Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Settembru 2012 - Diputación Foral de Bizkaia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-397/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Diputación Foral de Bizkaia (Spanja) (rappreżentant: I. Sáenz-Cortabarría Fernández, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara n-nullità tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tiddikjara illegali l-għajnuna prevista fil-ftehim innotifikat fil-15 ta' April 2009 jew, sussudjarjament, sa fejn jiddikjara illegali l-għajnuna previżta fil-ftehim fuq l-artijiet innotifikat;

tiddikjara n-nullità tal-Artikoli 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà mat-Trattat, previst fl-Artikolu 108(2) TFUE, fuq il-premessa li hija għajnuna illegali;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-deċiżjoni kkontestata 2 tikklassifika bħala għajnuna illegali, rispettivament kompatibbli u inkompatibbli mas-suq intern, żewġ ftehim, "fuq art" u "fuq akkomodazzjoni", li ġew konklużi fil-15 ta' Diċembru 2006 bejn, minn naħa, il-kumpannija Bizkailur SA (kumpannija pubblika, proprjetà 100% tad-Diputación) u, min-naħa l-oħra, il-kumpanniji Habidite Technologies Pais Vasco SA, il-Grupo Empresarial Afer SL u l-Grupo Habidite, dwar l-istabbiliment ta' fabbrika ta' Habidite f'Alonsotegui.

Insostenn tar-rikors tagħha, il-konvenuta tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta' liġi, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tikklassifika bħala illegali l-għajnuna prevista fil-ftehim tal-2006 u sa fejn interpretat li f'din id-data kien hemm ftehim ġurudikament vinkolanti u mingħajr kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna lil Habidite. Il-Kummissjoni tinjora l-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw minn interpretazzjoni tal-kuntratti skont ir-regoli tad-dritt intern li jirregolawhom (b'mod partikolari l-Artikolu 1.258 tal-Código Civil).

It-tieni motiv, imqajjem b'mod sussidjarju għal dak preċedenti u bbażat fuq żball ta' liġi mwettaq mid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tiddikjara illegali l-għajnuna inkluża fil-"Ftehim dwar art", minħabba li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmi ftehim jistabbilixxi espliċitament li l-eżekuzzjoni tiegħu hija suġġetta għall-osservanza tal-legalità ("sa fejn huwa legalment possibbli"), u għalhekk tikser, minħabba interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 KE .

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-prinċipju ġenerali ta' amministrazzjoni tajba u, b'mod partikolari, tad-drittijiet u tal-garanziji proċedurali tad-Diputación, bħala parti interessata skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE, sa fejn il-possibbiltà tad-Diputación li tipparteċipa b'mod xieraq fil-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni u li tesponi b'mod effettiv u utli l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjoni li din hija, f'kull każ, għajnuna illegali, kienet de facto, impossibbli, diffiċli jew indebitament limitata.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-vizzju jew fuq l-ineżistenza jew in-nuqqas ta' motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni għamlet l-eżami tal-kompatibbilità msemmi fl-Artikolu 108(2) TFUE, fuq il-premessa li din hija għajnuna illegali, u mhux għajnuna nnotifikata.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tas-27 ta' Ġunju 2012, dwar għajnuna mill-Istat Nru SA.28356 (37/2009) (ex N 226/2009), Habidite Alonsotegui [COM (2012) 4194 finali].

2 - ĠU L 83, p.1.