Language of document : ECLI:EU:T:2012:201

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

25 ta’ April 2012 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran bl-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Kompetenza tal-Kunsill — Użu ħażin ta’ poter — Dħul fis-seħħ — Nuqqas ta’ retroattività — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Żball ta’ liġi — Kunċett ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari — Żball ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑509/10,

Manufacturing Support & Procurement Kala Naft Co., Tehran, stabbilita f’Teheran (l-Iran), irrappreżentata minn F. Esclatine u S. Perrotet, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis u É. Cujo, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, p. 969), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li timmodifika d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81), u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 281, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Manufacturing Support & Procurement Kala Naft Co., Tehran, hija kumpannija Iranjana li tappartjeni lil National Iranian Oil Company u li għandha l-għan li taġixxi bħala korp ċentrali tal-akkwisti għall-attivitajiet taż-żejt, gass u petrokimiċi tal-grupp ta’ din tal-aħħar.

 Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran

2        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi li ġew introdotti sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din ittemm l-attivitajiet nukleari b’riskju ta’ proliferazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi li jwasslu l-armi nukleari (iktar ’il quddiem, il-“proliferazzjoni nukleari”).

3        Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ġew adottati l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK, tas-27 ta’ Frar 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 4M, p. 155), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, p. 969).

4        L-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140 kien jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi kollha u tar-riżorsi ekonomiċi kollha ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet. Il-lista ta’ dawn il-persuni u entitajiet kienet tinsab fl-Anness II tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140.

5        Sa fejn kienu kkonċernati l-kompetenzi tal-Komunità Ewropea, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 kien jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-korpi li huma rikonoxxuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħala parteċipi fil-proliferazzjoni nukleari skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140. Il-lista ta’ dawn il-persuni, ta’ dawn l-entitajiet u ta’ dawn il-korpi li għalihom tapplika miżura ta’ ffriżar tal-fondi skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 kienet tifforma l-Anness V ta’ dan l-istess test.

6        Il-Pożizzjoni Komuni 2007/140 tħassret bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 39).

7        L-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi ta’ numru ta’ kategoriji ta’ entitajiet. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, il-“persuni u entitajiet […] li jkunu impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew jipprovdu appoġġ [għall-proliferazzjoni nukleari] jew persuni jew entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċti, […] u […] entitajiet oħra tal-IRISL u entitajiet ta’ proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li jaġixxu f’isimhom, kif elenkati fl-anness II”.

8        Skont l-Artikolu 24(2) u (4) tad-Deċiżjoni 2010/413:

“2. Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna jew entità għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 19(1)(b) u 20(1)(b), huwa għandu jamenda l-Anness II kif adatt.

3. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lill-persuna jew entità msemmija fil-paragrafi 1 u 2, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, jew b’mod dirett, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil tali persuna jew entità opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

4. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità skont il-każ.”

9        Il-lista fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġiet issostitwita b’lista ġdida, deċiża bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU L 281, p. 81).

10      Ir-Regolament Nru 423/2007 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 281, p. 1).

11      Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010:

“2. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness VII għandhom ikunu ffriżati. L-Anness VIII għandu jinkludi l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi, mhux koperti mill-Anness VII, li f’konformità mal-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill [2010/413] ġew identifikati li:

a) huma impenjati, huma direttament assoċjati ma’, jew jipprovdu apoġġ għal[l-proliferazzjoni] nukleari […] jew ikkontrollati minn, tali persuna, entità jew korp, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti, jew li jaġixxu f’isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom;

[…]”

12      Skont l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 961/2010:

“2. Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 16(2), huwa għandu jamenda l-Anness VIII kif adatt.

3. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

4. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat kif adatt.”

 Miżuri restrittivi diretti lejn ir-rikorrenti

13      Sa mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, fis-26 ta’ Lulju 2010, isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li jinsabu fit-Tabella I tal-Anness II tal-imsemmija deċiżjoni.

14      Konsegwentement, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li jinsabu fit-Tabella I tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007 permezz tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 (ĠU L 195, p. 25). L-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010 kellha bħala konsegwenza l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti.

15      Fid-Deċiżjoni 2010/413, il-Kunsill adotta l-motivi segwenti:

“Tagħmel kummerċ ta’ tagħmir għas-settur taż-żejt u l-gass li jista’ jintuża għall-programm nukleari tal-Iran. Ippruvat tipprokura materjal (alloy gates li jifilħu ħafna) li m’għandhomx użu barra l-industrija nukleari. Għandha rabtiet ma’ kumpanniji involuti fil-programm nukleari tal-Iran.”

16      Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, intużat il-formulazzjoni segwenti:

“Jinnegozja tagħmir għas-settur taż-żejt u tal-gass li jista’ jintuża għall-programm nukleari tal-Iran. Ipprova jakkwista materjal (xatbi tal-liga li jifilħu ħafna) li m’għandhom l-ebda użu barra l-industrija nukleari. Għandu rabtiet ma’ kumpanniji involuti fil-programm nukleari tal-Iran.”

17      Il-Kunsill informa lir-rikorrenti bl-inklużjoni ta’ isimha fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, permezz ta’ ittra tat-29 ta’ Lulju 2010, li r-rikorrenti tgħid li rċeviet fil-25 ta’ Awwissu 2010.

18      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill sabiex iwettaq eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni li tinkludiha fil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u f’dik tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007. Bl-istess mod, ir-rikorrenti stiednet lill-Kunsill sabiex jikkomunika l-elementi li fuqhom wasal sabiex jadotta miżuri restrittivi fil-konfront tagħha.

19      L-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ma ġietx effettwata mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/644.

20      Peress li r-Regolament Nru 423/2007 tħassar permezz tar-Regolament Nru 961/2010, isem ir-rikorrenti ġie inkluż mill-Kunsill fil-punt 29 tat-Tabella B tal-Anness VIII ta’ dan l-aħħar regolament. B’hekk, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrenti huma ffriżati skont l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament.

21      Fir-rigward tal-inklużjoni tar-rikorrenti, ir-Regolament Nru 961/2010 huwa mmotivat b’dan il-mod:

“Tagħmel kummerċ ta’ tagħmir għas-settur taż-żejt u l-gass li jista’ jintuża għall-programm nukleari tal-Iran. Ippruvat tipprokura materjal (alloy gates li jifilħu ħafna) li m’għandhomx użu barra l-industrija nukleari. Għandha rabtiet ma’ kumpanniji involuti fil-programm nukleari tal-Iran.”

22      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill wieġeb l-ittra tar-rikorrenti tat-12 ta’ Settembru 2010 fejn indika li, wara eżami mill-ġdid, kien qiegħed jiċħad it-talba tar-rikorrenti sabiex isimha jitneħħa mil-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-lista fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010. Huwa speċifika, f’dan ir-rigward, li, sa fejn il-proċess ma kellux elementi ġodda li jiġġustifikaw bidla fil-pożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti kellha tkompli tiġi suġġetta għall-miżuri restrittivi pprovduti mill-imsemmija testi.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tal-Kunsill. B’digriet tal-11 ta’ Marzu 2011, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

25      Fir-rikors, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

26      Fl-osservazzjonijiet tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2011, ippreżentati b’risposta għal domanda bil-miktub min-naħa tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti estendiet l-ewwel kap tat-talbiet tagħha billi talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-Deċiżjoni 2010/644 u r-Regolament Nru 961/2010 sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lilha.

27      Il‑Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

28      Ir-rikorrenti ressqet disa’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalitajiet marbuta mad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 2010/413. Dan il-motiv hu mfassal, essenzjalment, fuq żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-fatt li d-Deċiżjoni 2010/413 daħlet fis-seħħ b’mod retroattiv. It-tieni parti hija bbażata fuq l-illegalità tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/413, moqri flimkien mal-Artikolu 28. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill li jadotta l-atti kkontestati. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta’ poter. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kunċett ta’ implikazzjoni fil-proliferazzjoni nukleari. It-tmien motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-attivitajiet tar-rikorrenti. Id-disa’ motiv, ippreżentat sussidjarjament, huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

29      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-motivi mressqa mir-rikorrenti.

30      Barra minn hekk, minn naħa, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv. Min-naħa l-oħra, matul is-seduta, huma sostnew li r-rikors kien inammissibbli sa fejn kien ibbażat fuq allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti.

31      Preliminarjament, għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-eċċezzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, imbagħad, l-argumenti tagħhom rigward l-ammissibbiltà ta’ ċerti motivi tar-rikors, u finalment, l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010, mressqa mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha tas-6 ta’ Settembru 2011.

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv

32      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/413 huwa illegali sa fejn jikkonċerna miżuri ta’ projbizzjoni li ma humiex iddeterminati b’biżżejjed preċiżjoni.

33      Għandu jiġi deċiż dwar il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq dan il-motiv.

34      Skont l-Artikolu 275 TFUE:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandiex tkun kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, u lanqas fir-rigward ta’ l-atti adottati abbażi tagħhom.

Madankollu, il-Qorti għandha tkun kompetenti sabiex timmonitorja r-rispett taa’ l-Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 ta’ dan it-Trattat dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

35      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprovdi dan li ġej:

“1. Il-bejgħ, il-forniment, jew it-trasferiment ta’ tagħmir u teknoloġija prinċipali għas-setturi prinċipali li ġejjin tal-industrija taż-żejt u l-gass naturali fl-Iran, jew lil intrapriżi Iranjani jew bi sjieda Iranjana li huma involuti f’dawk is-setturi barra l-Iran, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta’ bastimenti jew inġenji tal-ajru taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri għandhom ikunu pprojbiti sew jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom u sew jekk le:

a) raffinar;

b) gass naturali likwifikat;

ċ) esplorazzjoni;

d) produzzjoni.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti b’din id-dispożizzjoni.

2. Il-forniment ta’ dan li ġej lill-intrapriżi fl-Iran li huma involuti fis-setturi prinċipali tal-industrija Iranjana taż-żejt u l-gass kif hemm imsemmi fil-paragrafu 1 jew intrapriżi Iranjani jew bi sjieda Iranjana li huma involuti f’dawk is-setturi barra l-Iran għandu jkun ipprojbit:

a)      assistenza teknika jew taħriġ jew servizzi oħra relatati ma’ tagħmir u teknoloġija prinċipali kif iddeterminat skont il-paragrafu 1;


b)      finanzjament jew assistenza finanzjarja għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tagħmir u teknoloġija prinċipali kif iddeterminat skont il-paragrafu 1 jew għall-provvediment ta’ assistenza teknika jew taħriġ relatati.

3. Il-parteċipazzjoni, konxjament jew bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi pprojbita.”

36      Id-Deċiżjoni 2010/413 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 29 UE, li huwa dispożizzjoni relattiva għall-politika barranija u għas-sigurtà komuni skont l-Artikolu 275 TFUE. Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk dan l-Artikolu 4 jissodisfax il-kundizzjonijiet definiti fl-Artikolu 275(2) TFUE.

37      Issa, minn naħa, il-miżuri ta’ projbizzjoni adottati fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/413 huma miżuri ta’ natura ġenerali, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa ddeterminat b’riferiment għal kriterji oġġettivi, u mhux b’riferiment għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi identifikati. B’konsegwenza, kif isostnu l-Kunsill u l-Kummissjoni, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/413 ma huwiex deċiżjoni li tipprovdi miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi skont l-Artikolu 275(2) TFUE.

38      Min-naħa l-oħra, il-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tar-rikorrenti jirriżultaw mill-implementazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2010/413, u mhux mill-Artikolu 4 tagħha. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tal-aħħar ma tistax, f’dan il-każ, tiġi meqjusa bħala eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 263 TFUE.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors intiż li jevalwa l-legalità tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/413 u, b’hekk, sabiex tiddeċiedi fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010

40      Kif jirriżulta mill-punti 9 u 10 iktar ’il fuq, wara l-preżentata tar-rikors, il-lista tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 ġiet mibdula b’lista ġdida, deċiża bid-Deċiżjoni 2010/644, u r-Regolament Nru 423/2007 ġie revokat u mibdul bir-Regolament Nru 961/2010. Ir-rikorrenti talbet l-aġġustament tat-talbiet inizjali tagħha b’mod li r-rikors tagħha jitlob l-annullament ta’ dawn l-erba’ atti (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “l-atti kkontestati”).

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċernaw direttament u individwalment individwu jiġu, fil-mori tal-proċedura, mibdula minn att li jkollu l-istess suġġett, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent li jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, li wieħed jobbliga lir-rikorrent jippreżenta rikors ġdid imur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex taffronta l-kritika li tinstab f’rikors ippreżentat lill-Qorti tal-Unjoni kontra att, tadatta l-att ikkontestat jew tissostitwixxih u li fil-mori tal-kawża tibbenefika minn din il-bidla jew minn din is-sostituzzjoni sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att sussegwenti jew li tippreżenta talbiet jew motivi supplimentari kontra dan (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T-256/07, Ġabra p. II-3019, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għalhekk, skont din il-ġurisprudenza, it-talbiet tar-rikorrenti f’din il-kawża għandhom jintlaqgħu u għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors tagħha huwa intiż ukoll, fid-data tal-għeluq tal-proċedura orali, għall-annullament tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha, u l-partijiet għandhom jitħallew jifformulaw mill-ġdid it-talbiet, il-motivi u l-argumenti tagħhom fid-dawl ta’ dan l-element ġdid, li jimplika, għalihom, id-dritt li jippreżentaw talbiet, motivi u argumenti addizzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, punt 37 iktar ’il fuq, punt 47).

 Fuq l-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tal-motivi bbażati fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti

43      Waqt is-seduta, il-Kunsill u l-Kummissjoni argumentaw li r-rikorrenti kellha tiġi kkunsidrata bħala organizzazzjoni governattiva u, għalhekk, estensjoni tal-Istat Iranjan, li ma setax jinvoka l-protezzjonijiet u l-garanziji marbuta mad-drittijiet fundamentali. Dawn iqisu, b’konsegwenza, li l-motivi tar-rikors dwar allegat ksur ta’ dawn id-drittijiet, għandhom jitqiesu bħala inammissibbli.

44      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Kunsill u l-Kummissjoni ma jikkontestawx dan id-dritt stess tar-rikorrenti li titlob l-annullament tal-atti kkontestati. Huma jikkontestaw biss li jkollha ċerti drittijiet li ssemmi sabiex tikseb dan l-annullament.

45      Issa, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex jew le detentriċi tad-dritt invokat insostenn tal-motiv ta’ annullament, ma tikkonċernax l-ammissibbiltà ta’ dan l-istess motiv, iżda l-fondatezza tiegħu. Għalhekk, l-argument tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti hija organizzazzjoni governattiva, għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż sabiex tiġi ddikjarata l-inammissibbiltà parzjali tar-rikors.

46      Fit-tielet lok, dan l-argument ġie ppreżentat għall-ewwel darba matul is-seduta, mingħajr ma l-Kunsill jew il-Kummissjoni invokaw il-fatt li dan kien ibbażat fuq elementi ta’ liġi jew ta’ fatt li dehru waqt il-proċedura. Sa fejn jikkonċerna l-mertu tal-każ, dan jikkostitwixxi għalhekk, motiv ġdid skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u li jimplika li dan għandu jkun iddikjarat inammissibbli.

 Fuq il-mertu

47      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandha teżamina l-motivi mressqa mir-rikorrent skont din l-ordni:

–        il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill li jimplementa l-atti kkontestati;

–        is-sitt motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter;

–        l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq id-dħul fis-seħħ b’mod retroattiv tad-Deċiżjoni 2010/413;

–        it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva;

–        is-seba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kunċett ta’ implikazzjoni fil-proliferazzjoni nukleari;

–        it-tmien motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-attivitajiet tar-rikorrenti;

–        ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

–        id-disa’ motiv, ippreżentat sussidjarjament, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill li jimplementa l-atti kkontestati

48      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma għandux kompetenza sabiex jadotta l-atti kkontestati. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li l-atti kkontestati għandhom bħala bażi ġuridika d-dikjarazzjoni dwar l-Iran tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 (iktar ’il quddiem “id-dikjarazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2010”). Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, din id-dikjarazzjoni tipprovdi biss l-implementazzjoni, mill-Kunsill, tar-Riżoluzzjoni 1929 (2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti [iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni 1929 (2010)”] u l-adozzjoni tal-miżuri ta’ akkumpanjament, iżda ma tipprovdix l-adozzjoni ta’ miżuri għall-iffriżar tal-fondi awtonomi. Fit-tielet lok, ir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) ma tinkludix miżuri relatati mal-industrija taż-żejt u l-gass Iranjan jew mar-rikorrenti. Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi li l-Kunsill ma għandux il-kompetenza biex jadotta miżuri restrittivi kontriha abbażi tad-dikjarazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2010.

49      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

50      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Kunsill adotta miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti minħabba l-appoġġ li hija kienet allegatament tat lill-proliferazzjoni nukleari, u mhux minħabba l-fatt biss li topera fiż-żejt, gass u petrokimiċi. Għalhekk, il-fatt li skont ir-rikorrenti r-Riżoluzzjoni 1929 (2010) ma tinkludix miżuri speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ dan l-aħħar qasam, hija irrilevanti.

51      Barra minn hekk, ir-Riżoluzzjoni 1929 (2010) hija intiża sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari, b’mod partikolari li tiġi żgurata l-osservanza tar-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti f’dan il-qasam. Minħabba dan il-għan, l-implementazzjoni tagħha tista’ tiġi akkumpanjata mill-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-entitajiet li pprovdew appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

52      B’konsegwenza, il-formulazzjoni tal-punt 4 tad-dikjarazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2010, li skont din, il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin huwa mistieden sabiex: “jadotta [...] miżuri sabiex jimplimenta dawk li jinsabu fir-[Riżoluzzjoni 1929 (2010)] kif ukoll miżuri ta’ akkumpanjament” tinkludi l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi bħal dawk relatati mar-rikorrenti.

53      Barra minn hekk, il-punt 4 tad-dikjarazzjoni tas-17 ta’ Ġunju 2010 fih ukoll parti skont liema “għandhom ukoll jiġu estiżi l-miżuri li jipprojbixxu viżi u l-iffriżar ta’ assi u b’mod partikolari kontra membri tal-Korpi tal-Gwardja Rivoluzzjonarja”. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-formulazzjoni tipprovdi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri restrittivi, inklużi miżuri awtonomi.

54      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, billi adotta miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti, il-Kunsill ikkonforma mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26(2) UE, skont liema għandu jaġixxi “abbażi tal-linji gwida ġenerali u l-linji strateġiċi definiti mill-Kunsill Ewropew”.

55      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill kellu l-kompetenza sabiex jadotta miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti u, konsegwentement, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter

56      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq użu ħażin tal-poter. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-Kunsill adotta miżuri restrittivi fil-konfront tagħha mingħajr ma kellu provi tal-involviment tagħha fil-proliferazzjoni u mingħajr ma rrispetta d-drittijiet proċedurali tagħha. Skont ir-rikorrenti, dawn iċ-ċirkustanzi jimplikaw li l-Kunsill effettivament ipprova juża s-sistema ta’ miżuri restrittivi relatata mal-proliferazzjoni nukleari sabiex jilħaq l-industrija taż-żejt, gass u petrokimiċi Iranjana.

57      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

58      Skont il-ġurisprudenza, att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bil-għan determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-Trattat għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-390/08, Ġabra p. II-3967, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma stabilixxietx l-eżistenza ta’ tali indizji. Fil-fatt, ma pprovdiet l-ebda prova li tissuġġerixxi li ċ-ċirkustanzi invokati, jekk ipprovati, ma kinux dovuti għal sempliċi żbalji mill-Kunsill, iżda jirriżultaw mir-rieda ta’ dan tal-aħħar sabiex jikseb xi ħaġa oħra milli l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni nukleari.

60      Konsegwentement, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq id-dħul fis-seħħ b’mod retroattiv tad-Deċiżjoni 2010/413.

61      Ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni 2010/413 hija illegali billi l-Artikolu 28 tagħha jipprovdi li d-deċiżjoni kellha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha, li kienet tippreċedi d-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

62      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

63      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE jipprovdi kif ġej:

“Ir-regolamenti, id-direttivi li jkunu indirizzati lill-Istati Membri kollha, kif ukoll id-deċiżjonijiet, meta ma jindikawx destinatarju, għandhom jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data indikata fihom jew, fin-nuqqas ta’ dan, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom.”

64      Minn naħa, għandu jitfakkar li prinċipju fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jeħtieġ li att li joriġina minn awtorità pubblika ma jistax jiġi inforzat kontra individwu qabel dan jingħata l-opportunità li jieħu konjizzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, għalkemm, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali jipprekludi att tal-Unjoni milli jkollu effett minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, ħlief, eċċezzjonalment, meta l-għan li għandu jintlaħaq ikun jeżiġih u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni interessati jiġu debitament irrispettati. (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Weingut Decker, 99/78, Ġabra p. 101, punti 3 u 8)

65      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li d-Deċiżjoni 2010/413, li ma tidentifika l-ebda destinatarju, ġiet adottata fis-26 ta’ Lulju 2010, u ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-għada.

66      Barra minn hekk, il-Kunsill lanqas ma jinvoka motivi li jiġġustifikaw ir-rikonoxximent retroattiv tad-Deċiżjoni 2010/413.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi annullat l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2010/413 sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti, u li b’konsegwenza, jiġi kkunsidrat li din l-aħħar deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

68      Madankollu, ir-rikorrenti ma tinvokax provi li jistgħu jindikaw li dawn iċ-ċirkustanzi huma ta’ natura li jeffettwaw il-legalità ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-Deċiżjoni 2010/413 sa fejn dawn jikkonċernaw lilha.

69      Għalhekk, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’ sa fejn hija intiża għall-annullament tal-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2010/413 u li tiġi miċħuda bħala ineffettiva għall-kumplament.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

70      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma mmotivax b’mod suffiċjenti skont il-liġi dawn l-atti kkontestati, b’mod li r-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tidentifika l-fatti li hija akkużata bihom u li tivverifika jew tiċħad il-fondatezza tal-motivazzjonijiet imressqa.

71      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti. Huwa jsostni li l-motivi mressqa jirreferu għall-involviment tar-rikorrenti fil-proliferazzjoni nukleari. Huwa jżid li l-atti kkontestati ġew adottati f’kuntest li r-rikorrenti hija konxja minnu.

72      L-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, b’mod iktar speċifiku f’dan il-każ, fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk eventwalment huwiex ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dan l-att. L-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit b’dan il-mod jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li tista’ ssir deroga minnu biss minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-motivazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin bħall-att li jikkawżalha preġudizzju, u n-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rregolarizzat mill-fatt li l-persuna kkonċernata ssir taf il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 58 iktar ’il fuq, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Għaldaqstant, sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew għat-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi, il-Kunsill għandu l-obbligu, skont l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 u l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010, li jgħarraf lill-entità kkonċernata minn miżura adottata, skont il-każ, skont l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 jew l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010, bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom huwa jqis li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-persuna kkonċernata. B’hekk għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh jadottaha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 58 iktar ’il fuq, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 58 iktar ’il fuq, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, mill-motivazzjoni tal-atti kkontestati jirriżulta li l-Kunsill jinvoka tliet motivi separati sabiex jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti. Għaldaqstant, dawn il-motivi għandhom jiġu kkunsidrati separatament.

76      Rigward l-ewwel motiv, li jgħid li r-rikorrenti tbigħ tagħmir għall-industriji taż-żejt u l-gass li jistgħu jintużaw fil-programm nukleari Iranjan, għandu jiġi ammess li, kif jingħad mir-rikorrenti, din il-motivazzjoni hija ġenerali wisq, minħabba li ma tispeċifikax in-natura jew il-kategoriji tat-tagħmir intenzjonat u n-natura tal-attivitajiet tar-rikorrenti.

77      Madankollu, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija waqt is-seduta, għandu jiġi kkunsidrat li din il-motivazzjoni hija suffiċjenti. Fil-fatt, mit-tweġiba tal-Kunsill għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta, li l-ewwel motiv ma kienx ibbażat fuq xiri speċifiku ta’ prodotti, li effettivament intużaw għall-proliferazzjoni nukleari, iżda fuq il-fatt ġenerali li l-oġġetti miksuba mir-rikorrenti li jaqgħu fis-settur tal-industrija tal-gass, żejt u petrokimiċi jistgħu jintużaw għal dan il-għan. Issa, dan il-fatt kien magħruf mir-rikorrenti, li rrikonoxxietu b’mod espliċitu fis-sottomissjonijiet tagħha, iżda kkontestat, b’mod partikolari, fil-kuntest tas-seba’ motiv, ir-relevanza tiegħu fil-kuntest tal-kunċett ta’ implikazzjoni fil-proliferazzjoni nukleari. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni mressqa ppermettiet lir-rikorrenti tivverifika l-fondatezza tal-atti kkontestati kif ukoll li tiddefendi ruħha quddiem il-Qorti Ġenerali, u lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha.

78      Fir-rigward tat-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li rikorrenti ppruvat tixtri xatbi tal-liga li jifilħu ħafna, li jintużaw biss fl-industrija nukleari, għandu jiġi rrimarkat li l-motivazzjoni mogħtija tidentifika t-tip ta’ oġġetti speċifiċi, li tippermetti lir-rikorrenti tikkontesta r-raġuni vera wara t-tentattiv tagħha ta’ xiri kif ukoll li tallega li x-xatbi tal-liga li jifilħu ħafna użati minnha ma humiex biss intenzjonati għall-industrija nukleari.

79      Madankollu, it-tielet motiv, li jgħid li r-rikorrenti għandha rabtiet mal-kumpanniji involuti fil-programm nukleari Iranjan, huwa ta’ natura insuffiċjenti, peress li ma jippermettilhiex tifhem b’liema tip ta’ relazzjoni u ma’ liema kumpanniji hija effettivament akkużata, b’mod li ma hijiex f’pożizzjoni tivverifika l-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni u li tikkontestaha bi grad minimu ta’ preċiżjoni.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok, minn naħa, li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat sa fejn jirreferi għall-ewwel u t-tieni motiv imressqa mill-Kunsill. Min-naħa l-oħra, għandu jintlaqa’ t-tieni motiv, u għaldaqstant, jiġu annullati l-atti kkontestati f’dak li jikkonċerna t-tielet motiv.

81      Sa fejn it-tliet motivi kkonċernati huma awtonomi, din il-konstatazzjoni ma twassalx għall-annullament tal-atti kkontestati inkwantu jistabbilixxu miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti. Madankollu, it-tielet motiv ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors, b’mod partikolari t-tmien motiv, li jikkonċerna l-iżball fl-evalwazzjoni tal-fatti.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti

82      Ir-rikorrenti ssostni li, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, il-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha, li jimplika wkoll ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

83      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti. Minn naħa, huwa jsostni li r-rikorrenti ma tistax tinvoka l-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża. Min-naħa l-oħra, jqis li fi kwalunkwe każ huwa osserva dan il-prinċipju, bl-istess mod kif irrispetta d-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

–       Fuq id-drittijiet tad-difiża

84      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, f’kull proċedura miftuħa kontra entità u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, u għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni fir-rigward tal-proċedura inkwistjoni (sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 58 iktar ’il fuq, punt 91).

85      Minn naħa, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-provi użati kontra l-entità interessata sabiex isostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju jiġu kkomunikati lilha. Min-naħa l-oħra, hija għandha titpoġġa f’pożizzjoni li tinvoka b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn l-elementi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, T-228/02, Ġabra p. II-4665, punt 93).

86      Preliminarjament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-applikabbiltà tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’dan il-każ. B’riferiment għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Mejju 2010, Tay Za vs Il-Kunsill (T-181/08, Ġabra p. II-1965, punti 121 sa 123), huma jsostnu li r-rikorrenti ma ġietx milquta mill-miżuri restrittivi minħabba l-attivitajiet proprji tagħha, iżda minħabba li tappartjeni għal kategorija ġenerali ta’ persuni u entitajiet. Konsegwentement, il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ma inbdietx kontra r-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata f’punt 84 iċċitat iktar ’il fuq u għalhekk ma tistax tinvoka d-dritt tad-difiża jew tistrieħ fuqu ħlief b’mod limitat.

87      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

88      Fil-fatt, minn naħa, mill-motivazzjoni tal-atti kkontestati jirriżulta li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti hija ġġustifikata, b’mod partikolari, minn tranżazzjonijiet li hi ppruvat twettaq u minn rabtiet li kellha ma’ ċerti entitajiet. B’hekk, b’differenza mill-persuni kkonċernati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 88 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti hija milquta minn miżuri restrittivi għaliex ġie ssuspettat li hija stess hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari, u mhux għaliex hija tappartjeni għal kategorija ġenerali ta’ persuni u ta’ entitajiet marbuta mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

89      B’konsegwenza, ir-raġunament fil-punti 121 sa 123 tas-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill, punt 86 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ.

90      Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 24(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 u l-Artikolu 36(3) u (4) tar-Regolament Nru 961/2010 jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jiggarantixxu d-drittijiet tad-difiża tal-entitajiet milquta minn miżuri restrittivi adottati abbażi ta’ dawn it-testi. Ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet huwa s-suġġett ta’ stħarriġ mill-qorti tal-Unjoni (sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 58 iktar ’il fuq, punt 37).

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jista’ jiġi invokat mir-rikorrenti f’dan il-każ.

92      Skont il-ġurisprudenza, fir-rigward ta’ att inizjali li bih jiġu ffriżati l-fondi ta’ entità, il-komunikazzjoni tal-provi kontra għandha ssir jew flimkien mal-adozzjoni tal-att ikkonċernat, jew mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni msemmija. Fuq talba tal-entità kkonċernata, din tal-aħħar għandha wkoll id-dritt li tesprimi l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn il-provi ladarba l-att jiġi adottat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 342, u s-sentenza Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill, punt 87 iktar ’il fuq, punt 137).

93      Barra minn hekk, għandu jingħad li, meta tiġi kkomunikata informazzjoni preċiża biżżejjed, li permezz tagħha l‑entità kkonċernata tista’ tesprimi b’mod utli l‑opinjoni tagħha dwar il-provi mressqa kontriha mill‑Kunsill, il‑prinċipju tar‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħti, b’mod spontanju, aċċess għad‑dokumenti li jinsabu fil‑fajl tagħha. Huwa biss meta ssir talba mill‑parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad‑dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il‑miżura inkwistjoni (ara s-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 58 iktar ’il fuq, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-komunikazzjoni tal-provi kontra tagħha, l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010 ġiet innotifikata lir-rikorrenti b’mod individwali permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Lulju 2010.

95      Fir-rigward tal-kontenut tan-notifika, ir-rikorrenti ssostni li l-motiv iċċitat kien wieħed vag, u b’konsegwenza ma setgħetx tipproduċi prova kuntrarja.

96      Madankollu, mill-eżami dwar it-tieni motiv iktar ’il fuq jirriżulta li l-atti kkontestati huma suffiċjentement iġġustifikati skont il-liġi fir-rigward tal-ewwel u t-tieni motiv mogħtija mill-Kunsill.

97      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma kisirx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti f’dak li jikkonċerna n-notifika inizjali tal-akkużi.

98      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx taċċedi għall-provi u l-informazzjoni li jikkonċernawha li jinsabu fil-fajl tal-Kunsill, minkejja t-talba li saret f’dan is-sens permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Settembru 2010. Il-Kunsill jinnega li saret din it-talba.

99      L-ittra tat-12 ta’ Settembru 2010 tinkludi t-test segwenti:

“Barra minn hekk, sabiex [ir-rikorrenti] tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha, il-Kunsill huwa mitlub jinforma lill-kumpannija, b’livell raġjonevoli ta’ dettall, fuq dak li jikkonċerna:

i)      l-allegati tentattivi għal xiri ta’ xatbi tal-liga li jifilħu ħafna,

ii)      l-allegati rabtiet ma’ kumpanniji, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet marbuta mal-programm nukleari,

iii)      in-natura tat-tagħmir li jista’ jintuża għall-programm nukleari tal-Iran.”

100    Il-Kunsill ma weġibx għal din id-domanda fl-ittra tiegħu tat-28 ta’ Ottubru 2010.

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, meta ma weġibx għat-talba għall-aċċess għall-fajl, li saret mir-rikorrenti fi żmien utli.

102    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dritt tar-rikorrenti li tesprimi ruħha b’mod utli dwar il-provi kontriha, għandu jiġi kkonstatat li, wara l-adozzjoni tal-ewwel atti li permezz tagħhom il-fondi tar-rikorrenti ġew iffriżati, fis-26 ta’ Lulju 2010, hija indirizzat lill-Kunsill b’ittra tat-12 ta’ Settembru 2010, fejn esprimiet il-pożizzjoni tagħha u talbet li l-miżuri restrittivi kontra tagħha jiġu rtirati. Il-Kunsill wieġeb għal din l-ittra fit-28 ta’ Ottubru 2010.

103    Ir-rikorrenti tilmenta wkoll, f’dan il-kuntest, li ż-żmien ta’ appell mogħti sabiex isir eżami mill-ġdid lill-Kunsill kien qasir wisq, u dan minħabba ż-żmien qasir fl-innotifikar tal-ittra li tinformaha bl-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra tagħha.

104    Issa, minn naħa, it-terminu kkonċernat li jiddekorri bejn il-25 ta’ Awwissu u l-15 ta’ Settembru 2010 kien ta’ madwar tliet ġimgħat. Dan it-terminu għandu jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti, meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-każ, u b’mod partikolari, il-volum limitat ta’ provi invokati mill-Kunsill. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tqajjem biss allegazzjoni ġenerali, mingħajr ma tispjega l-impatt konkret ta’ dan it-terminu fuq id-difiża tagħha. Għalhekk, l-argument tagħha fuq dan il-punt ma jistax jiġi milqugħ.

105    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li d-dritt tar-rikorrenti li tesprimi l-pożizzjoni tagħha b’mod utli ġie rrispettat.

–       Fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

106    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju timplika li l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija marbuta li tikkomunika l-motivi ta’ miżura restrittiva lill-entità kkonċernata, sa fejn ikun possibbli, jew fil-mument meta tkun adottata din il-miżura, jew, minn tal-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet adottata, sabiex l-entità kkonċernata tkun tista’ teżerċita, fit-termini stabbiliti, id-dritt tagħha għal rimedju legali. L-osservanza ta’ dan l-obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija motivi hija fil-fatt neċessarja, kemm sabiex id-destinatarji tal-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, kif ukoll sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ dwar il-kwistjoni jekk ikunx utli għalihom li jressqu rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni, u kemm sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tal-att inkwistjoni kif tkun mitluba tagħmel (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 94 iktar ’il fuq, punti 335 sa 337 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    F’dan il-każ, mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li r-rikorrenti kellha, fi żmien utli, informazzjoni biżżejjed preċiża dwar l-ewwel żewġ motivi sostnuti mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra tagħha. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punti 98 sa 101 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma weġibx għat-talba tar-rikorrenti sabiex jipprovdi aċċess għall-elementi tal-fajl, liema talba ġiet ippreżentata qabel l-iskadenza tat-terminu għal rikors.

108    Issa, din iċ-ċirkustanza tista’ a priori taffettwa d-difiża tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali u, għalhekk, konsegwentement, tikser id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

109    Minn dak li ntqal qabel, it-tielet motiv għandu jintlaqa’ u għalhekk għandhom jiġu annullati l-atti kkontestati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti.

110    Madankollu, fis-sottomissjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ikkonferma, essenzjalment, li l-fajl tiegħu ma kien fih l-ebda provi jew informazzjoni ħlief dawk li rriproduċa fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat għall-ekonomija tal-ġudizzju u fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, is-seba’ u t-tmien motiv, li huma bbażati rispettivament fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kunċett ta’ implikazzjoni fil-proliferazzjoni nukleari u l-iżball fl-evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-attivitajiet tar-rikorrenti. Fil-fatt, dan l-eżami jista’ jevita, jekk ikun il-każ, rikors ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali bbażat fuq l-istess argumenti bħal dawk invokati fil-kawża preżenti.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kunċett ta’ implikazzjoni fil-proliferazzjoni nukleari

111    Ir-rikorrenti targumenta li billi serraħ fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li din tikkummerċjalizza tagħmir għall-industriji taż-żejt u gass, li jistgħu jintużaw fil-programm nukleari Iranjan, il-Kunsill wettaq żball ta’ liġi. Effettivament din iċ-ċirkustanza ma tiġġustifikax, waħedha, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi.

112    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti. Huwa jargumenta li l-fatt li r-rikorrenti tista’ takkwista, għall-membri tal-grupp ta’ National Iranian Oil Company, tagħmir li jista’ jintuża bħala parti mill-programm nukleari Iranjan, jikkostitwixxi appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari.

113    Kif jingħad fil-punt 77 iktar ’il fuq, l-ewwel motiv mogħti mill-Kunsill ma huwiex ibbażat fuq imġiba speċifika tar-rikorrenti, li turi l-involviment tagħha fil-proliferazzjoni nukleari. Fil-fatt, il-Kunsill jibbaża ruħu fuq il-konstatazzjoni li hemm riskju partikolari għar-rikorrenti li tiġi involuta, minħabba l-pożizzjoni tagħha bħala fornitur prinċipali tal-grupp ta’ National Iranian Oil Company.

114    Issa, l-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413 jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi ta’ “persuni u entitajiet [...] li [...] jipprovdu appoġġ” għall-proliferazzjoni nukleari. Bl-istess mod, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 u l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 jinkludu entitajiet li huma indikati bħala li “jipprovdu appoġġ” għall-proliferazzjoni nukleari.

115    Il-kliem użat mil-leġiżlatur ifisser li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra entità, minħabba l-appoġġ li allegatament tat lill-proliferazzjoni nukleari, tippresupponi li din tkun adottat aġir li jikkorrispondi għal dan il-kriterju. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ dan l-aġir effettiv, is-sempliċi riskju li l-entità kkonċernata tagħti appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari fil-futur ma huwiex suffiċjenti.

116    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li meta adotta interpretazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 u l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/20410, il-Kunsill wettaq żball ta’ liġi.

117    F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni wkoll li skont l-Artikolu 215(1) TFUE, huwa awtorizzat jinterrompi kompletament ir-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ Stat terz jew li jimponi miżuri restrittivi settorjali fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

118    Madankollu, din iċ-ċirkustanza hija irrelevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet li huma bbażati fuqhom il-miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti elenkati fil-punt 118 iktar ’il fuq, ma jipprevedux miżuri ġenerali jew settorjali, iżda miżuri individwali.

119    Fid-dawl ta’ dak li intqal qabel, is-seba’ motiv għandu jintlaqa’, u b’konsegwenza, għandhom jiġu annullatti l-atti kkontestati sa fejn jikkonċernaw l-ewwel motiv.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-attivitajiet tar-rikorrenti

120    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-dawl tar-riżultat tal-eżami tat-tieni u s-seba’ motiv iktar ’il fuq, l-eżami tal-motiv preżenti huwa llimitat għat-tieni motiv imressaq mill-Kunsill, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ppruvat tikseb xatbi tal-liga li jifilħu ħafna, użati esklużivament mill-industrija nukleari.

121    Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti targumenta li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Kunsill fil-motivazzjoni tal-atti kkontestati, ix-xatbi li akkwistat ma humiex użati esklużivament mill-industrija nukleari, iżda wkoll mill-industriji tal-gass, żejt u petrokimiċi.

122    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti. Huwa jsostni li din ma wrietx li hi qatt ma akkwistat xatbi użati esklużivament mill-industrija nukleari.

123    Skont il-ġurisprudenza, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ att li bih ikunu ġew adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawh, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li tkun ibbażata fuqhom din l-evalwazzjoni. F’każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li għandu jippreżenta dawn il-provi bil-għan li jiġu vverifikati mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, punt 58 iktar ’il fuq, punti 37 u 107).

124    F’dan il-każ, il-Kunsill ma pprovda ebda informazzjoni jew provi rigward it-tieni motiv li jmorru lil hinn mill-motivazzjoni tal-atti kkontestati. Kif ġie ammess minnu stess, essenzjalment, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq sempliċi allegazzjonijiet, li ma huma kkorroborati minn ebda prova, li jgħidu li r-rikorrenti pprovat takkwista xatbi tal-liga li jifilħu ħafna użati esklużivament mill-industrija nukleari.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma ġabx il-provi tal-allegazzjoni invokata fil-kuntest tat-tieni motiv.

126    Għalhekk, għandu jintlaqa’ t-tmien motiv, sa fejn jirrigwarda t-tieni motiv mogħti mill-Kunsill u għandhom jiġu annullati l-atti kkontestati sa fejn dan l-istess motiv huwa kkonċernat.

127    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jintlaqa’ u l-atti kkontestati għandhom jiġi annullati sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti.

128    F’dak li jirrigwarda l-effetti fiż-żmien tal-annullament tal-atti kkontestati, għandu jiġi rrimarkat, qabel kollox, li r-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 668/2010, li emenda l-lista tal-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, ma joħloqx iktar effetti legali wara r-revoka ta’ dan l-aħħar regolament li saret bir-Regolament Nru 961/2010. B’konsegwenza, l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 jikkonċerna biss l-effetti li dan tal-aħħar ikun ħoloq bejn id-dħul fis-seħħ u r-revoka tiegħu.

129    Sussegwentement, fir-rigward tar-Regolament Nru 961/2010, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta’ skadenza tat-terminu għall-appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell. Il-Kunsill għaldaqstant għandu terminu ta’ xahrejn, miżjud b’għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza, li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din is-sentenza, sabiex jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżura restrittiva ġdida fil-konfront tar-rikorrenti. F’dan il-każ, ir-riskju ta’ dannu serju u irriversibbli fuq l-effettività tal-miżuri restrittivi imposti mir-Regolament Nru 961/2010 ma jidhirx li huwa għoli biżżejjed, fid-dawl tal-effett sostanzjali ta’ dawn il-miżuri fuq id-drittijiet u l-libertajiet tar-rikorrenti, sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-effetti tar-regolament imsemmi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar għal perijodu li jmur lil hinn minn dak stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2011, Kadio Morokro vs Il-Kunsill, T-316/11, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

130    Finalment, f’dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi. F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament Nru 961/2010 u dak tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, tista’ twassal għal preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jimponu fuq ir-rikorrenti miżuri identiċi. B’hekk, l-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, għandhom jinżammu, f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti, wara d-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sad-data effettiva tal-annullament tar-Regolament Nru 961/2010 (ara, b’analoġija, dwar dan l-aħħar punt, is-sentenza Kadio Morokro vs Il-Kunsill, punt 129 iktar ’il fuq, punt 39).

 Fuq l-ispejjeż

131    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

132    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv.

2)      Sa fejn jikkonċernaw lil Manufacturing Support & Procurement Kala Naft Co., Tehran, huma annullati:

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK;

–        ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta’ Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

–        id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK, tal-25 ta’ Ottubru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413;

–        ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, tal-25 ta’ Ottubru 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007.

3)      L-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413 kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, jibqgħu fis-seħħ sa fejn jikkonċernaw lil Manufacturing Support & Procurement Kala Naft Co., Tehran, wara d-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifier fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sad-data effettiva tal-annullament tar-Regolament Nru 961/2010.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn Manufacturing Support & Procurement Kala Naft Co., Tehran.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ April 2012.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran

Miżuri restrittivi diretti lejn ir-rikorrenti

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali biex tiddeċiedi dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv

a)  a) assistenza teknika jew taħriġ jew servizzi oħra relatati ma’ tagħmir u teknoloġija prinċipali kif iddeterminat skont il-paragrafu 1;

b)  b) finanzjament jew assistenza finanzjarja għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tagħmir u teknoloġija prinċipali kif iddeterminat skont il-paragrafu 1 jew għall-provvediment ta’ assistenza teknika jew taħriġ relatati.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni 2010/644 u tar-Regolament Nru 961/2010

Fuq l-argumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tal-motivi bbażati fuq l-allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti

Fuq il-mertu

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill li jimplementa l-atti kkontestati

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq abbuż ta’ poter

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq id-dħul fis-seħħ b’mod retroattiv tad-Deċiżjoni 2010/413.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti

— Fuq id-drittijiet tad-difiża

— Fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-kunċett ta’ implikazzjoni fil-proliferazzjoni nukleari

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-attivitajiet tar-rikorrenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.