Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2017 – Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-109/10) 1

(“Rikors għal anullament – FEŻR - Tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja - Programm Interreg II /C ‘Għargħar Rhin-Meuse’ - Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni - Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali - Rikors manifestament fondat”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu (rappreżentanti: inizjalment C. Schiltz, sussegwentement P. Frantzen, sussegwentement L. Delvaux u D. Holderer u fl-aħħar nett D. Holderer, aġenti, assistiti minn P. Kinsch, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: W. Roels u A. Steiblytė, aġenti)

Intervenjenti insostenn tar-rikorrent: Ir-Renju tal-Belġju (rappreżentanti: inizjalment M. Jacobs u T. Materne, sussegwentement M. Jacobs u fl-aħħar nett M. Jacobs u J.-C. Halleux, aġenti), ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: inizjalment G. de Bergues u B. Messmer, sussegwentement G. de Bergues u fl-aħħar nett J. Bousin u D. Colas, aġenti) u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: inizjalment C. Wissels, M. Noort u Y. de Vries, sussegwentement M Noort, M. Bulterman u B. Koopman, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 10712, tat-23 ta’ Diċembru 2009, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija għall-programm ta’ inizjattiva Komunitarja Interreg II/C “Għargħar Rhin-Meuse”, lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika Franċiża, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(97) 3742, tat-18 ta’ Diċembru 1997, (FEŻR Nru 970010008), sa fejn tapplika għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 10712, tat-23 ta’ Diċembru 2009, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija għall-programm ta’ inizjattiva Komunitarja Interreg II/C “Għargħar Rhin-Meuse”, lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika Franċiża, lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(97) 3742, tat-18 ta’ Diċembru 1997, (FEŻR Nru 970010008), hija annullata, sa fejn tapplika għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

____________

1     ĠU C 134, 22.5.2010.