Language of document : ECLI:EU:T:2016:478

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Settembru 2106 (*)

“REACH – Ħlasijiet dovuti għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza – Tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju – Żball fid-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża – Rakkomandazzjoni 2003/361/KE – Deċiżjoni li timponi spiża amministrattiva – Talba għal informazzjoni – Setgħa tal-ECHA – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑392/13,

Leone La Ferla SpA, stabbilita f’Melilli (l-Italja), irrappreżentata minn G. Passalacqua, J. Occhipinti u G. Calcerano, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Di Paolo u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

u

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), inizjalment irrappreżentata minn M. Heikkilä, A. Iber, E. Bigi, E. Maurage u J.‑P. Trnka, sussegwentement minn Heikkilä, Bigi, Maurage u Trnka, bħala aġenti, assistiti minn C. Garcia Molyneux, avukat,

konvenuti,

li għandha bħala suġġett, fl-ewwel lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament ta’ diversi atti tal-Kummissjoni jew tal-ECHA, fit-tieni lok, talba intiża sabiex l-ECHA tiġi kkundannata tirrimborsa s-somom li nġabru indebitament u, fit-tielet lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President tal-Awla, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-5 u fis-7 ta’ Jannar 2011, fuq proċedura mibdija mir-rikorrenti, Leone La Ferla SpA, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) irreġistrat żewġ sustanzi skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).

2        Waqt il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, ir-rikorrenti indikat li hija kienet impriża “żgħira”, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, p. 36). Din id-dikjarazzjoni ppermettitilha tibbenefika minn tnaqqis fil-ħlas dovut għal kull talba għal reġistrazzjoni, previst fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1907/2006. Skont l-Artikolu 74(1) tal-istess regolament, l-imsemmi ħlas ġie ddefinit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta’ April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 107, p. 6). L-Anness I tar-Regolament Nru 340/2008 jinkludi l-ammonti tal-ħlasijiet dovuti għal talbiet għal reġistrazzjoni mressqa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1907/2006, kif ukoll it-tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (iktar ’il quddiem l-“SMEs”). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, fejn persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal tnaqqis jew għal tneħħija tal-obbligu ta’ ħlas ma tkunx tista’ turi li hija intitolata għal tali tnaqqis jew tneħħija tal-obbligu, l-ECHA għandha timponi ħlas sħiħ jew spiża sħiħa kif ukoll spiża amministrattiva. F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA adotta, fit-12 ta’ Novembru 2010, id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 dwar il-klassifikazzjoni tas-servizzi li fir-rigward tagħhom jinġabru l-ispejjeż (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni MB/D/29/2010”). Fl-Artikolu 2 u fit-Tabella 1 annessa ma din id-deċiżjoni, kif emendata bid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA MB/21/2012/D, tat-12 ta’ Frar 2013 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni MB/21/2012/D”) hemm indikat li l-ispiża amministrattiva msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 hija ta’ EUR 19 900 għall-impriżi l-kbar, ta’ EUR 13 900 għal impriża ta’ daqs medju, ta’ EUR 7 960 għal impriża żgħira.

3        Fil-5 u fis-7 ta’ Jannar 2011, l-ECHA ħarġet żewġ fatturi (Nri 10026200 u 10026213), li kienu jammontaw għal EUR 9 300-il waħda. Dan l-ammont kien jikkorrispondi, skont l-Anness I tar-Regolament Nru 340/2008 kif applikabbli fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti, għall-ħlas dovut minn impriża żgħira, fil-kuntest ta’ preżentazzjoni konġunta, għas-sustanzi fi kwantità ta’ iktar minn 1 000 tunnellata.

4        Fl-20 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ġiet mistiedna mill-ECHA sabiex tipprovdi ċertu numru ta’ dokumenti sabiex tivverifika d-dikjarazzjoni li fiha hija kienet indikat li kienet impriża żgħira.

5        Fis-17 ta’ Mejju 2013, wara skambju ta’ dokumenti u ta’ ittri elettroniċi, l-ECHA adottat id-Deċiżjoni SME(2013) 1328. F’din id-deċiżjoni, l-ECHA qieset li ma kinitx irċeviet il-provi neċessarji sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti kienet impriża żgħira u li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010, hija kellha tħallas il-ħlas applikabbli għal impriża kbira. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ECHA informat lir-rikorrenti li kienet ser tibagħtilha, minn naħa, fattura li tkopri d-differenza bejn il-ħlasijiet magħmula inizjalment u l-ħlasijiet finalment dovuti u, min-naħa l-oħra, fattura ta’ EUR 19 900 għall-ħlas tal-ispiża amministrattiva.

6        Fil-21 ta’ Mejju 2013, b’eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328, l-ECHA bagħtet lir-rikorrenti l-Fattura Nru 10040807 li tammonta għal EUR 13 950, il-Fattura Nru 10040817 li tammonta għal EUR 13 950 u l-Fattura Nru 10040824 li tammonta għal EUR 19 900.

7        Fit-23 ta’ Mejju 2013, l-ECHA bagħtet ittra elettronika lir-rikorrenti b’risposta għal ittra elettronika rċevuta fil-21 ta’ Mejju 2013. Din l-ittra elettronika kienet intiża li tipprovdi informazzjoni lir-rikorrenti dwar id-Deċiżjoni SME(2013) 1328.

8        Fl-24 ta’ Lulju 2013, l-ECHA bagħtet ittra lir-rikorrenti b’risposta għal ittra elettronika rċevuta fl-10 ta’ Lulju 2013. Din l-ittra kienet tinkludi informazzjoni intiża għar-rikorrenti dwar id-Deċiżjoni SME(2013) 1328.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

10      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2013 skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Kummissjoni Ewropea eċċepiet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, b’mod partikolari sa fejn dan ir-rikors tressaq kontriha.

11      Ir-rikorrenti ssottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fit-3 ta’ Diċembru 2013.

12      Fid-8 ta’ Jannar 2015, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali rilevanza tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, Ġabra, EU:T:2014:849), fuq il-kawża preżenti u sabiex iwieġbu mistoqsija. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

13      Fis-16 ta’ Lulju u fil-15 ta’ Settembru 2015, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, u stednithom jirrisponduhom bil-miktub. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

14      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

15      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2015.

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti segwenti kollha kemm huma jew fil-partijiet li hija tqis li għandha tannulla skont il-ġustizzja u fl-interess tar-rikorrenti:

–        id-Deċiżjoni SME(2013) 1328 u l-annessi tagħha;

–        il-Fatturi Nri 10040807, 10040817 u 10040824;

–        l-ittra elettronika tal-ECHA tat-23 ta’ Mejju 2013;

–        id-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D;

kif ukoll, fejn applikabbli:

–        ir-Regolament Nru 340/2008, fil-parti li tinkludi l-informazzjoni dwar impriżi assoċjati u msieħba mar-rikorrenti fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-daqs tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ħlasijiet imnaqqsa;

–        ir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 254/2013, tal-20 ta’ Marzu 2013, li jemenda r-Regolament Nru 340/2008 (ĠU 2013, L 79, p. 7);

–        l-ittra tal-ECHA lir-rikorrenti tal-24 ta’ Lulju 2013;

kif ukoll kull att relatat ieħor, kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti, li jippreġudika l-interessi tar-rikorrenti;

–        għaldaqstant, tikkundanna lill-ECHA tirrimborsa s-somom indebitament miġbura mingħand ir-rikorrenti (kif indikati fil-Fatturi Nri 10040807, 10040817 u 10040824), bl-interessi legali u wara evalwazzjoni mill-ġdid mid-data ta’ meta r-rikorrenti effettivament wettqet il-ħlasijiet favur l-ECHA u sal ħlas sħiħ tas-somom dovuti;

–        jew, kumulattivament jew alternattivament, tikkundanna lill-ECHA tikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu subit, b’ammont li jikkorrispondi għas-somom miġbura indebitament mingħand ir-rikorrenti, flimkien mal-interessi legali u wara evalwazzjoni mill-ġdid mid-data ta’ meta r-rikorrenti effettivament wettqet il-ħlasijiet favur l-ECHA u sal ħlas sħiħ tas-somom dovuti.

17      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tal-Fatturi Nri 10040807, 10040817 u 10040824, tar-Regolament Nru 340/2008, tal-ittra tal-24 ta’ Lulju 2013 mibgħuta mill-ECHA lir-rikorrenti u ta’ kull att relatat ieħor, kemm li allegatament diġà seħħ kif ukoll sussegwenti, li jista’ jippreġudika l-interessi tar-rikorrenti;

–        tiċħad ir-rikors fit-totalità tiegħu u tikkonferma l-legalità tal-atti kkontestati mir-rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors imressaq kontriha għaliex inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan tressaq kontra l-Kummissjoni

19      Il-Kummissjoni tosserva li, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti donnha titlob l-annullament ta’ żewġ atti regolamentari, jiġifieri r-Regolament Nru 340/2008 u r‑Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013. Issa, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti ma hijiex ikkonċernata individwalment mill-imsemmija regolamenti, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 340/2008, l-istess bħar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013, jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, bħal dawk adottati mill-ECHA u li huma kkontestati f’dan ir-rikors. Għalhekk, ir-rikorrenti ma hijiex ammissibbli li tressaq rikors għal annullament kontra dawn iż-żewġ regolamenti. It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors ma josservax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 li jipprevedi li r-rikors għandu jinkludi “is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm ir-rikorrenti donnha titlob l-annullament tar-Regolament Nru 340/2008 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013, fil-motivi insostenn tar-rikors hija ma tindikax ir-raġunijiet għalfejn dawn ir-regolamenti huma illegali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssemmix speċifikament il-parti tar-regolamenti li tagħha hija qiegħda titlob l-annullament. L-unika dispożizzjoni eventwalment ikkonċernata fid-dawl tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti hija l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 340/2008, li jirrigwarda l-impriżi assoċjati u msieħba u l-kriterji ta’ applikabbiltà tat-tnaqqis għall-SMEs. Madankollu, il-Kummissjoni ma tarax liema parti ta’ din id-dispożizzjoni hija illegali u lanqas, fuq kollox, għal liema raġuni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tifhimx fuq liema fatti u punti ta’ liġi hija bbażata t-talba għall-annullament ta’ parti mhux speċifikata tar-regolamenti msemmija iktar ’il fuq. It-tielet nett, il-Kummissjoni tosserva li l-azzjoni hija f’kull każ preskritta peress li r-rikors għandu jiġi introdott fit-terminu ta’ xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-att, kif previst fl-Artikolu 263 TFUE.

20      Ir-rikorrenti tosserva li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni tirrigwarda biss parti mir-rikors tagħha, jiġifieri dik li tirrigwarda r-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 263 TFUE bla dubju jippermetti l-preżentazzjoni ta’ rikorsi kontra atti regolamentari. Konsegwentement, u b’mod kawtelatorju, inkluż fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, ir-rikorrenti xtaqet ukoll tikkontesta r-regolamenti msemmija iktar ’il fuq. Din il-possibbiltà ġiet irrikonoxxuta bis-sentenza tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni (92/78, EU:C:1979:53). L-Artikolu 263 TFUE reġa’ espanda l-possibbiltajiet offruti lill-persuni li beħsiebhom jikkontestaw atti ta’ portata ġenerali adottati mill-istituzzjonijiet Ewropej. Li kieku ma jkunx permissibbli li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jikkontestaw l-atti regolamentari, minkejja l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni tagħhom, fl-istess waqt li jikkontestaw il-miżuri li jikkostitwixxu l-implementazzjoni ta’ dawn l-atti regolamentari, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jkollu lakuna inammissibbli. Ir-rikorrenti tkompli tgħid li kkunsidrat il-possibbiltà li jekk id-deċiżjonijiet tal-ECHA huma konformi mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija regolamenti, allura jkunu dawn ir-regolamenti li jmorru kontra t-Trattati u l-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza. Għalhekk, l-imġiba tal-Kummissjoni tista’ tiġi kkritikata sa fejn hija ttollerat li l-ECHA teżerċita setgħat diskrezzjonali li jmorru lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilha jew li jistgħu jingħatawlha. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali għandha tibda billi tivverifika jekk id-deċiżjonijiet individwali kkontestati mir-rikorrenti humiex, fihom infushom, illegali għar-raġunijiet indikati fir-rikors. Jekk il-Qorti Ġenerali ma tikkonstatax din l-illegalità, hija għandha tivverifika wkoll jekk il-Kummissjoni naqsitx milli twettaq l-obbligi ta’ kontroll tagħha f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni li l-ECHA għamlet tar-regolamenti inkwistjoni.

21      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, sabiex rikors ikun ammissibbli huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatti u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors jirriżultaw, minn tal-inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il‑Parlament, T‑89/07, EU:T:2009:163, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digrieti tal-25 ta’ Novembru 2003, IAMA Consulting vs Il‑Kummissjoni, T‑85/01, EU:T:2003:309, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Jannar 2012, Groupe Partouche vs Il‑Kummissjoni, T‑315/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:21, punt 19).

23      Barra minn hekk, fil-każ fejn ir-rikorrenti ma tinvoka ebda motiv insostenn ta’ waħda mit-talbiet tagħha, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, li jgħid li l-motivi invokati għandhom ikunu s-suġġett ta’ sunt, ma jkunx issodisfatt (sentenzi tat-12 ta’ April 2013, Koda vs Il‑Kummissjoni, T‑425/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:183, punt 71, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Dornbracht vs Il‑Kummissjoni, T‑386/10, EU:T:2013:450, punt 44).

24      Fl-aħħar nett, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li, hija nnifisha, tagħżel l-iktar bażi legali xierqa iżda hija r-rikorrenti li għandha tagħżel il-bażi legali tar-rikors tagħha (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust, C‑160/03, EU:C:2005:168, punt 35, u d-digriet tas-26 ta’ Frar 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑205/05, mhux ippubblikat, EU:T:2007:59, punt 38).

25      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikors jinkludix is-suġġett tal-kawża u s-sunt tar-raġunijiet imressqa b’tali mod li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa mill-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

26      L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-parti introduttorja tar-rikors, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali “[r]ikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE”.

27      It-tieni nett, il-parti introduttorja tar-rikors tirrigwarda seba’ atti, adottati jew mill-Kummissjoni jew inkella mill-ECHA. L-uniċi atti adottati mill-Kummissjoni huma r-Regolament Nru 340/2008 kif ukoll ir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013.

28      It-tielet nett, ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti huwa msejjes fuq erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa intitolat: “Dwar b’mod partikolari: id-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME(2013) 1328, tas-17 ta’ Mejju 2013, ikkonfermata l-aħħar bil-miżura ECHA tal-24 ta’ Lulju 2013, referenza SME(2013) 2950; il-Fatturi ECHA Nru 10040807, tal-21 ta’ Mejju 2013, Nru 10040817, tal-21 ta’ Mejju 2013, u Nru 10040824, tal-21 ta’ Mejju 2013, kif ukoll, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-komunikazzjoni ECHA permezz tal-[ittra elettronika] tat-23 ta’ Mejju 2013: illegalità minħabba nuqqas ta’ poter/użu ħażin ta’ poter u eċċess ta’ poter t[al-]ECHA fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME(2013) 1328, tas-17 ta’ Mejju 2013.” It-tieni motiv huwa fformulat kif ġej: “F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME(2013) 1328, tas-17 ta’ Mejju 2013, ikkonfermata l-aħħar bid-deċiżjoni tal-ECHA, tal-24 ta’ Lulju 2013, referenza Nru SME(2013) 2950; il-Fatturi ECHA Nru 10040807, tal-21 ta’ Mejju 2013, Nru 10040817, tal-21 ta’ Mejju 2013, u Nru 10040824[,] tal-21 ta’ Mejju 2013, kif ukoll, b’mod partikolari, il-komunikazzjoni ECHA permezz tal-[ittra elettronika] tat-23 ta’ Mejju 2013: illegalità minħabba l-applikazzjoni mhux korretta u żbaljata tal-kriterji ta’ determinazzjoni tad-daqs tal-SMEs previsti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (2003/361/KE), ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.” It-tielet motiv jipprevedi s-segwenti: “F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME(2013) 1328, tas-17 ta’ Mejju 2003, ikkonfermata l-aħħar bil-miżura tal-ECHA, tal-24 ta’ Lulju 2013, referenza Nru SME(2013) 2950; il-Fatturi ECHA Nru 10040807, tal-21 ta’ Mejju 2013, u Nru 10040824, tal-21 ta’ Mejju 2013, kif ukoll, b’mod partikolari, il-komunikazzjoni ECHA permezz tal-[ittra elettronika] tat-23 ta’ Mejju 2013: illegalità minħabba nuqqas u abbuż ta’ poter tad-Direttur Eżekuttiv li jirriżulta mill-fatt li ffirma d-Deċiżjoni tal-ECHA Nru SME(2013) 1328, tas-17 ta’ Mejju 2013.” Ir-raba’ motiv huwa intitolat: “F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 u d-Deċiżjoni MB/21/2012/D: illegalità minħabba eċċess, nuqqas u użu ħażin ta’ poter min-naħa t[al-]ECHA fl-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet, kif ukoll […] ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni previst fl-Artikolu 5 TUE, sa fejn [l-]ECHA adottat id-Deċiżjoni MB/D/29/2010 u d-Deċiżjoni MB/21/2012/D li l-ammont tagħhom huwa indikat fil-Fatturi ECHA Nru 10040824, tal-21 ta’ Mejju 2013.”

29      Ir-raba’ nett, fost it-talbiet tagħha, ir-rikorrenti b’mod partikolari titlob li l-Qorti Ġenerali “tannulla l-atti kkontestati u indikati fil-parti introduttiva”. It-talbiet l-oħra huma intiżi għall-ksib ta’ rimbors jew ta’ kumpens mingħand l-ECHA.

30      Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors jinkludi s-suġġett tal-kawża, jiġifieri t-talba għall-annullament tas-seba’ atti kkontestati kif ukoll talba għar-rimbors u talba għad-danni, u l-motivi invokati.

31      Madankollu, huwa manifest li r-rikors, sa fejn huwa ppreżentat kontra l-Kummissjoni, ma huwiex ċar u preċiż.

32      Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi osservat li fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà r-rikorrenti donnha tissuġġerixxi li dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra l-Kummissjoni, sa fejn din l-istituzzjoni adottat ir-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 340/2008 jissemma fost l-atti kkontestati biss fir-rigward tal-parti “li tinkludi l-informazzjoni dwar impriżi assoċjati u msieħba mar-rikorrenti fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-daqs tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ħlasijiet imnaqqsa”, mingħajr ebda speċifikazzjoni oħra. Fir-rigward tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013, ma tissemma l-ebda dispożizzjoni speċifika.

34      Barra minn hekk, it-titoli tal-motivi invokati mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha la jagħmlu riferiment għall-Kummissjoni, u lanqas għar-Regolament Nru 340/2008 u għar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013.

35      Barra minn hekk, l-espożizzjoni tal-motivi invokati insostenn tar-rikors ma tispeċifikax sa fejn ir-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013 huma vvizzjati b’illegalità. Dawn il-motivi lanqas ma jimputaw xi aġir illegali lill-Kummissjoni.

36      B’mod iktar preċiż, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, kif espost fir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li ma hijiex l-ECHA li għandha “tiffissa jew tiddetermina kriterji ta’ evalwazzjoni addizzjonali fir-rigward tan-natura ta’ SME tal-kumpanniji rikorrenti” u li, “billi abbużat mid-delega ta’ funzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni, [l-ECHA] b’dan il-mod iddefiniet il-kunċett illegali tagħha ta’ SME, li huwa restrittiv bla qies”. Dan il-motiv ma jimputax xi illegalità lill-Kummissjoni jew lill-atti adottati minnha. Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tqis li l-ECHA applikat b’mod illegali u żbaljat ir-Rakkomandazzjoni 2003/361 għal każ preżenti, mingħajr ma tinvoka xi lment kontra l-Kummissjoni jew kontra l-atti adottati minnha. Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, li huwa marbut mal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA ma setax jadotta deċiżjoni dwar id-daqs tal-impriżi rreġistrati. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, li b’mod partikolari jsemmi n-nuqqas ta’ poter tal-ECHA fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010 u tad-Deċiżjoni MB/21/2012/D, ir-rikorrenti sempliċement issostni li r‑Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013 “ma jinkludu ebda dispożizjoni speċifika dwar din l-ispiża [amministrattiva] jew minn tal-inqas dwar l-applikazzjoni tagħha”. Ir-rikorrenti tkompli tgħid li l-iffissar tal-ammont tal-ispiża amministrattiva meta persuna fiżika jew ġuridika ma jirnexxilhiex turi li hija għandha dritt għat-tnaqqis tal-ħlasijiet applikabbli għall-SMEs, “huwa kompitu tal-Kummissjoni li – barra minn hekk – jidher li rrinunċjat li tagħmel dan”. Dan il-motiv ma jimputa l-ebda illegalità lill-Kummissjoni jew lill-atti adottati minnha.

37      Ir-rikorrenti, għalhekk, twassal sabiex kemm il-Kummissjoni u kif ukoll il-Qorti Ġenerali jipproċedu permezz ta’ konġetturi fir-rigward tar-raġunamenti u tal-kunsiderazzjonijiet preċiżi, kemm fattwali kif ukoll legali, li setgħu kienu ta’ natura li jissostanzjaw it-talbiet għall-annullament tagħha tar-Regolament Nru 340/2008 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013. Tali sitwazzjoni, li twassal għal nuqqas ta’ ċertezza legali u li ma hijiex kompatibbli mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, hija dik li l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura għandu l-għan li jipprekludi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Mejju 2008, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑144/04, EU:T:2008:155, punt 57).

38      F’kull każ, anki jekk jitqies li l-motivi invokati mir-rikorrenti jistgħu jintrabtu mat-talba tagħha intiża għall-annullament tar-Regolament Nru 340/2008 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013, u għalhekk b’osservanza tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li f’dan ir-rigward ir-rikors għall-annullament ikun manifestament inammissibbli fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif ġustament issostni l-Kummissjoni. Fil-fatt, minn naħa, ir-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013, li tagħhom ir-rikorrenti ma hijiex destinatarja, ma jikkawżawlhiex preġudizzju minħabba ċerti kwalitajiet speċifiċi għaliha jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzaha fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba f’hekk, tindividwalizzaha b’mod analogu bħalma jkun destinatarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013 jinvolvu miżuri ta’ implementazzjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, l-atti adottati mill-ECHA u li huma kkontestati fir-rikors fil-kawża preżenti.

39      L-argumenti magħmula mir-rikorrenti fl-istadju tal-osservazzjonijiet fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li jgħidu li hija “xtaqet” tikkontesta r-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013, “inkluż fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE”, ma jbiddlux din il-konklużjoni.

40      Anki jekk jitqies li t-talba tar-rikorrenti intiża għall-annullament tar-Regolament Nru 340/2008 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013 tkun tista’ tiġi interpretata bħala li hija intiża, effettivament, sabiex tinkiseb dikjarazzjoni li l-imsemmija regolamenti huma inapplikabbli, għandu jitfakkar li l-possibbiltà li tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta’ att ta’ portata ġenerali abbażi tal-Artikolu 277 TFUE ma tikkostitwixxix dritt ta’ azzjoni awtonomu u tista’ tiġi eżerċitata biss b’mod inċidentali (ara d-digriet tat-8 ta’ Lulju 1999, Area Cova et vs Il‑Kunsill, T‑194/95, EU:T:1999:141, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, is-sempliċi invokazzjoni ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità kontra leġiżlazzjoni adottata mill-Kummissjoni ma tistax tippermetti li din l-istituzzjoni titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali. Kull interpretazzjoni oħra tkun tammonta għall-konfutazzjoni tal-fatt li l-possibbiltà li tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta’ att ta’ portata ġenerali abbażi tal-Artikolu 277 TFUE ma tikkostitwixxix dritt ta’ azzjoni awtonomu.

41      Barra minn hekk, u għall-kompletezza, mir-rikors ma jirriżultax li r-rikorrenti invokat, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li t-tilwima hija ddeterminata fir-rikors promotur u li eċċezzjoni ta’ illegalità hija inammissibbli meta tiġi eċċepita fi stadju sussegwenti tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il‑Kummissjoni, T‑134/03 u T‑135/03, EU:T:2005:339, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti ppreżentat rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE fejn talbet li l-Qorti Ġenerali “[t]annulla l-atti kkontestati u indikati fil-parti introduttiva”, inklużi r-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013. L-Artikolu 277 TFUE ma huwiex indikat fost id-dispożizzjonijiet invokati fir-rikors promotur insostenn tar-rikors, fatt li r-rikorrenti ammettiet matul is-seduta. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda element li jsostni l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, fl-istadju tar-rikors, hija kienet invokat eċċezzjoni ta’ illegalità kontra dawn iż-żewġ regolamenti. B’mod partikolari, kif ġie osservat iktar ’il fuq, l-espożizzjoni tal-motivi invokati insostenn tar-rikors, li tinsab fir-rikors promotur, ma tispeċifikax sa fejn ir-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013 huma vvizzjati b’illegalità. Barra minn hekk, l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mir-rikorrenti fl-istadju tal-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma hija bbażata fuq ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt li rriżulta matul il-proċedura.

42      Barra minn hekk, sabiex tiġi evalwata l-possibbiltà li r-rikorrenti tinvoka, insostenn ta’ rikors kontra att individwali, l-irregolarità ta’ att ta’ portata ġenerali, għandu b’mod partikolari jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti tinvokax kontra l-imsemmi att wieħed mill-erba’ motivi għall-annullament imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Sina Bank vs Il‑Kunsill, T‑15/11, EU:T:2012:661, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, minn qari tal-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat liema huma l-motivi jew l-ilmenti, previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jsostnu l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità invokati kontra r-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013.

43      Għalhekk, għall-kompletezza għandu jitqies li l-eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013, mqajma mir-rikorrenti fl-istadju tal-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, hija inammissibbli.

44      Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li r-rikors, sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D, huwa mressaq b’mod validu kontra l-Kummissjoni sa fejn, abbażi tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 340/2008, l-imsemmija deċiżjonijiet jistgħu jiġu adottati biss wara li tiġi rċevuta “opinjoni favorevoli” min-naħa ta’ din tal-aħħar, dan huwa manifestament inammissibbli, hekk kif ġustament sostniet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-16 ta’ Lulju 2015 (punt 13 iktar ’il fuq). Effettivament, minbarra l-fatt li r-rikors promotur ma huwiex manifestament ċar u preċiż f’dan ir-rigward fis-sens tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ebda element ma jippermetti li jitqies li r-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjonijiet. Iktar min hekk, jekk jitqies li dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala atti leġiżlattivi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dawn jinvolvu miżuri ta’ implementazzjoni, kif turi l-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328. Barra minn hekk, peress li d-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D ġew adottati, rispettivament, fit-12 ta’ Novembru 2010 u fit-12 ta’ Frar 2013, u peress li r-rikorrenti saret taf bihom, l-iktar tard, fis-26 ta’ Frar 2013 permezz tal-ittra mibgħuta mill-ECHA, ir-rikors ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2013 huwa tardiv. Fl-aħħar nett, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti, magħmula fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-16 ta’ Lulju 2015 (punt 13 iktar ’il fuq), li jgħidu li l-Qorti Ġenerali ma tistax, ex officio, tqajjem il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D. Fil-fatt, peress li r-rekwiżiti għall-ammissibbiltà ta’ rikors għandhom in-natura ta’ ordni pubbliku, il-Qorti Ġenerali għandha teżaminahom ex officio u l-istħarriġ tagħha, f’dan ir-rigward, ma huwiex limitat biss għall-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, SV Capital vs ABE, T‑660/14, EU:T:2015:608, punti 45 u 50).

45      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-intenzjoni tar-rikorrenti kienet li, bir-raba’ motiv tagħha, tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra d-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D, dan la jista’ jiġġustifika l-preżentata ta’ rikors għal annullament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, kontra l-Kummissjoni, u lanqas ma jista’ jippermetti li jitqies li din l-istituzzjoni għandha tiddefendi ruħha quddiem il-Qorti Ġenerali f’dan il-kuntest (ara l-punt 40 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jitqies li r-rikors, sa fejn dan huwa ppreżentat kontra l-Kummissjoni, huwa inammissibbli.

2.     Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti talbiet tar-rikors għal annullament mressqa kontra l-ECHA

47      L-ewwel nett, l-ECHA ssostni li r-rikors, sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-Fatturi Nri 10040807, 10040817 u 10040824, huwa inammissibbli sa fejn l-imsemmija fatturi ma humiex atti li jistgħu jiġu kkontestati. Dawn il-fatturi ma jipproduċux effetti legali separati minn dawk tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328. L-imsemmija fatturi ma jbiddlux is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti peress li huma limitati għall-implementazzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328.

48      It-tieni nett, l-ECHA tqis li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-ittra tagħha tal-24 ta’ Lulju 2013. F’din l-ittra, l-ECHA sempliċement irrispondiet l-argumenti magħmula mir-rikorrenti mingħajr madankollu ma bidlet is-sitwazzjoni legali tagħha. Fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-15 ta’ Settembru 2015 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), l-ECHA tindika li l-istess jgħodd għall-ittra elettronika tagħha tat-23 ta’ Mejju 2013. Għalhekk, ir-rikors huwa inammissibbli wkoll f’dan ir-rigward.

49      It-tielet nett, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tar-Regolament Nru 340/2008 u ta’ kull att ieħor relatat miegħu, kemm li allegatament diġà seħħ kif ukoll sussegwenti, sa fejn tali att jippreġudika l-interessi tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, l-ECHA ssostni li r-rikors la jispeċifika b’mod suffiċjentement ċar il-motivi invokati u lanqas is-suġġett tal-kawża.

50      Ir-rikorrenti ssostni li l-Fatturi Nri 10040807, 10040817 u 10040824, kif ukoll l-ittra tal-ECHA tal-24 ta’ Lulju 2013, jipproduċu effetti legali fir-rigward tagħha u li, għaldaqstant, dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, peress li l-ammissibbiltà tat-talbiet li jirrigwardaw l-atti indikati fil-parti introduttiva tar-rikors ma hijiex ikkontestata, l-ammissibbiltà tar-rikors kontra t-tliet fatturi msemmija iktar ’il fuq u kontra l-ittra tal-ECHA tal-24 ta’ Lulju 2013 hija irrilevanti, sa fejn dawn l-atti għandhom, f’kull każ, jiġu ddikjarati nulli jekk ir-rikors għal annullament jiġi aċċettat. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ittra elettronika tal-ECHA tat-23 ta’ Mejju 2013, fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-15 ta’ Settembru 2015 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) ir-rikorrenti ssostni li kien permezz ta’ din l-ittra elettronika li hija saret taf bil-motivi li għalihom l-ECHA kienet qiegħda tirrifjuta li tagħtiha l-istatus ta’ SME.

51      Fir-replika r-rikorrenti tindika li r-rikors, sa fejn huwa intiż kontra r-Regolament Nru 340/2008, huwa debitament sostnut fir-rikors promotur. Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti kkontestat, sussidjarjament, l-imsemmi regolament li jikkostitwixxi l-bażi tal-atti kkontestati b’mod prinċipali. Ir-Regoli tal-Proċedura ma jobbligawx lir-rikorrent jirrepeti, għal kull att ikkontestat, il-motivi kollha invokati insostenn tar-rikors.

52      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; digriet tal-4 ta’ Ottubru 1991, Bosman vs Il‑Kummissjoni, C‑117/91, EU:C:1991:382, punt 13, u s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2003, Philip Morris International vs Il‑Kummissjoni, T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, EU:T:2003:6, punt 77).

53      Hemm lok li tiġi eżaminata s-sustanza tal-miżura li tagħha qiegħed jintalab l-annullament sabiex jiġi ddeterminat jekk din tistax tkun is-suġġett ta’ rikors, peress li l-forma tagħha hija, bħala prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; tat-28 ta’ Novembru 1991, Il-Lussemburgu vs Il‑Parlament, C‑213/88 u C‑39/89, EU:C:1991:449, punt 15, u tal-24 ta’ Marzu 1994, Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑3/93, EU:T:1994:36, punti 43 u 57).

54      Barra minn hekk, deċiżjoni li sempliċement tikkonferma deċiżjoni preċedenti ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat, b’tali mod li rikors ippreżentat kontra tali deċiżjoni huwa inammissibbli (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il‑Kummissjoni, 26/76, EU:C:1977:167, punt 4, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96, EU:C:1998:192, punti 27 u 28; ara, ukoll, id-digriet tal-10 ta’ Ġunju 1998, Cementir vs Il‑Kummissjoni, T‑116/95, EU:T:1998:120, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fir-rigward tal-kunċett ta’ att konfermattiv, mill-ġurisprudenza jirriżulta li att jitqies li huwa purament konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti jekk ma jinkludi ebda element ġdid meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti u ma kienx preċedut b’eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 44, u d-digriet tad-29 ta’ April 2004, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, T‑308/02, EU:T:2004:119, punt 51).

56      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tal-Fatturi Nri 10040807, 10040817 u 10040824, għandu jiġi osservat li, b’kuntrast mal-kuntest fattwali tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, EU:T:2014:849), id-Deċiżjoni SME(2013) 1328 tagħmel speċifikament riferiment għad-Deċiżjoni MB/D/29/2010, kif emendata bid-Deċiżjoni MB/21/2012/D, u li fiha huwa speċifikat li “L-ECHA għandha toħroġ […] fattura għal spiża amministrattiva li tammonta għal EUR 19 000”. Fiha huwa indikat ukoll li l-ECHA għandha toħroġ fattura addizzjonali permezz ta’ preżentazzjoni sabiex tkopri d-differenza bejn il-ħlasijiet inizjalment imħallsa u l-ħlasijiet previsti mir-Regolament Nru 340/2008 għal impriża kbira, konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010. Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni SME(2013) 1328 fiha l-elementi essenzjali tal-obbligi tar-rikorrenti fil-konfront tal-ECHA. Għalhekk, il-Fatturi Nri 10040807, 10040817 u 10040824 għandhom in-natura ta’ atti ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u jikkostitwixxu atti konfermattivi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq (ara, b’analoġija, id-digriet tat-30 ta’ Ġunju 2009, CPEM vs Il‑Kummissjoni, T‑106/08, mhux ippubblikat, EU:T:2009:228, punt 32). Konsegwentement, ir-rikors huwa inammissibbli, sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tal-Fatturi Nri 10040807, 10040817 u 10040824.

57      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-ittra elettronika tal-ECHA tat-23 ta’ Mejju 2013, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-ittra elettronika kienet intiża li tirrispondi għat-talba ta’ kjarifika dwar id-Deċiżjoni SME(2013) 1328, mressqa mir-rikorrenti fil-21 ta’ Mejju 2013, u għaldaqstant ma pproduċietx effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. B’mod partikolari, din l-ittra elettronika kienet tindika li r-rikorrenti kellha tipprovdi d-data dwar l-impriża Calme Lux SA, u dan abbażi tal-Artikolu 6(3) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, u li, fl-assenza ta’ trażmissjoni ta’ din id-data, l-ECHA ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina li r-rikorrenti kienet effettivament SME. Għalhekk, l-ittra elettronika tat-23 ta’ Mejju 2013 kienet sempliċement tirrepeti dak li diġà kien ġie indikat lir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328, b’mod partikolari permezz tal-ittra tas-26 ta’ Frar 2013 u tal-ittri elettroniċi tal-14 ta’ Mejju, tad-19 ta’ Ġunju, tal-4 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Awwissu 2012 u tal-4 ta’ Marzu 2013. Għaldaqstant, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tal-ittra elettronika tal-ECHA tat-23 ta’ Mejju 2013.

58      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa intiż għall-annullament tal-ittra tal-ECHA tal-24 ta’ Lulju 2013, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din l-ittra kienet intiża li tirrispondi t-talba ta’ kjarifika dwar id-Deċiżjoni SME(2013) 1328, mressqa mir-rikorrenti fl-10 ta’ Lulju 2013, u għaldaqstant ma pproduċietx effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha. B’mod partikolari, din l-ittra kienet tillimita ruħha li tfakkar il-kuntest ġuridiku rilevanti, li tagħmel riferiment għad-Deċiżjoni SME(2013) 1328 u li tindika b’mod speċifiku lir-rikorrenti li l-argumenti kollha tagħha kienu ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tal-ittra tal-ECHA tal-24 ta’ Lulju 2013.

59      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa intiż għall-annullament ta’ “kull att relatat ieħor, kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti, li jippreġudika l-interessi tar-rikorrenti”, għandu jitfakkar li, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-talba tar-rikorrenti ma hijiex suffiċjentement preċiża u ma tippermettix li l-Qorti Ġenerali tidentifika l-atti li tagħhom qiegħed jintalab l-annullament. Għaldaqstant, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn dan huwa intiż għall-annullament ta’ “kull att relatat ieħor, kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti, li jippreġudika l-interessi tar-rikorrenti”.

60      Fl-aħħar nett, għal raġunijiet identiċi għal dawk esposti fil-punti 38 u 44 iktar ’il fuq, għandu jitqies li r-rikors għal annullament huwa inammissibbli, sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tar-Regolament Nru 340/2008 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013 u tad-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D. Barra minn hekk, fir-rigward tar-rikors għall-annullament tar-Regolament Nru 340/2008 u tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013, u jekk jitqies li dan huwa ppreżentat kontra l-ECHA, dan huwa manifestament inammissibbli sa fejn, bħala prinċipju, ir-rikorsi għandhom jiġu ppreżentati kontra l-awtur tal-att ikkontestat, jiġifieri l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni li minnu toriġina d-deċiżjoni (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs AER, T‑411/06, EU:T:2008:419, punt 49). Finalment, jekk jitqies li, meta r-rikorrenti indikat, fir-replika, li meta hija kkontestat “sussidjarjament” ir-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013 li jikkostitwixxu l-“bażi legali” tal-atti adottati mill-ECHA, hija fil-verità invokat eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-imsemmija regolamenti, din l-eċċezzjoni għandha tiġi ddikjarata inammissibbli għal raġunijiet identiċi għal dawk esposti fil-punti 41 sa 43 iktar ’il fuq.

61      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, l-eżami tar-rikors ippreżentat kontra l-ECHA għandu jiġi limitat għat-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328.

3.     Fuq il-mertu

62      Għandu jitfakkar li, fid-Deċiżjoni SME(2013) 1328, l-ECHA qieset li hija ma kinitx irċeviet il-provi neċessarji sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti kienet impriża żgħira u li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni MB/D/29/2010, hija kellha twettaq il-ħlasijiet applikabbli għal impriża kbira. Kif jirriżulta mill-elementi tal-fajl, l-ECHA qieset, wara li eżaminat divers informazzjoni addizzjonali pprovduta mir-rikorrenti, li din tal-aħħar kellha titqies li hija assoċjata ma żewġ impriżi, jiġifieri, Saced SpA u Cogefin Srl, u li hija msieħba f’żewġ impriżi oħra, jiġifieri, Premix SpA u Sicical SpA. Barra minn hekk, l-ECHA qieset li l-impriża Calme Lux kellha titqies li hija assoċjata ma Sicical. F’dan il-kuntest, l-ECHA talbet diversi drabi lir-rikorrenti tipprovdilha informazzjoni dwar Calme Lux. L-ECHA ma rċevietx din l-informazzjoni.

63      Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas, fuq użu ħażin u fuq eċċess ta’ poter tal-ECHA fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball fl-implementazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tinvoka nuqqas u abbuż ta’ poter tad-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq nuqqas, fuq użu ħażin u fuq eċċess ta’ poter tal-ECHA fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D.

 Fuq it-talbiet għal annullament

 Osservazzjonijiet preliminari fuq il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328

64      Fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-15 ta’ Settembru 2015 (punt 13 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti indikat li d-Deċiżjoni SME(2013) 1328 kienet “intrinsikament nieqsa minn motivazzjoni”. B’mod partikolari, ir-rikorrenti speċifikat li din id-deċiżjoni kienet tinkludi biss lista ta’ leġiżlazzjonijiet applikabbli, komunikazzjonijiet bejn il-partijiet u dokumenti indirizzati lill-ECHA, kif ukoll elenku enumerat tad-dokumenti annessi.

65      Hawnhekk ir-rikorrenti tqajjem motiv ġdid. Madankollu, nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti jaqgħu taħt ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34).

66      Skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, il-motivazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha tiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu bir-raġunijiet għall-miżura adottata u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali, l-obbligu li dawn id-deċiżjonijiet jiġu mmotivati għandu l-għan, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-parti kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk id-deċiżjoni tistax tkun ivvizzjata b’difett li jippermetti li l-validità tagħha tiġi kkontestata. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi inkwistjoni, b’mod partikolari l-kontenut tal-att inkwistjoni, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra direttament jew individwalment ikkonċernati jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tad-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punti 93 u 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan il-każ, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet legali riprodotti fid-Deċiżjoni SME(2013) 1328 u tal-iskambju ta’ komunikazzjonijiet u ta’ dokumenti bejn l-ECHA u r-rikorrenti, kif imfakkra fid-Deċiżjoni SME(2013) 1328, ir-rikorrenti kienet perfettament f’pożizzjoni li tifhem li d-deċiżjoni tal-ECHA kienet imsejsa fuq l-assenza ta’ trażmissjoni tad-data rilevanti. B’mod partikolari, l-ECHA talbet diversi drabi lir-rikorrenti tipprovdilha informazzjoni dwar Calme Lux, billi semmiet b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tad-data tal-impriżi assoċjati mal-impriżi msieħba tal-impriża inkwistjoni, li huwa l-każ ta’ Calme Lux kif ammettiet ir-rikorrenti matul is-seduta. Għaldaqstant għandu jitqies li d-Deċiżjoni SME(2013) 1328 tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas, fuq użu ħażin u fuq eċċess ta’ poter tal-ECHA fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328

68      Ir-rikorrenti tosserva li, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA tista’ tirrifjuta reġistrazzjoni biss jekk id-dokumentazzjoni pprovduta mill-impriża dikjaranti ma tkunx kompleta. Il-kompetenzi tal-ECHA huma kompetenzi ta’ natura konsultattiva u kompetenzi ta’ implementazzjoni u ta’ ġestjoni, f’dak li jirrigwarda l-kontroll tal-fajls u l-investigazzjoni tal-attivitajiet ta’ verifika xjentifiċi, tekniċi u amministrattivi. It-tqassim tal-kompiti bejn il-Kummissjoni u l-ECHA jinsab fid-determinazzjoni tal-kriterji ta’ verifika tan-natura ġuridika tal-SMEs, fejn l-ECHA ma tistax b’mod diskrezzjonali żżid ir-regoli jew il-linji gwida tagħha ma dawk previsti mill-Kummissjoni. Għalhekk, l-ECHA ma tistax tagħti lis-segretarjat tagħha l-kompetenza esklużiva li jiddeċiedi b’mod awtonomu fuq l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 fil-kuntest tat-talbiet għal reġistrazzjoni.

69      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-kunċett ta’ SME kif dan jirriżulta mir-Rakkomandazzjoni 2003/361, mingħajr madankollu ma tintroduċi jew tintegra d-dispożizzjonijiet ta’ din ir-rakkomandazzjoni f’att ta’ natura vinkolanti u ġenerali. F’kull każ, is-sempliċi riferiment magħmul fir-Rakkomandazzjoni 2003/361 jikkonferma l-intenzjoni tal-Kummissjoni li b’mod wiesa’ tagħti l-benefiċċju tal-ħlasijiet ta’ reġistrazzjoni mnaqqsa. F’dan il-każ, bil-kontra ta’ dan l-ECHA imponiet fuq ir-rikorrenti l-obbligu li tipprovdi ġustifikazzjonijiet f’dak li jirrigwarda numru kunsiderevoli ta’ data dwar l-attivitajiet tagħha, u dan fuq perijodu twil, jew dawk ta’ kumpanniji terzi. F’dan ir-rigward, l-ECHA ddeċidiet li tapplika s-sottokriterji riprodotti fl-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 (b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ rabta ma kumpannija oħra) mingħajr ma tillimita ruħha għas-sempliċi applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ SME li tirriżulta mill-imsemmija rakkomandazzjoni. Issa, is-sempliċi riferiment li r-Regolament Nru 340/2008 jagħmel għas-sottokriterji riprodotti fl-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 jinsab fl-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament u jirrigwarda biss l-impriżi stabbiliti barra mill-Unjoni. Għalhekk, l-ECHA wettqet interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 340/2008. Għaldaqstant, l-ECHA abbużat mill-kompetenzi ddelegati lilha mill-Kummissjoni meta ddefinixxiet il-kunċett tagħha ta’ SME, li huwa restrittiv. Billi talbet lir-rikorrenti tipprovdi data li toriġina minn kumpannija terza, li magħha hija għandha relazzjonijiet ta’ partenarjat, u li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi, l-ECHA allegatament b’mod diskrezzjonali ssostitwiet u żiedet, mal kriterji indikati mill-Kummissjoni, il-kriterji tagħha ta’ evalwazzjoni u ta’ proċedura. Billi marret lil hinn mis-sempliċi verifika tan-natura kompluta tat-talba, l-ECHA marret lil hinn mill-kompetenza tagħha. L-unika spjegazzjoni plawżibbli għall-aġir tal-ECHA li kien jikkonsisti f’li titlob numru kunsiderevoli ta’ dokumenti lir-rikorrenti hija użu ħażin ta’ poter intiż li juri li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 2003/361, minkejja l-provi kuntrarji prodotti. F’dan il-kuntest ir-rikorrenti żżid li l-ECHA aġixxiet in mala fede fir-rigward tagħha u ma pprovditilha l-ebda għajnuna xierqa matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni u ta’ verifika. Kien biss fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li l-ECHA għamlet ilmenti fil-konfront tar-rikorrenti, filwaqt li ddepożitat fil-proċess dokumenti li hija kisbet wara l-preżentazzjoni tar-rikors.

70      Barra minn hekk, fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-ECHA tibbaża d-difiża tagħha fuq kompetenza “impliċita” li tippermettilha tivverifika d-daqs tal-impriżi dikjaranti. Issa, l-għoti ta’ kompetenzi għandu jirriżulta minn att espliċitu. L-ECHA ma tagħmilx distinzjoni bejn il fatt li “titlob” informazzjoni addizzjonali u l-fatt li “tevalwa” din l-informazzjoni. Għalhekk, id-difiża tal-ECHA hija kontradittorja mal-ittra tagħha tal-24 ta’ Lulju 2013 fejn l-ECHA qieset li l-kompetenza tagħha tirriżulta mir-Rakkomandazzjoni 2003/361. L-Artikolu 59 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Diċembru 2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 216), barra minn hekk jistabbilixxi distinzjoni bejn il-ħlasijiet u t-taxxi stabbiliti integralment mil-leġiżlazzjoni u l-ammonti li jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta’ deċiżjonijiet tal-bordijiet tad-diretturi ta’ korpi tal-Unjoni. Id-delega ta’ kompetenzi mogħtija lill-ECHA fil-qasam finanzjarju hija limitata għall-ħlasijiet miġbura għas-servizzi mitluba minn parti, previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 340/2008. Din id-delega ma tinkludix l-ispiża amministrattiva, prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 340/2008, li taqa’, min-naħa tagħha, taħt l-Artikolu 74(1) u (3) tar-Regolament Nru 1907/2006 u li għandha tiġi stabbilita f’regolament tal-Kummissjoni. L-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 ma jippermettix li l-ECHA tistabbilixxi l-ammont tal-spiża amministrattiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu ta’ kontroll tagħha meta ttollerat li, effettivament, l-ECHA tagħti lilha nnifisha poteri fl-assenza ta’ delega espressa f’dan is-sens.

71      L-ECHA tikkontesta l-argumenti esposti mir-rikorrenti.

72      Għandu jiġi osservat li l-ewwel motiv huwa essenzjalment kompost minn tliet partijiet. L-ewwel pari tirrigwarda l-kompetenza tal-ECHA li tikkonsisti fl-evalwazzjoni tad-daqs tal-impriżi dikjaranti. It-tieni parti tinvoka eċċess, jekk mhux saħansitra użu ħażin ta’ poter tal-ECHA fl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. It-tielet parti hija bbażata fuq eċċess, jekk mhux saħansitra użu ħażin ta’ poter tal-ECHA fir-rigward tal-informazzjoni mitluba mingħand ir-rikorrenti.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv ibbażata essenzjalment fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-ECHA sabiex tevalwa d-daqs tal-impriżi dikjaranti

73      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-ECHA ma għandhiex il-kompetenza neċessarja sabiex tevalwa d-daqs tal-impriżi dikjaranti fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ħlasijiet applikabbli għar-reġistrazzjoni inkwistjoni. Din il-kompetenza hija mogħtija lill-Kummissjoni l-istess bħalma huwa previst għall-iffissar tal-ħlasijiet.

74      Issa, il-premessa tar-rikorrenti hija msejsa fuq qari żbaljat tat-testi rilevanti. Għandu jiġi enfasizzat li wieħed mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006 huwa li l-ECHA tiżgura ġestjoni effikaċi tal-aspetti tekniċi, xjentifiċi u amministrattivi tal-imsemmi regolament u jkollha rwol deċiżiv fl-implementazzjoni tiegħu, b’mod partikolari bl-għoti ta’ kapaċitajiet regolamentari għoljin (premessi 15 u 95 tar-Regolament Nru 1907/2006). Fil-kuntest tal-funzjonijiet ta’ implementazzjoni baġitarja mogħtija lilha, l-ECHA għandha, b’mod partikolari, tiżgura ruħha mill-ġbir tad-dħul kollu dovut lilha, li fosthom hemm il-ħlasijiet magħmula mill-impriżi (Artikoli 96 u 97 tar-Regolament Nru 1907/2006). Barra minn hekk, mill-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 340/2008 jirriżulta espliċitament li l-ECHA “tista’ titlob, f’kull ħin, evidenza li l-kundizzjonijiet għat-tnaqqis ta’ ħlasijiet jew spejjeż jew għat-tneħħija ta’ l-obbligu ta’ ħlasijiet japplikaw”. Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, hija l-ECHA li tirċievi l-ħlasijiet jew l-ispiża sħiħa kif ukoll l-ispiża amministrattiva, “[f]ejn persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal tnaqqis jew għal tneħħija ta’ l-obbligu ta’ ħlas ma tkunx tista’ turi li hija intitolata għal tali tnaqqis jew tneħħija ta’ l-obbligu”. Minn dan jirriżulta li l-ECHA għandha l-kompetenza neċessarja sabiex tivverifika li r-rekwiżiti huma ssodisfatti sabiex impriża dikjaranti tkun tista’ tibbenefika minn tnaqqis ta’ ħlasijiet jew ta’ spejjeż jew minn eżenzjoni mill-ħlasijiet.

75      L-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, invokat mir-rikorrenti, ma jistax jibdel din il-konklużjoni peress li l-imsemmi artikolu għandu skop differenti, jiġifieri dak li jiġi żgurat li l-fajls ta’ reġistrazzjoni ddepożitati mill-impriżi dikjaranti huma kompleti. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni ma tistax tikkonfuta l-kompetenza li l-ECHA għandha sabiex tivverifika li r-rekwiżiti huma ssodisfatti sabiex impriża dikjaranti tkun tista’ tibbenefika minn tnaqqis ta’ ħlasijiet jew ta’ spejjeż jew minn eżenzjoni mill-ħlasijiet.

76      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv ibbażata essenzjalment fuq eċċess jew fuq użu ħażin ta’ poter fl-implementazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361

77      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-ECHA messha llimitat ruħha li tapplika d-definizzjoni tal-kategoriji ta’ impriżi riprodotta fl-Artikolu 2 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, mingħajr ma tapplika l-kriterji l-oħra msemmija fl-imsemmi anness u, b’mod partikolari, dawk riprodotti fl-Artikolu 3 tiegħu, dwar “[t]ipi ta’ impriżi meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-għadd ta’ persunal u tal-ammonti finanzjarji”. Konsegwentement, l-ECHA ma kellhiex titlob lir-rikorrenti tipprovdi informazzjoni dwar ċerti kumpanniji msieħba jew assoċjati magħha.

78      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bil-għan determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑342/03, EU:C:2005:151, punt 64).

79      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li kemm ir-Regolament Nru 1907/2006, fl-Artikolu 3 tiegħu, kif ukoll ir-Regolament Nru 340/2008 fil-premessa 9 u fl-Artikolu 2 tiegħu, jagħmlu riferiment għar-Rakkomandazzjoni Nru 2003/361 għall-finijiet tad-definizzjoni tal-SMEs. Skont il-premessa 1 tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, din hija intiża li tiżgura l-osservanza ta’ definizzjoni waħda tal-SMEs fuq il-livell tal-Unjoni. Din id-definizzjoni tintuża, abbażi tal-Artikolu 1 tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, fil-politiki tal-Unjoni.

80      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 3(36) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-SMEs huma impriżi żgħar u ta’ daqs medju “kif definiti fir-Rakkomandazzjoni [2003/361]”. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 340/2008, impriża żgħira hija wkoll “intrapriża żgħira fi ħdan it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni [2003/361]”. L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 340/2008 jagħmel ukoll riferiment simili fir-rigward tad-definizzjoni ta’ impriżi mikro u ta’ daqs medju. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni rilevanti tagħmel riferiment espliċitu għar-Rakkomandazzjoni 2003/361 għall-finijiet tad-definizzjoni tat-tifsira, b’mod partikolari, ta’ “impriża żgħira”. Bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, ma jistax bħala prinċipju jiġi eskluż li d-dispożizzjonijiet ta’ rakkomandazzjoni jistgħu japplikaw permezz ta’ riferiment espliċitu ta’ regolament għad-dispożizzjonijiet tal-istess rakkomandazzjoni bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ġenerali tad-dritt u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008, Viamex Agrar Handel u ZVK, C‑37/06 u C‑58/06, EU:C:2008:18, punt 28). Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda element li jippermetti li jitqies li r-riferiment magħmul mir-Regolamenti Nri 1907/2006 u 340/2008 jmorru kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt. Barra minn hekk, l-għan tal-imsemmi riferiment huwa li tiġi ggarantita, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, l-applikazzjoni ta’ definizzjoni waħda tal-SMEs fil-kuntest tal-politiki tal-Unjoni, li huwa identiku għall-għan tal-imsemmija rakkomandazzjoni.

81      Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma hemm xejn li jippermetti li jitqies, fl-assenza ta’ indikazzjoni f’dan is-sens, li r-riferiment espliċitu magħmul fir-regolamenti rilevanti jirrigwarda biss parti mid-definizzjoni tal-SMEs riprodotta fir-Rakkomandazzjoni 2003/361, bl-esklużjoni ta’ wħud mill-kriterji msemmija fl-anness tal-imsemmija rakkomandazzjoni. Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li t-Titolu I tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 huwa intitolat “Definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju adottata mill-Kummissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li l-Artikolu 3(36) tar-Regolament Nru 1907/2006 jagħmel speċifikament riferiment għad-definizzjoni tal-SMEs li tidher fir-Rakkomandazzjoni 2003/361. Din id-definizzjoni, kif prevista fit-Titolu I tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, ma tinkludix biss l-għadd ta’ persunal u l-limiti finanzjarji li jippermettu li jiġu ddefiniti l-kategoriji ta’ impriżi (Artikolu 2 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361), iżda wkoll, b’mod partikolari, it-tipi ta’ impriżi meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-għadd ta’ persunal u tal-ammonti finanzjarji (Artikolu 3 tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361). Barra minn hekk, l-effett tal-esklużjoni ssuġġerita mir-rikorrenti jkun li r-Rakkomandazzjoni 2003/361 tiċċaħħad mill-effettività tagħha, jiġifieri l-osservanza ta’ definizzjoni waħda tal-SMEs fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-politiki tal-Unjoni. Iktar minn hekk, għandu jiġi żgurat li d-definizzjoni tal-SMEs ma tiġix evitata għal raġunijiet purament formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta 27 ta’ Frar 2014, HaTeFo, C‑110/13, EU:C:2014:114, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-aħħar nett, il-fatt li r-rikorrenti invokat l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 340/2008 ma jbiddilx din il-konklużjoni, peress li l-imsemmi artikolu huwa intiż li jittratta s-sitwazzjoni speċifika, li ma hijiex dik tal-każ inkwistjoni hawnhekk, tar-rappreżentanza esklużiva ta’ manifattur, ta’ formulatur ta’ preparazzjoni jew ta’ produttur ta’ oġġett mhux stabbiliti fl-Unjoni.

82      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ebda element ma jippermetti li jitqies li l-ECHA, meta ddeċidiet li tapplika l-kriterji kollha riprodotti fl-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, wettqet eċċess jew użu ħażin ta’ poter.

83      Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

–       Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv ibbażata essenzjalment fuq eċċess jew użu ħażin ta’ poter fir-rigward tal-informazzjoni mitluba lir-rikorrenti

84      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-ECHA wettqet eċċess, jew saħansitra użu ħażin ta’ poter meta talbitha numru kunsiderevoli ta’ informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħha, u dan fuq perijodu twil, jew dwar l-attivitajiet ta’ kumpanniji terzi.

85      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li hija l-impriża dikjaranti, fuq talba tal-ECHA, li għandha turi li għandha dritt għal tnaqqis jew għal eżenzjoni mill-ħlasijiet (Artikolu 13(3) u (4) tar-Regolament Nru 340/2008). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-analiżi tat-tieni parti tal-ewwel motiv, l-ECHA setgħet titlob lir-rikorrenti tipproduċi provi li hija kienet effettivament “impriża żgħira” fis-sens tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, u dan inkluża informazzjoni dwar eventwali impriżi msieħba jew assoċjati magħha.

86      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, kif tosserva l-ECHA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li bl-ittri tal-20 ta’ Frar u tal-20 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti ġiet mistiedna tipprovdi informazzjoni dwar in-numru ta’ impjegati u l-karti tal-bilanċ tal-aħħar sentejn finanzjarji qabel ir-reġistrazzjoni kif ukoll informazzjoni dwar l-istruttura tal-proprjetarji tagħha fil-mument tal-preżentazzjoni tal-fajls ta’ reġistrazzjoni, inkluża informazzjoni dwar impriżi assoċjati jew imsieħba mar-rikorrenti. Fir-rigward tat-talba dwar in-numru ta’ impjegati u l-karti tal-bilanċ tal-aħħar sentejn finanzjarji, din kienet iġġustifikata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4(2) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Skont din id-dispożizzjoni “[m]eta, fid-data tal-għeluq tal-kontijiet, impriża ssib li, fuq bażi annwali, tkun qabżet jew niżlet taħt il-limitu tal-għadd ta’ persunal jew il-limiti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 2, dan ma jfissirx li se titlef jew se tikseb l-istatus ta’ impriża ta’ daqs medju, żgħira jew mikro, jekk kemm-il darba dawn il-limiti stabbiliti ma jinqabżux għal żewġ perjodi konsekuttivi tal-perjodu kontabilistiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, kif inhuwa kkonfermat bid-diversi skambji ta’ ittri u ta’ posta elettronika bejn l-ECHA u r-rikorrenti, it-talbiet tal-ECHA dwar l-istruttura tal-proprjetarji tar-rikorrenti u l-informazzjoni dwar kumpanniji meqjusa msieħba jew assoċjati magħha huma wkoll ibbażati fuq informazzjoni trażmessa mir-rikorrenti u, b’mod partikolari, il-kontabbiltà awditjata ta’ din tal-aħħar. L-ECHA setgħat b’mod partikolari tikkonstata, f’ittra elettronika mibgħuta lir-rikorrenti fl-4 ta’ Marzu 2013, li r-rikorrenti kellha titqies li hija assoċjata ma żewġ impriżi, jiġifieri Saced u Cogefin, u msieħba f’żewġ impriżi oħra, jiġifieri Premix u Sicical. Barra minn hekk, l-ECHA qieset li l-impriża Calme Lux kellha titqies li hija assoċjata ma Sicical. Huwa abbażi ta’ dan u fid-dawl tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, li l-ECHA talbet b’mod partikolari lir-rikorrenti tipprovdilha informazzjoni dwar Calme Lux. Fil-fatt dan l-artikolu jipprevedi “id-data tal-impriżi msieħba mal-impriża inkwistjoni tirriżulta mill-kontabbiltà u minn data oħra, kkonsolidati jekk jeżistu, li magħha tiżdied 100 % tad-data tal-impriżi assoċjati ma dawn l-impriżi msieħba, ħlief jekk id-data tagħhom tkun diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni permezz tal-konsolidazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-rikorrenti kkonfermat, matul is-seduta, li Calme Lux setgħet titqies li hija impriża assoċjata ma waħda mill-impriżi msieħba tagħha, jiġifieri Sicical. Minn dawn l-elementi jirriżulta li t-talba tal-ECHA intiża għall-ksib ta’ informazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ Calme Lux, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni 2003/361 u tad‑dokumenti pprovduti mir-rikorrenti, ma tistax titqies li hija eċċessiva. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda element motivat li jwassal sabiex jitqies li l-informazzjoni mitluba mill-ECHA ma setgħetx tiġi trażmessa lilha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tindika, essenzjalment, li hija ma setgħetx tittrażmetti lill-ECHA informazzjoni dwar kumpannija terza. Issa, din iċ-ċirkustanza, bħala tali, ma hijiex ta’ natura li turi li r-rikorrenti kienet affaċċjata minn impossibbiltà li tipprovdi l-informazzjoni mitluba lill-ECHA. Barra minn hekk, l-ECHA indikat diversi drabi lir-rikorrenti li Calme Lux setgħet tipprovdi l-informazzjoni inkwistjoni direttament lilha, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ittri elettroniċi mibgħuta lir-rikorrenti tad-19 ta’ Ġunju, tal-4 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Awwissu 2012 u tal-4 ta’ Marzu 2013. Ir-rikorrenti baqgħet ma wrietx li tali possibbiltà ma setgħetx tiġi implementata f’dan il-każ.

87      Fir-rigward tal-fatt li l-ECHA aġixxiet in mala fede matul il-proċedura amministrattiva, u jekk jitqies li dan l-argument tar-rikorrenti, invokat fl-istadju tar-replika, huwa ammissibbli u għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda ksur mill-ECHA tal-obbligi tagħha ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba, f’kull każ dan jidher li huwa manifestament infondat. Fil-fatt, mill-elementi tal-fajl u, b’mod partikolari, mill-ittri u mill-ittri elettroniċi mibgħuta mill-ECHA, huwa evidenti li matul il-proċedura amministrattiva r-rikorrenti nżammet informata dwar l-informazzjoni li hija kellha tipprovdi u dwar ir-raġunijiet li fuqhom kienu bbażati t-talbiet tal-ECHA.

88      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ebda element ma jippermetti li jitqies li l-ECHA, b’mod partikolari billi talbet informazzjoni dwar Calme Lux, wettqet eċċess, jew saħansitra użu ħażin ta’ poter.

89      Għalhekk, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda għaliex infondata.

–       Fuq l-argumenti addizzjonali żviluppati fl-istadju tar-replika

90      Ir-rikorrenti tiżviluppa, fl-istadju tar-replika, argumenti li jikkompletaw dawk diġà eżaminati preċedentement li huma intiżi li jsostnu li l-kompetenza tal-ECHA ma tinkludix l-ispiża amministrattiva, prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 340/2008, li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti tikkritika wkoll lil l-Kummissjoni talli naqset milli twettaq l-obbligu ta’ kontroll tagħha meta ttollerat li, effettivament, l-ECHA tagħti lilha nnifisha poteri fl-assenza ta’ delega espressa f’dan is-sens.

91      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt jew ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura. Motiv li jikkostitwixxi elaborazzjoni ta’ motiv diġà mressaq, b’mod dirett jew impliċitu, u li għandu rabta mill-qrib miegħu, għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Issa, f’dan il-każ, l-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas, fuq użu ħażin u fuq eċċess ta’ poter tal-ECHA fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328 kien intiż li jikkontesta l-kompetenza tal-ECHA li tivverifika d-daqs tal-impriżi dikjaranti. Dan il-motiv, indirizzat kontra d-Deċiżjoni SME(2013) 1328, kif espost fir-rikors promotur, ma kienx intiż li jikkontesta l-kompetenza tal-ECHA biex tadotta spiża amministrattiva. Għaldaqstant, l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika għandhom jiġu interpretati bħala li jikkostitwixxu motiv ġdid. Barra minn hekk, dan il-motiv il-ġdid ma huwiex ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa matul il-proċedura. B’mod partikolari, l-interpretazzjoni li r-rikorrenti tagħti tal-argumenti tad-difiża ta’ ECHA, li tgħid li din tal-aħħar indikat li għandha kompetenza “impliċita” sabiex tivverifika d-daqs tal-impriżi dikjaranti, hija manifestament infondata peress li l-ECHA ripetutament osservat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li din il-kompetenza hija mogħtija lilha mit-testi rilevanti. Barra minn hekk, il-parti tal-argument tad-difiża tal-ECHA, invokata mir-rikorrenti, kienet tirrigwarda l-kompetenza li tippermetti l-verifika tad-daqs tal-impriżi dikjaranti u mhux dik li tippermetti l-adozzjoni ta’ spiża amministrattiva. Għalhekk, l-argumenti magħmula mir-rikorrenti fl-istadju tar-replika għandhom jiġu miċħuda għaliex inammissibbli.

93      F’kull każ, l-argumenti tar-rikorrenti huma infondati. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 340/2008, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 13(4) tal-istess regolament, “[g]ħandha titfassal klassifikazzjoni tas-servizzi u l-ispejjeż mill-Bord tat-Tmexxija ta[l-ECHA] u din għandha tiġi adottata wara opinjoni favorevoli mill-Kummissjoni”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-għan tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 340/2008 huwa li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-ECHA tiġbor spiża għal servizzi li ma humiex koperti minn ħlasijiet jew minn spiża oħra prevista mill-imsemmi regolament. Għalhekk, il-klassifikazzjoni magħmula mill-Bord ta Tmexxija tal-ECHA neċessarjament tinkludi l-iffissar tal-ammont tal-ispejjeż inkwistjoni, bla ħsara għall-opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni. Jekk ma jkunx hekk l-imsemmi Artikolu 11 jitlef l-effettività tiegħu. Sa fejn l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, li jirrigwarda speċifikament l-ispiża amministrattiva, jagħmel riferiment għall-proċedura prevista fl-Artikolu 11(5) tal-istess regolament, ebda element imressaq mir-rikorrenti ma jippermetti li jitqies li l-ECHA ma kellhiex il-kompetenza meħtieġa biex tistabbilixxi l-ammont tal-imsemmija spiża.

94      Fir-rigward tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 2343/2002, invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 99 tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-ECHA ma jistgħux joħorġu mil-limiti tar-Regolament Nru 2343/2002. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 2343/2002 jipprevedi li l-baġit ta’ entità tal-Unjoni, bħalma hija l-ECHA, għandu b’mod partikolari jinkludi “id-dħul proprju ġej minn miżati u spejjeż li l-entità tal-Komunità [hija] awtorizzta tiġbor bis-saħħa tal-kompiti fdati lilha, u kull dħul ieħor”. L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 2343/2002 min-naħa tiegħu jsemmi s-sitwazzjonijiet fejn “id-drittijiet u l-ispejjeż huma ddeterminati kompletament permezz ta’ leġiżlazzjoni jew deċiżjonijiet tal-bord ta’ tmexxija”. Bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, minn din l-aħħar dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li l-Bordijiet ta’ tmexxija ta’ entitajiet tal-Unjoni ma jistax ikollhom, jekk ikun il-każ, il-kompetenza neċessarja sabiex jiddeterminaw il-ħlasijiet jew it-taxxi. Issa, f’dan il-każ, tali kompetenza, fir-rigward tal-ispiża amministrattiva, ingħatat lill-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA mill-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, bla ħsara għall-opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni.

95      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball fl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

96      Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk is-sottokriterji tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 jkollhom jitqiesu applikabbli f’dan il-każ, l-ECHA applikathom b’mod żbaljat. Fil-fatt, ittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, ir-relazzjonijiet li r-rikorrenti għandha ma impriżi li joperaw fi swieq differenti, jekk mhux saħansitra f’setturi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1907/2006. Għalhekk, ma hemm ebda raġuni leġittima u raġonevoli sabiex ir-rikorrenti tintalab tispjega r-relazzjonijiet tagħha ma dawn l-impriżi. Dan jgħodd b’mod partikolari għar-rikorrenti li hija impriża produttriċi u mhux impriża importatriċi. Dawn iż-żewġ attivitajiet huma differenti ħafna u hemm lok li dawn ma jiġux suġġetti għall-istess leġiżlazzjoni. L-approċċ adottat mill-ECHA jfisser li impriżi li għandhom livelli ta’ produzzjoni u dħul mill-bejgħ differenti ħafna jħallsu l-istess ammont. Dan ikun ifisser li sitwazzjonijiet ekonomiċi differenti jiġu ttrattati bl-istess mod. Ir-Rakkomandazzjoni 2003/361 tipprevedi tlett kriterji prinċipali għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ SME. Is-sottokriterji tal-imsemmija rakkomandazzjoni, li jaqdu għanijiet differenti, madankollu jipprevedu li l-impriżi li fir-rigward tagħhom teżisti relazzjoni permezz ta’ persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi jistgħu jitqiesu assoċjati biss jekk dawn joperaw fl-istess suq jew fi swieq relatati. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tifforma parti minn “grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien”. Għaldaqstant l-ECHA messha eskludiet mill-eżami tagħha r-relazzjonijiet li r-rikorrenti jista’ jkollha mal-kumpanniji terzi inkwistjoni li ma joperawx fl-istess suq jew f’suq relatat. Id-deċiżjoni tal-ECHA li tapplika strettament ir-regoli previsti fir-Rakkomandazzjoni 2003/361 tikser ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-rikorrenti fl-aħħar nett tenfasizza li l-ECHA ma vverifikatx l-eżistenza jew l-assenza ta’ kontroll reali tad-drittijiet ta’ vot.

97      L-ECHA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

98      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti intiż sabiex mid-definizzjoni ta’ SME jiġu esklużi, fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-Regolament Nru 340/2008, ir-relazzjonijiet li jistgħu jeżistu bejn impriżi li joperaw fi swieq differenti, jekk mhux saħansitra f’setturi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1907/2006, dan ma huwa bbażat fuq ebda bażi legali. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 9 tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, li għaliha jagħmel riferiment ir-Regolament Nru 340/2008, l-analiżi tar-relazzjonijiet li jistgħu jeżistu bejn diversi impriżi hija intiża sabiex mill-klassifikazzjoni ta’ SME jiġu esklużi gruppi ta’ impriżi li s-setgħa ekonomika tagħhom tkun ikbar minn dik ta’ SME. Din is-setgħa ekonomika, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, ma tistax tkun limitata għal gruppi ta’ impriżi li joperaw fl-istess swieq, jekk mhux saħansitra f’setturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1907/2006. Kull interpretazzjoni differenti xxejjen is-sens tad-definizzjoni ta’ SME prevista fir-Rakkomandazzjoni 2003/361 u applikabbli, b’riferiment espliċitu, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1907/2006. L-istess jgħodd għad-distinzjoni li r-rikorrenti tagħmel bejn l-impriżi “produtturi” u l-impriżi “importaturi”.

99      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija tifforma parti minn “grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien”, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, dan huwa manifestament infondat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 jipprevedi li “l-impriżi li għandhom, waħda jew oħra, [relazzjonijiet elenkati fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-istess anness] permezz ta’ persuna fiżika jew ta’ grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien ukoll huma meqjusa impriżi assoċjati sakemm dawn l-impriżi jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom jew parti minnhom fl-istess suq inkwistjoni jew fi swieq relatati”. Issa, ir-relazzjonijiet tar-rikorrenti mal-impriżi Saced u Cogefin huma diretti u mhux permezz ta’ persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien, u dawn ir-relazzjonijiet jinsabu fost dawk elenkati fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, peress li hija għandha iktar minn 50 % tal-kapital tagħhom u li għalhekk teżisti, kif ġustament issostni l-ECHA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, preżunzjoni li hija għandha l-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot fi ħdan dawn l-impriżi. Ir-rikorrenti baqgħet ma wrietx li dan ma kienx il-każ filwaqt li hija kellha, fuq talba tal-ECHA, turi li għandha dritt għal tnaqqis jew għal eżenzjoni mill-ħlasijiet (Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008). Il-fatt li l-ishma tar-rikorrenti huma miżmuma minn persuni fiżiċi ma jbiddilx din il-konklużjoni.

100    It-tielet nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din hija bbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata mill-ECHA tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Sa fejn, għar-raġunijiet li għadhom kif ġew esposti, l-ECHA ma wettqitx żball fl-implementazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, anki l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud.

101    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas u fuq abbuż ta’ poter tad-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA

102    Ir-rikorrenti ssostni, fl-estensjoni tal-ewwel motiv, li d-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA ma għandux il-kompetenza biex jadotta jew jiffirma deċiżjoni dwar id-daqs tal-impriżi rreġistrati, u lanqas li jiddeċiedi jekk minflok il-ħlasijiet imnaqqsa għandhomx jiġu applikati jew le l-ħlasijiet sħaħ u li jimponi spiża amministrattiva. L-unika funzjoni tad-Direttur Eżekuttiv hija li jikkoreġi deċiżjoni tal-ECHA wara li jkun ġie ppreżentat rikors. Id-Deċiżjoni SME(2013) 1328 għalhekk hija nulla.

103    L-ECHA tikkontesta l-argumenti esposti mir-rikorrenti.

104    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif ġustament tosserva l-ECHA fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-Artikolu 83(2) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprevedi li d-Direttur Eżekuttiv huwa r-“rappreżentant legali” tal-ECHA. F’dan il-kuntest, id-Direttur Eżekuttiv jiżgura b’mod partikolari l-“amministrazzjoni ta’ kluljum” tal-ECHA [Artikolu 83(2)(a) tar-Regolament Nru 1907/2006]. Barra minn hekk, abbażi l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA “għandha tkun rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha”. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-baġit tal-ECHA fdata f’idejn id-Direttur Eżekuttiv huwa jeżerċita l-funzjonijiet ta’ uffiċjal awtorizzanti (Artikolu 97 tar-Regolament Nru 1907/2006). Peress li l-ECHA kellha l-kompetenza neċessarja sabiex twettaq il-verifika tad-daqs tal-impriżi dikjaranti, kif ingħad fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv tar-rikorrenti, u, konsegwentement, li titlob il-ħlas tal-ħlasijiet u tal-ispejjeż amministrattivi dovuti, l-iffirmar tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328 mid-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA ma huwiex ivvizzjat b’illegalità.

105    Għaldaqstant, it-tielet motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud għaliex infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas, fuq użu ħażin u fuq eċċess ta’ poter tal-ECHA kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 5 TUE fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D

106    Ir-rikorrenti tfakkar li, fil-kuntest tal-ġbir tal-ħlasijiet, il-kompetenza tal-ECHA hija limitata għal rwol ta’ implementazzjoni. L-unika funzjoni fdata lill-Bord ta’ Tmexxija tal-ECHA jikkonsisti fil-klassifikazzjoni tal-ispejjeż. Hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-ammonti tagħhom, konformement mar-regola prevista fl-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 1907/2006. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 isemmi “spiża amministrattiva”, fis-singular, u dan jeskludi l-istabbiliment ta’ spejjeż differenti skont id-daqs tal-impriżi bil-kontra ta’ dak li ġara f’dan il-każ. Barra minn hekk, l-ECHA ma setgħetx tiddetermina l-ammont tal-ispiża amministrattiva li tiżdied mal-bilanċ tagħha. Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 340/2008 u r-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 254/2013 ma jinkludu ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-ispiża amministrattiva jew, minn tal-inqas, l-applikazzjoni tagħha. Għalhekk, il‑Kummissjoni ppreferiet li għalissa tirrinunċja għaliha. L-ECHA għalhekk ma setgħetx tiffissa, permezz tad-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D, l-ammont tal-ispiża amministrattiva. L-ECHA ssostitwiet ruħha għall-awtoritajiet nazzjonali, bi ksur tal-Artikolu 5 TUE, meta introduċiet sanzjoni ekonomika moħbija fil-forma ta’ spiża amministrattiva. Ir-rikorrenti tkompli tgħid li t-teżi tal-ECHA, li tgħid li l-għan tal-ispiża amministrattiva huwa li jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti, hija f’kontradizzjoni mal-fatt li ċerti impriżi kkontrollati ma għandhomx isostnu l-imsemmija spiża jekk id-dikjarazzjoni tagħhom titqies, wara eżami, li hija korretta. Li kieku l-għan tal-ispejjeż amministrattivi kien il-kopertura tal-ispejjeż sostnuti mill-ECHA, dawn l-ispejjeż kellhom jinqasmu b’mod ekwu bejn l-impriżi kollha li jitolbu reġistrazzjoni.

107    L-ECHA tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

108    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-raba’ motiv tar-rikors jirrigwarda speċifikament id-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D.

109    Issa, għandu jitfakkar li r-rikors għal annullament, inkwantu ġie ppreżentat kontra d-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D, huwa inammissibbli (ara l-punti 44 u 60 iktar ’il fuq).

110    Anki li kieku r-raba’ motiv jista’ jiġi interpretat bħala li fil-verità jeċċepixxi eċċezzjoni ta’ illegalità kontra d-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D, dan ikun, f’kull każ, infondat.

111    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw il-kompetenza tal-ECHA biex tiffissa l-ammont tal-ispiża amministrattiva u sabiex tiddetermina l-ammont tal-ispiża amministrattiva intiża li tiżdied mal-bilanċ tagħha, dawn jiżdiedu, essenzjalment, ma dawk żviluppati sussidjarjament fil-kuntest tal-ewwel motiv kontra d-Deċiżjoni SME(2013) 1328. Għal motivi identiċi għal dawk imsemmija fil-punti 93 u 94 iktar ’il fuq, hemm lok li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward jiġu miċħuda.

112    It-tieni nett, fir-rigward tal-fatt li, bi ksur tal-Artikolu 5 TUE, l-ECHA ssostitwiet ruħha għall-awtoritajiet nazzjonali billi introduċiet sanzjoni ekonomika moħbija fil-forma ta’ spiża amministrattiva, dan huwa infondat. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-premessa 11 tar-Regolament Nru 340/2008 tippreċiża li “t-tressiq ta’ informazzjoni falza għandu jiġi skoraġġut bl-impożizzjoni ta’ spiża amministrattiva mill-[ECHA] u multa dissważiva mill-Istati Membri, jekk ikun xieraq”. Minn din il-premessa jirriżulta li l-impożizzjoni ta’ spiża amministrattiva tikkontribwixxi għall-għan li l-impriżi jiġu skoraġġuti milli jittrażmetti informazzjoni falza. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li l-ispiża amministrattiva ma għandhiex tiġi ekwiparata għal multa (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA, T‑177/12, EU:T:2014:849, punt 34). Madankollu, ir-rikorrenti baqgħet ma pproduċietx elementi li jippermettu li jitqies li l-ispiża amministrattiva li ġiet imposta fuqha f’dan il-każ kienet ekwiparabbli għal multa. B’mod partikolari, l-argument tar-rikorrenti huwa essenzjalment imsejjes fuq il-fatt li l-ammont tal-ispiża amministrattiva ġie kkalkolat abbażi tal-ispejjeż ta’ verifika sostnuti mill-ECHA, inklużi l-ispejjeż li, fl-aħħar mill-aħħar, ma jiġux sostnuti mill impriżi li pprovdew informazzjoni korretta f’dak li jirrigwarda d-daqs tagħhom. Issa, din iċ-ċirkustanza, bħala tali, ma tistax twassal għall-konklużjoni li l-ammont tal-ispiża amministrattiva, kif imposta fuq ir-rikorrenti f’dan il-każ, hija ekwiparabbli għal multa, peress li l-ispiża amministrattiva tikkontribwixxi wkoll għall-għan intiż li jiskoraġġixxi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni falza mill-impriżi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, fejn persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal tnaqqis jew għal tneħħija tal-obbligu ta’ ħlas ma tkunx tista’ turi li hija intitolata għal tali tnaqqis jew tneħħija tal-obbligu, l-ECHA għandha timponi ħlas sħiħ jew spiża sħiħa kif ukoll spiża amministrattiva. Minn dan jirriżulta li huma biss il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux juru li għandhom dritt għal tnaqqis jew tneħħija tal-ħlasijiet huma responsabbli għall-ħlas ta’ spiża amministrattiva lill-ECHA.

113    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008 jeskludi l-iffissar ta’ spejjeż amministrattivi differenti skont id-daqs tal-impriżi, dan huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-użu tas-singular fl-espressjoni “spiża amministrattiva” mil-leġiżlazzjoni rilevanti. Fil-fatt, l-użu tas-singular ta’ din l-espressjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, jfisser li, meta persuna fiżika jew ġuridika ma tistax turi li għandha dritt għat-tnaqqis mitlub, l-ECHA timponilha spiża amministrattiva. Għaldaqstant dan ma għandux ifisser li l-ammont ta’ din l-ispiża amministrattiva għandu jkun identiku għall-impriżi dikjaranti kollha, irrispettivament mid-daqs tagħhom. B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li wieħed mill-għanijiet tar-Regolament Nru 1907/2006 huwa li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-SMEs, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 8 u mill-Artikolu 74(3) tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, u b’mod iktar speċifiku, il-premessa 9 tar-Regolament Nru 340/2008 tindika li “[ħ]lasijiet u spejjeż imnaqqsa għandhom japplikaw [għall-SMEs]”. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-impożizzjoni ta’ spiża amministrattiva tikkontribwixxi għall-għan intiż li jiskoraġġixxi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni falza mill-impriżi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 112 iktar ’il fuq. Il-persegwiment ta’ dan l-għan jista’ jimplika, jekk ikun il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs reali tal-impriżi dikjaranti.

114    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-raba’ motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors għandu wkoll jiġi miċħud sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328.

 Fuq it-talbiet intiżi għall-ksib ta’ rimbors jew kumpens mingħand l-ECHA

115    Permezz tal-aħħar żewġ talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob, minn naħa, ir-rimbors tas-somom allegatament miġbura indebitament mill-ECHA jew, min-naħa l-oħra, li l-ECHA tiġi kkundannata tikkumpensaha għad-dannu subit.

116    F’dan ir-rigward, u mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ dawn iż-żewġ talbiet, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn huma marbuta mill-qrib mat-talba prinċipali intiża għall-ksib tal-annullament tal-atti kkontestati u ma humiex ibbażati fuq motivi differenti minn dawk eżaminati fil-kuntest tar-rikors għal annullament. Sa fejn l-imsemmija motivi ġew miċħuda bħala infondati, anki t-talbiet intiżi għall-ksib ta’ rimbors jew ta’ kumpens mingħand l-ECHA għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

117    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni u mill-ECHA.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors, sa fejn huwa mressaq kontra l-Kummissjoni Ewropea, huwa miċħud għaliex inammissibbli.

2)      Ir-rikors, sa fejn huwa mressaq kontra l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), huwa miċħud għaliex parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

3)      Leone La Ferla SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan tressaq kontra l-Kummissjoni

2.  Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti talbiet tar-rikors għal annullament mressqa kontra l-ECHA

3.  Fuq il-mertu

Fuq it-talbiet għal annullament

Osservazzjonijiet preliminari fuq il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas, fuq użu ħażin u fuq eċċess ta’ poter tal-ECHA fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni SME(2013) 1328

–  Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv ibbażata essenzjalment fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-ECHA sabiex tevalwa d-daqs tal-impriżi dikjaranti

–  Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv ibbażata essenzjalment fuq eċċess jew fuq użu ħażin ta’ poter fl-implementazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361

–  Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv ibbażata essenzjalment fuq eċċess jew użu ħażin ta’ poter fir-rigward tal-informazzjoni mitluba lir-rikorrenti

–  Fuq l-argumenti addizzjonali żviluppati fl-istadju tar-replika

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball fl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas u fuq abbuż ta’ poter tad-Direttur Eżekuttiv tal-ECHA

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas, fuq użu ħażin u fuq eċċess ta’ poter tal-ECHA kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 5 TUE fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet MB/D/29/2010 u MB/21/2012/D

Fuq it-talbiet intiżi għall-ksib ta’ rimbors jew kumpens mingħand l-ECHA

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.