Language of document : ECLI:EU:T:2011:276

Kawża T-186/06

Solvay SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Tul tal-ksur — Kunċetti ta’ ‛ftehim’ u ta’ ‛prattika miftiehma’ — Aċċess għall-fajl — Multi — Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Aspettattivi leġittimi — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Kunċett — Qbil tal-intenzjonijiet fir-rigward tal-aġir li għandu jiġi adottat fis-suq — Inklużjoni

(Artikolu 81(1) KE)

2.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prattika miftiehma — Kunċett — Skambju ta’ informazzjoni fil-kuntest ta’ akkordju jew għall-finijiet tal-preparazzjoni tiegħu

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ksur kumpless li jinkludi elementi ta’ ftehim u elementi ta’ prattika miftiehma — Klassifikazzjoni unika bħala “ftehim u/jew prattika miftiehma” — Ammissibbiltà

(Artikolu 81(1) KE)

4.      Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku

(Artikolu 81(1) KE)

6.      Kompetizzjoni — Akkordji — Projbizzjoni — Akkordji li jkomplu jipproduċu effetti wara t-tmiem formali tagħhom

(Artikolu 81(1) KE)

7.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prova — Indizji prodotti mill-Kummissjoni — Parteċipazzjoni f’laqgħat li għandhom għan antikompetittiv

(Artikolu 81(1) KE)

8.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Konsegwenzi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

9.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Komunikazzjoni tar-risposti għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kundizzjonijiet — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

10.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3))

11.    Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3))

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1(A))

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva — Teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs tal-impriża ssanzjonata — Rilevanza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1(A))

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni tal-impriża inkriminata barra mill-kuntest stabbilit mill-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni — Kundizzjonijiet — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3, u 2002/C 45/03, it-tielet paragrafu tal-punt 23(b))

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata — Determinazzjoni tad-data tat-talba għal klemenza — Kriterji

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 21 u 23(b))

16.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Evalwazzjoni tal-livell ta’ kooperazzjoni pprovduta minn kull waħda mill-impriżi matul il-proċedura amministrattiva — Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

17.    Proċedura — Spejjeż — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91(b))

1.      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari.

Ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jiġi kkunsidrat bħala konkluż meta jkun hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni ppjanata għadhom is-suġġett ta’ negozjati.

F’dan ir-rigward, meta jiġi stabbilit li d-diskussjonijiet kienu evidentement immotivati minn intenzjoni komuni tal-parteċipanti li jiftiehmu fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata bil-fatt li l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni ppjanata kienu s-suġġett ta’ negozjati bejn il-parteċipanti u li sussegwentement il-ftehim kien ġie konkluż permezz ta’ modalitajiet differenti minn dawk diskussi matul il-laqgħat preċedenti. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ ġustament tikkonstata li l-aġiri tal-parteċipanti jiffurmaw parti minn fażi inizjali tal-akkordju li kienet tifforma parti mill-istess proġett antikompetittiv u, konsegwentement, kienu koperti mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE.

(ara l-punti 85, 86, 139, 142, 143)

2.      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jikkontempla forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma wasslet għall-konklużjoni ta’ ftehim uffiċjali, tissostitwixxi intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi li jista’ jew jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew inkella jiżvela lit-tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku nnifsu ddeċieda li japplika jew li għandu l-intenzjoni li jadotta fis-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

Il-fatt li wieħed jikkomunika informazzjoni lill-kompetituri tiegħu bil-għan li jiġi ppreparat ftehim antikompetittiv huwa biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

F’dan ir-rigward, anki jekk il-Kummissjoni ma jirnexxiliex tipprova li l-impriżi kkonkludew ftehim fis-sens strett tal-kelma, huwa biżżejjed, sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 81(1) KE, li l-kompetituri jkunu stabbilixxew kuntatti diretti sabiex jistabbilizzaw is-suq.

F’kull każ, għandu jiġi preżunt, bla ħsara għall-prova kuntrarja li għandhom jipproduċu l-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq.

(ara l-punti 87-89, 147, 148, 160)

3.      Il-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, jiġbru taħthom forom ta’ kollużjoni li jikkondividu l-istess karatteristiċi u li jiddistingwu ruħhom minn xulxin biss permezz tal-intensità tagħhom u tal-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom.

Fil-kuntest ta’ ksur kumpless, li involva l-parteċipazzjoni għal diversi snin ta’ diversi manifatturi bil-għan li jirregolaw is-suq bejniethom, il-Kummissjoni ma hijiex mistennija li tikkwalifika l-ksur b’mod preċiż bħala ftehim jew prattika miftiehma, peress li fi kwalunkwe każ, iż-żewġ tipi ta’ ksur huma koperti mill-Artikolu 81 KE.

Il-kwalifikazzjoni doppja tal-ksur bħala ftehim “u/jew” bħala prattika miftiehma għandha tinftiehem bħala li tirreferi għal ħaġa waħda kumplessa li tinkludi fatti li wħud minnhom ġew ikkwalifikati bħala ftehim u oħra bħala prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li ma jipprevedix kwalifikazzjonijiet speċifiċi għal dan it-tip ta’ ksur kumpless.

(ara l-punti 90-92, 130)

4.      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma huwa superfluwu, meta jkun jidher li l-għan tal-ksur kien li jostakola, jirrestrinġi, jew li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

B’mod partikolari, il-fatt li prattika miftiehma ma għandhiex effett dirett fuq il-prezzijiet ma jipprekludix li jiġi kkonstatat li din illimitat il-kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari, billi eliminat il-pressjonijiet kompetittivi.

(ara l-punti 158, 162)

5.      Sa fejn il-Kummissjoni tikklassifika akkordju bħala ksur uniku, hija ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ din il-klassifikazzjoni, it-tul differenti tal-atti li kienu jirrigwardaw wieħed mis-swieq ikkonċernati. Sa fejn dawn ma jkunux ċirkustanzi ta’ ksur distinti, hija lanqas ma hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni din id-differenza sabiex tiddetermina t-tul tal-ksur ikkunsidrat globalment.

Fil-fatt, ikun artifiċjali li aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn skop wieħed, jiġi diviż f’diversi ċirkustanzi ta’ ksur distinti minħabba li l-prattiki miftiehma varjaw, fl-intensità tagħhom, skont is-suq ikkonċernat. Dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

(ara l-punti 165, 166)

6.      L-Artikolu 81 KE huwa applikabbli wkoll għall-ftehim li jkomplu jipproduċu effetti wara t-tmiem formali tagħhom. B’mod partikolari l-Kummissjoni tista’ legalment tikkonstata li l-effetti tal-akkordju komplew wara t-tmiem formali tal-laqgħat kollużorji, sakemm iż-żidiet fil-prezzijiet previsti matul dawn il-laqgħat japplikaw għal perijodu posterjuri.

(ara l-punti 174, 175)

7.      Fid-dawl ta’ serje ta’ indizji konkordanti li juru l-eżistenza ta’ akkordju, hemm bżonn ta’ spjegazzjoni verament b’saħħitha sabiex jintwera li, matul laqgħa speċifika, ġraw affarijiet totalment differenti minn dawk li ġraw matul laqgħat preċedenti, ladarba dawn il-laqgħat kollha kienu jlaqqgħu flimkien l-istess ċirklu ta’ parteċipanti, kienu jseħħu fil-kuntest ta’ ċirkustanzi esterni omoġeni u kellhom, mingħajr ebda dubju, l-istess għan.

(ara l-punt 181)

8.      Id-dritt ta’ aċċess għal fajl, li huwa korollarju għall-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, jimplika li, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni u li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha.

Dawn jinkludu kemm id-dokumenti kontra kif ukoll id-dokumenti favur, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra.

Fir-rigward tad-dokumenti kontra, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument sabiex issostni l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, li dan l-ilment jista’ jiġi pprovat biss b’riferiment għall-imsemmi dokument. Għalhekk, hija l-impriża kkonċernata li għandha tipprova li r-riżultat li għalih waslet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku d-dokument mhux ikkomunikat kellu jitwarrab bħala prova.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument favur, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi biss li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża tistabbilixxi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti favur għad-difiża tagħha, billi turi, b’mod partikolari, li hija setgħet tinvoka elementi li ma kinux konformi mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li għalhekk setgħu jinfluwenzaw, b’xi mod, l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni.

(ara l-punti 205-208)

9.      Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, ir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jiffurmawx parti mill-fajl tal-investigazzjoni veru u proprju. Fir-rigward tad-dokumenti li ma jiffurmawx parti mill-fajl miftuħ meta ġiet innotifikata d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata li tiżvela l-imsemmija risposti lill-partijiet oħra ikkonċernati biss jekk jirriżulta li dawn ikunu jinkludu elementi ġodda favur jew kontra.

Barra minn hekk, ma għandhiex tkun biss il-Kummissjoni li tiddetermina d-dokumenti utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata, l-imsemmija kunsiderazzjoni, li tirrigwarda d-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, ma tistax tapplika għal risposti li impriżi kkonċernati oħra taw għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u fuq ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma għandhomx, bħala prinċipju, jwasslu sabiex il-Kummissjoni tiġi obbligata tiżvela r-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-partijiet oħra, sabiex dawn ikunu jistgħu jivverifikaw in-nuqqas ta’ eventwali elementi favur.

Sa fejn l-impriża inkwistjoni, li hija rikorrenti, tinvoka, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-eżistenza tal-allegati elementi favur f’risposti mhux żvelati, hija l-impriża stess li għandha tipprovdi l-ewwel indizju tal-utilità, għad-difiża tagħha, ta’ dawn id-dokumenti. Hija għandha b’mod partikolari tindika l-elementi potenzjali favur inkwistjoni jew tipprovdi indizju li jipprova l-eżistenza tagħhom u, għaldaqstant, l-utilità tagħhom għall-bżonnijiet tal-istanza. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-impriżi kkonċernati l-oħra essenzjalment ressqu l-istess argumenti bħal dawk tal-impriża kkonċernata ma huwiex biżżejjed sabiex dawn l-argumenti jiġu kkunsidrati bħala elementi favur. Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza li ċerti impriżi rnexxielhom juru, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-allegat ksur ma hijiex suffiċjentement stabbilita, bl-ebda mod ma timplika li dawn ir-risposti jinkludu elementi li jistgħu jiċċaraw minn perspettiva differenti l-provi dokumentarji diretti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fir-rigward tal-impriżi l-oħra.

(ara l-punti 224, 225, 228-231, 233, 234)

10.    Il-gravità ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tiġi stabbilita billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni.

Għalkemm l-ammont inizjali huwa ddeterminat skont il-gravità tal-ksur globali, fil-każ ta’ ksur uniku u kontinwu, jista’ jkun xieraq li tiġi riflessa, f’dan l-istadju tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, l-intensità varjabbli tal-aġiri li jikkostitwixxu ksur.

(ara l-punti 255, 260)

11.    Fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali ta’ multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżiti ta’ din il-forma proċedurali sostanzjali huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tiddetermina l-gravità u t-tul tal-ksur. Il-Kummissjoni tissodisfa dawn ir-rekwiżiti meta tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi marbutin man-natura tal-ksur, mal-firxa u mad-daqs tas-swieq ikkonċernati, u meta tispjega l-applikazzjoni tagħhom għal kawża ineżami.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-motivazzjoni tal-ammont inizjali f’termini assoluti, il-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni li għandha jkollha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammonti tagħhom sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fid-direzzjoni tal-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tintalab tagħti biss, f’dan ir-rigward, dawk l-elementi ta’ motivazzjoni relatati mal-gravità u mat-tul tal-ksur.

(ara l-punti 271-273)

12.    Fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont ta’ multa imposta minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għalkemm l-eżistenza ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, dan huwa kriterju fost oħrajn, bħalma huwa n-natura proprja tal-ksur u d-daqs tas-suq ġeografiku. Bl-istess mod, mill-ewwel subparagrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jirriżulta li dan l-impatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta dan jista’ jitkejjel.

L-akkordji orizzontali fuq il-prezz jew fuq it-tqassim tas-swieq jistgħu għalhekk jiġu klassifikati bħala ksur gravi ħafna sempliċement abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun mistennija li turi impatt reali tal-ksur fuq is-suq. L-impatt konkret tal-ksur huwa biss element fost oħrajn, li, jekk jista’ jitkejjel, jista’ jippermetti lill-Kummissjoni żżid l-ammont inizjali tal-multa lil hinn mill-ammont minimu previst.

Barra minn hekk, peress li dan huwa element mhux obbligatorju fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ma tistax tiġi validament ikkritikata talli ma spjegatx b’mod espliċitu l-motivi tal-konstatazzjoni tagħha dwar il-fatt li l-impatt konkret tal-ksur ma jistax jitkejjel.

Fil-fatt, meta tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa imposta l-Kummissjoni tista’, ġustament u mingħajr ma hija obbligata li tiġġustifika l-għażla tagħha, tinjora l-fattur inkwistjoni u tibbaża ruħha fuq elementi oħra, bħan-natura tal-ksur, il-firxa ġeografika u d-daqs tas-suq.

(ara l-punti 277, 278, 288, 289)

13.    Sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura dissważiva tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni.

Meta l-ksur issanzjonat jikkorrispondi għal aġiri li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni, sa mill-ewwel interventi tagħha f’dan ir-rigward, ripetutament iddikjarat li huma illegali, il-Kummissjoni tista’ tiffissa l-ammont tal-multa għal livell suffiċjentement dissważiv, mingħajr ma tkun obbligata li tevalwa l-probabbiltà ta’ reċidiva min-naħa tar-rikorrenti.

(ara l-punti 297, 298, 300)

14.    Fir-rigward tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis tagħhom f’każijiet ta’ kartell, bħala prinċipju, impriża ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-grad tal-kooperazzjoni tagħha inkwantu ċirkustanza attenwanti, lil hinn mill-kuntest legali tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Għalhekk, meta l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni ta’ impriża billi naqqset l-ammont tal-multa skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi validament ikkritikata talli ma applikatx tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa imposta fuq din l-impriża, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni.

(ara l-punti 314, 315)

15.    Għal finijiet tal-applikazzjoni tal-faxxex ta’ tnaqqis ta’ multa imposta għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fil-punt 23(b) tal-komunikazzjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis tagħhom f’każijiet ta’ kartell, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-mument meta l-impriża effettivament ipproduċiet quddiemha l-provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma dawk li diġà kienu fil-pussess tagħha. Il-Kummissjoni hija obbligata li tiddetermina l-mument preċiż ta’ meta r-rekwiżiti għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa jiġu sodisfatti mill-impriża kkonċernata, billi tqabbel il-provi prodotti u dawk li diġà kienu fil-pussess tagħha fid-data ta’ meta saret it-talba, u għalhekk għandu jkollha l-elementi inkwistjoni fil-pussess effettiv tagħha.

F’dan ir-rigward, l-impriżi li jagħmlu talba għal klemenza skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, indipendentement mill-mod ta’ kif jiġu prodotti l-provi, li jiddependi fuq l-għażla tal-awtur tat-talba. Għaldaqstant, dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu trattati bl-istess mod.

Għalhekk, meta impriża tikkuntattja lill-Kummissjoni sabiex tagħmel dikjarazzjoni orali iżda tipproduċi l-provi dwar il-ksur ikkonċernat biss l-għada, il-Kummissjoni tista’ ġustament tikkonstata li kien f’din id-data li l-impriża ssodisfat il-kundizzjoniji prevista fil-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

Huwa preċiżament għaliex l-għoti orali ta’ informazzjoni huwa mezz ta’ kooperazzjoni li bħala prinċipju huwa inqas veloċi mill-għoti ta’ informazzjoni bil-miktub li impriża għandha, meta tiddeċiedi li tagħti informazzjoni b’mod orali, iżżomm f’moħħa r-riskju li impriża oħra tista’ tagħti lill-Kummissjoni, bil-miktub u qabilha, elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju.

(ara l-punti 365, 366, 370-372, 374)

16.    Għalkemm il-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni mogħtija mill-membri ta’ akkordju, tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, madankollu hija tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża speċifika. Għaldaqstant, huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li jista’ jiġi ċċensurat. Fid-dawl ta’ dan, impriża ma tistax tillimita ruħha li tipproponi, f’anness mar-rikors tagħha, l-evalwazzjoni tagħha stess tal-kontribuzzjonijiet tal-impriżi l-oħra, iżda għandha turi, permezz ta’ argument konkret, b’liema mod l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żball manifest.

(ara l-punti 394, 395)

17.    L-ispejjeż li jirriżultaw mill-kostituzzjoni u miż-żamma tal-garanzija bankarja sabiex tiġi evitata l-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxux spejjeż tal-istanza.

(ara l-punt 444)