Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Awissu 2012 - Alfastar Benelux vs Il-Kunsill

(Kawża T-394/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Alfastar Benelux SA (Ixelles, il-Belġju) (rappreżentanti: N. Keramidas u N. Korogiannakis, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut li tiċħad l-offerta tar-rikorrenti ppreżentata b'risposta għal sejħa pubblika għal offerti UCA-218-07 għall-manutenzjoni teknika u s-servizzi ta' help desk u ta' intervent fuq il-post għall-kompjuters, għall-printers u għat-tagħmir periferali tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (ĠU 2008/S 91-122796), ikkomunikata mill-ġdid lir-rikorrenti b'ittra rreġistrata tat-18 ta' Ġunju 2012, wara l-annullament tad-deċiżjoni ta' għoti preċedenti tal-1 ta' Diċembru 2008 mill-Qorti Ġenerali permezz tas-sentenza tagħha fil-kawża T-57/09 Alfastar Benelux vs Il-Kunsill;

tordna lill-konvenut iħallas id-danni miġruba mir-rikorrenti fir-rigward tal-proċedura ta' sejħa għal offerti inkwistjoni; u

tordna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, li jallega li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender peress li l-użu ta' persuni inkarigati mit-trażlok sabiex jiġu eżekwiti funzjonijiet ta' assistenza teknika hekk kif imsemmi fit-tender li ntgħażel imur kontra tali speċifikazzjonijiet;

It-tieni motiv, li jallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn numru ta' żbalji manifesti ta' evalwazzjoni speċjalment fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-offerent magħżul, il-kwalifiki tal-persunal tat-tender magħżul meta mqabbla ma' dawk tar-rikorrenti, il-marki ta' trasferiment ta' konoxxenza, l-evalwazzjoni tan-numru ta' persunal propost mill-offerenti.

It-tielet motiv, li jallega li l-kumitat ta' evalwazzjoni kkonfonda l-kriterji u l-fażijiet ta' għażla u ta' għoti tal-proċedura ta' sejħa għal offerti.

Ir-raba' motiv, li jallega li jeżistu inkonsistenzi varji u informazzjoni inkorretta fis-sejħa għal offerti.

Il-ħames motiv, li jallega li l-konvenut ma kkonformax ruħu mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju , speċjalment fir-rigward tal-verifika tal-kriterji ta' għażla.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)