Language of document : ECLI:EU:T:2008:511

Kawża T-187/06

Ralf Schräder

vs

L-Uffiċċju tal-Komunità ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti (CPVO)

“Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti — Varjetà ta’ pjanti SUMCOL 01 — Rifjut tal-applikazzjoni għal dritt Komunitarju — Nuqqas ta’ karattru distintiv tal-varjetà li saret applikazzjoni għaliha”

Sommarju tas-sentenza

1.      Agrikoltura — Leġiżlazzjonijiet uniformi — Drittijiet tal-varjetajiet ta’ pjanti — Kundizzjonijiet għall-għoti tad-dritt

(Regolament tal-Kunsill Nru 2100/94, Artikolu 7(1) u (2))

2.      Agrikoltura — Leġiżlazzjonijiet uniformi — Drittijiet tal-varjetajiet ta’ pjanti — Kundizzjonijiet għall-għoti tad-dritt

(Regolament tal-Kunsill Nru 2100/94, Artikolu 7 (2))

3.      Agrikoltura — Leġiżlazzjonijiet uniformi — Drittijiet tal-varjetajiet ta’ pjanti — Deċiżjoni ta’ għoti jew ta’ rifjut tad-dritt

(Regolament tal-Kunsill Nru 2100/94, Artikoli 76 u 78)

1.      Għalkemm il-Qorti Komunitarja tirrikonoxxi marġni ta’ diskrezzjoni lill-amministrazzjoni fil-qasam ekonomiku u tekniku, dan ma jimplikax li hija għandha żżomm lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, min-naħa tal-amministrazzjoni, ta’ data ta’ dan it-tip. Fil-fatt, il-qorti Komunitarja għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jiġu dedotti minnhom. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, hija ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika jew teknika tagħha għal dik tal-amministrazzjoni.

L-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ varjetà ta’ pjanti, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2100/94, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, tippreżenta kumplessità xjentifika u teknika li tista’ tiġġustifika limitazzjoni tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, tali evalwazzjoni teħtieġ ħila u għarfien tekniku speċifiku, b’mod partikolari fil-qasam tal-botanika u tal-ġenetika. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ varjetà oħra magħrufa sew, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7(2), tal-imsemmi regolament, ma teħtieġx ħila jew għarfien tekniku speċifiku u ma tippreżenta l-ebda kumplessità li tista’ tiġġustifika limitazzjoni tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju.

(ara l-punti 61, 63-65)

2.      Skont il-kliem stess tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti (Konvenzjoni UPOV), il-pubblikazzjoni fil-litteratura xjentifika ta’ deskrizzjoni dettaljata ta’ varjetà ta’ pjanti hija wieħed mill-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-popolarità tagħha. Tali element jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 2100/94, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità. Fil-fatt, minn naħa, din id-dispożizzjoni ma fiha l-ebda lista eżawrjenti tal-elementi li jistgħu jistabbilixxu l-popolarità ta’ varjetà ta’ referenza, u dan jispjega l-użu tal-avverbju “b’mod partikolari”. Min-naħa l-oħra, skont il-premessa ta’ qabel tal-aħħar tar-Regolament Nru 2100/94, l-imsemmi regolament għandu jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni UPOV.

(ara l-punti 94, 97, 99)

3.      Il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Komunità ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti għandu s-setgħa, skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94, dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, li jagħmel investigazzjonijiet ex officio fuq il-fatti, b’mod partikolari permezz tal-użu tal-miżuri istruttorji msemmija fl-Artikolu 78 tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, sa fejn miżura istruttorja tista’ tiġi deċiża ex officio, mingħajr ma l-Bord tal-Appell ikun marbut li jiddiskuti minn qabel mal-partijiet dwar jekk din hijiex opportuna jew meħtieġa, tali miżura tista’ wkoll tiġi differita ex officio, taħt l-istess kundizzjonijiet, jekk matul id-deliberazzjonijiet tiegħu l-Bord tal-Appell jasal biex jagħti evalwazzjoni differenti. Dan mhuwiex każ ta’ deċiżjonijiet meħuda għalgħarrieda, bi ksur ta’ allegat prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, iżda huwa każ ta’ eżerċizzju, min-naħa tal-Bord tal-Appell, tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-imsemmi Artikolu 76.

(ara l-punt 121)