Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2016 – Le Pen vs Il-Parlament

(Kawża T-140/16)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Jean-Marie Le Pen (La Trinité-sur-Mer, Franza) (rappreżentanti: M. Ceccaldi u J.-P. Le Moigne, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew datata d-29 ta’ Jannar 2016, innotifikata permezz ta’ posta Nru D 302191 datata l-5 ta’ Frar 2016, meħuda skont l-Artikolu 68 tad-Deċiżjoni 2009/C 159/01 tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008 “dwar il-Miżuri ta’ Implimentazjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew”, kif emendata, li tikkonstata dejn fil-konfront tar-rikorrent fl-ammont ta’ EUR 320 026.23 fuq il-bażi ta’ ammonti indebitament imħallsa fil-kuntest tal-assistenza parlamentari u li timmotiva l-irkupru tiegħu;

tannulla n-nota ta’ debitu Nru 2016-195 tal-4 ta’ Frar 2016 li tinforma lir-rikorrent li ġie kkonstatat dejn fil-konfront tiegħu skont deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tad-29 ta’ Jannar 2016, irkupru ta’ somom indebitament imħallsa fuq il-bażi tal-assistenza parlamentari, skont l-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ Implimentezzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Artikoli 78, 79 u 80 tar-Regolament Finanzjarju;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha tal-istanza;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew iħallas lil Jean-Marie Le Pen, bħala rimbors ta’ spejjeż rekuperabbli, is-somma ta’ EUR 50 000.00.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq vizzji li jaffettwaw il-legalità esterna tal-atti esterni. Dan il-motiv huwa diviż f’żewġ partijiet.

L-ewwel parti, li tipprovdi li l-kompetenza fil-qasam ta’ deċiżjonijiet finanzjarji li jinteressaw lill-partijiet politiċi u, għalhekk, lill-membri tal-Parlament Ewropew, hija tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew u mhux tas-Segretarju Ġenerali.

It-tieni parti, li tipprovdi li l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew ma jistax jemenda n-natura u l-estent tal-kompetenza tiegħu. Issa, is-Segretarju Ġenerali ma għandu ebda delega regolari min-naħa tal-President tal-Uffiċċju tal-Parlament li tagħtih is-setgħa li jadotta u li jinnotifika l-atti kkontestati fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet finanzjarji li jikkonċernaw membru tal-Parlament Ewropew.

It-tieni motiv, ibbażat fuq vizzji li jaffettwaw l-legalità interna tal-atti kkontestati. Dan il-motiv huwa diviż f’erba’ partijiet.

L-ewwel parti ssostni li l-atti kkontestati huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

It-tieni parti ssostni li l-Uffiċċju tal-Parlament ma pprovda ebda prova li tiġġustifika l-atti kkontestati.

It-tielet parti ssostni li l-atti kkontestati huma vvizzjati minn użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura.

Ir-raba’ parti ssostni li l-atti kkontestati huma ta’ natura diskriminatorja.

____________