Language of document : ECLI:EU:T:2012:201

Kawża T‑509/10

Manufacturing Support & Procurement Kala Naft Co., Tehran

vs

Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran bl-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Kompetenza tal-Kunsill — Użu ħażin ta’ poter — Dħul fis-seħħ — Nuqqas ta’ retroattività — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Żball ta’ liġi — Kunċett ta’ appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari — Żball ta’ evalwazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità — Portata — Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/413 — Esklużjoni

(Artikolu 275 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, Artikolu 4)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Atti li jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran

(l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(2) TUE)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l-Iran —Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li huma impenjati fi jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari — Rekwiżiti minimi

(Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 15(3), u Nru 961/2010, Artikoli 16(2) u 36(3); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, Artikolu 24(3) u (4))

4.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li huma impenjati fi jew jipprovdu appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari — Aġir li jikkorrispondi għal appoġġ għal tali proliferazzjoni

(Artikolu 215(1) TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 7(2), u Nru 961/2010, Artikolu 16(2)(a); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, Artikolu 20(1))

1.      Il-miżuri ta’ projbizzjoni adottati fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/413, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140, huma miżuri ta’ natura ġenerali, peress illi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa ddeterminat b’riferiment għal kriterji oġġettivi, u mhux b’riferiment għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi identifikati. B’konsegwenza, l-imsemmi Artikolu 4 ma huwiex deċiżjoni li tipprovdi miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors intiż li jevalwa l-legalità tal-imsemmi Artikolu 4.

(ara l-punti 37, 39)

2.      Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/413, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, li jimplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif ukoll id-Deċiżjoni 2010/644, li timmodifika d-Deċiżjoni 2010/413, u r-Regolament Nru 961/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 423/2007, fir-rigward ta’ kumpannija Iranjana miżmuma minn kumpannija tal-Istat Iranjan li għandha l-għan li taġixxi bħala korp ċentrali tal-akkwisti għal ċerti attivitajiet ta’ din tal-aħħar, minħabba l-appoġġ li din il-kumpannija kienet tat lill-proliferazzjoni nukleari, il-Kunsill ikkonforma mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26(2) UE, skont liema għandu jaġixxi abbażi tal-linji gwida ġenerali u l-linji strateġiċi definiti mill-Kunsill Ewropew.

(ara l-punti 50, 54)

3.      Sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha jew għat-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jipprekludux il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi, il-Kunsill għandu l-obbligu, skont l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140, tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u tal-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 423/2007, li jgħarraf lill-entità kkonċernata minn miżura adottata, skont il-każ, skont l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, jew l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010, bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom huwa jqis li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-persuna kkonċernata. B’hekk għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh jadottaha. Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tagħha iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha.

Għalhekk, il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li għandha l-konsegwenza tal-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ rikorrenti, skont liema, ir-rikorrenti żżomm rabtiet ma’ kumpanniji involuti fil-programm nukleari tal-Iran, tippreżenta natura insuffiċjenti sa fejn din ma tippermettilhiex tifhem b’liema tip ta’ relazzjoni u ma’ liema kumpanniji hija effettivament akkużata, b’mod li ma hijiex f’pożizzjoni tivverifika l-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni u li tikkontestaha bi grad minimu ta’ preċiżjoni.

(ara l-punti 73, 74, 79)

4.      Il-formulazzjoni użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-Artikolu 20(1), tad-Deċiżjoni 2010/413, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140, għall-Artikolu 7(2), tar-Regolament Nru 423/007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u għall-Artikolu 16(2)(a), tar-Regolament Nru 961/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 423/2007, timplika li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra entità, minħabba l-appoġġ li allegatament tat lill-proliferazzjoni nukleari, tippresupponi li din tkun adottat aġir li jikkorrispondi għal dan il-kriterju. Fin-nuqqas ta’ dan l-aġir effettiv, is-sempliċi riskju li l-entità kkonċernata tati appoġġ għall-proliferazzjoni nukleari fil-futur ma huwiex suffiċjenti.

(ara l-punti 114, 115)