Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Frar 2008 - Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-86/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: Β. Kondolaimos u S. Haritaki, assistiti minn Μ. Tassopoulou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla jew, sussidjarjament, temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/68/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2007, innotifikata bin-numru C(2007) 6514 def. (ĠU L 18, p. 12), sa fejn tagħmel korrezzjonijiet finanzjarji imposti fuq ir-Repubblika Ellenika minħabba r-raġunijiet speċifikament indikati fir-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju xi nefqiet magħmula mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima "Garanzija", sa fejn timponi korrezzjonijiet finanzjarji fis-setturi li ġejjin: (a) frott u ħaxix, (b) miżuri ta' akkumpanjament għall-Garanzija għall-iżvilupp agrikolu, u (c) ħlasijiet tard.

Ir-rikorrenti ssosnti li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali minħabba ksur ta' liġi, li jikkonsisti f'interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju minħabba żball ta' fatt jew evalwazzjoni żbaljata tal-fatti jew ukoll minħabba motivazzjoni insuffiċjenti u impreċiża, li hija tali li tippreġudika l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni; Permezz tal-korrezzjonijiet in kwistjoni, din id-deċiżjoni kisret ukoll il-prinċipju ta' proporzjonalità u l-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

B'mod iktar partikolari, ir-rikorrenti tinvoka s-sitt motivi għal annullament li ġejjin:

Fir-rigward tal-korrezzjonijiet fis-settur ta' l-ipproċessar tal-frott taċ-ċitru, fid-dawl tal-fatti u peress illi l-korrezzjoni imposta ta' 2 % tirrigwarda r-reviżjoni tal-proċedura sa mill-fażi tan-negozjati bilaterali, sussegwentement għall-annullament ta' deċiżjoni simili tal-Kummissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem il-"Qorti") fil-kawża C-5/031, ir-rikorrenti tirreferi, l-ewwel nett, għall-fatt li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tikkonforma ruħha mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 223 KE kif ukoll l-obbligu ta' res judicata, kif ukoll ir-regoli Komunitarju u l-linji gwida fil-qasam ta' verifikar tal-kontijiet. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-inkompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni, l-impożizzjoni illeċita ta' korrezzjoni minħabba nuqqas ta' kontroll ulterjuri u, fl-aħħar nett, il-ksur tar-regola ta' l-24 xahar, peress illi l-ittra ta' l-1999 kienet ġiet ikkunsidrata b'mod żbaljat bħala konklużiva.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka żball ta' fatt, motivazzjoni insuffiċjenti, ksur tar-regola dwar il-proporzjonalità u qbiż tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, fir-rigward tal-fatt li l-ksur indikat (ħlas permezz ta' ċekk minflok trasferiment bankarju) jikkonċerna nuqqas ta' ħlas u mhux l-ineżistenza ta' kontroll supplementari, mingħajr ma ġie kkonstatat pagament illegali, flimkien mad-data ta' eżekuzzjoni.

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-korrezzjoni fil-qasam tal-miżuri ta' akkumpanjament għall-Garanzija għall-iżvilupp agrikolu, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-forom sostanzjali tal-proċedura; sussidjarjament, hija tirreferi għall-inkompetenza ratione temporis tal-Kummissjoni, li applikat retroattivament korrezzjonijiet finanzjarji għal perijodu qabel l-24 xahar qabel ma ntbagħtet l-ittra ta' konċiljazzjoni. Fir-raba' lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b'motivazzjoni insuffiċjenti, minħabba li sempliċement tallega lakuna fl-ittra ta' konċiljazzjoni u minħabba li fis-sunt ipprovdut jeżisti dubju dwar il-motiv preċiż tal-korrezzjoni.

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta' fatt u li hija imponiet korrezzjoni ta' 5 % għall-miżuri agroambjentali u għall-miżura ta' salvagwardja, bi ksur tar-regoli Komunitarji u tal-linji gwida fil-qasam ta' likwidazzjoni tal-kontijiet, mingħajr ebda ġustifikazzjoni u bi ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, filwaqt li qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

Fis-sitt lok, fir-rigward ta' l-applikazzjoni awtomatika ta' l-iskala tat-tnaqqis tar-Regolament (KE) Nru 296/962, li jikkonċerna l-avvanzi, u mingħajr ma tikkontesta l-veraċità tar-raġunijiet dwar l-inosservanza tat-termini ta' ħlas, bl-esklużjoni totali sussegwenti ta' l-ispejjeż għall-pagamenti tardivi, ir-rikorrenti tinvoka ksur tar-regoli Komuntarji u tal-linji gwida fil-qasam ta' likwidazzjoni tal-kontijiet.

____________

1 - Sentenza tal-7 ta' Lulju 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-5/03, Ġabra 2005, p. I-5925.

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 296/96 tas-16 ta' Frar 1996 dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri u l-prenotament ta' kull xahar tan-nefqa ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu dwar Gwida u Garanzija (FAEGG) u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2776/88.