Language of document : ECLI:EU:T:2011:275

Kawża T-185/06

L’Air liquide, société anonyme pour l’étude et l’exploitation des procédés Georges Claude

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni

(Artikolu 81 KE)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni — Deċiżjoni li tikkonċerna diversi destinatarji — Neċessità ta’ motivazzjoni suffiċjenti b’mod partikolari fir-rigward tal-entità li għandha tirrispondi għall-akkuża ta’ ksur

(Artikoli 81 KE u 253 KE)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni — Regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni fil-mori tal-kawża — Inammissibbiltà

(Artikoli 81 KE u 253 KE)

1.      L-aġir ta’ sussidjarja jista’ jkun imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, dik is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawk iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent tkun iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, dik il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ dik is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni, sussegwentement, tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli għall-ksur inkwistjoni, sakemm dik il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li tegħleb dik il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

Bil-għan li jiġi evalwat jekk sussidjarja tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu dik is-sussidjarja mal-kumpannija parent, liema elementi jistgħu jvarjaw skont il-każ u ma jistgħux għaldaqstant jiġu elenkati b’mod eżawrjenti.

(ara l-punti 21-25)

2.      Fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati, iżda huwa suffiċjenti li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza essenzjali fl-iskema ġenerali tad-deċiżjoni. B’mod partikolari, hija ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-elementi li huma manifestament irrilevanti, mingħajr ebda sinjifikat jew manifestament sekondarji.

Meta deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE tikkonċerna bosta destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, din għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r-responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, tali deċiżjoni għandu jkun fiha sunt iddettaljat tal-motivi tali li jiġġustifika l-imputabbiltà tal-ksur lil dik il-kumpannija.

F’dan il-kuntest, meta, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, impriża tibbaża ruħha fuq numru ta’ ċirkustanzi li jikkaratterizzaw ir-rabtiet bejnha u bejn is-sussidjarja tagħha fil-mument tal-ksur, billi tinvoka, b’mod partikolari, il-fatt li l-attività ta’ din tal-aħħar kienet speċifika ħafna meta mqabbla mal-attivitajiet l-oħra tal-grupp, in-nuqqas ta’ kondiviżjoni fil-livell tad-diriġenti u tal-persunal tal-kumpanniji kkonċernati, definizzjoni wiesgħa tas-setgħat tad-diriġenti tas-sussidjarja, il-fatt li din tal-aħħar kellha d-dipartimenti individwali tagħha marbuta mal-attivitajiet kummerċjali, kif ukoll awtonomija fl-elaborazzjoni ta’ proġetti strateġiċi, u meta l-elementi hekk prodotti ma jillimitawx ruħhom għal allegazzjonijiet iżda jinkludu serje ta’ elementi konkreti, annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata tieħu pożizzjoni fuq dan l-argument billi teżamina jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha relatati mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi bejn il-kumpanniji kkonċernati, il-kumpannija parent urietx li s-sussidjarja tagħha kienet taġixxi fis-suq b’mod awtonomu u, fejn ikun xieraq, tesponi r-raġunijiet li abbażi tagħhom hija tikkunsidra li l-elementi ppreżentati mill-kumpannija parent ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni inkwistjoni. Il-kompitu tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjoni tagħha fuq dak il-punt jirriżulta b’mod ċar min-natura juris tantum tal-preżunzjoni dwar l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti minn kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha li hija żżomm 100 % tal-kapital tagħha, li sabiex tiġi kkonfutata l-kumpannija parent għandha tipproduċi prova li tirrigwarda r-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi kollha bejnha u bejn is-sussidjarja tagħha.

(ara l-punti 64, 65, 70, 72-75)

3.      Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapplika l-Artikolu 81 KE għandha, fil-prinċipju, tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata kontemporanjament mad-deċiżjoni li taffettwaha. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi rrimedjat mill-fatt li l-parti kkonċernata ssir taf il-motivi għad-deċiżjoni matul il-kawża.Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ motivi ma jistax jiġi rrimedjat matul il-kawża.

(ara l-punti 81, 82)