiġux żvelati.

56      L-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 jipprovdi, essenzjalment, li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li ma tagħmilx aċċessibbli u li ma tikkomunikax l-informazzjoni, inklużi d-dokumenti, li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni sa fejn dawn jinkludu sigrieti tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li tappartjeni għal persuna kwalunkwe.

57      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8(1) sa (3) tad-Deċiżjoni dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta jipprovdi kif ġej:

“1.      Meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tiżvela informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ kwalunkwe impriża jew persuna, din tal-aħħar għandha tiġi informata bil-miktub dwar din l-intenzjoni u r-raġunijiet tagħha mid-[DG COMP]. Għandu jiġi ffissat limitu ta’ żmien li matulu l-impriża jew il-persuna kkonċernata tkun tista’ tippreżenta kummenti bil-miktub.

2.      Meta l-impriża jew il-persuna kkonċernata toġġezzjona għall-iżvelar tal-informazzjoni, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta. Jekk l-uffiċjal tas-seduta jsib li l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata minħabba li ma tikkostitwixxi ebda sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra jew minħabba li jkun hemm interess akbar fl-iżvelar tagħha, dik is-sejba għandha tiġi ddikjarata f’deċiżjoni motivata li għandha tintbagħat lill-impriża jew lill-persuna kkonċernata. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li warajha tista’ tiġi żvelata din l-informazzjoni. Din id-data ma għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika.

3.      Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-iżvelar tal-informazzjoni permezz ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea.”

58      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li pparteċipaw fl-akkordju li ta lok għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni PIP. Min-naħa l-oħra huma jsostnu li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kontenzjuża tirriżulta mis-sempliċi fatt li din ġiet ikkomunikata b’mod volontarju lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza, u li l-pubblikazzjoni pprospettata tista’ għalhekk tikkomprometti l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

59      Peress li l-qasam tal-informazzjoni kopert bis-sigriet professjonali jmur lil hinn mis-sigrieti tan-negozju tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il‑Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539, punt 34, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, T‑198/03, Ġabra p. II‑1429, punt 29), għandu jiġi ddeterminat, bla ħsara għall-analiżi tal-fondatezza tat-tielet motiv, jekk, kif isostnu r-rikorrenti, informazzjoni għandhiex tibbenefika minn protezzjoni f’dan is-sens mis-sempliċi fatt li hija ġiet ikkomunikata b’mod volontarju minn impriża lill-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza.

60      Skont it-tieni paragrafu tal‑Artikolu 1 TUE, fi ħdan l-Unjoni, id-deċiżjonijiet huma adottati bl-ikbar osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza. Dan il-prinċipju huwa rifless fl-Artikolu 15 TFUE, li jiggarantixxi, taħt ċerti kundizzjonijiet, dritt ta’ aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Konformement ma’ dan il-prinċipju u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet li jordnaw jew li jipprojbixxu espliċitament pubblikazzjoni, id-dritt tal-istituzzjonijiet li jagħmlu pubbliċi l-atti li jadottaw hija r-regola, li għaliha jeżistu eċċezzjonijiet inkwantu d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tad-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li s-sigriet professjonali jiġi osservat, jipprekludi żvelar ta’ dawn l-atti u tal-informazzjoni li jinkludu (ara, b’analoġija s-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 69).

61      La l-Artikolu 339 TFUE u lanqas l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jindikawx espliċitament liema informazzjoni, minbarra s-sigrieti tan-negozju, hija koperta bis-sigriet professjonali. Issa, ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li dan huwa l-każ tal-informazzjoni kollha miġbura skont l-imsemmi regolament, bl-eċċezzjoni ta’ dik li l-pubblikazzjoni tagħha hija obbligatorja skont l-Artikolu 30 tagħha. Fil-fatt, bħall-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkompleta u jimplementa din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju fil-qasam tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, jipprekludi biss l-iżvelar tal-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 70).

62      Barra minn hekk, huwa minnu li, skont il-punti 75 tas-sentenza Bank Austria vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, u 64 tas-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T‑474/04, Ġabra p. II‑4225, sa fejn il-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni hija protetta b’eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, tali protezzjoni hija rilevanti bil-għan li tiġi osservata mill-Kummissjoni l-projbizzjoni magħmula lilha fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003 milli tiżvela l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali.

63      Madankollu, wara l-għoti ta’ dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 b’mod li jkun possibbli għall-istituzzjonijiet li jibbażaw ruħhom, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, fejn kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili jistgħu jmorru kontra talbiet ta’ żvelar li jikkonċernaw dokumenti tal-istess natura. Din l-interpretazzjoni hija dovuta meta l-leġiżlazzjoni li tirregola l-proċedura tipprovdi wkoll regoli stretti fir-rigward tat-trattament tal-informazzjoni miksuba jew stabbilita fil-kuntest ta’ tali proċedura (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 108, 116 u 118). Issa, dan huwa preċiżament il-każ tal-Artikoli 27(2) u 28 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikoli 6, 8, 15 u 16 tar-Regolament Nru 773/2004, li jirregolaw b’mod restrittiv l-użu ta-dokumenti li jinsabu fil-fajl li jikkonċerna proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW Energie Baden‑Württemberg, C‑365/12 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 86). F’dan il-kuntest, il-fatt li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod li jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tippubblika kull informazzjoni li fir-rigward tagħha hija għandha d-dritt li tirrifjuta l-aċċess skont din l-aħħar dispożizzjoni billi tiġi invokata preżunzjoni ġenerali jneħħi s-sustanza mill-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, interpretazzjoni bħal din ikollha bħala effett li ċċaħħad lill-Kummissjoni mill-possibbiltà li tippubblika anki l-essenzjali tad-deċiżjoni tagħha sa fejn hija bilfors ikollha toħroġ elementi mill-fajl tal-investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija jkollha wkoll bħala effett prattiku li taqleb l-oneru tal-prova, li, fil-qasam ta’ trattament kunfidenzjali, jaqa’ fuq il-persuna li titlob dan it-trattament, peress li dan tal-aħħar ikollu sempliċement jinvoka l-preżunzjoni ġenerali li l-istituzzjonijiet jistgħu jinvokaw fil-kundizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq u effettivament jobbliga lill-Kummissjoni tipprova li l-informazzjoni kontenzjuża tista’ tiġi inkluża fil-verżjoni ppubblikata tad-deċiżjoni tagħha.

64      Issa, kuntrarjament għal dak li jsostnu, essenzjalment, ir-rikorrenti, l-iżvelar ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni permezz tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tissanzjona l-imsemmi ksur, abbażi tal-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003, ma jistax, bħala prinċipju, jiġi konfuż ma’ aċċess minn terzi għal dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar tali ksur. B’hekk, f’din il-kawża, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur li ma jinsabux fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ippubblikata fl‑2007, li kieku kellha sseħħ, ma jkollhiex bħala riżultat il-komunikazzjoni lil terzi ta’ talbiet għal klemenza mressqa mir-rikorrenti lill-Kummissjoni, ta’ proċessi verbali li jikkomunikaw dikjarazzjonijiet orali tar-rikorrenti magħmula taħt il-programm ta’ klemenza, jew saħansitra dokumenti li dawn tal-aħħar issottomettew b’mod volontarju lill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni.

65      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu issodisfatti sabiex informazzjoni taqa’, bin-natura tagħha stess, taħt ir-reġim tas-sigriet professjonali u b’hekk tibbenefika minn protezzjoni kontra l-iżvelar lill-pubbliku, jiġifieri, l-ewwel nett, li din l-informazzjoni tkun magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni, it-tieni nett, li l-iżvelar tagħha tista’ tikkawża dannu serju lill-persuna li pprovdietha jew lil terzi u fl-aħħar nett, it-tielet nett, li l-interessi li jistgħu jiġu leżi bl-iżvelar ta’ tali informazzjoni jkunu oġġettivament jixirqilhom protezzjoni (sentenzi Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 71, u Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 65).

66      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel kundizzjoni ma ġietx issodisfatta f’dan il-każ, minħabba l-fatt li l-informazzjoni li ġiet trażmessa lilha mir-rikorrenti matul l-investigazzjoni kienet tinsab fil-fajl li għalih kellhom aċċess id-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni PIP.

67      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt għandha ssir distinzjoni, f’dan ir-rigward, bejn il-protezzjoni li neċessarjament għandha tingħata lil informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali fir-rigward ta’ persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet li jibbenefikaw minn dritt ta’ smigħ fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-protezzjoni li għandha tingħata lil tali informazzjoni fir-rigward tal-pubbliku b’mod ġenerali (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 29; ara wkoll, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2013, Il‑Kummissjoni vs vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punti 56 u 57).

68      B’hekk, l-obbligu tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet li ma jiżvelawx l-informazzjoni fil-pussess tagħhom li hija koperta bis-sigriet professjonali, stabbilit fl-Artikolu 339 TFUE u implementat, fil-qasam tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, permezz tal-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa mtaffi fir-rigward tal-persuni li lilhom l-Artikolu 27(2) tal-imsemmi regolament jagħti d-dritt ta’ smigħ. Il-Kummissjoni tista’ tikkomunika lil dawn il-persuni ċerta informazzjoni marbuta bis-sigriet professjonali, sa fejn din il-komunikazzjoni tkun neċessarja għall-iżvolġiment tajjeb tal-investigazzjoni. Madankollu, taħt ċirkustanzi bħal dawn hemm lok li jiġi kkunsidrat li din l-informazzjoni tkun magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni.

69      Għaldaqstant ir-regola prevista fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li tistabbilixxi d-dritt tal-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni sabiex jaċċedu għall-fajl amministrattiv, hija bla ħsara għall-protezzjoni kontra l-iżvelar lill-pubbliku b’mod ġenerali tal-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni u koperta bis-sigriet professjonali.

70      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, ir-rikorrenti jsostnu li l-iżvelar tal-informazzjoni li huma kkomunikaw lill-Kummissjoni taħt il-programm ta’ klemenza jippreġudikahom serjament peress li jiżvantaġġahom b’mod sinjifikattiv meta mqabbla mad-destinatarji l-oħra tad-Deċiżjoni PIP li ma kkooperawx mal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ rikorsi għal kumpens ippreżentati kontrihom. Barra minn hekk, fil-fehma tagħhom, żvelar ta’ dan it-tip jista’ wkoll joħloq ħsara fuq l-interess pubbliku peress li jista’ jiddiswadi lill-impriżi milli fil-futur jiddenunzjaw ksur tal-Artikolu 81 KE.

71      Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din il-fehma, billi ssostni li l-iżvelar tal-informazzjoni kontenzjuża ma tistax tippreġudika serjament lir-rikorrenti ġaladarba l-pożizzjoni allegatament inqas favorevoli tagħhom fil-kuntest ta’ rikorsi ċivili hija biss il-konsegwenza leġittima tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

72      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni tikkonċerna esklużivament il-leġittimità tal-interess tar-rikorrenti li jaraw li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kontenzjuża tiġi protetta, li hija l-bażi tat-tielet kundizzjoni eżaminata fil-punti 79 sa 89 iktar ’il quddiem, u mhux in-natura serja, intiża b’mod oġġettiv, tad-dannu li jistgħu jġarrbu r-rikorrenti fil-każ li din l-informazzjoni jkollha tinġieb għall-għarfien tal-pubbliku.

73      Issa, f’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-informazzjoni kontenzjuża, li l-pubblikazzjoni tagħha tiddependi fuq l-eżitu tat-tilwima, tikkonsisti, essenzjalment, fid-deskrizzjoni ta’ elementi li jikkostitwixxu l-ksur tal-Artikolu 81 KE ssanzjonat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni PIP.

74      B’hekk, għalkemm il-Kummissjoni ċertament ma mmotivatx speċifikament id-deċiżjoni kkontestata b’riferiment għall-għan li jiġu ffaċilitati r-rikorsi għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali, madankollu mill-fajl jirriżulta li, prima facie, il-pubblikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali iktar kompleta tad-Deċiżjoni PIP ipprospettata mill-Kummissjoni, b’mod partikolari l-parti tal-imsemmija deċiżjoni dwar il-funzjonament tal-akkordju, hija ta’ natura li tippermetti lill-intervenjenti, li tirrappreżenta l-interessi tal-impriżi li jqisu lilhom infushom leżi bil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li ġie kkonstatat, li jistabbilixxu b’iktar faċilità r-responsabbiltà ċivili tar-rikorrenti kif ukoll ta’ impriżi oħra li pparteċipaw f’dan il-ksur u, jekk ikun il-każ, il-portata ta’ din ir-responsabbiltà, fil-kuntest tar-rikors għad-danni li hija ppreżentat quddiem il-Landgericht Dortmund.

75      Fil-fatt, l-imsemmija verżjoni tiżvela b’mod dettaljat il-kuntatti kollużorji jew ftehimiet antikompetittivi li fihom ipparteċipaw ir-rikorrenti, billi ssemmi b’mod partikolari ismijiet ta’ prodotti kkonċernati mill-imsemmija kuntatti jew ftehimiet, data f’figuri li tikkonċerna l-prezzijiet mitluba kif ukoll l-għanijiet segwiti mill-parteċipanti fir-rigward ta’ prezzijiet u ta’ tqassim tal-partijiet mis-suq. Informazzjoni bħal din tista’ tiffaċilita t-turija tad-dannu tagħhom minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jqisu lilhom infushom bħala vittmi tal-ksur tal-Artikolu 81 KE ssanzjonat fid-Deċiżjoni PIP, kif ukoll ir-rabta kawżali bejn l-imsemmi ksur u d-dannu allegat.

76      Barra minn hekk għandu jiġi osservat li, minbarra l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-intervenjenti f’dan ir-rigward fin-nota ta’ intervent u waqt is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li l-applikazzjoni fl-isfera privata tal-projbizzjoni li tinsab fl‑Artikolu 81 KE hija vvantaġġjata bil-pubblikazzjoni tal-verżjoni l-ġdida mhux kunfidenzjali li hija qed tipprospetta.

77      Għalhekk, mingħajr lanqas ma jkun meħtieġ, f’dan l-istadju tar-raġunament, li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk, bħal ma jallegaw ir-rikorrenti, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża tisfavorixxihomx, fir-rigward ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fil-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni PIP, iżda li ma wrewx l-istess spirtu ta’ kooperazzjoni, fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens, hemm lok li jitqies li ġie kkonstatat il-fatt li l-iżvelar tal-informazzjoni li fir-rigward tagħha r-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali hija ta’ natura li tikkawżalhom dannu serju.

78      Għaldaqstant it-tieni kundizzjoni mfakkra fil-punt 65 iktar ’il fuq hija effettivament issodisfatta f’dan il-każ.

79      Fl-aħħar nett fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, għandu jitfakkar li din timplika li l-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni teħtieġ ibbilanċjar bejn l-interessi leġittimi kontra l-iżvelar tagħha u l-interess ġenerali li jirrikjedi li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jiżvolġu fl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ trasparenza (sentenzi Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 71, u Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 65).

80      F’dan ir-rigward, qabel kollox fejn jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-pubblikazzjoni pprospettata tesponihom għal riskju inkrementat li jiġu kkundannati fil-kuntest ta’ rikorsi ċivili ppreżentati kontrihom, b’mod partikolari mill-intervenjenti, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni PIP, għandu jiġi evalwat mill-ewwel li l-interess ta’ impriża li ġiet imposta multa mill-Kummissjoni minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex id-dettalji tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li bih qed tiġi akkużata ma jiġux żvelati lill-pubbliku bħala prinċipju ma jixraqlu ebda protezzjoni partikolari, fid-dawl tal-interess tal-pubbliku li jsir jaf kemm jista’ jkun ir-raġunijiet ta’ kull azzjoni tal-Kummissjoni, tal-interess tal-operaturi ekonomiċi li jsiru jafu liema aġir jista’ jesponihom għal sanzjonijiet u tal-interess tal-persuni leżi mill-ksur li jsiru jafu bid-dettalji tiegħu sabiex ikunu jistgħu jinvokaw, jekk ikun il-każ, id-drittijiet tagħhom kontra impriżi ssanzjonati u fid-dawl tal-possibbiltà li għandha din l-impriża li tissottometti din id-deċiżjoni għal stħarriġ ġudizzjarju (sentenzi Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 78, u Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 72; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑21 ta’ Diċembru 2012, DB Schenker vs EFTA Surveillance Authority, E‑14/11, Report of the EFTA Court, p. 1178, punt 189).

81      B’hekk ir-rikorrenti ma jistgħux leġittimament jopponu ruħhom għall-pubblikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni li tiżvela b’mod dettaljat il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur issanzjonat fid-Deċiżjoni PIP minħabba li din il-pubblikazzjoni tista’ tesponihom għal riskju inkrementat li jkollhom jassumu l-konsegwenzi, f’termini ta’ responsabbiltà ċivili, tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-imsemmi ksur.

82      Madankollu, indipendentement mit-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li billi tiddiswadi lill-impriżi milli jiddenunzjaw il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li dwaru kellhom għarfien u li jikkooperaw mal-Kummissjoni bil-għan li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza tagħha, id-deċiżjoni kkontestata hija tali li tagħmel ħsara fuq l-effikaċja tal-politika tal-ġlieda kontra l-ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji. Issa, dan l-interess jixraqlu protezzjoni ġaladarba l-programm ta’ klemenza għandu impatt essenzjali fuq l-effettività globali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji. F’dan il-kuntest, essenzjalment, huma jżidu li, peress li l-informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha hija pprospettata tikkonċerna iktar lil impriżi oħra li ma talbux il-klemenza, din il-pubblikazzjoni tiżvantaġġahom b’mod sproporzjonat fil-kuntest ta’ proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, liema fatt iqiegħed f’perikolu l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza.

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-effikaċja tal-programmi ta’ klemenza tista’ tiġi affettwata bil-komunikazzjoni tad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza lil persuni li jixtiequ jressqu azzjoni għad-danni, anki jekk l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew il-Kummissjoni jagħtu lill-persuna li qed titlob il-klemenza eżenzjoni totali jew parzjali tal-multa li huma setgħu jimponu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer, C‑360/09, Ġabra p. I‑5161, punt 26). Fil-fatt, persuna involuta fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, quddiem l-eventwalità ta’ tali komunikazzjoni, tista’ tkun dissważa milli tuża l-possibbiltà offerta minn tali programmi ta’ klemenza, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li d-dokumenti kkomunikati lill-Kummissjoni jew id-dikjarazzjonijiet magħmula quddiem din tal-aħħar f’dan is-sens jistgħu jkunu ta’ natura awto-inkriminanti.

84      Min-naħa l-oħra, id-dritt li jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati minn kuntratt jew aġir li jista’ joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni jista’ jikkontribwixxi sostanzjalment għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (ara s-sentenza Otis et, C‑199/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata) u b’hekk tipparteċipa għat-twettiq ta’ għan ta’ interess pubbliku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza DB Schenker vs EFTA Surveillance Authority, punt 80 iktar ’il fuq, punt 132).

85      Huwa b’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta ġiet mistoqsija permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ tilwim relatat ma’ talbiet ta’ impriżi li jqisu lilhom infushom leżi bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex jingħataw aċċess għal fajls ta’ investigazzjoni fil-pussess tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, stiednet lill-qrati nazzjonali aditi b’dan it-tilwim sabiex jibbilanċjaw l-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni tal-informazzjoni pprovduta volontarjament mill-persuni li jitolbu l-klemenza u l-protezzjoni tagħhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Pfleiderer, punt 83 iktar ’il fuq, punt 30, u tas‑6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et, C‑536/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 30 u 31).

86      Jeħtieġ li tiġi evalwata l-portata ta’ din il-ġurisprudenza fil-każ inkwistjoni.

87      Hekk kif jirriżulta mill-punt 64 iktar ’il fuq, din il-kawża ma tikkonċernax il-kontestazzjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti li jirriżultaw minn proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huma ċentrali fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Pfleiderer, punt 83 iktar ’il fuq, u Donau Chemie et, punt 85 iktar ’il fuq, iżda l-pubblikazzjoni pprospettata mill-Kummissjoni ta’ ċerta informazzjoni li tinsab f’dokumenti jew dikjarazzjonijiet sottomessi lilha volontarjament mir-rikorrenti, bil-għan li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza.

88      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, b’mod ġenerali, li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li huma kkomunikaw volontarjament matul l-investigazzjoni bit-tama li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza tippreġudika l-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li kieku din l-affermazzjoni kellha titqies li hija veritiera, din tal-aħħar ma turix l-eżistenza ta’ regola ta’ dritt miksura mill-Kummissjoni minħabba s-sempliċi fatt li l-pubblikazzjoni pprospettata tal-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-klemenza jista’ jkollha impatt fuq l-implementazzjoni tal-imsemmi programm fir-rigward ta’ investigazzjonijiet futuri. Barra minn hekk, dan l-argument partikolari jimplika l-interess tal-pubbliku li jsir jaf kemm jista’ jkun bir-raġunijiet għal kull azzjoni tal-Kummissjoni, dak tal-operaturi ekonomiċi li jinformaw ruħhom dwar l-aġir li jista’ jesponihom għal sanzjonijiet u, fl-aħħar nett, dak tal-Kummissjoni li tippreżerva l-effettività tal-programm ta’ klemenza tagħha. Issa, dawn l-interessi speċifiċi ma humiex partikolari għar-rikorrenti, fejn għalhekk hija biss il-Kummissjoni li għandha tibbilanċja, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza, minn naħa, u l-interess tal-pubbliku u tal-operaturi ekonomiċi li jinformaw ruħhom dwar il-kontenut tad-deċiżjoni tagħha u li jaġixxu bil-għan li jipproteġu d-drittijiet tagħhom, min-naħa l-oħra.

90      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, l-informazzjoni li fir-rigward tagħha huma talbu t-trattament kunfidenzjali ma hijiex essenzjali sabiex jinftiehem id-dispożittiv tad-Deċiżjoni PIP u li għalhekk il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu ta’ pubblikazzjoni skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, mingħajr lanqas ma jkun neċessarju li jiġi evalwat jekk dan huwiex il-każ, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-konstatazzjoni li saret fil-punt 80 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tillimita l-libertà tal-Kummissjoni li tippubblika volontarjament verżjoni tad-deċiżjoni tagħha iktar kompleta mill-minimu neċessarju u li f’din il-verżjoni tinkludi wkoll informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa, inkwantu l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma huwiex inkompatibbli mal-protezzjoni tas-sigriet professjonali (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 79).

91      Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 773/2004 ma jistax jiġi segwit ġaladarba, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dawn ma pprovawx li l-informazzjoni li fir-rigward tagħha huma talbu t-trattament kunfidenzjali f’dan il-każ tikkostitwixxi jew sigrieti tan-negozju, jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.

92      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm ukoll lok li jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tar-rikorrenti li n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni kontenzjuża ma hijiex affettwata bid-dekorriment taż-żmien.

93      Fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et (C‑67/91, Ġabra p. I‑4785), din hija nieqsa minn rilevanza f’dan il-każ, fejn din il-kawża tiddistingwi ruħha fir-rigward ta’ punt essenzjali ta’ din il-kawża.

94      Fil-fatt, mingħajr lanqas biss ikun neċessarju li jitfakkru d-differenzi li jeżistu bejn l-Artikolu 20(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas‑6 ta’ Frar 1962, l‑ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), u l-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li jissostitwixxih, jeħtieġ sempliċement li jiġi kkonstatat li din is-sentenza kienet tikkonċerna l-użu mill-awtoritajiet nazzjonali, bħala provi, ta’ informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni mingħand impriżi u li ma kinitx issemmiet f’deċiżjoni tagħha li tissanzjona ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ippubblikata fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 17, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali użu kien ipprojbit, peress li ma kellux x’jaqsam mar-raġuni għalfejn din l-informazzjoni kienet inġabret (sentenza Asociación Española de Banca Privada et, punt 93 iktar ’il fuq, punti 35 sa 38 u 47 sa 54).

95      Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mis-sentenza Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq (punti 170 sa 175), il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet li hija tieħu skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, li tinkludi informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha b’mod volontarju minn impriżi bil-għan li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza, ma tistax titqies li ma għandhiex x’taqsam mal-għan li għalih inġabret l-imsemmija informazzjoni.

96      Minn dan jirriżulta li t-tieni motiv ma huwiex fondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

97      Ir-rikorrenti jsostnu li sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tawtorizza l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP li tinkludi informazzjoni li huma ssottomettew b’mod volontarju lill-Kummissjoni taħt il-programm ta’ klemenza, tmur kontra l-aspettattivi leġittimi tagħhom u b’hekk tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u d-dritt għal amministrazzjoni tajba, iggarantit mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

98      Qabel kollox huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li assigurazzjonijiet preċiżi ġew fis-seħħ fir-rigward tagħhom mill-Komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 u tal‑2006 fejn jikkonċerna ż-żamma tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li huma kkomunikaw lill-Kummissjoni taħt it-talba tagħhom għal klemenza. Dawn l-assigurazzjonijiet ma jirriżultawx biss mill-kliem ta’ dawn il-komunikazzjonijiet, b’mod partikolari r-riferiment għall-fatt li l-persuni li talbu l-klemenza jistgħu jiġu dissważi milli jikkooperaw jekk il-pożizzjoni tagħhom f’azzjonijiet ċivili kellha tkun inqas favorevoli minn dik ta’ impriżi li ma jikkooperawx, iżda wkoll mill-prassi preċedenti tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni biddlet biss reċentement ħafna l-politika tagħha fil-qasam tal-protezzjoni tad-dikjarazzjonijiet u tad-dokumenti sottomessi b’mod volontarju minn impriżi fil-kuntest tal-programm tagħha ta’ klemenza.

99      Barra minn hekk ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni li din tal-aħħar ma kellhiex bħala prassi, sa llum, li tilqa’ t-talbiet għal kunfidenzjalità li jikkonċernaw l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha b’mod volontarju fil-kuntest tal-programm tagħha ta’ klemenza. F’dan ir-rigward, huma jiċċitaw numru ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li imponew multi minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE. Filwaqt li r-rikorrenti ċertament jammettu li jeżistu każijiet fejn deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur tal-Artikolu 81 KE ġew ippubblikati mingħajr ma nħbiet l-informazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-klemenza, ma jistax jiġi eskluż li dan jirriżulta mill-fatt li l-impriżi li kienu kkomunikaw l-imsemmija informazzjoni ma kinux talbu t-trattament kunfidenzjali.

100    L-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti huma dovuti wkoll għaċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni diġà kienet ippubblikat verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl‑2007, li din il-verżjoni kienet għadha ma ġietx ippreżentata bħala provviżorja u li r-regoli applikabbli fil-qasam ta’ pubblikazzjoni ma kinux jipprovdu l-possibbiltà li jippubblikaw verżjoni mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tal-imsemmija deċiżjoni. Din il-kawża hija distinta, fuq dan l-aħħar punt, minn kawżi oħra li fihom il-Kummissjoni ppubblikat verżjonijiet mhux kunfidenzjali provviżorji ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur tal-Artikolu 81 KE, fl-istennija ta’ regolament definittiv ta’ kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità.

101    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

102    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li, konformement mar-raġunament espost fil-punti 34 sa 36 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha titqies fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li tat lok għall-adozzjoni tagħha u li l-imsemmija deċiżjoni tinkludi għalhekk it-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-pubblikazzjoni pprospettata, sa fejn dan jikkonċerna aspetti li ma jaqgħux taħt il-mandat tal-uffiċjal tas-seduta.

103    Għalhekk is-sempliċi fatt li l-uffiċjal tas-seduta ma kienx kompetenti biex jagħti deċiżjoni dwar l-argumenti magħmula mir-rikorrenti dwar ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali huwa bla ħsara għall-kompetenza tal-qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi dwar tali argumenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors (ara, b’analoġija, is-sentenza Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, punt 34 iktar ’il fuq, punt 133).

104    Fuq il-mertu, għandu jitfakkar li, billi adottat regoli ta’ kondotta bħal dawk li jinsabu fil-Komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u tal-2006 u billi ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita lilha nfisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ġustifikazzjoni, inkella tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 211; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 71).

105    Barra minn hekk hija ġurisprudenza stabbilita li kull parti fil-kawża li fir-rigward tagħha istituzzjoni tal-Unjoni ħolqitilha tamiet ibbażati fuq assigurazzjonijiet preċiżi li hija tatha tista’ tinvoka l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44, u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, C‑537/08 P, Ġabra p. I‑12917, punt 63).

106    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-projbizzjoni għall-Kummissjoni milli tippubblika fiċ-ċirkustanzi kollha informazzjoni li tinsab f’talbiet għal klemenza jew dikjarazzjonijiet magħmula taħt il-programm ta’ klemenza jirriżulta mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u saħansitra minn dik tal-2006.

107    Ċertament, mill-paragrafi 32 u 33 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jirriżulta li “[k]ull dikjarazzjoni miktuba magħmula rigward il-Kummissjoni [f’dan ir-rigward ma] tistax tkun żvelata jew użata għall-ebda skop ieħor ħlief l-infurzar ta’ l-Artikolu 81 KE” u li “[i]l-Kummissjoni tikkonsidra li normalment, żvelar, f’kull ħin, ta’ dokumenti rċevuti fil-kuntest ta’ [talba għal klemenza] jippreġudikaw il-protezzjoni ta’ l-iskop ta’ ispezzjonijiet u investigazzjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001”. Ċertament ukoll, il-Kummissjoni ppreċiżat fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2006, li l-adozzjoni tagħha saret wara l-perijodu li matulu r-rikorrenti kkooperaw fl-investigazzjoni li tat lok għad-Deċiżjoni PIP, minn naħa, li l-inizjattivi meħuda minn ċerti impriżi li jgħaddulha b’mod spontanju dak li kienu jafu dwar akkordju, kif ukoll ir-rwol tagħhom f’dan l-akkordju, “ma għandhomx jiġu skoraġġuti minn deċiżjonijiet li jordnaw il-komunikazzjoni ta’ dokumenti fi proċeduri ċivili” (paragrafu 6) u, min-naħa l-oħra, li “l-partijiet l-oħra, bħall-partijiet li ressqu l-ilment, ma [kellhomx] aċċess għad-dikjarazzjonijiet tal-impriżi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] magħmula fil-kuntest tal-klemenza (paragrafu 33).

108    Madankollu, bħal ma tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, dawn l-impenji differenti jikkonċernaw biss l-iżvelar tad-dokumenti li huma sottomessi lilha b’mod volontarju mill-impriżi li jixtiequ jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza u tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn dawn l-istess impriżi f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn l-impenji li għandha tinftiehem id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li għaliha tagħmel riferiment din tal-aħħar fin-noti tagħha, li jiġi rrifjutat lil EnBW Energie Baden‑Württemberg AG l-aċċess għad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl amministrattiv dwar il-proċedura fil-Każ COMP/F/38.899 – Switchgear insulat bil-gass.

109    Dawn l-impenji jipprovdu barra minn hekk kjarifika dwar ir-raġuni wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tħassar, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata tad-Deċiżjoni PIP li l-pubblikazzjoni tagħha hija pprospettata, l-informazzjoni kollha li tippermetti li jiġi identifikat direttament jew indirettament is-sors tal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha mir-rikorrenti bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza.

110    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li d-distinzjoni riflessa fil-punti 106 sa 109 iktar ’il fuq ma hijiex ikkontestata bid-dikjarazzjonijiet jew teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni li għalihom jirreferu r-rikorrenti.

111    B’hekk, qabel kollox fir-rigward tas-silta mill-ittra mibgħuta mid-Direttur Ġenerali tad-DG COMP lil membru tal-ġudikatura tal-Istati Uniti tal-Amerika f’Ottubru 2011 li fiha ġie indikat li “[i]l-politika stabbilita tal-Kummissjoni hija li d-dikjarazzjonijiet speċifikament stabbiliti mill-impriżi sabiex jaqgħu taħt il-programm ta’ klemenza huma protetti kontra l-iżvelar qabel u wara l-investigazzjoni tagħha”. Bħal ma tosserva ġustament il-Kummissjoni, din is-silta, fil-fatt, tirrifletti r-rieda tagħha li tipproteġi kontra l-iżvelar id-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-impriżi fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza. Min-naħa l-oħra, minn din is-silta ma jistax jiġi dedott li d-Direttur Ġenerali tad‑DG COMP issuġġerixxa li teżisti politika tal-Kummissjoni li tiggarantixxi l-kunfidenzjalità ta’ kull informazzjoni kkomunikata b’mod volontarju minn impriża li qed titlob li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tieħu abbażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

112    Raġunament analogu japplika għas-silta tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni bħala amicus curiae quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) [qorti tal-ġustizzja superjuri (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit] f’Novembru 2011, iċċitata mir-rikorrenti, meta l-Kummissjoni ħadet il-ħsieb tfakkar “[i]l-politika stabbilita tagħha [li] d-dikjarazzjonijiet speċifikament stabbiliti mill-impriżi sabiex jaqgħu taħt il-programm ta’ klemenza [kienu] protetti kontra l-iżvelar qabel u wara l-investigazzjoni tagħha”.

113    Sussegwentement fir-rigward tar-riferiment għal laqgħa tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni li nżammet fit‑23 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti jieħdu l-ħsieb josservaw li fiha ġie enfasizzat li l-protezzjoni kontra l-iżvelar tat-talbiet għal klemenza bħala tali, u mhux, bi prinċipju, tal-informazzjoni li kienu jinkludu, kienet fundamentali għall-finijiet tal-implementazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

114    Fir-rigward tar-riferimenti magħmula mir-rikorrenti għall-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Mejju 2012, EnBW Energie Baden‑Württemberg vs Il‑Kummissjoni (T‑344/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs EnBW Energie Baden‑Württemberg, punt 62 iktar ’il fuq, kif ukoll għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Diċembru 2011, CDC Hydrogene Peroxide vs Il‑Kummissjoni (T‑437/08, Ġabra p. II‑8251), dawn huma neqsin minn rilevanza f’dan il-każ ġaladarba, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, dawn il-kawżi jikkonċernaw jew deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni dwar ksur tal-Artikolu 81 KE, jew deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għall-werrej ta’ fajl tal-investigazzjoni relatat ma’ tali ksur. Minn dan jirriżulta li l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest ma setgħetx toħloq fi ħdan ir-rikorrenti l-aspettattiva leġittima li l-Kummissjoni ma kinitx ser tiżvela lill-pubbliku kull informazzjoni li huma kienu volontarjament ikkomunikawlha waqt l-investigazzjoni bil-għan li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza.

115    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni indikat, f’nota ppreżentata quddiem l-Antitrust Modernization Commission (Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tad-dritt tal-akkordji u tal-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti, Stati Uniti) f’April 2006, li “l-iżvelar ta’ informazzjoni pprovduta b’mod spontanju matul l-investigazzjoni seta’ jikkomprometti serjament l-effikaċja tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet l-oħra biex japplikaw id-dritt tal-kompetizzjoni”.

116    Madankollu, għalkemm din id-dikjarazzjoni tikkonċerna ċertament l-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ talbiet għal klemenza u mhux, fihom infushom, it-talbiet għal klemenza jew id-dikjarazzjonijiet magħmula fir-rigward ta’ dawn it-talbiet, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija dikjarazzjoni hija, minn din il-perspettiva, iżolata fir-rigward tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 111 sa 114 iktar ’il fuq.

117    Qabel kollox, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza d-differenza li teżisti bejn pubblikazzjoni bħal dik li hija pprospettata f’dan il-każ u l-iżvelar ta’ informazzjoni miksuba għall-klemenza fil-kuntest ta’ proċeduri pendenti quddiem l-awtoritajiet responsabbli għat-tressiq ta’ azzjoni legali u għar-repressjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ta’ Stat terz, bħall-Istati Uniti. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 95 iktar ’il fuq, l-iżvelar ta’ informazzjoni tali permezz ta’ pubblikazzjoni skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jirriżultax minn użu għal finijiet oħra apparti dawk li għalihom inġabret l-imsemmija informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 28(1) ta’ dan l-istess regolament, jiġifieri t-tressiq ta’ azzjoni legali u s-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, billi tkun koerenti fuq dan il-punt, li r-regola li tinsab fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003 setgħet tikkostitwixxi ostakolu għall-iżvelar lil awtoritajiet ta’ Stat terz il-kontenut ta’ talbiet għal klemenza jew ta’ dikjarazzjonijiet magħmula quddiemha f’dan ir-rigward, bla ħsara għal obbligi eventwali ta’ kooperazzjoni li bihom kienet marbuta bis-saħħa ta’ impenji internazzjonali tal-Unjoni.

118    Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li l-ksur tal-aspettattivi leġittimi tagħhom jirriżulta wkoll mill-prassi preċedenti tal-Kummissjoni li kienet tikkonsisti f’li ma tiġix żvelata l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha volontarjament minn impriżi taħt it-talbiet għal klemenza u li fir-rigward tagħha l-imsemmija impriżi kienu talbu t-trattament kunfidenzjali. Din il-prassi hija murija bil-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP ippubblikata fl-2007, li tirrifletti t-talbiet ta’ trattament kunfidenzjali ppreżentati mir-rikorrenti u, b’differenza ta’ verżjonijiet oħra ppubblikati ta’ deċiżjonijiet li jissanzjonaw ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ma ġietx ikkwalifikata bħala provviżorja mill-Kummissjoni.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kieku kellu jitqies ukoll li din il-prassi hija stabbilita, din ma kinitx tali li toħloq fi ħdan ir-rikorrenti aspettattiva leġittima fil-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx se tbiddilha fil-futur.

120    Fil-fatt, għalkemm l-osservanza tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi tagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi ma humiex ġustifikati jekk iqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi mmodifikata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Lulju 1982, Edeka, 245/81, Ġabra p. 2745, punt 27; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Settembru 2010, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, T‑29/05, Ġabra p. II‑4077, punt 426, u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    F’dan il-każ, mill-eżami tat-tieni motiv iktar ’il fuq jirriżulta li l-informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha qed tiġi kkontestata mir-rikorrenti ma tistax titqies, fid-dawl tal-argumenti ppreżentati minnhom matul il-proċedura amministrattiva u fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġudizzjarja, li hija ta’ natura kunfidenzjali.

122    Issa, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex tiddeċiedi jekk għandhiex tippubblika jew le tali informazzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 60 u 61 iktar ’il fuq, l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li jillimita l-obbligu ta’ pubblikazzjoni li għandha l-Kummissjoni għas-sempliċi riferiment għall-partijiet ikkonċernati u għall-partijiet essenzjali tad-deċiżjonijiet li għalihom isir riferiment fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-kompitu tal-Kummissjoni li tinforma lill-pubbliku dwar l-eżistenza u dwar il-kontenut ta’ dawn tal-aħħar, b’mod partikolari fid-dawl tal-limitazzjonijiet lingwistiċi marbuta ma’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tillimitax il-fakultà tal-Kummissjoni, jekk hija tqis li huwa opportun u jekk ir-riżorsi jippermettulha tagħmel dan, li tippubblika t-test sħiħ jew, mill-inqas, verżjoni ddettaljata ħafna tad-deċiżjonijiet tagħha, bla ħsara għall-protezzjoni dovuta għas-sigrieti tan-negozju u għall-informazzjonijiet kunfidenzjali l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 76).

123    Minkejja l-fatt li l-Kummissjoni għaldaqstant hija suġġetta għal obbligu ġenerali li tippubblika biss verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet tagħha, ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan l-obbligu, li l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt speċifiku lid-destinatarji tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikoli 7 sa 10, 23 u 24 tal-imsemmi regolament li jippermettilhom jikkontestaw il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali u, jekk ikun il-każ, fuq is-sit internet ta’ din l-istituzzjoni, tal-informazzjoni li, għalkemm mhux kunfidenzjali, ma hijiex essenzjali sabiex jinftiehem id-dispożittiv ta’ dawn id-deċiżjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 77). B’hekk, l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex intiż sabiex jillimita l-libertà tal-Kummissjoni li tippubblika minn rajha verżjoni tad-deċiżjoni tagħha iktar dettaljata mill-minimu neċessarju u li tinkludi fiha wkoll informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa, sa fejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma huwiex inkompatibbli mal-protezzjoni tas-sigriet professjonali (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 79).

124    Għalhekk minn dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jirriżulta li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 120 iktar ’il fuq, kieku kellha titqies li ġiet stabbilita l-prassi amministrattiva preċedenti li għaliha jagħmlu riferiment ir-rikorrenti, dawn tal-aħħar ma setgħu jiksbu ebda aspettattiva leġittima fiż-żamma tagħha.

125    Din il-konklużjoni hija wisq iżjed iġġustifikata f’dan il-każ fejn il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ddettaljata dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji tista’ tiffaċilita l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tal-impriżi responsabbli minn tali ksur u, b’dan il-mod, issaħħaħ l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt fl-isfera privata. Huwa wkoll meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat, fil-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 tagħha u fil-paragrafu 39 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 tagħha, li “[i]l-fatt li [ngħatat] immunità jew tnaqqis fir-rigward ta’ multi ma jistax jipproteġi lil impriża mill-konsegwenzi tal-liġi ċivili għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ta’ l-Artikolu 81 KE”.

126    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-aspettattivi leġittimi tagħhom, fil-fatt, li l-Kummissjoni ma tiżvelax l-informazzjoni kkomunikata volontarjament matul l-investigazzjoni huma dovuti għall-pubblikazzjoni tal-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl‑2007, fid-dawl tat-talbiet għal kunfidenzjalità li huma kienu ppreżentaw, dan lanqas ma jista’ jiġi milqugħ.

127    Ċertament, il-Kummissjoni ma kkwalifikatx espressament din l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP, ippubblikata fl‑2007, bħala provviżorja.

128    Madankollu, għandu jitfakkar li, f’dak iż-żmien, il-Qorti Ġenerali kienet diġà interpretat l-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 17, li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fis-sens li din id-dispożizzjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tirrestrinġi l-libertà li kellha l-Kummissjoni li tippubblika minn rajha verżjoni tad-deċiżjoni tagħha iktar kompleta mill-minimu neċessarju u li fiha tinkludi wkoll informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa, sa fejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma kienx inkompatibbli mal-protezzjoni tas-sigriet professjonali (sentenza Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 79). F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li s-sempliċi ċirkustanza li l-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP fl-2007 u li hija ma kkwalifikathiex bħala provviżorja ma setgħet tagħti lir-rikorrenti ebda assigurazzjoni preċiża li verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali iktar iddettaljata ma kinitx se tiġi ppubblikata ulterjorment, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 105 iktar ’il fuq.

129    Peress li barra minn hekk ir-rikorrenti ma ppreżentaw ebda element li jista’ jistabbilixxi li l-Kummissjoni impenjat ruħha b’mod speċifiku fil-konfront tagħhom sabiex ma tippubblikax verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni PIP li tinkludi iktar informazzjoni minn dik ippubblikata fis-sit internet tad-DG COMP f’Settembru 2007, huma ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq din il-pubblikazzjoni biss biex jiddeduċu aspettattiva leġittima f’dan is-sens.

130    Fl-aħħar nett, l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali kif ukoll tad-dritt għal amministrazzjoni tajba għandhom ukoll jiġu miċħuda, peress li r-raġunament magħmul mir-rikorrenti insostenn tagħhom jitħalltu, essenzjalment, ma’ dak magħmul insostenn tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

131    Għaldaqstant it-tielet motiv ma huwiex fondat u għalhekk għandu jiġi miċħud, bħal ma għandu jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

132    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

133    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Akzo Nobel NV, Akzo Chemicals Holding AB u Eka Chemicals AB huma kkundannati għall-ispejjeż inkluż dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Jannar 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 –            Għad trid tiġi speċifikata.