Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Ottubru 2010 - Manufacturing Support & Procurement Kala Naft vs Il-Kunsill

(Kawża T-509/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Manufacturing Support & Procurement Kala Naft Co., Tehran (Teheran, l-Iran) (rappreżentanti: F. Esclatine u S. Perrotet, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2006;

tannulla fl-intier tiegħu r-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 668/2010, tas-26 ta' Lulju 2010;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, li hija kumpannija kummerċjali li topera fil-qasam tal-industrija taż-żejt, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK 1 u tar-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 2 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari, sa fejn l-isem tar-rikorrenti ġie inkluż fil-lista ta' persuni, korpi u entitajiet li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati b'applikazzjoni ta' dik id-dispożizzjoni.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni tmien motivi bbażati:

fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, peress li l-Kunsill ibbaża ruħu fuq provi vagi, impreċiżi u li ma jistgħux jiġu vverifikati;

fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, sa fejn i) ir-rikorrenti ġiet obbligata, sabiex tiddefendi ruħha, tipproduċi prova negattiva li hija ma kkontribwietx favur il-programm nukleari Iranjan, ii) ir-rikorrenti bbenefikat minn terminu qasir ħafna sabiex tippreżenta t-talba tagħha għal eżami mill-ġdid, u iii) ir-rikorrenti ġiet imċaħħda mid-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u mid-dritt ta' proprejtà tagħha, peress li r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għall-informazzjoni inkluża fil-fajl tagħha;

fuq inkompetenza, peress li l-Kunsill huwa kompetenti biss sabiex jadotta miżuri ta' akkumpanjament tar-Riżoluzzjoni 1929(2010) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijet Uniti; issa, din tal-aħħar ma tippreskrivi ebda miżura li tirrigwarda l-industrija taż-żejt;

fuq abbuż ta' poter, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ipparalizzat l-operazzjonijiet kollha mwettqa mir-rikorrenti fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-akkwist ta' tagħmir mhux essenzjali, u għalhekk marret lil hinn minn dak previst mill-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

fuq żball ta' liġi, peress li l-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġetti li għandhom użu doppju ma tistax tiġġustifika miżura ta' ffirżar ta' fondi fil-konfront ta' entità waħda, meta din tal-aħħar ma tikkontribwixxix effettivament favur il-program nukleari Iranjan;

fuq ineżattezza materjali tal-fatti, sa fejn ir-rikorrenti ma kienet akkwistat ebda oġġett li jista' jkun ta' interess għall-programm nukleari Iranjan;

fuq żball ta' evalwazzjoni manifest, peress li r-restrizzjonijiet miġjuba fuq id-dritt ta' proprjetà tar-rikorrenti u fuq id-dritt tagħha li teżerċità attività ekonomika ma jistgħu jiġu ġġustifikati minn ebda motiv ta' interess ġenerali u kienu sproporzjonati fir-rigward tal-għan segwit;

fuq nuqqas ta' bażi legali għar-regolament ikkontestat bħala konsegwenza tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta' Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, 27.07.2010, p. 39).

2 - Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta' Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, 27.07.2010, p. 25)