Language of document : ECLI:EU:T:2012:345

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

5 ta’ Lulju 2012 (*)

“FAEGG — Taqsima ‘Garanzija’ — Infiq eskluż mill-finanzjament — Frott u ħaxix — Żvilupp rurali — Nuqqas ta’ osservanza tat-termini għall-ħlas — Eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — Awtorità ta’ res judicata — Terminu ta’ 24 xahar — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża T-86/08,

Ir-Repubblika Ellenika, inizjalment irrappreżentata minn V. Kontolaimos, S. Charitaki u M. Tassopoulou, sussegwentement minn M. Tassopoulou u I. Chalkias u K. Tsagkaropoulos, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Tserepa-Lacombe, bħala aġent, assistita minn P. Katsimani, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2008/68/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2007, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti nefqiet magħmula mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG), (ĠU 2008, L 18, p. 12), sa fejn hija tirreferi għal ċertu nfiq magħmul mir-Repubblika Ellenika,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro u H. Kanninen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bid-Deċiżjoni 2008/68/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2007, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti nefqiet magħmula mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG), (ĠU 2008, L 18, p. 12, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej eskludiet mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq magħmul, b’mod partikolari, mir-Repubblika Ellenika fis-setturi tal-frott u tal-ħaxix, ta’ miżuri ta’ akkumpanjament għall-iżvilupp rurali u fil-qasam tal-verifika finanzjarja.

2        Dan ir-rikors jikkonċerna l-korrezzjonijiet finanzjarji li ġejjin:

–        korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 2 % mill-ammont tal-għajnuna għall-ipproċessar taċ-ċitru għas-snin 1998 u 1999, li tikkorrispondi għal ammont totali ta’ EUR 345 259.93, minħabba “nuqqasijiet fil-qasam tal-kontroll — ħlas magħmul permezz ta’ ċekkijiet li jfixkel il-kwalità tal-kontroll imwettaq”;

–        korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % rigward il-miżuri ta’ akkumpanjament għall-iżvilupp rurali għas-snin 2003 u 2004, li tikkorrispondi għal ammont totali ta’ EUR 1 331 047, minħabba “kontro verifiki li ma humiex totalment sodisfaċenti”;

–        korrezzjoni speċifika rigward id-dewmien fil-ħlas għas-sena 2004 li tammonta għal EUR 5 279 881.28.

1.     Fuq il-korrezzjoni finanzjarja applikata għall-infiq fis-settur “Frott u ħaxix — Ipproċessar taċ-ċitru” għas-snin 1998 u 1999

3        Mit-23 sas-26 ta’ Frar 1999 u mit-22 sal-24 ta’ Marzu 1999, id-dipartimenti tal-Kummissjoni wettqu, fil-Greċja, missjoni ta’ kontroll fuq l-infiq magħmul mir-Repubblika Ellenika fis-settur “Frott u ħaxix — Ipproċessar taċ-ċitru” għas-snin 1998 u 1999.

4        B’ittra tas-16 ta’ Awwissu 1999, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ellenika r-riżultati tal-verifiki. Ir-Repubblika Ellenika tat ir-risposti tagħha għal dawn ir-riżultati fl-1 ta’ Ottubru 1999.

5        Fis-27 ta’ Jannar 2000, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Ellenika għal diskussjoni bilaterali, li nżammet fit-12 ta’ April 2000. Il-minuti ta’ din id-diskussjoni ntbagħtu lir-Repubblika Ellenika b’ittra tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 2000. Ir-Repubblika Ellenika ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha b’ittra tal-21 ta’ Lulju 2000.

6        Fis-6 ta’ Diċembru 2001, ir-Repubblika Ellenika ressqet il-kawża quddiem il-korp ta’ konċiljazzjoni, li ta l-parir tiegħu fil-25 ta’ April 2002.

7        B’ittra tal-24 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ellenika l-pożizzjoni finali tagħha.

8        Fil-5 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/881/KE li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq magħmul mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-FAEGG (ĠU L 306, p. 26).

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Jannar 2003, ir-Repubblika Ellenika talbet l-annullament tad-Deċiżjoni 2002/881, sa fejn hija kienet tirrigwarda korrezzjonijiet finanzjarji, l-ewwel nett, ta’ EUR 2 438 896.91, għas-snin finanzjarji 1997 sal-2001, rigward is-settur tal-frott u l-ħaxix, it-tieni nett, ta’ EUR 11 352 868, għas-snin finanzjarji 1999 sal-2001, rigward il-primjums għall-annimali, f’dan il-każ annimali bovini u, it-tielet nett, ta’ EUR 22 969 271, għas-snin finanzjarji 1998 u 1999, rigward il-primjums għall-annimali, f’dan il-każ għan-nagħaġ u l-mogħoż.

10      B’sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑5/03, Ġabra p. I‑5925, iktar ’il quddiem, is-“sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005”), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni 2002/881 sa fejn hija kienet teskludi mill-finanzjament Komunitarju s-somma ta’ EUR 2 438 896.91 li tikkorrispondi għal korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % applikata għall-infiq magħmul fis-settur tal-frott u l-ħaxix.

11      Fl-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Ellenika għal diskussjoni bilaterali oħra, li nżammet fil-11 ta’ Mejju 2006. Il-minuti ta’ din id-diskussjoni ntbagħtu lir-Repubblika Ellenika b’ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2006. Ir-Repubblika Ellenika ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-13 ta’ Lulju 2006.

12      B’ittra tat-2 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni pproponiet lir-Repubblika Ellenika li tapplika fir-rigward tagħha korrezzjoni finanzjarja bbażata biss fuq l-impossibbiltà li jsir kontroll sekondarju.

13      Wara l-parir tal-korp ta’ konċiljazzjoni, mogħti fis-17 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet, b’ittra tal-14 ta’ Awwissu 2007, il-pożizzjoni finali tagħha lir-Repubblika Ellenika, li ġiet riprodotta fil-punt 4.3.5 tar-rapport ta’ sinteżi tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Settembru 2007, rigward ir-riżultati tal-kontrolli fil-clearance tal-kontijiet tat-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija FAEGG, skont l-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal-21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 94, p. 13), u skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414, iktar ’il quddiem, ir-“rapport ta’ sinteżi”).

2.     Fuq il-korrezzjoni finanzjarja applikata għall-infiq fis-settur tal-miżuri ta’ akkumpanjament għall-iżvilupp rurali għas-snin 2003 u 2004

14      Mit-28 ta’ Frar sal-4 ta’ Marzu 2005, id-dipartimenti tal-Kummissjoni wettqu kontrolli, fil-Greċja, fuq il-miżuri ta’ akkumpanjament għall-iżvilupp rurali f’dak li jirrigwarda l-“agroambjent” u t-“tisġir ta’ art agrikola”.

15      B’ittra tal-4 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ellenika r-riżultati tal-verifiki tagħha. Din tal-aħħar bagħtet ir-risposti tagħha għal dawn ir-riżultati b’ittra tal-5 ta’ Settembru 2005.

16      B’ittra tad-19 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Ellenika għal diskussjoni bilaterali, li nżammet fil-21 ta’ Frar 2006. Il-minuti ta’ din il-laqgħa bilaterali ntbagħtu lir-Repubblika Ellenika fit-28 ta’ Marzu 2006. Din tal-aħħar ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha b’ittra tat-28 ta’ April 2006.

17      B’ittra tat-3 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni kkomunikat formalment lir-Repubblika Ellenika l-ammont stmat tal-korrezzjoni proposta, jiġifieri EUR 1 331 047 għas-snin 2003 u 2004.

18      Fit-13 ta’ Novembru 2006, ir-Repubblika Ellenika ressqet il-kawża quddiem il-korp ta’ konċiljazzjoni, li ta l-parir tiegħu fid-19 ta’ Marzu 2007.

19      B’ittra tal-31 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ellenika l-pożizzjoni finali tagħha, li ġiet riprodotta fil-punt 16.3.5 tar-rapport ta’ sinteżi.

3.     Fuq il-korrezzjoni finanzjarja applikata fil-qasam tal-verifika finanzjarja għas-sena 2004

20      B’ittra tal-25 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma kinitx osservat it-termini stabbiliti fil-liġi għall-ħlas matul il-perijodu bejn is-16 ta’ Ottubru 2003 u l-31 ta’ Lulju 2004 kif ukoll matul ix-xhur ta’ Awwissu, ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2004. Ir-Repubblika Ellenika rrispondiet għal din il-konstatazzjoni b’ittra tal-4 ta’ Lulju 2005.

21      Fit-2 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Ellenika għal laqgħa bilaterali, li nżammet fit-12 ta’ Jannar 2006, u l-minuti ta’ din il-laqgħa ntbagħtu lir-Repubblika Ellenika b’ittra tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Marzu 2006. Ir-Repubblika Ellenika rrispondiet għal dawn il-minuti b’ittra tat-2 ta’ Mejju 2006.

22      Fis-17 ta’ Jannar 2007, ir-Repubblika Ellenika ressqet il-kwistjoni quddiem il-korp ta’ konċiljazzjoni, li ta l-parir tiegħu fil-21 ta’ Mejju 2007.

23      B’ittra tal-20 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni bagħtet il-pożizzjoni finali tagħha lir-Repubblika Ellenika, li hija riprodotta fil-punt 17.1.5 tar-rapport ta’ sinteżi.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2008, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat dan ir-rikors.

25      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet domandi bil-miktub lill-partijiet u talbet il-produzzjoni ta’ dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ dawn it-talbiet.

26      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2011.

27      Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla jew tirriforma d-deċiżjoni kkontestata fil-parti fejn hija timponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq ir-Repubblika Ellenika;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq il-korrezzjoni finanzjarja applikata għall-infiq fis-settur “Frott u ħaxix — Ipproċessar taċ-ċitru”

29      Ir-Repubblika Ellenika tinvoka żewġ motivi rigward il-korrezzjoni finanzjarja applikata għall-infiq fis-settur “Frott u ħaxix — Ipproċessar taċ-ċitru”. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 233 KE, tal-awtorità ta’ res judicata, tar-regolamenti Komunitarji u tal-linji gwida fil-qasam tal-clearance tal-kontijiet. It-tieni motiv huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, motivazzjoni insuffiċjenti, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 233 KE, tal-awtorità ta’ res judicata, tar-regolamenti Komunitarji u tal-linji gwida fil-qasam tal-clearance tal-kontijiet

30      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, tliet ilmenti. L-ewwel nett, b’sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod definittiv il-kawża, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax timponi korrezzjoni finanzjarja ġdida. It-tieni nett, il-Kummissjoni tat bidu, b’mod żbaljat, għad-dekorrenza tat-terminu ta’ 24 xahar previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 729/70 mill-ittra tas-16 ta’ Awwissu 1999, li ma tinkludix evalwazzjoni tal-infiq bi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1663/95, tas-7 ta’ Lulju 1995, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 li jirrigwarda l-proċedura għall-verifikar [clearance] tal-kontijiet tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 31). It-tielet nett, il-Kummissjoni ma tistax tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % fil-każ ta’ eżekuzzjoni mhux korretta ta’ kontroll supplimentari.

 Fuq l-ewwel ilment li jipprovdi li l-Kummissjoni ma tistax timponi korrezzjoni finanzjarja ġdida wara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10, iktar ’il fuq

31      Ir-Repubblika Ellenika tfakkar li, bis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni 2002/881, għaliex tnejn mill-erba’ nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni ma kinux fondati, jiġifieri l-insuffiċjenza tal-kontroll tal-kunsinna ta’ ċertu ċitru u n-nuqqas ta’ żamma ta’ dokumenti li jirrigwardaw il-kwantitajiet tal-merkanzija li tiġi kkonsenjata (biljetti tal-piż). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod definittiv il-kawża ta’ bejnha u bejn il-Kummissjoni. Skont ir-Repubblika Ellenika, fil-fatt, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kienet stmat li ż-żewġ nuqqasijiet l-oħra kkonstatati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-ħlas tal-għajnuna b’ċekk u n-nuqqas ta’ ħlas lil ċerti produtturi fit-termini previsti, kienu biżżejjed biex jimmotivaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex timponi korrezzjoni, hija ma kinitx tannulla d-Deċiżjoni 2002/881. Għaldaqstant, skont ir-Repubblika Ellenika, wara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tirrepeti l-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet sabiex tapplika korrezzjoni finanzjarja ġdida.

32      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-qorti Komunitarja tannulla att ta’ istituzzjoni, l-Artikolu 233 KE jobbliga lil din l-istituzzjoni tadotta l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ppreċiżaw li, sabiex tikkonforma mas-sentenza u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal tali sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi essenzjali tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex tiġi stabbilita t-tifsira eżatta ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti għall-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tiġi biex tissostitwixxi l-att annullat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 1998, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 27; digriet tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ April 2007, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il‑Parlament, T‑132/06, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il‑Kummissjoni, T‑301/01, Ġabra p. II‑1753, punti 97 u 98).

33      Għandu wkoll jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, diversi drabi, l-importanza li għandu, kemm fis-sistema legali tal-Unjoni kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali, il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, Ġabra p. I‑10239, punt 38; tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer, C‑234/04, Ġabra p. I‑2585, punt 20, u tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, Ġabra p. I‑2359, punt 123) u, min-naħa l-oħra, li l-awtorità ta’ res judicata hija marbuta biss mal-punti fattwali u legali li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi mid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (ara s-sentenza ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 123, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, permezz tad-Deċiżjoni 2002/881, il-Kummissjoni kienet applikat b’mod żbaljat korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % għall-infiq magħmul mir-Repubblika Ellenika fis-settur tal-frott u l-ħaxix, billi bbażat ruħha fuq erba’ nuqqasijiet, jiġifieri l-ħlas tal-għajnuna b’ċekk, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ għajnuna lil ċerti produtturi fit-termini previsti, il-kontroll insuffiċjenti waqt il-kunsinna ta’ ċertu ċitru u n-nuqqas li jinżammu l-biljetti tal-piż.

35      Fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, ġie osservat, fil-punti 34 sa 43, li, mill-erba’ nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni, tnejn huma fondati, jiġifieri l-ħlas tal-għajnuna b’ċekk u n-nuqqas ta’ ħlas tal-għajnuna lil ċerti produtturi fit-termini previsti. Fil-punt 36 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tindika b’mod partikolari li “l-infiq inkwistjoni ma sarx b’mod konformi mar-regoli Komunitarji” u li “għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament eskludiet mill-finanzjament Komunitarju dan l-infiq”.

36      Minħabba li tnejn mill-erba’ nuqqasijiet invokati mill-Kummissjoni ma kinux fondati (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, punti 44 sa 53) u li, għaldaqstant, skont il-kliem tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % kienet ibbażata fuq “ġustifikazzjoni insuffiċjenti”, id-Deċiżjoni 2002/881 ġiet annullata sa fejn hija kienet teskludi mill-finanzjament Komunitarju 2 % tal-infiq magħmul fis-settur tal-frott u l-ħaxix (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, punti 54 u 55).

37      Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ellenika u kif jirriżulta mill-punt 35 hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx, fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, li ż-żewġ nuqqasijiet meqjusa bħala fondati ma setgħux jagħtu lok għal korrezzjoni finanzjarja.

38      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkunsidrat li, ladarba l-Kummissjoni bbażat id-Deċiżjoni 2002/881 fuq il-konstatazzjoni ta’ erba’ nuqqasijiet, li tnejn minnhom ġew meqjusa bħala infondati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx tissostitwixxi ruħha minflok il-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi liema konsegwenzi kellhom jiġu dedotti miż-żewġ nuqqasijiet ikkonstatati li hija qieset bħala fondati f’dak li jirrigwarda l-korrezzjoni finanzjarja applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs Il‑Kummissjoni, T‑196/01, Ġabra p. II‑3987, punti 224 u 225).

39      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (T‑33/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra), ikkonfermata permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ April 2011, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑321/09 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra), li ġiet invokata mir-Repubblika Ellenika waqt is-seduta. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, mill-erba’ nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni, wieħed biss ma kienx fondat, li ma kienx jikkostitwixxi “element essenzjali” iżda “element minuri”, filwaqt li n-nuqqasijiet l-oħra kienu jikkostitwixxu “nuqqasijiet prinċipali”, qabel ma kkonkludiet li ma kienx hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 211 u 212). F’din il-kawża, min-naħa l-oħra, la r-rapport ta’ sinteżi u lanqas il-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni ma jsemmu n-natura minuri tan-nuqqas ikkonstatat f’dak li jikkonċerna l-ħlas b’ċekk.

40      Għandu jingħad ukoll li, bil-kontra ta’ dak li tgħid ir-Repubblika Ellenika, mingħajr madankollu ma ssostni l-allegazzjoni tagħha, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix it-tkomplija tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet fil-każ li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda wara din il-proċedura tkun ġiet annullata. Il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/95, tat-22 ta’ Mejju 1995 (ĠU L 125, p. 1), li jipprovdi li “[…] rifjut ta’ finanzjament ma jistax jirrigwarda l-infiq magħmul qabel l-24 xahar li jippreċedu l-komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat bir-riżultati [tal-]verifiki [tal-Kummissjoni]” ma jistax jipprekludi t-tkomplija tal-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet, ladarba, wara l-annullament tad-Deċiżjoni 2002/881, il-korrezzjoni finanzjarja l-ġdida applikata mill-Kummissjoni tikkonċerna wkoll l-infiq magħmul matul l-24 xahar li ppreċedew in-notifika lir-Repubblika Ellenika bir-riżultati tal-verifiki.

41      Rigward l-argument tar-Repubblika Ellenika, li t-terminu ta’ 24 xahar previst fl-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70 ma jistax jibda jiddekorri mill-ittra tas-16 ta’ Awwissu 2009, fid-dawl tal-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-proċedura kollha tal-clearance tal-kontijiet, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar il-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet li fi tmiemha ġiet adottata d-Deċiżjoni 2002/881.

42      Fil-fatt, peress li l-proċedura intiża sabiex jiġi ssostitwit att annullat mill-qorti tal-Unjoni tista’ titkompla fil-punt speċifiku li fih seħħet l-illegalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il‑Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 82; id-digriet Gorostiaga Atxalandabaso vs Il‑Parlament, punt 32 iktar ’il fuq, punt 30, u s-sentenza Alitalia vs Il‑Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 99), l-annullament tal-imsemmi att ma jaffettwax l-atti kollha preċedenti għall-proċedura. Jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kompliet il-proċedura fl-istadju tal-istedina għal laqgħa bilaterali oħra li nżammet fil-11 ta’ Mejju 2006, dan sar, kif indikat il-Kummissjoni nfisha, sabiex ir-Repubblika Ellenika tingħata l-possibbiltà tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha wara l-annullament tad-Deċiżjoni 2002/881 permezz tas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq.

43      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, billi qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, il-ħlas tal-għajnuna b’ċekk bħala raġuni għall-korrezzjoni finanzjarja applikata għall-infiq magħmul fis-settur tal-frott u l-ħaxix għas-snin 1998 u 1999, il-Kummissjoni la kisret l-Artikolu 233 KE u lanqas il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata.

44      L-ewwel ilment huwa għaldaqstant miċħud.

 Fuq it-tieni lment li jipprovdi li t-terminu ta’ 24 xahar, previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 729/70 ma jistax jibda jiddekorri mill-ittra tas-16 ta’ Awwissu 1999, għaliex din ma tinkludix evalwazzjoni tal-infiq bi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95

45      Skont ir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni ma tistax tqis id-data tas-16 ta’ Awwissu 1999 bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ 24 xahar previst fl-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 729/70, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1287/95, għaliex l-ittra tas-16 ta’ Awwissu 1999 ma tinkludix “evalwazzjoni tal-infiq” bi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95.

46      Il-Kummissjoni sostniet, fir-risposti tagħha bil-miktub għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll waqt is-seduta, li r-Repubblika Ellenika kienet prekluża milli tippreżenta dan l-ilment fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, għaliex il-kwistjoni tal-kontenut tal-ittra tas-16 ta’ Awwissu 1999 kienet ġiet deċiża b’mod definittiv fil-kuntest ta’ proċedura li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq.

47      Il-partijiet jaqblu li r-Repubblika Ellenika ma qajmitx dan l-ilment fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-kwistjoni tal-kontenut tal-ittra tas-16 ta’ Awwissu 1999 ġiet deċiża b’mod definittiv mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq.

48      Waqt is-seduta, ir-Repubblika Ellenika sostniet li, fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, hija kienet qajmet il-motivi kollha li hija qieset bħala effettivi. F’dan ir-rigward, hija sostniet, essenzjalment, li l-kwistjoni dwar jekk il-komunikazzjoni tar-riżultati tal-verifiki kellhiex tinkludi evalwazzjoni tal-infiq ma kinitx tqum fil-mument li fih hija ppreżentat ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hija ppreċiżat li hija setgħet tinvoka dan l-ilment biss wara s-sentenza tal-24 ta’ Frar 2005, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑300/02, Ġabra p. I‑1341, iktar ’il quddiem, is-“sentenza tal-24 ta’ Frar 2005”), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għall-ewwel darba, li, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95, il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tar-riżultat tal-verifiki tagħha kellha tinkludi evalwazzjoni tal-infiq.

49      Dan l-argument tar-Repubblika Ellenika ma jistax jintlaqa’. L-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-regola ta’ dritt tal-Unjoni tiċċara u tispeċifika, jekk hemm bżonn, is-sens u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tiġi mifhuma u applikata mill-mument li fih tqiegħdet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola interpretata b’dan il-mod tista’ u għandha tiġi applikata anki għal relazzjonijiet legali mnissla u stabbiliti qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward tal-effetti fiż-żmien tal-interpretazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 234 KE, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, Ġabra p. 1205, punt 16, u tal-11 ta’ Awwissu 1995, Roders et, C‑367/93 sa C‑377/93, Ġabra p. I‑2229, punt 42). Għaldaqstant, ir-Repubblika Ellenika ma tistax tinvoka l-fatt li s-sentenza tal-24 ta’ Frar 2005, punt 48 iktar ’il fuq, ingħatat wara r-rikors ippreżentat fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, sabiex tiġġustifika l-fatt li hija ma setgħetx tqajjem dan l-ilment fil-kuntest tal-imsemmi rikors.

50      Għaldaqstant, billi naqset milli tqajjem dan l-ilment fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, meta hija kellha l-possibbiltà tagħmel dan, ir-Repubblika Ellenika tilfet kull possibbiltà li tqajmu iktar ’il quddiem, ladarba skada t-terminu għal preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni 2002/881.

51      Kif diġà ssemma fil-punti 41 u 42 hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq il-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet li fi tmiemha ġiet adottata d-Deċiżjoni 2002/881, b’tali mod li, wara l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni setgħet tkompli l-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet billi tistieden lir-Repubblika Ellenika għal diskussjoni bilaterali oħra, mingħajr ma jiġu kkontestati l-atti preċedenti għall-proċedura. Għaldaqstant l-ittra tas-16 ta’ Awwissu 1999 li permezz tagħha l-Kummissjoni kkomunikat ir-riżultat tal-verifiki tagħha ma ġietx affettwata mill-annullament tad-Deċiżjoni 2002/881.

52      Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fi tmiem proċedura li, parzjalment, hija dik li fi tmiemha kienet ġiet adottata d-Deċiżjoni 2002/881.

53      Għaldaqstant, jekk, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika Ellenika titħalla tqajjem ilment rigward att tal-proċedura li ma ġiex affettwat mill-annullament tad-Deċiżjoni 2002/881, meta xejn ma kien jipprekludiha tagħmel dan quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, dan ifisser li hija titħalla tonqos milli tosserva t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni 2002/881.

54      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-applikazzjoni stretta tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rigward it-termini ta’ proċedura tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il‑Kummissjoni, C‑73/10 P, Ġabra p. I‑11535, punt 49).

55      Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-tielet ilment li jipprovdi li ma tistax tiġi applikata korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % fil-każ ta’ eżekuzzjoni mhux korretta ta’ kontroll supplimentari

56      Ir-Repubblika Ellenika ssostni li korrezzjoni finanzjarja ma tistax tiġi applikata meta Stat Membru wettaq il-kontroll supplimentari biss b’mod mhux korrett. Huwa biss in-nuqqas totali ta’ tali kontroll li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 %.

57      Anki jekk jingħad li l-kontroll tal-metodu ta’ ħlas tal-għajnuna jikkostitwixxi kontroll supplimentari, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li l-ħlas b’ċekk seħħ għal ċerti pagamenti iżda mhux għal kollha kemm huma ma huwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li r-Repubblika Ellenika wettqet biss kontroll mhux korrett tal-metodu ta’ ħlas tal-għajnuna. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika “qatt ma vverifikat” jekk il-metodu ta’ ħlas tal-għajnuna kienx korrett, u dan ma huwiex ikkontestat b’mod sostanzjat mir-Repubblika Ellenika, li sostniet biss li l-kontrolli mwettqa kellhom sempliċement ċerti nuqqasijiet u li, għaldaqstant, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni hija “manifestament żbaljata”.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud it-tielet ilment kif ukoll, konsegwentement, l-ewwel motiv.

 Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, motivazzjoni insuffiċjenti, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali

59      Dan il-motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u motivazzjoni insuffiċjenti. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali.

 Fuq l-ewwel parti bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u fuq motivazzjoni insuffiċjenti

60      Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kkontestat fil-kuntest ta’ din il-parti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest partikolari tat-tħejjija tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti meta l-Istat Membru li jkun id-destinatarju tagħha jkun ġie involut mill-qrib fil-proċess ta’ tħejjija ta’ din id-deċiżjoni u kien jaf ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li s-somma inkwistjoni ma tiġix iffinanzjata mill-FAEGG (ara, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Marzu 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑130/99, Ġabra p. I‑3005, punt 126, u tal-14 ta’ April 2005, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑335/03, Ġabra p. I‑2955, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2009, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑373/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 51).

61      Jekk jingħad li r-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet għall-korrezzjoni applikata, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-punt 4.3 tar-rapport ta’ sinteżi, li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għalih b’mod espliċitu, isemmi d-diversi stadji tal-proċedura amministrattiva quddiem id-dipartimenti tal-Kummissjoni, li r-Repubblika Ellenika kienet involuta mill-qrib fihom. Imbagħad, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi biċ-ċar, bħala raġuni għall-korrezzjoni, “Ħlas magħmul b’ċekk li jfixkel il-kwalità tal-kontroll imwettaq”, u tirreferi għar-rapport ta’ sinteżi, li l-punt 4.3.5 tiegħu li jesponi l-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni jgħid biċ-ċar li “din il-korrezzjoni finanzjarja hija ġġustifikata minħabba n-natura dgħajfa tas-sistema ta’ kontroll, li ppermettiet lill-awtoritajiet Elleniċi jawtorizzaw ħlas b’ċekk”.

62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija “vaga u insuffiċjenti”.

63      Fir-rigward tal-allegata evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, ir-Repubblika Ellenika ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali inkwantu hija tistrieħ fuq il-konstatazzjoni li l-prattika tal-ħlas b’ċekk “ma kinitx rari” meta, fl-ewwel lok, huma biss ċerti membri ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi li kienu tħallsu b’ċekk, fit-tieni lok, il-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam kienet konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, fit-tielet lok, il-ħlas tal-għajnuna sar fil-konfront tal-membri kollha tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi għas-sena tas-suq 1997/1998.

64      Għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ġġustifikat l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja għas-sena tas-suq 1997/1998 fis-settur “Frott u Ħaxix — Ipproċessar ta’ ċitru” bir-raġunijiet intitolati “Nuqqasijiet fil-qasam tal-kontroll” u “Ħlas magħmul b’ċekk li jfixkel il-kwalità tal-kontroll imwettaq”.

65      Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, bis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minħabba l-ħlas b’ċekk lil ċerti produtturi, l-infiq inkwistjoni ma sarx b’mod konformi mar-regoli Komunitarji u, għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha raġun, permezz tad-Deċiżjoni 2002/881, teskludi dan l-infiq mill-finanzjament Komunitarju.

66      Ir-Repubblika Ellenika lanqas ma tikkontesta l-fatt li l-għajnuna tħallset b’ċekk lil ċerti membri ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi, iżda hija tallega li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ikkonċernat kienet konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u li, minkejja l-ħlas b’ċekk f’ċerti każijiet, il-membri kollha tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kienu rċevew l-għajnuna.

67      Minn naħa, l-allegazzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja ma hijiex tali li tqiegħed f’dubju l-konstatazzjoni li l-ħlas sar b’ċekk. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 4.3.1.1 tar-rapport ta’ sinteżi, il-Kummissjoni tosserva li l-ewwel ċirkulari interministerjali li titlob li l-ħlas isir bi trasferimenti hija posterjuri għas-sena tas-suq 1997/1998 u li l-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li, matul din is-sena, ma kienx rari li l-għajnuna titħallas b’metodi oħra għajr it-trasferimenti bankarji jew postali mingħajr ma r-Repubblika Ellenika rnexxielha turi, fir-rikors jew fir-replika, l-ineżattezza ta’ din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni.

68      Rigward l-argument tar-Repubblika Ellenika li, minkejja li għajnuna tħallset b’ċekk, l-għan tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1169/97, tas-26 ta’ Ġunju 1997, li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2202/96 li jintroduċi skema ta’ għajnuna għall-produtturi ta’ ċertu frott taċ-ċitru (ĠU L 169, p. 15), jiġifieri li l-produtturi jirċievu l-għajnuna fit-termini applikabbli, intlaħaq, dan għandu jiġi ddikjarat bħala ineffettiv, għaliex il-ħlas għandu jkun konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja sabiex jiġi ffinanzjat mill-FAEGG (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ April 2008, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑364/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 69).

69      Għalhekk, ir-Repubblika Ellenika ma tistax issostni li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-fatti f’dan il-każ.

70      Għaldaqstant l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali

71      Skont ir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni applikat korrezzjoni manifestament eċċessiva fid-dawl tat-telf allegatament sostnut mill-FAEGG minħabba l-ħlas tal-għajnuna b’ċekk lil ċerti membri ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi.

72      Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni tista’ saħansitra tirrifjuta li l-FAEGG iħallas għall-infiq espost kollu, jekk hija tikkonstata li ma jeżistux mekkaniżmi ta’ kontroll suffiċjenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑263/98, Ġabra p. I‑6063, punt 125, u tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 140). Madankollu, il-Kummissjoni għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità li jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt 25). Jekk, fil-kuntest tal-kompitu tagħha ta’ clearance tal-kontijiet, il-Kummissjoni tagħmel mill-aħjar biex, minflok tirrifjuta l-finanzjament tal-infiq kollu, tistabbilixxi regoli sabiex issir distinzjoni skont l-ammont ta’ riskju li jinvolvu, għall-FAEGG, livelli differenti ta’ nuqqas ta’ kontroll, l-Istat Membru għandu juri li dawn il-kriterji huma arbitrarji u inġusti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 1996, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑50/94, Ġabra p. I‑3331, punt 28, u s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 140).

73      Fir-rigward tat-tip ta’ korrezzjoni applikata f’dan il-każ, għandu jiġi indikat li, fid-dawl tad-dokument tal-Kummissjoni Nru VI/5330/97, tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida għall-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fit-thejjija tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tat-Taqsima Garanzija tal-FAEGG” (iktar ’il quddiem, id-“Dokument Nru VI/5330/97”), meta ma huwiex possibbli li jiġi evalwat preċiżament it-telf sostnut mill-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni tista’ tipprevedi korrezzjoni b’rata fissa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Settembru 2003, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑346/00, Ġabra p. I‑9293, punt 53, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ April 2009, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑281/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 66).

74      B’mod partikolari, skont id-Dokument Nru VI/5330/97, meta Stat Membru jkun wettaq il-kontrolli prinċipali, iżda jonqos kompletament milli jwettaq wieħed jew iktar mill-kontrolli supplimentari, għandu jiġi applikat aġġustament ta’ 2 % peress li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG huwa baxx u l-ksur ma tantx huwa serju. Min-naħa l-oħra, meta Stat Membru jkun wettaq il-kontrolli prinċipali kollha, iżda mingħajr ma osserva n-numru, il-frekwenza jew ir-rigorożità meħtieġa mir-regolamenti, għandu jiġi applikat aġġustament ta’ 5 %, peress li jista’ jiġi konkluż raġonevolment li dawn il-kontrolli ma joffrux il-livell mistenni ta’ garanzija ta’ regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG ikun sinjifikattiv.

75      F’dan il-każ, mill-eżami tal-ewwel parti tat-tieni motiv (ara l-punti 63 sa 69 hawn fuq) jirriżulta li l-Kummissjoni kellha raġun tikkonkludi li, minħabba li l-ħlas ta’ ċerta għajnuna sar b’ċekk, l-infiq inkwistjoni ma kienx sar b’mod konformi mar-regoli Komunitarji.

76      Fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, punt 10 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta’ riskji ta’ telf finanzjarju għall-FAEGG kellhom jiġu approvati (ara l-punti 41 u 42).

77      Għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser id-Dokument Nru VI/5330/97, timponi korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 %, li kienet l-iktar baxxa fost ir-rati applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punt 56, u tal-24 ta’ April 2008, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑418/06 P, Ġabra p. I‑3047, punt 137).

78      Barra minn hekk, anki jekk, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-kontroll tal-metodu ta’ ħlas tal-għajnuna kien jikkostitwixxi kontroll prinċipali, għandu jitfakkar li, skont id-Dokument Nru VI/5330/97, il-Kummissjoni kienet awtorizzata tapplika korrezzjoni ta’ 5 % f’dak li jikkonċerna n-nuqqas fil-kontrolli prinċipali. Madankollu, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju baxx ta’ telf għall-FAEGG, il-Kummissjoni sostniet li naqqset ir-rata ta’ korrezzjoni finanzjarja għal 2 %.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Ellenika ma tistax takkuża lill-Kummissjoni li applikat korrezzjoni finanzjarja sproporzjonata.

80      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Fuq il-korrezzjoni applikata għall-infiq magħmul fis-settur tal-miżuri ta’ akkumpanjament għall-iżvilupp rurali, għas-snin 2003 u 2004

81      Ir-Repubblika Ellenika tinvoka tliet motivi rigward il-korrezzjoni finanzjarja applikata għall-infiq magħmul fis-settur tal-miżuri ta’ akkumpanjament għall-iżvilupp rurali għas-snin 2003 u 2004. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u, sussidjarjament, fuq l-inkompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-liġi, żbalji ta’ liġi, motivazzjoni insuffiċjenti, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali.

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u, sussidjarjament, fuq l-inkompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni

82      L-ewwel motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. It-tieni parti, sussidjarja għall-ewwel waħda, hija bbażata fuq l-inkompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni.

 Fuq l-ewwel parti bbażata fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali

83      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-Repubblika Ellenika tqajjem żewġ ilmenti. Minn naħa, hija ssostni li, matul id-diskussjoni bilaterali li kellha ssir bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u dawk tal-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 u l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1663/95, il-Kummissjoni kellha tesponi l-evalwazzjoni provviżorja tal-korrezzjonijiet finanzjarji li kellhom jiġu proposti. Min-naħa l-oħra, hija tikkritika lill-Kummissjoni talli, matul din id-diskussjoni bilaterali, hija ppreżentat il-pożizzjoni tagħhom rigward l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-dannu finanzjarju li jirriżulta minnu għall-Komunità.

–       Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ diskussjoni rigward l-evalwazzjoni tal-korrezzjonijiet previsti

84      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, ir-riżultati tal-kontrolli tal-Kummissjoni kif ukoll ir-risposti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jilħqu ftehim dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

85      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2245/1999, jispeċifika r-regoli ddettaljati ta’ din il-proċedura. Wara investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kkonċernat bir-riżultati tal-kontrolli tagħha u tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu. L-Istat Membru għandu jirrispondi fi żmien xahrejn. Wara l-iskadenza tat-terminu għal preżentata ta’ risposta, il-Kummissjoni ssejjaħ lill-partijiet għal diskussjoni bilaterali u dawn tal-aħħar għandhom jipprovaw jaslu għal ftehim fuq il-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Komunità. Imbagħad, il-Kummissjoni tikkomunika formalment il-konklużjonijiet tagħha lill-Istat Membru filwaqt li tindika evalwazzjoni tal-infiq li għandu jiġi eskluż.

86      Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel ma ġie emendat bir-Regolament Nru 2245/1999, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95 kien jipprovdi li l-komunikazzjoni tar-riżultat tal-kontrolli indirizzata lill-Istat Membru kellha tindika l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu sabiex fil-futur tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli kkonċernati kif ukoll evalwazzjoni tal-infiq. Fil-preżent, skont l-emenda tar-Regolament Nru 1663/95 bir-Regolament Nru 2245/1999, l-ewwel ittra tal-Kummissjoni għandha tinkludi r-riżultati tal-verifiki tagħha iżda mhux l-evalwazzjoni tal-infiq li hija beħsiebha teskludi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2008, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑266/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 199, u tas-26 ta’ Novembru 2008, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑263/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 65). Barra minn hekk, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, matul id-diskussjoni mal-Istat Membru, il-Kummissjoni la għandha l-obbligu li tindika ammont li għandu jiġi eskluż u lanqas li tagħmel proposta f’dan is-sens (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2008, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67). Skont il-premessa 3 tar-Regolament Nru 2245/1999, la huwa xieraq u lanqas ġust li tiġi indikata l-evalwazzjoni tal-infiq li l-Kummissjoni beħsiebha teskludi wara l-konstatazzjonijiet tagħha qabel ma l-Istat Membru jkollu l-opportunità jippreżenta r-risposti tiegħu. L-iżvolġiment tal-proċedura jippermetti, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni tiġbor l-ispjegazzjonijiet tal-Istat Membru fuq l-irregolaritajiet ikkonstatati u eventwalment tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-ispjegazzjonijiet fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-infiq li hija beħsiebha teskludi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ottubru 2007, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑332/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).

87      Fil-preżent, l-evalwazzjoni tal-infiq li l-Kummissjoni beħsiebha teskludi għandha tidher fl-ittra mibgħuta wara d-diskussjoni bilaterali, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, kif emendat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2006, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑251/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 181, u tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 81).

88      F’dan il-każ, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta n-nuqqas ta’ preżentazzjoni mill-Kummissjoni, matul id-diskussjoni bilaterali, ta’ evalwazzjoni provviżorja tal-eventwali korrezzjonijiet finanzjarji. Skont dak li ġie espost fil-punt 86 hawn fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tesponi, lir-Repubblika Ellenika, l-ammont li għandu jiġi eskluż, la qabel u lanqas matul id-diskussjoni bilaterali. Dan l-ammont ġie kkomunikat formalment lir-Repubblika Ellenika b’ittra tat-3 ta’ Ottubru 2006, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, kif emendat.

89      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-argument tar-Repubblika Ellenika ppreżentat fir-replika, li jipprovdi li n-nuqqas ta’ diskussjoni bilaterali fuq l-evalwazzjoni tal-korrezzjonijiet previsti għandu bħala effett li jġiegħel lill-Istat Membru kkonċernat jemmen li l-Kummissjoni tirrinunzja li tqis li huwa wettaq ksur. F’dan il-każ, jirriżulta fil-fatt, mingħajr ambigwità, mill-istedina għad-diskussjoni bilaterali, kif indikat ġustament il-Kummissjoni, li d-dipartimenti tal-Kummissjoni “beħsiebhom jipproponu li jiġi eskluż ċertu nfiq mill-finanzjament Komunitarju”, minkejja li ma kienet prevista l-ebda diskussjoni fuq l-ammont stess ta’ dawn il-korrezzjonijiet, b’tali mod li r-Repubblika Ellenika ma tistax issostni li hija ġiet imqarrqa.

90      Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ diskussjoni fuq in-natura u l-gravità tal-ksur kif ukoll fuq id-dannu finanzjarju

91      Skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, id-diskussjoni bilaterali għandha tirrigwarda n-natura u l-gravità tal-ksur kif ukoll id-dannu finanzjarju kkawżat lill-Komunità.

92      L-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1663/95, kif emendat bir-Regolament Nru 2245/1999, tipprovdi li “il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal diskussjoni bilaterali u l-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom li jilħqu ftehim dwar il-miżuri li jridu jittieħdu u dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u t-telf [dannu] finanzjarju lill-Komunità”.

93      F’dan il-każ, mill-istedina tad-19 ta’ Jannar 2006 għad-diskussjoni bilaterali jirriżulta li l-elementi li kienu s-suġġett għad-diskussjoni bilaterali huma esposti fl-anness mehmuż mal-imsemmija stedina. F’dan l-anness, il-punt 1.1 jindika li l-biċċiet ta’ art agrikola li għalihom ġiet mitluba l-għajnuna ma kinux identifikati individwalment kif mitlub mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Fil-punt 2.2 tal-imsemmi anness, jiġi osservat in-nuqqas ta’ kontroverifiki mad-database tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (iktar ’il quddiem, is-“SIAK”). Il-punt 3.2 tal-anness inkwistjoni jsemmi l-insuffiċjenza tal-kontrolli fuq il-post fir-rigward tal-impenji u l-obbligi kollha tal-benefiċjarji. Il-punt 3.3 tal-anness inkwistjoni jirrigwarda l-kontenut, mhux iddettaljat biżżejjed, tar-rapporti ta’ kontroll. Fir-rigward tal-punt 4 tal-istess anness, huwa jirreferi għall-prattika agrikola tajba u b’mod partikolari l-kontroll tagħha.

94      Mill-minuti tal-laqgħa bilaterali, innotifikati lir-Repubblika Ellenika fit-28 ta’ Marzu 2006, jirriżulta li din il-laqgħa “iffokat fuq il-kwistjonijiet imsemmija fl-anness mehmuż mal-istedina għal laqgħa bilaterali”. Huwa speċifikat ukoll li “matul il-laqgħa, ġew diskussi l-punti li ġejjin, fl-ordni li fih jinsabu fl-ittra ta’ stedina għal-laqgħa bilaterali”, jiġifieri, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni individwali tal-biċċiet ta’ art u l-kontroverifiki mas-SIAK (punt 1.1), il-kontenut tar-rapporti ta’ kontroll (punt 3.3) u l-kontroll ta’ prattika agrikola tajba (punt 4.3).

95      Għaldaqstant ir-Repubblika Ellenika ma tistax issostni li d-diskussjoni bilaterali ma rrigwardatx in-natura u l-gravità tan-nuqqas ikkonstatat mill-Kummissjoni.

96      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ diskussjoni matul il-laqgħa bilaterali rigward id-dannu finanzjarju kkawżat lill-Komunità, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-minuti tal-laqgħa bilaterali jirreferu għall-istedina għad-diskussjoni bilaterali, li ssemmi d-Dokument Nru VI/5330/97 li jikkonċerna l-insuffiċjenzi fil-kontrolli prinċipali. Il-linji gwida li jinsabu f’dan id-dokument jirrigwardaw, b’mod partikolari, ir-riskju ta’ telf għall-FAEGG, meta jiġi kkonstatat nuqqas fil-kontrolli prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2008, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 76 u 77).

97      Għaldaqstant it-tieni lment għandu jiġi miċħud kif ukoll, konsegwentement, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

 Fuq it-tieni parti bbażata fuq l-inkompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni

98      Ir-Repubblika Ellenika ssostni li, jekk il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali ma jintlaqax mill-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni kkontestata għandha madankollu tiġi annullata għaliex il-Kummissjoni ma hijiex kompetenti ratione temporis. Skont ir-Repubblika Ellenika, l-ewwel komunikazzjoni tal-Kummissjoni li kienet tinkludi evalwazzjoni tal-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja hija l-ittra tal-imsemmija Kummissjoni mibgħuta fit-3 ta’ Ottubru 2006. Għaldaqstant, skont ir-regola ta’ 24 xahar prevista mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999, l-infiq magħmul qabel it-3 ta’ Ottubru 2004 ma jaqax taħt il-kompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni.

99      Il-punt (a) tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/1999 jipprovdi li rifjut ta’ finanzjament ma jistax jirrigwarda l-infiq li sar “qabel l-24 xahar li jippreċiedu l-kom[u]nikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli, lill-Istat Membru interessat”.

100    Skont il-ġurisprudenza, il-komunikazzjoni li tintuża bħala l-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ 24 xahar u li tillimita rifjut ta’ finanzjament għall-infiq magħmul matul dan il-perijodu hija dik li tinnotifika bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat biss bir-riżultati tal-verifiki magħmula mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 48, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2011, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑214/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

101    Għaldaqstant, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, u bil-kontra ta’ dak li tallega r-Repubblika Ellenika, il-perijodu ta’ 24 xahar ma jiġix ikkalkolat billi jittieħed bħala l-bidu tad-dekorrenza l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006 li tinkludi l-evalwazzjoni tal-infiq, iżda l-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2005 li permezz tagħha r-Repubblika Ellenika ġiet innotifikata bir-riżultati tal-verifiki magħmula mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li din l-ittra tindika b’mod espliċitu li l-esklużjoni tal-infiq mill-finanzjament Komunitarju “tirrigwarda biss l-infiq magħmul matul l-24 xahar li jippreċedu din il-komunikazzjoni bil-Grieg”.

102    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, anki dan il-motiv.

 Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti

103    Ir-Repubblika Ellenika tallega, essenzjalment, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ċara inkwantu hija ssemmi biss ksur wieħed rigward applikazzjoni mhux korretta ta’ kontroll prinċipali f’dan il-kliem “kontroverifiki li ma humiex totalment sodisfaċenti”, meta mill-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006 u mir-rapport ta’ sinteżi jirriżulta li ħames nuqqasijiet rigward il-kontrolli prinċipali, f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżura relatata mal-“agroambjent” u li żewġ miżuri li jikkonċernaw il-kontrolli prinċipali, f’dak li għandu x’jaqsam mat-“tisġir ta’ art agrikola”, kienu invokati inizjalment mill-Kummissjoni fir-rigward tagħha.

104    Kif diġà ġie msemmi fil-punt 60 hawn fuq, fil-kuntest partikolari tat-tħejjija tad-deċiżjonijiet rigward il-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti meta l-Istat destinatarju jkun ġie involut mill-qrib fit-tħejjija ta’ din id-deċiżjoni u meta kien jaf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li s-somma kkontestata ma kellhiex tiġi ffinanzjata mill-FAEGG.

105    F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi osservat li r-rapport ta’ sinteżi, li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għalih b’mod espliċitu, isemmi biċ-ċar id-diversi stadji tal-proċedura amministrattiva quddiem id-dipartimenti tal-Kummissjoni, li fihom ġiet involuta mill-qrib ir-Repubblika Ellenika. Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li d-deċiżjoni tirreferi biċ-ċar, fir-raba’ premessa tagħha, għall-konklużjonijiet li ttieħdu mill-“verifiki magħmula, mid-diskussjonijiet bilaterali u mill-proċeduri ta’ konċiljazzjoni”.

106    Imbagħad għandu jiġi osservat li r-Repubblika Ellenika ġiet informata, matul il-proċedura, bid-diversi lmenti mressqa fir-rigward tagħha. Dan jidher mill-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2005 li tinnotifika lir-Repubblika Ellenika bir-riżultati tal-verifiki magħmula, l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006, l-ittra ta’ stedina għad-diskussjoni bilaterali kif ukoll il-minuti ta’ din id-diskussjoni.

107    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006, imsemmija mir-Repubblika Ellenika nfisha, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija ittra ssemmi, b’mod partikolari, ħames nuqqasijiet fil-kontrolli prinċipali f’dak li jikkonċerna l-miżura relatata mal-“agroambjent” u żewġ nuqqasijiet fil-kontrolli prinċipali f’dak li jikkonċerna l-miżura relatata mat-“tisġir tal-art agrikola”. Dawn in-nuqqasijiet, kif deskritti f’din l-ittra, huma dawk stabbiliti mill-Kummissjoni fi tmiem il-missjoni ta’ kontroll tagħha, in-notifika tal-verifiki tagħha, l-analiżi tar-risposti tar-Repubblika Ellenika magħmula wara n-notifika tal-verifiki magħmula mill-Kummissjoni u d-diskussjoni bilaterali. Din l-osservazzjoni tirriżulta biċ-ċar mill-punt 1 tal-anness ta’ din l-ittra. Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-ħames nuqqasijiet fil-kontrolli prinċipali f’dak li jikkonċerna l-miżura relatata mat-“tisġir tal-art agrikola” ma humiex biss in-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Kummissjoni fl-istadju inizjali tal-proċedura amministrattiva.

108    Huwa minnu, kif tindika r-Repubblika Ellenika, li l-punt 16.3.5 tar-rapport ta’ sinteżi, li jesponi l-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni, ma jirriproduċix b’mod espliċitu, il-ħames nuqqasijiet ikkonstatati fil-kontrolli prinċipali f’dak li jikkonċerna l-miżura relatata mal-“agroambjent” u ż-żewġ nuqqasijiet fil-kontrolli prinċipali f’dak li jikkonċerna l-miżura relatata mat-“tisġir tal-art agrikola”. L-imsemmi punt jindika biss, f’termini ġenerali, li d-“dipartimenti tal-Kummissjoni jqisu li l-kontrolli fuq il-post, minkejja li saru fuq 100 % tal-benefiċjarji tal-programm ta’ tisġir ma jagħmlux tajjeb għan-nuqqas ta’ kontroverifiki informatiċi mas-sistema SIAK, l-identifikazzjoni mhux korretta ta’ biċċiet ta’ art, u nuqqas ieħor fis-sistema SIAK li ġie stabbilit mid-dipartimenti tal-Kummissjoni għall-perijodu kopert mill-verifika”.

109    Għandu jiġi kkonstatat madankollu, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, li mill-frażi konklużiva tal-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni, esposta fil-punt 16.3.5 tar-rapport ta’ sinteżi, jirriżulta li “d-dipartimenti tal-Kummissjoni jżommu l-pożizzjoni li huma kkomunikaw lill-awtoritajiet Griegi fl-ittra tagħhom [tal-Kummissjoni] tat-3 ta’ Ottubru 2006”, li ssemmi b’mod espliċitu l-ħames nuqqasijiet fil-kontrolli prinċipali f’dak li jikkonċerna l-“agroambjent” u ż-żewġ nuqqasijiet fil-kontrolli prinċipali f’dak li jikkonċerna l-miżura relatata mat-“tisġir tal-art agrikola”, kif ġie espost fil-punt 107 hawn fuq.

110    Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li tallega r-Repubblika Ellenika, id-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-korrezzjoni ta’ 5 % għall-infiq magħmul mir-Repubblika Ellenika fil-qasam tal-miżuri ta’ akkumpanjament għall-iżvilupp rurali, għas-snin 2003 u 2004.

111    Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-liġi, żbalji ta’ liġi, motivazzjoni insuffiċjenti, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali

112    Dan il-motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq żbalji fuq punti ta’ liġi u punti ta’ fatt u fuq motivazzjoni insuffiċjenti. It-tieni parti hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proprozjonalità u tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali.

 Fuq l-ewwel parti bbażata fuq żbalji fuq punti ta’ liġi u punti ta’ fatt u fuq motivazzjoni insuffiċjenti

113    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-FAEGG jiffinanzja biss l-interventi magħmula skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Frar 2005, punt 48 iktar ’il fuq, punt 32).

114    F’dan ir-rigward, mir-regoli rigward il-FAEGG jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jorganizzaw sensiela ta’ kontrolli amministrattivi u kontrolli fuq il-post li jippermettu li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u formali għall-għoti tal-għajnuna jiġu osservati b’mod korrett. Jekk ma tiġix organizzata tali sensiela ta’ kontrolli jew jekk l-implementazzjoni tal-organizzazzjoni tagħha tkun tant nieqsa li tħalli dubji rigward l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tkun iġġustifikata ma tirrikonoxxix ċertu nfiq magħmul mill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2005, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑468/02, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 36, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2009, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, T‑183/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 31).

115    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni hija marbuta, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, mhux li tipprova b’mod eżawrjenti n-nuqqasijiet tal-kontrolli mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri mibgħuta minnhom, iżda li tippreżenta prova ta’ dubju serju u raġonevoli li hija ssib fir-rigward ta’ dawn il-kontrolli jew ta’ dawn iċ-ċifri. Dan it-tnaqqis tal-oneru tal-prova li tgawdi minnu l-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-clearance tal-kontijiet tal-FAEGG u li, bħala konsegwenza, għandu l-obbligu li jippreżenta l-prova l-iktar dettaljata u kompleta tal-veraċità tal-kontrolli tiegħu jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I‑1, punti 7 sa 9, u s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 51).

116    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqitx żbalji meta kkonstatat li, l-ewwel nett, l-identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art agrikola li bbenefikaw minn għajnuna kienet parzjali, bi ksur tal-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 445/2002, tas-26 ta’ Frar 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-għajnuna għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 269), it-tieni nett, il-kontroverifiki mad-database tas-SIAK ma sarux, bi ksur tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 445/2002, it-tielet nett, il-kontrolli fuq il-post ma kinux eżawrjenti, bi ksur tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 445/2002, ir-raba’ nett, ir-rapporti ta’ kontroll ma kinux dettaljati, bi ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001, tal-11 ta’ Diċembru 2001, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-amministrazzjoni integrata u s-sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3508/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 308), u, il-ħames nett, il-kontrolli kienu nieqsa f’dak li jikkonċerna l-impenji u l-obbligi kollha li daħlu għalihom il-benefiċjarji, bi ksur tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 445/2002.

–       F’dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art agrikola

117    Ir-Repubblika Ellenika ssostni, essenzjalment, li, matul il-proċedura ta’ clearance tal-kontijiet, hija wriet li, mill-2003, il-biċċiet ta’ art agrikola kienu s-suġġett ta’ identifikazzjoni individwali, b’mod konformi mal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 445/2002, u li l-ħlas tal-għajnuna sar mingħajr riskju għall-FAEGG.

118    Skont l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 445/2002, meta miżura ta’ għajnuna għal żvilupp rurali tapplika għal uċuħ tal-art, il-biċċiet tal-art jiġu identifikati individwalment. Ir-raba’ paragrafu ta’ dan l-istess artikolu jispeċifika li l-identifikazzjoni tal-uċuħ tal-art issir b’mod konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92, tas-27 ta’ Novembru 1992, li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 223).

119    Ir-Regolament Nru 3508/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1593/2000, tas-17 ta’ Lulju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 94) jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li kull Stat Membru għandu joħloq SIAK.

120    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3508/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1593/2000, jipprovdi li s-SIAK għandha tinkludi, b’mod partikolari, sistema ta’ identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art agrikola (iktar ’il quddiem, is-“SIBA”).

121    Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3508/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1593/2000, is-SIBA għandha tkun stabbilita abbażi ta’ mapep u dokumenti tar-reġistrazzjoni tal-artijiet jew referenzi kartografiċi oħra. Għandu jsir użu mit-teknika ta’ sistemi kkompjuterizzati ta’ informazzjoni ġeografika preferibbilment ta’ orto-imaġerija mill-arja jew spazjali, bi standard omoġeni li jiggarantixxu preċiżjoni mill-inqas ekwivalenti għall-kartografija fuq skala ta’1:10 000. Il-biċċiet kollha ta’ art agrikola għandhom għaldaqstant jiġu identifikati skont din is-sistema (sentenza tal-31 ta’ Marzu 2011, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 54).

122    Barra minn dan, għandha titfakkar, kif tindika ġustament il-Kummissjoni, l-importanza li għandha l-implementazzjoni tas-SIAK. Fil-fatt, l-identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art agrikola tikkostitwixxi element prinċipali tal-applikazzjoni korretta ta’ sistema marbuta mal-erja tal-artijiet. In-nuqqas ta’ sistema affidabbli ta’ identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art jimplika, minnu nnifsu, riskju għoli ta’ dannu għall-baġit Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Marzu 2005, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑285/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 62; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑243/05, Ġabra p. II‑3475, punt 61, u tal-31 ta’ Marzu 2011, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 57).

123    Kif diġà ġie msemmi fil-punt 109 hawn fuq, il-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni, deskritta fil-punt 16.3.5 tar-rapport ta’ sinteżi, tirreferi għall-ittra ta’ din tal-aħħar, mibgħuta fit-3 ta’ Ottubru 2006.

124    Fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni tindika li “l-identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art li bbenefikaw minn għajnuna ma saritx fil-każijiet kollha, u dan ma ppermettiex li jiġu stabbiliti preċiżament l-erjas u li jitwettqu l-kontroverifiki effettivi, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 445/2002”. Hija tirreferi wkoll għall-punt 1.1 tal-ittra tagħha tal-4 ta’ Lulju 2005 fejn hija kienet ippreċiżat li l-biċċiet ta’ art ma kinux ġew “identifikati individwalment”, kif jipprovdi r-Regolament Nru 445/2002. Hija żżid li “l-identifikazzjoni kienet ibbażata prinċipalment fuq il-qisien tal-biċċiet ta’ art agrikola u tal-erja inkwistjoni fi stremmi (1 stremma = 1/10 ettaru) [u li], qabel l-2004, ma kienx mitlub li tiġi ppreżentata sistematikament id-dikjarazzjoni tas-SIAK u/jew siltiet […] mis-sistema ta’ identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art[, u dan għamilha] impossibbli, fil-parti l-kbira tal-każijiet, li ssir identifikazzjoni individwali u barra minn hekk li jsiru l-kontroverifiki mhux awtomatizzati sal-[aħħar tal-]2003”.

125    Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 115 hawn fuq, għandu jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika Ellenika tipprovax l-ineżattezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

126    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija ġabet il-prova, fl-iskambju ta’ ittri mal-Kummissjoni kif ukoll matul id-diskussjoni bilaterali, li, mill-2003, il-biċċiet ta’ art ġew identifikati individwalment, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 445/2002. F’dan ir-rigward, hija ssemmi l-ittra tagħha tal-5 ta’ Settembru 2005 (punt 1.1). Barra minn hekk, hija tfakkar l-eżistenza ta’ diversi digrieti ministerjali rigward il-mod ta’ identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art u l-obbligu li jiġi riprodott il-kodiċi preċiż tal-biċċiet ta’ art fit-talbiet magħmula fil-kuntest tas-SIAK.

127    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika tallega li ġabet il-prova tal-identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art mingħajr ma tindika liema huma l-provi li hija qed tirreferi għalihom. Huwa minnu li mill-minuti tal-laqgħa bilaterali jirriżulta li r-Repubblika Ellenika pprovdiet, matul din id-diskussjoni, diversi dokumenti sabiex tipprova l-identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art. Madankollu, fin-noti tagħha, ir-rikorrenti ma tindikax kif dawn id-dokumenti juru li l-biċċiet ta’ art agrikola kienu ġew identifikati mill-2003 b’mod konformi mar-Regolament Nru 445/2002.

128    Imbagħad, sabiex issostni l-allegazzjoni tagħha li l-biċċiet ta’ art agrikola ġew identifikati individwalment mill-2003, ir-Repubblika Ellenika tinvoka l-ittra tagħha tal-5 ta’ Settembru 2005 fejn hija tallega li huwa pprovat, fil-punt 1.1, li, mill-2003, il-produtturi Griegi wettqu tali identifikazzjoni. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-kontenut ta’ din l-ittra ma huwiex tali li jqiegħed f’dubju l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, ma jirriżultax li l-identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art, mitluba mir-Regolament Nru 445/2002, fil-fatt saret, fil-Greċja, mill-2003. Ir-Repubblika Ellenika sempliċement issemmi t-testi kollha li, fil-Greċja, kienu jobbligaw lill-produtturi jidentifikaw individwalment biċċiet ta’ art fit-talbiet magħmula fil-kuntest tas-SIAK, filwaqt li tenfasizza li, fl-2003, “numru żgħir ta’ agrikolturi, bi traskuraġni, ma ppreżentawx it-talba”.

129    Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċitazzjoni mir-Repubblika Ellenika tat-testi li jrendu obbligatorja l-identifikazzjoni b’mod individwali tal-biċċiet ta’ art ma hijiex biżżejjed sabiex turi li hija fil-fatt wettqet tali identifikazzjoni.

130    Fl-aħħar nett, fir-rikors, ir-Repubblika Ellenika tammetti li ċerti produtturi ma mlewx, għas-sena 2003, dikjarazzjonijiet informatiċi, b’mod konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 3508/92, iżda dikjarazzjonijiet miktuba bl-idejn. Skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, kull bidwi għandu jippreżenta, għal kull sena, talba għal għajnuna filwaqt li jindika l-biċċiet ta’ art agrikola, li l-metodi ta’ identifikazzjoni tagħhom huma ppreċiżati fl-Artikolu 4 tal-istess regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Ellenika ma tistax issostni li l-biċċiet ta’ art agrikola ġew identifikati, mill-2003, b’mod konformi mal-imsemmi regolament.

131    Għaldaqstant, l-argument żviluppat mir-Repubblika Ellenika f’dak li jirrigwarda l-biċċiet ta’ art agrikola għandu jiġi miċħud.

–       F’dak li jikkonċerna l-kontroverifiki

132    Ir-Repubblika Ellenika ssostni, essenzjalment, li saru kontroverifiki mad-database kompjuterizzata tas-SIAK, b’mod konformi mal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 445/2002.

133    Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2419/2001, il-kontrolli amministrattivi msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 350/92 jinvolvu, b’mod partikolari, kontroverifiki fuq biċċiet ta’ art agrikola u annimali ddikjarati biex jiġi żgurat li l-istess għajnuna ma tingħatax indebitament iktar minn darba għall-istess sena kalendarja/tas-suq u biex ma tiġix akkumulata indebitament l-għajnuna mogħtija skont l-iskemi ta’ għajnuna Komunitarja li jinvolvu dikjarazzjonijiet tal-erjas kif ukoll kontroverifiki li jużaw id-database kompjuterizzata sabiex jivverifikaw l-eliġġibiltà tat-talbiet għal għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2011, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 63).

134    L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 445/2002 jipprovdi:

“Verifiki amministrattivi għandhom ikunu eżawrjenti u għandhom jinkludu trans-verifiki [kontroverifiki] kull meta xieraq bi, inter alia, dettalji [data] minn amministrazzjoni integrata u sistemi ta’ kontroll. Dawn għandhom jirrigwardjaw il-medded ta’ art […] koperti bil-miżura ta’ l-appoġġ sabiex ikunu evitati xi pagamenti mhux ġustifikati ta’ għajuna […]”

135    Fil-punt 16.3.5 tar-rapport ta’ sinteżi, il-Kummissjoni tindika li r-Repubblika Ellenika ma wettqitx kontro verifiki informatiċi mad-database tas-SIAK. Hija tirreferi wkoll għall-pożizzjoni tagħha esposta fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Ottubru 2006, li turi li s-SIAK ma kinitx kompletament operattiva, fil-Greċja, matul il-perijodu kopert mill-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

136    Kif jirriżulta mill-punt 115 hawn fuq, għandu jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika Ellenika tipprovax l-ineżattezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

137    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li, matul il-perijodu kkonċernat, is-SIAK kienet taħdem kompletament fuq il-livell operattiv. Hija tinvoka wkoll diversi dokumenti li hija pprovdiet matul id-diskussjoni bilaterali li juru li hija wettqet kontroverifiki kompjuterizzati. Barra minn hekk, hija tiċċita l-ittra tal-Opekepe (korp Grieg għall-ħlas u l-kontroll tal-għajnuna ta’ gwida u ta’ garanzija) tad-9 ta’ Marzu 2007, fejn huwa spjegat kif twettqu l-kontroverifiki kompjuterizzati.

138    Qabel kollox għandu jitfakkar, kif diġà ġie msemmi fil-punti 126 sa 131 hawn fuq, li, matul il-perijodu inkwistjoni, is-SIBA ma kinitx għalkollox konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3508/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1593/2000. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3508/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1593/2000, jirriżulta li s-SIBA hija element mis-SIAK. Fid-dawl tal-lakuni kkonstatati fl-identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art agrikola, ir-Repubblika Ellenika ma tistax issostni li s-SIAK kienet kompletament operattiva fl-2003.

139    Fin-nuqqas ta’ tali sistemi effettivi u kompletament operattivi, li huma mitluba mid-dritt tal-Unjoni u li jikkostitwixxu elementi fundamentali tal-kontrolli previsti, il-kontroverifiki fis-sens tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 445/2002 ma jistgħux isiru korrettament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2008, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 108, u tal-31 ta’ Marzu 2011, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punt 65).

140    Għandu jingħad ukoll, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, li minkejja t-tentattivi tagħha sabiex turi li, bil-kontra tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, hija wettqet kontroverifiki kompjuterizzati, ir-Repubblika Ellenika nfisha tammetti fin-noti tagħha li, għas-sena 2003, ċerti produtturi ma ppreżentawx dikjarazzjonijiet informatiċi, iżda dikjarazzjonijiet miktuba bl-idejn, u hija kkonfermat dan ukoll waqt is-seduta fuq domanda mill-Qorti Ġenerali.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-Repubblika Ellenika ma stabbilixxietx li l-provi li hija pproduċiet waqt id-diskussjoni bilaterali, kif ukoll l-ittra tal-Opekepe tad-9 ta’ Marzu 2007 huma tali li jinvalidaw il-konstatazzjoni tan-nuqqas, minn ċerti produtturi, ta’ dikjarazzjonijiet informatiċi konformi mar-Regolament Nru 3508/92.

142    Huwa minnu li r-Repubblika Ellenika tallega li n-nuqqas ta’ dikjarazzjonijiet informatiċi b’mod konformi mar-Regolament Nru 3508/92, għall-2003, ma jimplikax li ma sarux kontroverifiki kompjuterizzati u żżid li d-dikjarazzjonijiet miktuba bl-idejn, misjuba mid-dipartimenti tal-Kummissjoni għall-2003, ġew ikkonfermati fis-sistema u li kien abbażi tagħhom li twettqu l-kontroverifiki kompjuterizzati.

143    Madankollu, minn naħa, ir-Repubblika Ellenika ma ssostnix l-allegazzjonijiet tagħha. B’mod partikolari, hija ma tipprovax li, fir-rigward tal-produtturi inkwistjoni, twettqu kontrolli kompjuterizzati fl-2003. Min-naħa l-oħra, anki jekk jingħad li twettqu kontroverifiki abbażi tad-dikjarazzjonijiet miktuba bl-idejn, li nstabu mid-dipartimenti tal-Kummissjoni għall-2003, dan ma jippermettix il-kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq in-nuqqas tal-istabbiliment tas-SIBA kif previst mil-leġiżlazzjoni Komunitarja.

144    Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 hawn fuq, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li, waqt il-kontroll, id-dipartimenti tagħha ma sabu l-ebda prova li turi li kienu saru kontroverifiki jikkostitwixxu motivazzjoni “difettuża” kif sostnut mir-rikorrenti.

145    Għaldaqstant, l-argumenti mressqa mir-Repubblika Ellenika f’dak li jirrigwarda l-kontroverifiki għandhom jiġu miċħuda.

–       Fir-rigward tal-kontrolli fuq il-post

146    Ir-Repubblika Ellenika tqajjem żewġ ilmenti prinċipali. Minn naħa, hija tallega li pprovat li l-kontrolli fuq il-post f’dak li jikkonċerna l-qisien tal-biċċiet ta’ art agrikola kienu suffiċjenti u affidabbli u li kienu jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 445/2002. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li għamlet kontrolli fuq il-post tal-prattika agrikola tajba.

147    Skont l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 445/2002, “Il-kontroll fuq il-post għandu jsir skont it-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 2419/2001”. Skont l-Artikolu 15 ta’ dan l-istess regolament, il-kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post għandhom isiru b’tali mod li jiżguraw verifika effettiva tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna.

148    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kontroll tal-prattika agrikola tajba, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 445/2002 jirriżulta li l-kontroll korrispondenti għandu jkopri l-impenji u l-obbligi kollha tal-benefiċjarju li jistgħu jiġu kkontrollati fil-mument taż-żjara. L-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 2419/2001 jipprovdi li l-prattika agrikola tajba tikkostitwixxi wkoll element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-erjas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2008, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 119).

149    Mill-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006, li jirreferi għaliha l-punt 16.3.5 tar-rapport ta’ sinteżi fuq il-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni, jirriżulta li l-kontrolli fuq il-post ma kinux eżawrjenti fis-sens tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 445/2002 għaliex, minn naħa, huma ma kinux jinkludu l-qisien tal-biċċiet ta’ art agrikola b’mod konformi mar-Regolament Nru 3508/92 u, min-naħa l-oħra, ma kienet teżisti l-ebda prova li l-kontrolli fuq il-post kienu saru f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-prattika agrikola tajba.

150    Sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-kontrolli fuq il-post tal-qisien tal-biċċiet ta’ art agrikola, ir-Repubblika Ellenika sempliċement issostni li l-imsemmija biċċiet ta’ art ġew “ivverifikati u mkejla mill-kontrollaturi nazzjonali”; dan ma setax jiġi vverifikat mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, għaliex huma nfishom ma kejlux l-imsemmija biċċiet ta’ art. Dawn l-allegazzjonijiet, li bl-ebda mod ma ġew sostnuti, ma humiex tali li jinvalidaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

151    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li mill-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2005, li tirreferi għaliha l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006, jirriżulta li, “f’dak li jirrigwarda l-qisien tal-biċċiet ta’ art agrikola, ma jeżistux provi suffiċjenti li jippermettu li jiġi stabbilit kif il-biċċa ta’ art ġiet effettivament imkejla mill-ġdid jew jekk kienx hemm sempliċement spezzjoni viżwali tal-biċċa ta’ art”. Tali konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mir-Repubblika Ellenika.

152    L-argument tar-Repubblika Ellenika li r-rapporti ta’ kontroll, ipprovduti matul id-diskussjoni bilaterali, isemmu l-kontrolli fuq il-post tal-qisien tal-biċċiet ta’ art kif ukoll tal-prattika agrikola tajba, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Dawn ir-rapporti ta’ kontroll jikkonċernaw biss il-provinċja ta’ Magnesia, u dan ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika Ellenika. Anki jekk jingħad li l-imsemmija rapporti jistabbilixxu li saru kontrolli fuq l-applikazzjoni tal-prattika agrikola tajba, għandu jiġi kkunsidrat, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, li huma ma jipprovawx minnhom infushom l-ineżattezza tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tirrigwarda territorju b’erja usa’ minn din il-provinċja. Fil-fatt, l-Istat Membru għandu jipprova konkretament li s-sistemi ta’ kontroll fir-reġjuni mhux kontrollati ma kinux mittiefsa bl-istess nuqqasijiet li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat fir-reġjuni kkontrollati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑344/01, Ġabra p. I‑2081, punti 64 u 65).

153    Fl-aħħar nett, rigward l-argument tar-Repubblika Ellenika li digriet ministerjali adottat fis-sena 2000 jipprovdi għall-obbligu ta’ konformità mal-prattika agrikola tajba, dan ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi pprovat li r-Repubblika Ellenika effettivament wettqet kontroll fuq il-post tal-prattika agrikola tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2008, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 120).

154    Għaldaqstant l-argumenti tar-Repubblika Ellenika fir-rigward tal-kontrolli fuq il-post għandhom jiġu miċħuda.

–       Fir-rigward tar-rapporti ta’ kontroll

155    Essenzjalment, ir-Repubblika Ellenika ssostni li n-nuqqas ta’ indikazzjoni fir-rapporti ta’ kontroll rigward il-provinċja ta’ Larissa, differenzi bejn l-artijiet jew l-annimali ddikjarati u dawk li ġew imkejla jew identifikati kif ukoll in-nuqqas ta’ osservazzjonijiet partikolari mill-kontrollaturi ma jikkostitwixxux ksur tad-dritt tal-Unjoni u ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja.

156    Skont l-Artikolu 20(1)(ċ) tar-Regolament Nru 2419/2001, li tirreferi għalih l-ewwel sentenza tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 445/2002, kull kontroll fuq il-post għandu jkun is-suġġett ta’ rapport ta’ kontroll li jirrapporta bi preċiżjoni d-diversi elementi ta’ kontroll fosthom “il-pakketti agrikoli [biċċiet ta’ art] konċernati, il-pakketti agrikoli mkejla, ir-riżultati tal-qisien għal kull pakkett imkejjel u l-metodi ta’ tkejjil użati”.

157    Skont l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006, li jirreferi għaliha l-punt 16.3.5 tar-rapport ta’ sinteżi li jesponi l-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni, ir-rapporti ta’ kontroll “ma kinux dettaljati” kif mitlub mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2419/2001, li jeżiġi, kif indikat hawn fuq, li jiġu msemmija r-riżultati tal-qisien tal-biċċiet ta’ art agrikola.

158    L-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006 tirreferi, barra minn hekk, għall-punt 3.3 tal-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2005, miktub kif ġej:

“[…] ir-rapporti li ġew eżaminati ma kinux sostnuti suffiċjentement u ma kinux jistabbilixxu b’mod ċar it-tip ta’ kontroll li kien effettivament twettaq waqt il-kontroll fuq il-post. Ir-rapporti qatt ma jsemmu kwalunkwe nuqqas ta’ qbil bejn l-erja ddikjarata u l-erja stabbilita jew in-numru ta’ annimali magħduda waqt il-kontroll. Dan inissel dubji rigward il-preċiżjoni u l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti.

Fir-rigward tal-qisien tal-biċċiet ta’ art agrikola, ma jeżistux provi suffiċjenti li jippermettu li jiġi stabbilit kif il-biċċa ta’ art ġiet effettivament imkejla mill-ġdid jew jekk kinitx saret sempliċement spezzjoni viżiva tal-biċċa ta’ art. Kif ġie osservat b’mod partikolari fil-fajls ikkontrollati, it-taqsima fejn kien previst li timtela fir-rapporti ta’ kontroll li kienet tirreferi għall-provi relatati mal-metodu ta’ tkejjil użat jew għan-numru ta’ biċċiet ta’ art imkejla ma ġietx ikkompletata b’mod sistematiku. Barra minn hekk, ir-rapporti ta’ kontroll ma kienu jinkludu, b’mod iktar ġenerali, l-ebda waħda mill-osservazzjonijiet speċifiċi magħmula mill-kontrollaturi waqt il-kontrolli tagħhom […]”

159    Ir-Repubblika Ellenika ma tipproduċi l-ebda prova tali li tinvalida l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

160    L-argument tar-Repubblika Ellenika li rapporti ta’ kontroll, ipprovduti matul id-diskussjoni bilaterali, jiddikjaraw tkejjil ta’ biċċiet ta’ art ma jistax jintlaqa’. Kif diġà ġie osservat fil-punt 152 hawn fuq u kif issostni ġustament il-Kummissjoni, dawn ir-rapporti ta’ kontroll, li jirrigwardaw biss il-provinċja ta’ Magnesia, ma jistgħux iqiegħdu f’dubju l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni ta’ portata iktar ġenerali.

161    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, mill-proċess ma jirriżultax li d-dipartimenti tal-Kummissjoni ammettew li l-kontenut tar-rapporti ta’ kontroll għall-provinċja ta’ Larissa kien każ iżolat. Il-punt 3.3 tal-minuti tad-diskussjoni bilaterali jgħid biss li d-dipartimenti tal-Kummissjoni “jżommu l-pożizzjoni tagħhom rigward in-natura insuffiċjenti tar-rapporti ta’ kontroll li ġew eżaminati waqt il-missjoni ta’ Larissa”.

162    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkunsidrat li d-digrieti ministerjali u d-direttivi invokati mir-Repubblika Ellenika ma humiex, minnhom infushom, suffiċjenti sabiex juru li r-rapporti ta’ kontroll ġew effettivament stabbiliti skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2419/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2008, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 120).

163    Għaldaqstant l-argumenti tar-Repubblika Ellenika rigward ir-rapporti ta’ kontroll għandhom jiġu miċħuda.

–       F’dak li jikkonċerna l-kontrolli tal-impenji u tal-obbligi kollha tal-benefiċjarji

164    Qabel kollox ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-fatt li ma jsirx, fil-każijiet kollha, kontroll fuq il-post tal-impenji u tal-obbligi kollha tal-benefiċjarji ma jiksirx id-dritt tal-Unjoni. Imbagħad hija tosserva li l-korrezzjoni finanzjarja imposta mill-Kummissjoni hija bbażata fuq każ wieħed ta’ benefiċjarju li l-impenji u l-obbligi kollha tiegħu ma ġewx ikkontrollati.

165    Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 445/2002, “Il-kontroll għandu jkopri l-impenji kollha u l-obbligi tal-benefiċjarju li jistgħu jiġu kkontrollati fil-mument tal-viżta”.

166    L-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006, li jirreferi għaliha l-punt 16.3.5 tar-rapport ta’ sinteżi li jesponi l-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni, tindika li, “fir-rigward tal-impenji kollha li daħlu għalihom il-benefiċjarji (f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri ta’ żvilupp agroambjentali) li jistgħu jiġu kkontrollati tul il-perijodu tal-missjoni, kif jipprovdi l-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 445/2002, il-kontrolli kienu insuffiċjenti”.

167    L-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006 tirreferi, barra minn hekk, għall-punt 3.2 tal-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2005, li huwa miktub kif ġej:

“Kif indikat fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 817/2004, il-kontroll fuq il-post jkopri l-impenji u l-obbligi kollha ta’ benefiċjarju rigward il-miżuri ta’ żvilupp rurali li jistgħu jiġu kkontrollati fil-mument taż-żjara. Fuq dan il-punt, l-Istati membri jistgħu jipprovdu li, meta benefiċjarju jkun intgħażel fil-kuntest ta’ miżura ta’ żvilupp rurali, huwa jiġi kkontrollat fir-rigward ta’ din il-miżura u tal-miżuri l-oħra kollha, li għall-kontroll tagħhom hija mitluba perizja simili.

Meta sar il-kontroll tal-fajl, ġie osservat każ fejn il-benefiċjarju, li kien ibbenefika minn żewġ sottomiżuri agroambjentali differenti, intgħażel sabiex ikun is-suġġett ta’ kontroll fuq il-post għal waħda minn dawn il-miżuri, iżda mhux għat-tieni waħda waqt iż-żjara fuq il-post.

Meta ġew mistoqsija dwar dan, l-awtoritajiet Elleniċi ammettew li l-kontrolli fuq il-post irrigwardaw biss l-impenji tas-sottomiżura li għaliha ntgħażel il-benefiċjarju, u ma sarux għall-azzjonijiet l-oħra possibbli tal-istess miżura ta’ żvilupp rurali, li l-agrikoltur kien ibbenefika minnha”.

168    Sabiex tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni esposta fil-punt 3.2 tal-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2005, ir-Repubblika Ellenika sempliċement issostni li l-korrezzjoni finanzjarja applikata hija bbażata fuq il-każ waħdieni ta’ benefiċjarju li l-impenji u l-obbligi kollha tiegħu ma ġewx ikkontrollati. B’dan il-mod, hija ma tinvalidax il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-benefiċjarju.

169    Hija ġurisprudenza stabbilita li, meta l-Istat ma jirnexxilux jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex eżatti, dawn jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji rigward l-implementazzjoni ta’ sistema xierqa u effettiva ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ kontroll (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 1999, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑253/97, Ġabra p. I‑7529, punt 7, u tal-24 ta’ Frar 2005, punt 48 iktar ’il fuq, punt 35). Għaldaqstant, ladarba jiġi kkonstatat l-iżball waqt il-kontrolli magħmula każwalment, il-Kummissjoni ma tistax, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata hawn fuq, teskludi li din l-irregolarità tista’ tkun iktar ġenerali.

170    Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ellenika li jipprovdi li l-Kummissjoni ma tindikax li kien possibbli, fir-rigward tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni, li jsir kontroll simultanju tal-impenji u l-obbligi kollha, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 115 hawn fuq, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu l-oneru tal-produzzjoni ta’ tali prova. Ir-Repubblika Ellenika ma tistabbilixxix li tali kontroll kien impossibbli. Hija sempliċement tallega, mingħajr provi insostenn ta’ din l-allegazzjoni, li fil-15 ta’ April 2003, id-data li fih sar il-kontroll fuq il-post rigward l-osservanza tal-obbligi f’dak li jikkonċerna l-miżura relatata mal-“agrikoltura bijoloġika”, b’mod partikolari l-“qamħ”, hija ma setgħetx tivverifika jekk l-impenji u l-obbligi kollha marbuta mal-miżura relatata mat-“tniġġis ikkawżat min-nitrati” f’dak li jikkonċerna l-“qoton” ġewx osservati, għaliex kien żmien il-perijodu taż-żriegħ tal-qoton. Barra minn hekk, dan l-argument tar-Repubblika Ellenika huwa differenti minn dak imressaq waqt is-seduta fejn hija kienet qalet li kien meħtieġ, sabiex isiru tali kontrolli, li jintuża tim ta’ esperti speċjalizzati fil-qasam tal-qoton, tat-tniġġis tal-ilma u tal-programmi agroambjentali.

171    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-Repubblika Ellenika rigward il-kontrolli tal-impenji u l-obbligi kollha tal-benefiċjarji kif ukoll, konsegwentement, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

 Fuq it-tieni parti bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali

172    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu hija tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Sussidjarjament, il-kalkolu tal-korrezzjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni biss il-każ tal-provinċja ta’ Larissa, il-miżura relatata mal-“agroambjent” u l-infiq magħmul wara t-3 ta’ Ottubru 2004.

173    Minn ġurisprudenza stabbilita, imsemmija fil-punt 72 hawn fuq, jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni tagħmel mill-aħjar biex, minflok tirrifjuta l-finanzjament tal-infiq kollu, tistabbilixxi regoli intiżi sabiex issir distinzjoni skont l-ammont ta’ riskju li jinvolvu, għall-FAEGG, livelli differenti ta’ nuqqas ta’ kontroll, l-Istat Membru għandu juri li dawn il-kriterji huma arbitrarji u inġusti.

174    Skont id-dokument Nru VI/5330/97, minn naħa, “[m]eta ma jiġux imwettqa wieħed jew aktar mill-kontrolli prinċipali jew jiġu mwettqa ħażin jew tant isiru rarament li ma jkunux effettivi sabiex jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ talba jew sabiex jipprevjenu l-irregolaritajiet, għandu jiġi applikat aġġustament ta’ 10 %, peress li huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li hemm riskju għoli ta’ telf kbir għall-FAEGG” u, min-naħa l-oħra, “[m]eta l-kontrolli prinċipali kollha jiġu mwettqa, iżda mingħajr ma jiġu mħarsa n-numru, il-frekwenza jew ir-rigorożità meħtieġa mir-regolamenti, għandu jiġi applikat aġġustament ta’ 5 %”.

175    Il-Kummissjoni ġġustifikat il-korrezzjonijiet finanzjarji ta’ 5 % għas-snin 2003 u 2004 fis-settur tal-miżuri ta’ akkumpanjament għall-iżvilupp rurali permezz tan-nuqqas ikkonstatat fit-twettiq tal-kontrolli prinċipali elenkati fil-punt 116 hawn fuq.

176    Mill-eżami tal-ewwel parti tat-tielet motiv li tirreferi għall-korrezzjoni finanzjarja applikata għall-infiq magħmul fis-settur tal-miżuri ta’ akkumpanjament għall-iżvilupp rurali, għas-snin 2003 u 2004 (ara l-punti 117 sa 171 hawn fuq) jirriżulta li r-Repubblika Ellenika ma setgħetx tipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu ineżatti. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet msemmija fil-punti 173 sa 175 hawn fuq, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapplika korrezzjoni ta’ 5 % ma tistax titqies li tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-qorti tal-Unjoni diġà kkonkludiet li l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni ta’ 5 % hija proporzjonali fid-dawl tan-nuqqas ta’ sistema affidabbli ta’ identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art agrikola (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Frar 2005, punt 48 iktar ’il fuq, punt 100; tas-17 ta’ Marzu 2005, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 64, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 78).

177    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma tressaq l-ebda prova li tippermetti l-kunsiderazzjoni li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li jeżisti riskju sinjifikattiv ta’ telf għall-FAEGG. Hija sempliċement issostni li, fil-każ li l-korrezzjoni finanzjarja ma tiġix meqjusa bħala sproporzjonata, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss il-każ tal-provinċja ta’ Larissa, il-miżura relatata mal-“agroambjent” u l-infiq magħmul wara t-3 ta’ Ottubru 2004.

178    Kif jirriżulta mill-punti 160 u 161 hawn fuq, in-nuqqas fil-kontroll magħmul fil-provinċja ta’ Larissa ma jistax jeskludi li dan in-nuqqas jikkonċerna provinċji oħra. Barra minn hekk, mill-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006, li jirreferi għaliha l-punt 16.3.5 tar-rapport ta’ sinteżi, jirriżulta li n-nuqqas marbut mal-identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art agrikola u mal-kontroverifiki mas-SIAK ma jikkonċernax biss il-miżura relatata mal-“agroambjent” iżda wkoll il-miżura relatata mat-“tisġir tal-art agrikola”. Mill-punti 117 sa 145 hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji fuq punti ta’ fatt meta kkonstatat l-imsemmi nuqqas. Fl-aħħar nett, kif ġie espost fil-punti 99 sa 101 hawn fuq, il-perijodu ta’ 24 xahar ma huwiex ikkalkolat billi jittieħed bħala l-bidu tad-dekorrenza l-ittra tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2006 li tinkludi l-evalwazzjoni tal-infiq, iżda l-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Lulju 2005 li permezz tagħha r-Repubblika Ellenika ġiet innotifikata bir-riżultati tal-verifiki magħmula. Għaldaqstant ir-Repubblika Ellenika ma tistax issostni li l-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 % għandha tkopri biss in-nuqqas ikkonstatat f’dak li jikkonċerna biss il-każ tal-provinċja ta’ Larissa, il-miżura relatata mal-“agroambjent” u l-infiq magħmul wara t-3 ta’ Ottubru 2004.

179    Għaldaqstant għandha tiġi miċħuda t-tieni parti u, konsegwentement, dan il-motiv.

3.     Fuq il-korrezzjoni finanzjarja applikata fil-qasam tal-verifika finanzjarja għas-sena 2004

180    Ir-Repubblika Ellenika tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq ksur tal-liġi, tal-linji gwida li jinsabu fid-dokument Nru VI/5330/97, fuq żbalji fuq punti ta’ fatt, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali.

181    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Ellenika ssostni, essenzjalment, li d-dewmien fil-ħlas kien iġġustifikat u kien biss intiż sabiex iħares l-interessi finanzjarji tal-Komunità. Minn dan hija tikkonkludi li l-korrezzjoni applikata hija manifestament eċċessiva meta mqabbla mad-dannu allegatament subit mill-FAEGG.

182    L-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 296/96, tas-16 ta’ Frar 1996, dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri u l-prenotament ta’ kull xahar tan-nefqa ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 18, p. 453), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1577/2001, tal-1 ta’ Awwissu 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 235), jipprovdi li:

“L-avvanzi dwar il-prenotament għandhom jiġu mnaqqsa għan-nefqa effettwata wara t-temmiet taż-żmien stabbiliti kif ġej:

a)      fejn in-nefqa effettwata wara t-temmiet taż-żmien tkun ugwali għal 4 % jew inqas tan-nefqa effettwata qabel ittemmiet taż-żmien, ma għandha ssir l-ebda riduzzjoni, irrispettivament min-numru tax-xhur tad-dewmien;

b)      ’il fuq mill-għatba ta’ 4 %, kull nefqa iktar li ssir effettwata b’dewmien ta’ sa:

–        xahar għandha tiġi mnaqqsa b’10 %,

–        xahrejn għandha tiġi mnaqqsa b’25 %,

–        tliet xhur għandha tiġi mnaqqsa b’45 %,

–        erba’ xhur għandha tiġi mnaqqsa b’70 %,

–        ħames xhur jew iżjed għandha tiġi mnaqqsa b’100 %.

Madankollu, il-Kummissjoni trid tapplika skala differenti taż-żmien u/jew riduzzjonijiet iktar baxxi jew xejn għalkollox, jekk jiġu ffaċċjati kondizzjonijiet eċċezzjonali tal-maniġġjar għal ċertu miżuri, jew jekk jiddaħħlu ġustifikazzjonijiet imsejsa fis-sod [fondati] mill-Istati Membri.

Ir-riduzzjonijiet riferiti f’dan l-Artikolu għandhom isiru skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) 2040/2000.”

183    Skont il-ġurisprudenza, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96 jikkostitwixxi dispożizzjoni li tintroduċi deroga u għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 115).

184    Barra minn dan, l-infiq ta’ finanzjament mill-FAEGG għandu jiġi ikkalkolat fuq il-premessa li t-termini applikabbli previsti mil-leġiżlazzjoni agrikola ġew osservati. Għaldaqstant, meta l-awtoritajiet nazzjonali jħallsu l-għajnuna wara l-iskadenza tat-terminu, huma jimputaw lill-FAEGG, kif turi r-raba’ premessa tar-Regolament Nru 296/96, infiq irregolari u, għaldaqstant, mhux eliġibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑253/97, punt 169 iktar ’il fuq, punt 126). Għaldaqstant, l-Istat Membru għandu jorganizza s-sistema ta’ kontrolli tiegħu billi jikkunsidra t-terminu stabbilit għall-ħlasijiet tal-għajnuna mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1251/1999 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 116).

185    Skont il-punt 17.1.5 tar-rapport ta’ sinteżi, li jesponi l-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni, korrezzjonijiet finanzjarji ġew applikati minħabba dewmien fil-ħlas, li jammontaw għal EUR 5 279 881.28.

186    Hija r-Repubblika Ellenika li għandha turi li l-kundizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96 ġew sodisfatti, jiġifieri li tipprova li jeżistu kundizzjonijiet eċċezzjonali tal-maniġġar għal ċerti miżuri jew li tipprovdi ġustifikazzjonijiet fondati. B’mod partikolari, ir-Repubblika Ellenika għandha turi li d-dewmien ma marx lil hinn minn limiti raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Settembru 2003, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑331/00, Ġabra p. I‑9085, punt 117, u s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 372).

187    Qabel kollox għandu jiġi osservat li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax l-eżistenza ta’ dewmien fil-ħlas. Min-naħa l-oħra, hija tikkritika l-korrezzjoni finanzjarja applikata, għaliex id-dewmien fil-ħlas kien seħħ minħabba l-bżonn li jiġu korretti ċerti żbalji mdaħħla fit-talbiet tal-produtturi, fejn xieraq, billi jsiru kontrolli supplimentari.

188    Kif tindika l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma tinvoka l-ebda “kundizzjoni eċċezzjonali tal-maniġġar” li tat lok għad-dewmien fil-ħlas.

189    L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96 isemmi, minbarra l-kundizzjonijiet eċċezzjonali tal-maniġġar “ġustifikazzjonijiet [fondati ppreżentati] mill-Istati Membri”.

190    Madankollu, mingħajr ma hemm għalfejn jiġi eżaminat jekk il-ħtieġa li jiġu korretti l-iżbalji mdaħħla mill-prodotturi fit-talba tikkostitwixxix “ġustifikazzjoni fondata” għad-dewmien fil-ħlas, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma ġġib l-ebda prova li żbalji rigward id-dettalji personali ta’ fejn il-produtturi jistgħu jinstabu ġew effettivament imdaħħla fit-talba tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-minuti tad-diskussjoni verbali li nżammet fit-12 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Griegi “sabiex iġibu l-prova tal-veraċità tar-raġunijiet” għad-dewmien. Minkejja li, fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Mejju 2006, ir-Repubblika Ellenika ssostni l-allegazzjonijiet tagħha, għandu jiġi osservat li hija ma tipprovdix provi tali li jikkonfermaw il-veraċità tar-raġunijiet li allegatament taw lok għad-dewmien fil-ħlas.

191    F’kull każ, anki jekk jingħad li l-iżbalji mdaħħla fit-talbiet tal-produtturi huma reali, ir-Repubblika Ellenika ma turix il-ħtieġa li jsiru kontrolli supplimentari li t-tul għat-twettiq tagħhom jiġġustifika d-dewmien fil-ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, punt 39 iktar ’il fuq, punt 375). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-marġni ta’ 4 % previst mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96 qiegħed hemm preċiżament biex jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jwettqu kontrolli supplimentari mingħajr ma n-numru ta’ xhur ta’ dewmien jkollu effett fuq il-ħlas li ma jaqbiżx dan il-limitu (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 116).

192    Għaldaqstant, l-ilment tar-Repubblika Ellenika, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn ir-raġunijiet invokati bħala ġustifikazzjoni għad-dewmien fil-ħlas ma ttieħdux inkunsiderazzjoni, għandu jiġi miċħud.

193    Għandu jiġi kkonstatat, fil-fatt, li, wara li l-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Griegi sabiex iġibu l-prova tal-veraċità tar-raġunijiet imressqa sabiex jiġġustifikaw id-dewmien fil-ħlas, l-Opekepe fakkar, b’ittra tat-2 ta’ Mejju 2006, ir-raġunijiet għad-dewmien fil-ħlas u ppreċiża, fl-għamla ta’ tabella, l-iżbalji mdaħħla fit-talbiet tal-produtturi għas-snin 2002 u 2003, mingħajr ma pprovda, madankollu, punti ta’ fatt tanġibbli. Fl-ittra tagħha tal-20 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni tindika li l-argumenti tal-awtoritajiet Griegi ma jistgħux jintlaqgħu, peress li “ma kienet teżisti l-ebda kundizzjoni eċċezzjonali tal-maniġġar u r-[Repubblika Ellenika] ma ressqet l-ebda raġuni valida” u li d-diffikultajiet amministrattivi ġew ġestiti bir-riżerva ta’ 4 % prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96.

194    Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 hawn fuq, ir-Repubblika Ellenika ma tistax tqis, billi tinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li hija ma ġietx informata suffiċjentement bir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi prodotti, fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Mejju 2006, insostenn tar-raġunijiet invokati li taw lok għad-dewmien fil-ħlas. Barra minn hekk għandu jiġi osservat li r-rikorrenti setgħet tinvoka d-drittijiet tagħha, għaliex hija tikkontesta, fir-rikors tagħha, preċiżament l-espressjoni “diffikultajiet amministrattivi” mressqa mill-Kummissjoni sabiex tiddeskrivi r-raġunijiet li taw lok għad-dewmien fil-ħlas.

195    Fir-rigward tal-ilment tar-Repubblika Ellenika fejn jingħad li l-korrezzjoni applikata hija manifestament eċċessiva meta mqabbla mad-dannu subit mill-FAEGG, għandu jitfakkar li huwa stabbilit li xi ħlas sar tard.

196    Skont il-ġurisprudenza, għalkemm il-Kummissjoni għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli Komunitarji, meta dan il-ksur jiġi stabbilit, huwa l-Istat Membru li għandu juri, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li jinvolvi tali ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑153/01, Ġabra p. I‑9009, punt 67).

197    F’dan il-każ, ir-Repubblika Ellenika sempliċement iġġustifikat id-dewmien fil-ħlas mingħajr madankollu ma kkontestat il-konsegwenzi finanzjarji stabbiliti mill-Kummissjoni, fid-dawl b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 296/96, imsemmija fil-punt 182 hawn fuq. Għaldaqstant hija ma tistax issostni li l-korrezzjoni finanzjarja hija sproporzjonata.

198    Fl-aħħar nett, għandu jiġi indikat li, fin-noti tagħha kif ukoll waqt is-seduta, ir-Repubblika Ellenika sostniet li l-Kummissjoni kellha tirrimborsaha s-somma ta’ EUR 20 006.27 li tikkorrispondi għad-differenza bejn it-tnaqqis li diġà sar fil-kuntest tal-ħlas bil-quddiem, evalwat għal EUR 5 299 887.55, u l-ammont totali tal-korrezzjoni applikata mill-Kummissjoni, li huwa ta’ EUR 5 279 881.28. Għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata tieħu inkunsiderazzjoni din id-differenza, li hija inkluża fit-tabella annessa mad-deċiżjoni kkontestata fil-kolonna “Konsegwenzi finanzjarji”.

199    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud, l-istess bħar-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

200    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

Truchot

Martins Ribeiro

Kanninen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Lulju 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.