Language of document : ECLI:EU:C:2014:2431

Kawża C‑249/13

Khaled Boudjlida

vs

Préfet des Pyrénées-Atlantiques

(talba għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mit-Tribunal Amministrattiv ta’ Pau)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Viżi, ażil, immigrazzjoni u politiki oħra marbutin mal-moviment liberu tal-persuni — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża — Dritt ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz f’residenza irregolari li jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi tiegħu — Deċiżjoni ta’ ritorn — Dritt għal smigħ qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ ritorn — Kontenut ta’ dan id-dritt”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2014

1.        Drittijiet fundamentali — Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għal amministrazzjoni tajba — Dritt ta’ smigħ — Dritt mhux infurzabbli għall-Istati Membri

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a))

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment — Ċittadin li huwa s-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn fis-sens tad-Direttiva 2008/115 — Dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn — Portata — Limiti

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/115, Artikoli 5 u 6)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 30-33)

2.        Id-dritt għal smigħ fil-proċeduri kollha, kif japplika fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115, dwar standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi, għal ċittadin minn pajjiż terz li għandu residenza irregolari, id-dritt li jesprimi, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah, l-opinjoni tiegħu dwar il-legalità tar-residenza tiegħu, dwar l-eventwali applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6(2) sa (5) tal-imsemmija direttiva kif ukoll dwar il-modalitajiet tar-ritorn tiegħu.

Min-naħa l-oħra, id-dritt għal smigħ f’kull proċedura, kif japplika fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-awtorità nazzjonali kompetenti la li tinforma lil dan iċ-ċittadin, qabel is-smigħ organizzat bil-għan tal-imsemmija adozzjoni, bil-fatt li hija għandha l-intenzjoni tadotta fir-rigward tiegħu deċiżjoni ta’ ritorn, la li tikkomunikalu l-punti li fuqhom hija għandha l-intenzjoni tibbaża din id-deċiżjoni u lanqas li tagħtih terminu ta’ riflessjoni qabel ma tiġbor l-osservazzjonijiet tiegħu, peress li l-imsemmi ċittadin għandu l-possibbiltà jesprimi, b’mod utli u effettiv, l-opinjoni tiegħu fir-rigward tal-irregolarità tar-residenza tiegħu u tar-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw, skont id-dritt nazzjonali, li din l-awtorità tastjeni milli tadotta deċiżjoni ta’ ritorn.

Id-dritt għal smigħ f’kull proċedura, kif japplika fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu residenza irregolari jista’ jirrikorri, qabel l-adozzjoni mill-awtorità amministrattiva nazzjonali kompetenti ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tikkonċernah, għal konsulent legali sabiex jibbenefika mill-assistenza ta’ dan tal-aħħar waqt is-smigħ tiegħu minn din l-awtorità, bil-kundizzjoni li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jaffettwax l-iżvolġiment korrett tal-proċedura ta’ ritorn u ma jikkompromettix l-implementazzjoni effettiva tad-Direttiva 2008/115.

Madankollu, id-dritt għal smigħ f’kull proċedura, kif japplika fil-kuntest tad-Direttiva 2008/115 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri jassumu r-responsabbiltà għal din l-assistenza fil-kuntest tal-għajnuna legali mingħajr ħlas.

(ara l-punti 68-71 u d-dispożittiv)