Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Ottubru 2010 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-511/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-12 ta' Awwissu 2010 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea (bir-referenza SG.E.3/FM/MIP/mbp/psi - Ares(2010) 508190 - 12/08/2010) li tiċħad it-talba għal reviżjoni mressqa mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-31 ta' Diċembru 2009, irreġistrata fil-5 ta' Jannar 2010 (bir-referenza GESTDEM 2009/4890) u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-konvenuta tat-12 ta' Awwissu 2010 (bir-referenza SG.E.3/FM/MIP/mbp/psi - Ares(2010) 508190 - 12/08/2010) li tiċħad it-talba għal reviżjoni mressqa mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tal-31 ta' Diċembru 2009, irreġistrata fil-5 ta' Jannar 2010 (bir-referenza GESTDEM 2009/4890), li fiha r-rikorrenti talbet, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 1, ir-reviżjoni tal-pożizzjonijiet adottati mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fl-ittra tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2009, wara t-talba inizjali min-naħa tagħha, tad-9 ta' Ottubru 2009, dwar l-aċċess għat-talbiet kollha għal kwotazzjoni li jirrigwardaw il-lottijiet tal-kuntratti qafas tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet Nri 6011, 6102, 6103, 6020, 6121, 6031 (bl-eċċezzjoni tal-lott Nru 4) u 10030.

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta ma għamlitx eżami individwali tad-dokumenti mitluba. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-ġustifikazzjonijiet ipprovduti mill-konvenuta li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-politika ekonomika tal-Unjoni Ewropea, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u r-raġunijiet ta' sigurtà pubblika għandhom jiġu miċħuda bħala kompletament infondati.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)