Language of document : ECLI:EU:T:2011:276

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Tul tal-ksur – Kunċetti ta’ ‛ftehim’ u ta’ ‛prattika miftiehma’ – Aċċess għall-fajl – Multi – Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Aspettattivi leġittimi – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑186/06,

Solvay SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), inizjalment irrappreżentata minn O. W. Brouwer, D. Mes, avukati, M. O’Regan u A. Villette, solicitors, u sussegwentement minn W. Brouwer, A. Stoffer, avukat, M. O’Regan u A. Villette,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Arbault, u sussegwentement minn V. Di Bucci u V. Bottka, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), u, min-naħa l-oħra, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn V. Vadapalas (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, A. Dittrich u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Solvay SA, hija kumpannija rregolata mid-dritt Belġjan li fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti kienet timmanifattura, b’mod partikolari, il-perossidu tal-idroġenu (iktar ’il quddiem il-“PH”) u l-perborat tas-sodju (iktar ’il quddiem il-“PBS”).

2        Fis-7 ta’ Mejju 2002, ir-rikorrenti kisbet il-kontroll 100 % tal-Kumpannija Ausimont SpA (li saret Solvay Solexis SpA), li fiż-żmien ta’ meta seħħew il-fatti kienet ikkontrollata 100 % minn Montedison SpA (li saret Edison SpA).

3        F’Novembru 2002, Degussa AG infurmat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza ta’ akkordju fis-swieq tal-PH u tal-PBS u talbet l-applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il-quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”).

4        Degussa pproduċiet provi materjali lill-Kummissjoni li ppermettewlha twettaq, fil-25 u fis-26 ta’ Marzu 2003, spezzjonijiet fil-bini ta’ tliet impriżi, fosthom dawk tar-rikorrenti.

5        Wara dawn l-ispezzjonijiet, diversi impriżi, fosthom EKA Chemicals AB, Arkema SA (li kienet Atofina SA) u r-rikorrenti, talbu l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u bagħtu lill-Kummissjoni provi dwar l-akkordju inkwistjoni.

6        Fis-26 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi l-oħra kkonċernati.

7        Permezz ta’ ittri tad-29 ta’ April u tas-27 ta’ Ġunju 2005, ir-rikorrenti talbet li tingħata aċċess, minn naħa, għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-risposti li l-impriżi l-oħra taw għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, għal ċerti dokumenti kunfidenzjali tal-fajl ipprovduti minn Degussa.

8        B’ittri tal-4 ta’ Mejju u tal-20 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni, minn naħa, rrifjutat l-aċċess għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, żvelat parzjalment id-dokumenti pprovduti minn Degussa.

9        Wara s-smigħ tal-impriżi kkonċernati, li seħħ fit-28 u fid-29 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, tat-30 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-konfront ta’ Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals, Degussa, Edison, FMC Corp., FMC Foret SA, Kemira Oyj, Air liquide SA, Chemoxal SA, SNIA SpA, Caffaro Srl, ir-rikorrenti, Solvay Solexis, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sunt tagħha ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 353, p. 54). Din ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2006.

 Id-deċiżjoni kkontestata

10      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fir-rigward tal-PH u tal-prodott sekondarju [downstream], il-PBS (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Il-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti prinċipalment fl-iskambju, bejn kompetituri, ta’ informazzjoni importanti mill-perspettiva kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar is-swieq u l-impriżi, f’limitazzjoni u f’kontroll tal-produzzjoni u tal-kapaċitajiet potenzjali u reali tal-produzzjoni, fi tqassim tal-ishma tas-suq u tal-klijenti kif ukoll fl-iffissar u s-sorveljanza tal-osservanza tal-prezzijiet mixtieqa.

12      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija stabbilita fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, P. 171), iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).

13      Il-Kummissjoni ddeterminat l-ammonti bażiċi tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur (premessa 452 tad-deċiżjoni kkontestata), li ġie kklassifikat bħala gravi ħafna (premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Abbażi ta’ trattament differenzjat, ir-rikorrenti, inkwantu l-ikbar operatur fis-swieq ikkonċernati fiż-ŻEE, ġiet ikklassifikata fl-ewwel kategorija, li tikkorrispondi għal ammont inizjali ta’ EUR 50 miljun (premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Sabiex jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti, ġie applikat koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.5 fuq dan l-ammont inizjali, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ kunsiderevoli tar-rikorrenti (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Peress li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur, skont il-Kummissjoni, mill-31 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri għal perijodu ta’ sitt snin u ħdax-il xahar, l-ammont inizjali tal-multa tagħha ġie miżjud b’65 % (premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti, l-ammont bażiku tal-multa ġie miżjud b’50 % minħabba r-reċidiva (premessa 469 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienet it-tielet impriża li ssodisfat il-kundizzjoni prevista fil-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u għal din ir-raġuni tatha tnaqqis ta’ 10 % fuq l-ammont tal-multa (premessi 501 sa 524 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      L-Artikolu 1(m) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipat fil-ksur mill-31 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Diċembru 2000.

20      L-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti skont l-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata huwa ta’ EUR 162.062 miljun.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

22      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u, wara li nstemgħu l-partijiet, din il-kawża ġiet rinvijata quddiem is-Sitt Awla Estiża.

23      Permezz ta’ ittri tat-22 ta’ Lulju 2009 u tas-6 ta’ Jannar 2010, il‑Qorti Ġenerali għamlet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom dawn wieġbu fil-15 ta’ Settembru 2009 u fid-29 ta’ Jannar 2010.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-3 ta’ Marzu 2010.

25      Skont l-Artikolu 32 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, peress li żewġ Membri tal-Awla ma setgħux jipparteċipaw fid-deliberazzjoni, id-deliberazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali tkomplew mit-tliet Imħallfin li ffirmaw din is-sentenza.

26      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari sa fejn il-Kummissjoni tikkonstata l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u Awwissu 1997, kif ukoll matul il-perijodu ta’ bejn it-18 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 2000.

–        tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-multa li ġiet imposta fuqha kif ukoll dik imposta fuq Solvay Solexis;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk li jirrigwardaw l-istabbiliment ta’ garanzija bankarja fir-rigward tal-ħlas tal-multa.

27      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

28      Permezz ta’ att tal-15 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti rrinunzjat parzjalment għat-tieni kap tat-talbiet tagħha, sa fejn dan kien jirrigwarda l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa imposta fuq Solvay Solexis. Din ir-rinunzja ġiet ikkonfermata matul is-seduta u dan tniżżel fil-proċess verbali tas-seduta.

 Id-dritt

29      Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka ħames motivi, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-fatti f’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, il-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur għall-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u Awwissu 1997, it-tieni nett, il-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur għall-perijodu ta’ bejn it-18 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 2000, it-tielet nett, l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, ir-raba’ nett, id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa u, il-ħames nett, ir-rifjut ta’ aċċess għall-elementi tal-fajl.

30      Mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti jirriżulta li l-motivi relatati mat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (l-ewwel u t-tieni motiv) u mal-aċċess għal-fajl (il-ħames motiv) huma ppreżentati insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-motivi li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (ir-raba’ motiv) u t-tnaqqis tiegħu skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (it-tielet motiv) huma invokati insostenn tat-talba għall-annullament tal-multa jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħha.

31      Għalhekk dawn għandhom jiġu eżaminati f’din is-sekwenza.

 Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur.

 L-argumenti tal-partijiet

32      Permezz tal-ewwel u t-tieni motiv ir-rikorrenti tikkontesta l-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur għall-perijodi inizjali u finali tal-akkordju li huma, rispettivament, bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u Awwissu 1997 u bejn it-18 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 2000.

–       Fuq il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u Awwissu 1997

33      Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u Awwissu 1997. Hija tagħmel distinzjoni bejn il-perijodu ta’ qabel Mejju 1995 u l-perijodu ta’ bejn Mejju 1995 u Awwissu 1997.

34      Fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u Mejju 1995, hija targumenta li l-Kummissjoni ma werietx li hija pparteċipat f’xi diskussjonijiet jew skambji ta’ informazzjoni ma kompetituri tagħha.

35      L-ewwel nett, fir-rigward tal-laqgħa ta’ Stokkolma bejn EKA Chemicals u Kemira fil-31 ta’ Jannar 1994, li ngħażlet bħala d-data tal-bidu tal-ksur, ma ġiex stabbilit b’mod ċar li din kienet effettivament seħħet, peress li din ma ġietx ikkonfermata minn Kemira.

36      Barra minn hekk, in-noti li EKA Chemicals ħadet matul din il-laqgħa, li jagħmlu riferiment għal diskussjonijiet ta’ Kemira ma impriżi oħra, fosthom ir-rikorrenti, ma jurux li dawn id-diskussjonijiet kienu ta’ natura illegali. Dan l-element ma huwa kkorroborat minn ebda prova oħra li tippermetti li tiġi stabbilita rabta bejn l-akkordju bilaterali bejn EKA Chemicals u Kemira fis-suq skandinavu u l-allegat akkordju implementat fuq livell Ewropew.

37      In-Noti ta’ EKA Chemicals jindikaw li r-riżultati tad-diskussjonijiet ma’ Air Liquide “ma kinux tajbin wisq” u li d-diskussjonijiet mar-rikorrenti “kienu qed jipproċedu b’mod iktar sodisfaċenti”, dawn juru li Kemira la kienet waslet għal qbil ma Air Liquide u lanqas mar-rikorrenti. Peress li l-Kummissjoni kkonstatat li Air Liquide ma kinitx ipparteċipat fil-ksur dak iż-żmien, hija kellha tagħmel l-istess fir-rigward tar-rikorrenti.

38      It-tieni nett, fir-rigward tal-laqgħa ta’ Göteborg fit-2 ta’ Novembru 1994, din ma kellhiex għan antikompetittiv. L-argument tal-Kummissjoni dwar l-iskambju ta’ data kummerċjali matul din il-laqgħa ma huwiex ikkonfermat mill-provi prodotti minn EKA Chemicals u huwa mgiddeb mill-informazzjoni prodotta mir-rikorrenti.

39      It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-kuntatti li seħħew b’mod marġinali għal-laqgħat tal-European Chemical Industry Council (CEFIC) fid-29 ta’ April 1994 f’Ruma u fil-25 ta’ Novembru 1994 f’Zaventem, id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa fuq l-iskambju ta’ “informazzjoni sensittiva fuq il-kompetizzjoni” ma humiex, waħedhom, suffiċjenti sabiex juru n-natura illegali ta’ dawn il-kuntatti.

40      Fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn Mejju 1995 u Awwissu 1997, ir-rikorrenti tammetti li skambjat informazzjoni ma kompetituri, iżda ssostni li dawn l-iskambji ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ftehim jew prattiki miftiehma.

41      Is-sempliċi xewqa li l-kompetizzjoni tiġi ristretta ma tikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 81 KE. Il-Kummissjoni messha pprovat l-eżistenza ta’ ftehim, li jirriżulta minn intenzjoni komuni li jkun hemm aġir speċifiku fis-suq. Issa, kull laqgħa msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li nżammet sa Awwissu 1997, ntemmet mingħajr ma l-impriżi ma qablu li għandu jiġi adottat kwalsiasi aġir li jikkostitwixxi ksur.

42      Għalhekk, bil-kontra tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza invokata fil-premessa 305 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wrietx li l-impriżi kkonċernati kienu ftehmu fuq xi linja ta’ kondotta speċifika li tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

43      Il-Kummissjoni lanqas ma stabbiliet li l-iskambji ta’ informazzjoni matul il-perijodu inkwistjoni kienu jikkostitwixxu prattika miftiehma.

44      Skont ir-rikorrenti, prattika miftiehma teħtieġ li kompetituri jiftiehmu li jadottaw aġir speċifiku, li kuntatti bejn l-impriżi jippermettulhom li jwarrbu kull inċertezza fir-rigward tal-aġir reċiproku u li dan ikollu effetti fuq l-aġir fis-suq.

45      Skont ir-rikorrenti, il-ġurisprudenza invokata fil-premessa 298 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-iskambju ta’ informazzjoni bil-għan li jiġi ppreparat kartell jista’ jiġi kkunsidrat bħala prattika miftiehma, tapplika biss fil-każ fejn ikun diġà ġie konkluż ftehim u fejn l-iskambju jseħħ sabiex jippermetti l-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim. Issa, f’din il-kawża, ma kienx hemm ftehim jew prattika miftiehma preċedenti għall-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni.

46      Fil-fatt, in-nuqqas ta’ qbil fi ħdan il-parteċipanti għall-laqgħat inkwistjoni tant kien kbir li ma setax ikun hemm kooperazzjoni prattika bejniethom u, għaldaqstant, lanqas ma seta’ jkun hemm prattika miftiehma.

47      Barra minn hekk, l-informazzjoni skambjata la kienet ta’ natura li taffettwa l-aġir tal-kompetituri u lanqas li tnaqqas b’mod sostanzjali l-inċertezza fir-rigward tal-aġir tal-impriżi l-oħra fis-suq.

48      Matul il-perijodu kkonċernat, id-diskussjonijiet kienu ffokati fuq il-kapaċitajiet u l-volumi tad-diversi fornituri, il-mod ta’ kif għandha tiġi solvuta l-problema tal-kapaċitajiet ġodda u ta’ kif għandha titqassam id-domanda addizzjonali. L-iskambju ta’ informazzjoni kien jirrigwarda l-volumi ta’ produzzjoni u kien intiż għall-elaborazzjoni tal-mudelli ta’ kif għandhom jitqassmu l-imsemmija volumi sabiex jiġi żgurat livell raġonevoli ta’ użu tal-kapaċitajiet, u mhux it-tqassim tas-suq. Din l-informazzjoni ma kinitx ta’ natura li tippermetti lill-impriżi jadattaw l-aġir kummerċjali tagħhom.

49      Peress li l-Kummissjoni naqset milli teżamina jekk l-informazzjoni skambjata setgħetx tintuża għal finijiet antikompetittivi, hija ma setgħetx tistabbilixxi r-rabta kawżali bejn l-allegati prattiki miftiehma u l-aġir fis-suq.

50      Id-dikjarazzjoni ta’ Degussa fuq l-iskambju ta’ “informazzjoni sensittiva fuq il-kompetizzjoni” ma hijiex suffiċjenti sabiex turi n-natura illegali ta’ dan l-iskambju.

51      Fit-talba għal klemenza tagħha u fir-risposta tagħha tal-5 ta’ Settembru 2003 għat-talba għall-informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni, Degussa semmiet kuntatti ma kompetituri li allegatament seħħew matul diversi snin, mingħajr ma pproduċiet l-iċken speċifikazzjoni fir-rigward tal-kontenut tal-informazzjoni skambjata. Dawn l-indikazzjojnijiet, magħmula fil-kuntest ta’ talba għal klemenza, għandhom jiġu kkunsidrati bi prudenza. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa huma ambigwi u ta’ valur probatorju dubjuż, sa fejn id-data tagħhom ma hijiex dik taż-żmien ta’ meta ġraw il-fatti u sa fejn ma jippermettux li jiġu identifikati xhieda individwali. Peress li ma humiex ikkonfermati minn elementi oħra tal-fajl, dawn ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbiliti l-ksur.

52      Degussa nnifisha ma ammettietx li kienet wettqet ksur qabel “nofs l-1997”. Degussa speċifikat li “l-espressjoni ‘skambju ta’ informazzjoni sensittiva fuq is-suq’ [kienet tikkaratterizza] l-kontenut tipiku ta’ diskussjoni bejn il-gruppi inkarigati mill-bejgħ ta’ impriżi kompetituri” u li dan “ma [jimplikax] prattika miftiehma attiva bejn l-impriżi fir-rigward tal-linja ta’ kondotta tagħhom”. Degussa żiedet tgħid li tali skambji “kienu intiżi biss li jwessgħu l-firxa ta’ informazzjoni neċessarja għad-deċiżjonijiet futuri tal-impriżi”. Għalhekk dawn kellhom għan ieħor għajr dak li joħolqu “klima” li tippermetti li fil-ġejjieni jiġu adottati deċiżjonijiet.

53      Id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa ma ġewx ikkonfermati mill-impriżi l-oħra. Id-dokumenti pprovduti minn EKA Chemicals jikkonfermaw biss l-iskambju ta’ informazzjoni bejnha u bejn Kemira. Arkema semmiet biss diskussjonijiet dwar mudell li jista’ jintuża sabiex jitqassmu l-“kapaċitajiet” ta’ produzzjoni, diskussjonijiet li ntemmu mingħajr ma ntlaħaq ftehim. Minn dan jirriżulta li, anki fil-bidu tal-1997, il-manifatturi la qablu u lanqas ma ftiehmu fuq “organizzazzjoni tas-suq fuq il-livell Ewropew”, u dan minkejja tentattivi f’dan is-sens.

54      In-nuqqas ta’ ftehim jew prattika miftiehma huwa kkonfermat, minn naħa, mill-aġir li Degussa adottat dak iż-żmien, b’mod partikolari permezz tal-pjan “WAR” tagħha intiż sabiex il-bejgħ tagħha jitkattar mingħajr kunsiderazzjonijiet ta’ prezz u, min-naħa l-oħra, mill-falliment tad-diskussjonijiet waqt il-laqgħa ta’ Séville, f’Mejju 1997, deskritti minn Degussa u Arkema bħala li kienu waslu “f’punt fejn ma setgħux jiżviluppaw iktar” minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja bejn il-manifatturi. Il-Kummissjoni nnifisha ammettiet, fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, li ebda ftehim kien għadu ma ntlaħaq matul din il-laqgħa, fejn ir-rappreżentant tar-rikorrenti kien “ħareġ b’rabja mill-kamra”.

55      Mingħajr ma tistabbilixxi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma, il-Kummissjoni ma setgħetx tippreżumi li l-impriżi kienu ħadu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li impriżi oħra kienu kkomunikawlhom. Bil-kontra tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni (C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 161 u 162), fil-kawża preżenti, l-impriżi kkonċernati ma kinux f’pożizzjoni li jaslu għal ftehim fuq aspett kwalsiasi tal-politika kummerċjali tagħhom u, f’kull każ, l-informazzjoni skambjata ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi implementata xi prattika miftiehma.

56      In-nuqqas ta’ prattika miftiehma huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li s-suq tal-PH kien kompetittiv ħafna sa Awwissu 1997. B’mod partikolari, il-prezzijiet tal-PH naqsu b’mod kunsiderevoli lejn l-aħħar tas-sena 1996 u l-bidu tas-sena 1997, sa ma niżlu taħt il-livell tal-ispejjeż varjabbli.

57      Il-provi prodotti minn diversi impriżi matul il-proċedura amministrattiva juru li s-suq kien kompetittiv ħafna matul il-perijodu inkwistjoni. Fid-dawl ta’ din il-prova, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi li l-iskambju ta’ informazzjoni kellu effettivament influwenza fuq l-aġir tal-impriżi fis-suq.

58      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-PBS, l-ebda prova ma tindika li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur qabel il-laqgħa ta’ Evian-les-Bains tal-14 ta’ Mejju 1998. Qabel din id-data, ma kien ġie konkluż ebda ftehim u ma kien hemm ebda skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva bejn il-manifatturi.

59      Il-Kummissjoni ssostni li stabbilixxiet suffiċjentement skont il-liġi li, mill-31 ta’ Jannar 1994, l-aġir tar-rikorrenti kien jaqa taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE.

60      Hija stabbiliet li, matul il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u Awwissu 1997, l-impriżi kkonċernati kienu skambjaw informazzjoni sensittiva bl-għan speċifiku li jipprevedu l-aġir reċiproku tagħhom fis-suq, f’dak li jirrigwarda l-volumi ta’ produzzjoni, it-tnaqqis possibbli tagħhom u l-possibbiltà li jiġi ostakolat id-dħul fis-suq ta’ kapaċitajiet ġodda (premessi 104 sa 170 u 304 tad-deċiżjoni kkontestata).

61      Id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa juru li, matul is-snin 90, l-impriżi skambjaw “informazzjoni sensittiva fuq il-kompetizzjoni”. Mid-deskrizzjoni pprovduta minn Degussa jirriżulta li l-informazzjoni żvelata kienet tikkonċerna l-aġir ippjanat fis-suq, jiġifieri l-“iżvilupp tal-volumi u tal-prezzijiet” u l-“wasla jew [it-]tluq ta’ kompetituri” (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata).

62      Dawn l-elementi huma kkonfermati mill-provi dokumentarji prodotti minn EKA Chemicals, li qalet li “il-fornituri kienu ftehmu sabiex ma jippenetrawx fis-swieq reċiproċi tagħhom”. EKA Chemicals stabbiliet il-lista tal-laqgħat ikkaratterizzati, fl-opinjoni tagħha, minn aġir kollużorju. Min-noti meħuda minn EKA Chemicals waqt laqgħa bilaterali ma’ Kemira fi Stokkolma, fil-31 ta’ Jannar 1994, jirriżulta li kien hemm diskussjonijiet, b’mod partikolari, mar-rikorrenti. Mill-kontenut ta’ din l-informazzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-manifatturi kienu jikkontrollaw reċiprokament l-aġir tal-kompetituri tagħhom u li f’dan il-kuntest, Air Liquide ma kinitx dixxiplinata wisq filwaqt li r-rikorrenti kienet qed tissodisfa l-aspettativi tal-oħra. EKA Chemicals għamlet ukoll riferiment għal laqgħa bilaterali bejna u bejn ir-rikorrenti f’Göteborg, fit-2 ta’ Novembru 1994 (premessi 106 sa 108 u 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mhux talli Kemira ma kkontestatx li pparteċipat għal-laqgħa ma EKA Chemicals tal-31 ta’ Jannar 1994, iżda talli ammettiet li pparteċipat fil-ksur b’effett minn din id-data. Peress li din il-laqgħa bilaterali kellha għan illegali, kien evidenti li anki n-negozjati ma kompetituri oħra, fosthom ir-rikorrenti, msemmijin fin-noti meħuda minn EKA Chemicals, kienu illegali.

64      Ir-rikorrenti żbaljatament issostni li ma teżisti ebda prova tal-karattru illegali tal-laqgħa tagħha ma EKA Chemicals, tat-2 ta’ Novembru 1994 f’Göteborg. Fil-fatt, mill-informazzjoni pprovduta minn EKA Chemicals jirriżulta li matul din il-laqgħa kienet ġiet skambjata data kummerċjali (premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

65      Degussa indikat li l-iskambju ta’ “informazzjoni sensittiva fuq il-kompetizzjoni” kien seħħ ukoll b’mod marġinali għas-CEFIC tad-29 ta’ April 1994 f’Ruma u fil-25 ta’ Novembru 1994 f’Zaventem (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

66      Dawn il-fatti huma kkonfermati mid-dikjarazzjonijiet ta’ Arkema, li jgħidu li, f’April jew f’Ġunju 1995, ir-rikorrenti pparteċipat għal diskussjonijiet fuq it-“tendenzi tas-suq u l-kompetituri l-ġodda”, u li fil-kuntest ta’ dawn id-diskussjonijiet “Degussa u [ir-rikorrenti] kienu jixtiequ li s-suq u l-pożizzjonijiet rispettivi eżistenti tagħhom jibqgħu kemm jista’ jkun stabbli”, u li “mingħajr ebda dubbju, sa mill-1994-1995 [kien hemm] diskussjonijiet dwar mudell ta’ tqassim bejn manifatturi” (premessi 115 u 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

67      Barra minn hekk, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ammettiet li hija kellha kuntatti ma’ kompetituri u li kienet skambjat informazzjoni fuq is-suq sa minn Mejju 1995.

68      Dawn il-kuntatti, li seħħew matul il-perijodu inizjali tal-ksur, li kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni u li wasslu għall-konklużjoni ta’ ftehim fuq il-prezzijiet u fuq it-tqassim tas-swieq, jaqgħu taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE (premessa 305 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw parti mill-istess proġett kollużjorju.

69      Il-Kummissjoni tammetti li ebda ftehim “ferm” ma kien ġie konkluż fuq il-mudell tat-tqassim tas-suq, diskuss f’Milan, fil-31 ta’ Ottubru 1995, u f’Séville, f’Mejju 1997, iżda ssostni li l-fatt li tali mudell kien ġie propost u diskuss huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-konklużjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

70      Is-sempliċi fatt li kien hemm, matul il-perijodu inkwistjoni, diskussjonijiet dwar il-volumi, il-prezzijiet u l-mudelli ta’ tqassim tal-klijenti juri intenzjoni komuni li l-kompetizzjoni tiġi ristretta. Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma kienx hemm biss “sempliċi intenzjoni”, iżda proġett komuni li l-għan tiegħu kien li jintlaħaq ftehim li kellu jinfluwenza l-aġir tagħhom fis-suq.

71      Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li l-aġir tal-kompetituri matul il-perijodu inkwistjoni jikkostitwixxi prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Għalhekk, jista’ jiġi kklassifikat bħala li jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE anki jekk ma laħaqx il-fażi fejn “jista’ jingħad li ftehim veru u proprju ġie konkluż” (premessa 309 tad-deċiżjoni kkontestata).

72      Fil-fatt, matul dan il-perijodu, il-kompetituri skambjaw informazzjoni dwar il-volumi tal-bejgħ, il-prezzijiet u l-klijenti, li kienet ta’ natura li tippermettilhom jadattaw l-aġir tagħhom fis-suq (premessi 120, 127, 144 u 308 tad-deċiżjoni kkontestata).

73      L-informazzjoni skambjata kienet suffiċjenti sabiex titnaqqas l-inċertezza fir-rigward tal-aġir tal-kompetituri fis-suq. Ir-rikorrenti nnifisha ammettiet li skambjat informazzjoni kunfidenzjali mal-kompetituri tagħha, minn Mejju 1995, u ddikjarat li “[i]l-parteċipanti eżaminaw l-għażliet potenzjali sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tas-suq u tiġi ppreveduta ż-żieda tal-kapaċitajiet fis-suq”, peress li l-kwistjoni kienet li “jsir magħruf jekk kienx possibbli li jintlaħaq ftehim” (punti 130 u 133 tar-risposta tar-rikorrenti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u l-premessi 317 sa 319 tad-deċiżjoni kkontestata). Din id-dikjarazzjoni tikkonferma li l-iskambji inkwistjoni kellhom l-effett li jpoġġu lill-kompetituri f’pożizzjoni li jadattaw l-aġir tagħhom fis-suq. Barra minn hekk, dawn l-iskambji servew sabiex “jippreparaw it-triq” għaż-żidiet fil-prezzijiet u l-prattiki ta’ tqassim tas-suq.

74      Għalhekk, ikkunsidrata globalment, is-serje ta’ indizji invokata fid-deċiżjoni kkontestata kienet tissodisfa r-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u ta’ konformità meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-konvinzjoni sħiħa li r-rikorrenti kienet wettqet ksur mill-31 ta’ Jannar 1994.

–       Fuq il-perijodu ta’ bejn it-18 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 2000

75      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta kkonkludiet li l-akkordju tkompla wara t-18 ta’ Mejju 2000.

76      Minn naħa, il-Kummissjoni ma pprovatx li, matul il-laqgħa ta’ Turku tat-18 ta’ Mejju 2000, il-parteċipanti kienu ddeċidew li jkomplu l-implementazzjoni ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma.

77      Il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq prova ta’ Arkema, li ma hijiex determinanti u li ma hijiex ikkonfermata minn provi oħra. L-indikazzjonijiet ta’ Arkema huma kuntradittorji għaliex dawn iddikjaraw ukoll li l-laqgħa inkwistjoni kienet “l-okkażjoni sabiex ċerti manifatturi juru li ż-żminijiet kienu nbidlu” u “sabiex jindikaw il-waqfien tal-kooperazzjoni”. L-indikazzjoni tagħha dwar il-“kunsens” li allegatament kien hemm matul il-laqgħa inkwistjoni hija kontradetta minn impriżi oħra.

78      Qabel il-laqgħa tat-18 ta’ Mejju 2000, matul laqgħa bilaterali f’Krefeld, ir-rikorrenti infurmat lill-Degussa li hija ma kinitx iktar interessata fl-akkordju. Il-Kummissjoni kienet żbaljata meta indikat li l-laqgħa ta’ Krefeld ġiet wara dik ta’ Turku.

79      Fir-rigward tal-kuntatt bilaterali bejn ir-rikorrenti u FMC Foret lejn l-aħħar tas-sena 2000, dan il-kuntatt iżolat, dwar il-PBS, ma jistax jistabbilixxi t-tkomplija tal-akkordju dwar il-PH. L-akkordju kien diġà ntemm f’dak li jirrigwarda l-PBS u FMC Foret kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju lejn l-aħħar tas-sena 1999 f’dak li jirrigwarda l-PH.

80      Min-naħa l-oħra l-Kummissjoni żbaljatament ibbażat ruħha fuq preżunzjoni ta’ tkomplija tal-effetti tal-akkordju wara Mejju 2000. Sabiex tistabbilixxi li l-ftehim li ma kienx għadu fis-seħħ kien kompla jipproduċi effetti, il-Kummissjoni kellha turi l-effetti tiegħu fuq il-prezzijiet.

81      Il-Kummissjoni b’mod partikolari injorat il-provi li jindikaw li wara Mejju 2000 is-suq kien kompetittiv. Fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet, il-Kummissjoni bbażat ruħha unikament fuq dokument ta’ Arkema, li minnu jirriżulta li l-prezzijiet medji tagħha kienu baqgħu relattivament stabbli matul is-sena 2000. Issa, dokumenti oħra ta’ Arkema jindikaw li fis-sena 2000 il-prezzijiet tagħha kienu naqsu fl-Unjoni Ewropea u li l-prezz medju ma kienx ikkalkolat unikament abbażi tal-bejgħ fiż-ŻEE. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-prezzijiet baqgħu stabbli, dan jista’ jiġi spjegat biż-żieda qawwijja fid-domanda u bit-tkattir tal-ispejjeż.

82      Sa fejn indikat li r-rikorrenti ma ddisassoċjatx ruħha mill-kartell wara t-18 ta’ Mejju 2000, il-Kummissjoni injorat il-fatt li l-akkordju kien “iġġarraf” f’din id-data u għalhekk invertiet l-oneru tal-prova bi ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

83      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti, b’mod partikolari, billi tagħmel riferiment għall-motivi esposti fil-premessi 355 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

84      Skont l-Artikolu 81(1) KE, l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jaffetwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew effett ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni huma inkompatibbli mas-suq komuni u pprojbiti.

85      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu b’mod speċifiku fis-suq (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 256, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB Holding et vs Il‑Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 199).

86      Ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jiġi kkunsidrat bħala konkluż meta jkun hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni ppjanata għadhom is-suġġett ta’ negozjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HFB Holding et vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punti 151 sa 157 u 206).

87      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jikkontempla forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma wasslet għall-konklużjoni ta’ ftehim uffiċjali, tissostitwixxi intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 115, u Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 158).

88      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 81(1) KE jipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi li jista’ jew jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew inkella jiżvela lit-tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku nnifsu ddeċieda li japplika jew li għandu l-intenzjoni li jaddotta fis-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

89      Il-fatt li wieħed jikkomunika informazzjoni lill-kompetituri tiegħu bil-għan li jiġi ppreparat ftehim antikompetittiv huwa biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il‑Kummissjoni, T‑148/89, Ġabra p. II‑1063, punt 82 u tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, Ġabra p. II‑1333, punt 178).

90      Skont ġurisprudenza stabbilita l-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, jiġbru taħthom forom ta’ kollużjoni li jikkondividu l-istess karatteristiċi u li jiddistingwu ruħhom minn xulxin biss permezz tal-intensità tagħhom u tal-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 131 u 132, u HFB Holding et vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 190).

91      Fil-kuntest ta’ ksur kumpless, li jinvolvi l-parteċipazzjoni għal diversi snin ta’ diversi manifatturi bil-għan li jirregolaw is-suq bejniethom, il-Kummissjoni ma hijiex mistennija li tikkwalifika l-ksur b’mod preċiż bħala ftehim jew prattika miftiehma, peress li fi kwalunkwe każ, iż-żewġ tipi ta’ ksur huma koperti mill-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 111 sa 114, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 696).

92      Il-kwalifikazzjoni doppja tal-ksur bħala ftehim “u/jew” bħala prattika miftiehma għandha tinftihem bħala li tirreferi għal ħaġa waħda kumplessa li tinkludi fatti li wħud minnhom ġew ikkwalifikati bħala ftehim u oħrajn bħala prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li ma jipprevedix kwalifikazzjonijiet speċifiċi għal dan it-tip ta’ ksur kumpless (sentenzi Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 264, u HFB Holdings et vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 187).

93      Fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova tal-ksur, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-provi li jistgħu juru, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58).

94      F’dan ir-rigward hija għandha tipproduċi provi preċiżi u konkordanti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Madankollu, ma huwiex obbligatorju li l-provi kollha prodotti mill-Kummissjoni jkunu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti f’dak li jirrigwarda kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-serje ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, ikkunsidrata globalment, tissodisfa dawn ir-rekwiżiti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 180, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      L-indizji li l-Kummissjoni tinvoka fid-deċiżjoni sabiex tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE min-naħa ta’ impriża ma għandhomx jiġu evalwati b’mod iżolat iżda globalment (ara s-sentenza BPB vs Il‑Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 185, u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-attivitajiet antikompetittivi jseħħu bil-moħbi u, għaldaqstant, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, ikkunsidrati globalment, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni kooerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-ragoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57).

98      Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tkun adita b’rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81(1) KE, il-Qorti Ġenerali għandha teżerċita, b’mod ġenerali, stħarriġ sħiħ fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE humiex sodisfatti jew le (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il‑Kummissjoni, T‑41/96, Ġabra p. II‑3383, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      L-eżistenza ta’ dubju fi ħdan il-qort għandha tkun ta’ benefiċċju għall-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li, inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, japplika b’mod partikolari għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur, tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, li jista’ jwassal għal kundanna, għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità (sentenza Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punti 149 u 150, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP u T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punti 60 u 61).

100    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk fil-kawża preżenti l-Kummissjoni stabbilixxietx, suffiċjentement skont il-liġi, li l-aġir tar-rikorrenti matul il-perijodi inkwistjoni kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE.

–       Fuq il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u Mejju 1995

101    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta indikat il-31 ta’ Jannar 1994 bħala d-data ta’ meta beda l-ksur. Hija targumenta li ma ġiex stabbilit li, qabel Mejju 1995, hija kienet ipparteċipat f’xi kuntatt ma’ kompetituri li seta’ jikser l-Artikolu 81(1) KE.

102    Mill-premessi 104 sa 114 u 351 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni għażlet il-31 ta’ Jannar 1994 bħala d-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur abbażi tad-dikjarazzjonijiet li Degussa għamlet fil-kuntest tat-talba tagħha għall-immunità, ikkonfermati kemm mill-prova dokumentarja prodotta minn EKA Chemicals, kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet ta’ Arkema.

103    Qabel kollox il-Kummissjoni osservat li, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa, matul is-snin 90, il-kompetituri kienu progressivament żiedu l-iskambju ta’ “informazzjoni sensittiva fuq il-kompetizzjoni” jew saħansitra ta’ “informazzjoni fuq is-suq”. Skont dawn id-dikjarazzjonijiet “[l-espressjoni] ‘skambju ta’ informazzjoni fuq is-suq’ [kienet] tikkaratterizza l-kontenut tipiku ta’ diskussjoni bejn membri tal-persunal inkarigati mill-bejgħ f’impriżi kompetituri”. Il-Kummissjoni kompliet tgħid li skont l-istess dikjarazzjonijiet, “[l]-informazzjoni kkomunikata oralment kienet tirrigwarda l-iżvilupp tal-volumi u tal-prezzijiet, l-aġir tal-kompetituri u tal-klijenti fis-suq, il-wasla jew it-tluq ta’ kompetituri, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, l-innovazzjoni f’termini ta’ prodotti min-naħa tal-offerta u tad-domanda kif ukoll kwistjonijiet oħra tal-istess natura” (premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont Degussa, il-kompetituri bdew tali diskussjonijiet b’mod partikolari sabiex jiddeterminaw u jivverifikaw l-ishma tas-suq tal-kompetituri u jipprovdu informazzjoni fuq l-aġir tal-klijenti (premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata).

104    Wara dan, fir-rigward tad-data preċiża tal-bidu tal-ksur, il-Kummissjoni indikat li l-ewwel prova li tikkonferma d-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa, u li kienet b’mod partikolari timplika lir-rikorrenti, kienet tikkonċerna l-laqgħa bejn EKA Chemicals u Kemira tal-31 ta’ Jannar 1994 fi Stokkolma, kif ukoll il-laqgħa tal-istess jum bejn Degussa u EKA Chemicals. Skont il-Kummissjoni, din il-prova turi li “EKA [Chemicals], Kemira, Degussa u r-[rikorrneti kienu] pparteċipaw f’aġiri kollużorji minn tal-inqas sa mill-bidu tas-sena 1994” (premessi 106 sa 108 u 351 tad-deċiżjoni kkontestata).

105    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat l-eżistenza ta’ kuntatti illegali oħra fl-1994 u fl-1995, irrapportati minn EKA Chemicals (premessi 110 u 111 tad-deċiżjoni kkontestata), minn Degussa (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata) u minn Arkema (premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

106    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa, li l-kontenut tagħhom huwa kkontestat mir-rikorrenti, ma jistgħux, waħedhom, jikkostitwixxu prova suffiċjenti tal-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-ksur.

107    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata b’parteċipazzjoni f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn numru ta’ impriżi akkużati oħra, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tkun sostnuta minn provi oħra (sentenza tal-Qorti Ġenerali JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 219 u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 285).

108    Din il-kunsiderazzjoni tapplika iktar u iktar fil-każ preżenti, fid-dawl tan-natura ġenerika tat-termini użati minn Degussa, li jirreferu għal-laqgħat kollha li seħħew fil-perijodu inizjali tal-akkordju, bejn l-1994 u l-1996. Għalhekk dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex suffiċjenti, waħedhom, sabiex tiġi stabbilita d-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur lejn il-bidu tas-sena 1994.

109    Sa fejn il-Kummissjoni tirreferi għad-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa, li jgħidu li “informazzjoni sensittiva fuq il-kompetizzjoni” ġiet skambjata matul kuntatti multilaterali b’mod marġinali għal-laqgħat tas-CEFIC tad-29 ta’ April u tal-25 ta’ Novembru 1994 (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi osservat li din l-indikazzjoni, li ma ssemmix b’mod espliċitu lir-rikorrenti, tifforma parti mill-imsemmija dikjarazzjonijiet ta’ Degussa u għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element li jista’ jikkonfermhom.

110    Wara dan, fir-rigward tal-prova li l-Kummissjoni pproduċiet sabiex issostni d-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa dwar il-perijodu kkonċernat, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma pparteċipatx għal-laqgħat invokati fil-premessa 351 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dik bejn EKA Chemicals u Kemira tal-31 ta’ Jannar 1994 fi Stokkolma u dik tal-istess jum bejn EKA Chemicals u Degussa.

111    Fil-kuntest ta’ dawn il-laqgħat il-Kummissjoni għamlet biss riferiment għal dokument ta’ EKA Chemicals, kontemporanju tal-fatti, li jgħid li, fil-kuntest tal-laqgħa tal-31 ta’ Jannar 1994 EKA Chemicals u Kemira kienu skambjaw informazzjoni dwar is-suq skandinavu u din tal-aħħar “[kienet] iddikjarat li [kellha] taħdidiet ma [Air Liquide], iżda r-riżultati ta’ dawn id-diskussjonijiet ma kinux tajbin wisq”. Skont il-Kummissjoni, minn dan id-dokument jirriżulta wkoll li “[i]d-diskussjonijiet ma [Degussa] u mar-[rikorrenti kienu qed] jipproċedu b’mod iktar sodisfaċenti” (premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

112    Issa, għalkemm dan id-dokument jirrigwarda, min-naħa, skambji ta’ informazzjoni bejn il-manifatturi Skandinavi Kemira u EKA Chemicals, u, min-naħa l-oħra, diskussjonijiet bejn dawn tal-aħħar u ċerti manifatturi fis-“suq kontinentali”, ir-riferiment għar-rikorrenti f’dan il-kuntest ma jikkostitwixxix prova suffiċjenti tal-parteċipazzjoni tagħha għall-kuntatti illegali li seħħew madwar il-laqgħa kkonċernata.

113    Din hija, fil-fatt, prova indiretta provenjenti mill-impriża li ma pparteċipatx għall-allegati diskussjonijiet mar-rikorrenti u li ma ġietx ikkonfermata minn Kemira. Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-dokument inkwistjoni ma jippermettux li jiġi identifikat is-suġġett tad-diskussjonijiet inkwistjoni.

114    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat li ma kellha “ebda raġuni sabiex tiddubita li l-informazzjoni li tinsab f’dan id-dokument hija riproduzzjoni fidila tad-diskussjonijiet li kienu saru dak iż-żmien” u li huma elementi kostituttivi tal-akkordju li għalih ipparteċipat ir-rikorrenti (premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata).

115    Fir-rigward ta’ kuntatti bilaterali oħra li seħħew fl-1994, irrappurtati minn EKA Chemicals, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal-laqgħa li seħħet bejn EKA Chemicals u r-rikorrenti fit-2 ta’ Novembru 1994 f’Göteborg, fejn il-parteċipanti kienu, skont EKA Chemicals, “iddiskutew dwar is-suq tal-PH fl-Ewropa” (premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

116    Issa, għandu jiġi osservat li din l-indikazzjoni, ifformulata b’mod ġenerali, ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi stabbilit il-karattru illegali tal-laqgħa inkwistjoni, li huwa kkontestat mir-rikorrenti. Lanqas l-għan illegali ta’ din il-laqgħa ma jista’ jiġi pprovat permezz tar-riferiment li l-Kummissjoni għamlet għal dikjarazzjonijiet oħra ta’ EKA Chemicals, peress li dawn tal-aħħar ma jirrigwardawx espliċitament din il-laqgħa iżda jesponu biss il-fatt li “b’effett mis-snin 90, il-laqgħat bejn EKA [Chemicals] u [r-rikorrenti] kienu essenzjalment jirrigwardaw kwistjonijiet ġenerali dwar is-suq, bħall-informazzjoni fuq il-prezzijiet, il-previżjonijiet dwar is-suq, etc.”(premessa 113 u nota ta’ qiegħ il-paġna 84 tad-deċiżjoni kkontestata).

117    Fl-aħħar nett, għalkemm il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa kienu sostnuti mid-dikjarazzjonijiet ta’ Arkema dwar il-laqgħat li seħħew matul is-sena 1995 u li jgħidu li, b’mod partikolari, “mingħajr ebda dubbju, sa mill-1994-1995 [kien hemm] diskussjonijiet dwar mudell ta’ tqassim bejn manifatturi” (premessi 104 u 115 tad-deċiżjoni kkontestata), madankollu għandu jiġi osservat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Arkema jirrigwardaw il-laqgħa multilaterali ta’ “April jew [ta’] Mejju 1995” (premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll il-kuntatti sussegwenti, u għaldaqstant, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur matul il-perijodi preċedenti, dawn ma jistgħux iservu bħala provi li jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa.

118    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-elementi esposti fil-premessi 104 sa 115 u 351 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrati globalment, ma jikkostitwixxux serje ta’ indizji suffiċjenti li ssostni l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rikorrenti pparteċipat fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u Mejju 1995.

119    Fil-fatt, minn naħa, id-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa msemmijin fil-premessi 104 u 105 tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jiġi stabbilit li rrikorrenti pparteċipat għall-aġiri kollużorji tas-sena 1994 u, min-naħa l-oħra, l-elementi invokati fil-premessi 106 sa 115 u 351 tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxux prova suffiċjenti li ssostni dawn id-dikjarazzjonijiet, f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti għal kuntatti illegali ta’ qabel Mejju 1995.

120    Konsegwentement, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-ksur mill-31 ta’ Jannar 1994 sa Mejju 1995, għandu jiġi milqugħ.

–       Fuq il-perijodu ta’ bejn Mejju 1995 u Awwissu 1997

121    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi destinatarji, fosthom ir-rikorrenti, kienu pparteċipaw għal akkordju kumpless li kien jikkonsisti fi grupp ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma li kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. L-aspetti prinċipali tiegħu kienu jinkludu l-iskambju ta’ informazzjoni fuq is-swieq, il-limitazzjoni tal-produzzjoni u tal-kapaċitajiet tagħha, it-tqassim tas-swieq u l-iffissar tal-prezzijiet (premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    B’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-perijodu inizjali tal-akkordju l-Kummissjoni indikat, fost l-oħrajn, li l-parteċipanti għall-akkordju kienu ltaqgħu regolarment, minn tal-inqas mill-31 ta’ Jannar 1994, sabiex jiskambjaw informazzjoni sensittiva fuq is-suq u sabiex jiddiskutu fuq il-volumi ta’ produzzjoni, it-tnaqqis possibbli tagħhom u l-possibbiltà li jiġi ostakolat id-dħul fis-suq ta’ kapaċitajiet ġodda (premessa 304 tad-deċiżjoni kkontestata), u li dawn il-kuntatti kollużorji, li wasslu għall-konklużjoni ta’ ftehim fuq il-prezzijiet u fuq it-tqassim tas-suq, setgħu jiġu kkunsidrati bħala li jiffurmaw parti mill-istess proġett kollużorju (premessa 305 tad-deċiżjoni kkontestata).

123    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi tal-bejgħ, il-prezzijiet u l-klijenti, matul il-perijodu inizjali tal-ksur, kien tali li jippermetti lill-impriżi inkwistjoni jieħdu inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq u li, konsegwentement, seta’ jiġi preżunt li l-imsemmija impriżi kienu ħadu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom fis-suq (premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata).

124    Għalhekk, il-Kummissjoni kkonstatat li “[l-aġir inkwistjoni], għalkemm mill-bidu tal-ksur ma kienx laħaq il-fażi fejn jista’ jingħad li ftehim [veru u proprju] ġie konkluż, [seta’] minn tal-inqas jiġi kklassifikat […] bħala li jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) [KE …], peress li l-aġiri kollużorji kollha, fil-forom differenti tagħhom, [kellhom] il-karatteristiċi kollha ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma” (premessa 309 tad-deċiżjoni kkontestata).

125    Insostenn ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, dwar il-perijodu ta’ bejn Mejju 1995 u Awwissu 1997, il-Kummissjoni b’mod partikolari semmiet il-fatti segwenti:

–        il-laqgħa multilaterali ta’ April jew ta’ Mejju 1995 f’Pariġi ġiet organizzata bl-għan li jiġu stabbiliti kuntatti permanenti bejn il-kompetituri, peress li Degussa u r-rikorrenti kienu esprimew ix-xewqa li jiġu stabbilizzati, kemm jista’ jkun possibbli, il-pożizzjonijiet eżistenti fis-suq (premessi 115 sa 117 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-kuntatti bilaterali marġinali għal-laqgħa tas-CEFIC tal-11 jew tat-12 ta’ Mejju 1995 fi Dresde kienu jirrigwardaw il-kwistjoni tat-tnaqqis mistenni tal-prezzijiet minħabba t-tlestija ta’ installazzjonijiet ta’ produzzjoni ġodda (premessi 118 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-laqgħat bilaterali ta’ Ġunju 1995, bejn Atofina u Air Liquide (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata), bejn Atofina u Degussa (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll bejn Degussa u EKA Chemicals (premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata) kienu ddedikati għal diskussjonijiet dwar il-kapaċitajiet żejda fis-suq tal-PH u għall-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni bejn il-manifatturi, abbażi ta’ tabella li kienet tippreżenta data ddettaljata għal kull klijent u għal kull manifattur, li kienet tinkludi d-data tar-rikorrenti;

–        b’mod ġenerali, madwar is-sena 1995, għal perijodu ta’ iktar minn sena kienu “ċċirkolaw” diversi proposti dwar il-kwoti ta’ bejgħ u l-kontroll tal-kapaċitajiet żejda, proposti li kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn Atofina, Degussa u r-rikorrenti (premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-laqgħa tat-23 ta’ Ottubru 1995 bejn Atofina, Degussa u Chemoxal f’Pariġi kienet tirrigwarda b’mod partikolari kemm il-proposta biċ-ċifri tal-limitazzjoni tal-kapaċitajiet ġodda, fosthom dawk provenjenti minn fabbrika ġdida tar-rikorrenti, kif ukoll il-proposta ta’ ftehim fuq il-prezzijiet (premessi 126 u 127 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-manifatturi tqassmu f’żewġ gruppi, “A” u “B”, ikkoordinati rispettivament mir-rikorrenti u minn Degussa, fejn il-manifatturi tal-grupp “B” kellhom suppost iqassmu bejniethom l-ishma tas-suq iddefiniti mill-grupp “A”, li kien jiġbor fi ħdanu kemm il-“leaders tas-suq”, jiġifieri Degussa u r-rikorrenti, kif ukoll l-impriżi Skandinavi, EKA Chemicals u Kemira (premessi 130 u 131 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-laqgħa tal-grupp “B” tal-31 ta’ Ottubru 1995 f’Milan kienet tirrigwarda l-“pedamenti ta’ mudell li kellu jippermetti t-tqassim tat-tkabbir” u n-noti meħuda matul din il-laqgħa jagħmlu riferiment, b’mod partikolari, għal informazzjoni dwar ir-rikorrenti (premessi 132 u 133 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-kuntatti bilaterali, li kienu jinkludu wkoll lir-rikorrenti, li seħħew b’mod marġinali għal-laqgħa tas-CEFIC tal-21 u tat-22 ta’ Novembru 1995 fi Brussell, kif ukoll il-laqgħa fl-Italja, involvew l-iskambju ta’ informazzjoni fuq is-suq u d-definizzjoni tal-livell tal-prezzijiet tal-PH għas-sena ta’ wara, li madankollu ma ġewx osservati (premessi 134 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-laqgħa bilaterali bejn Atofina u r-rikorrenti, fil-bidu tas-sena 1996 f’Pariġi, kellha l-għan li tipparaguna l-pożizzjonijiet tal-gruppi “A” u “B” (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-laqgħat marġinali għal-laqgħat tas-CEFIC, bil-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, tal-24 ta’ Mejju 1996 f’ Göteborg u tas-27 ta’ Novembru 1996 fi Brussell, kienu jirrigwardaw proposti biċ-ċifri ta’ tqassim tas-suq u fuq il-prezzijiet, madankollu mingħajr ma ntlaħaq ftehim speċifiku (premessi 141 sa 145 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        id-diversi kuntatti bilaterali fl-1996 u fl-1997, fosthom il-laqgħa bejn EKA Chemicals u r-rikorrenti, f’April jew f’Mejju 1997 f’Kopenħagen, li fil-kuntest tagħha r-rikorrenti saqsiet jekk EKA Chemicals kinitx lesta tingħaqad mal-manifatturi l-oħra fl-isforz ikkoordinat li jitnaqqsu l-kapaċitajiet, jindikaw il-proġetti ta’ tnaqqis tal-kapaċitajiet (premessi 154 u 155 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-laqgħat tat-28 u tad-29 ta’ Mejju 1997, li seħħew marġinalment għal-laqgħa tas-CEFIC f’Séville, laqqgħu flimkien il-gruppi “A” u “B” u kienu jirrigwardaw mudell dettaljat ta’ tqassim tas-suq tal-PH, madankollu ma ntlaħaq ebda ftehim finali u d-diskussjonijiet ġew posposti għal Awwissu 1997 (premessi 156 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        il-kuntatti bilaterali bejn ir-rikorrenti, EKA Chemicals u Degussa li seħħew wara l-imsemmija laqgħat matul is-sajf tas-sena 1997 (premessi 168 sa 170 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    Ir-rikorrenti la tikkontesta l-materjalità tal-imsemmija kuntatti u lanqas il-kontenut tad-diskussjonijiet esposti fil-premessi ċċitati iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata.

127    Madankollu hija ssostni li dawn il-fatti ma jippermettux li jiġi konkluż li kien hemm ftehim jew prattika miftiehma qabel id-data tal-laqgħa multilaterali ta’ Awwissu 1997 fi Brussell, li wasslet għal ftehim ferm dwar żieda fil-prezz tal-PH (premessi 171 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata) u li hija tirrikonoxxi bħala d-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur.

128    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni, billi tagħmel riferiment għall-elementi esposti fil-premessi 115 sa 170 tad-deċiżjoni kkontestata, li sal-imsemmija laqgħa ta’ Awwissu 1997, il-parteċipanti għad-diskussjonijiet inkwistjoni ma setgħux jikkonkludu ftehim fuq it-tqassim tas-swieq jew fuq il-prezzijiet u ma impenjawx ruħom fi prattiki miftiehma.

129    F’dan ir-rigward, hija targumenta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti.

130    Fir-rigward tal-allegat żball ta’ liġi, għandu jitfakkar li fil-kuntest ta’ ksur kumpless il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tikklassifika kull wieħed mill-aġiri kkonstatati bħala ftehim jew prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, fir-rigward ta’ forom ta’ kollużjoni li jikkondividu l-istess natura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tkun mistennija li tikklassifika b’mod preċiż il-ksur bħala ftehim jew prattika miftiehma, peress li, fi kwalunkwe każ, iż-żewġ forom ta’ ksur huma koperti mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ara l-punti 90 u 91 iktar ’il fuq).

131    Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata, b’mod ġust, talli ddefiniet l-aġiri kollha inkwistjoni bħala li jippreżentaw l-elementi kostituttivi kollha “ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma”, inkwantu dawn setgħu jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt waħda jew oħra mill-forom ta’ kollużjoni previsti fl-Artikolu 81(1) KE.

132    Fir-rigward tal-allegat żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, qabel Awwissu 1997, il-kompetituri, minn naħa, ma laħqux ftehim fuq l-aġir speċifiku fis-suq u, min-naħa l-oħra, ma adottawx forma ta’ koordinazzjoni li tista’ tiġi kklassifikata bħala prattika miftiehma.

133    Hija tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-informazzjoni esposta fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, fl-1996, id-diskussjonijiet “kien ilhom bla progless għal sena” u donnhom kienu “f’punt fejn ma setgħux jiżviluppaw iktar”. Hija tenfasizza li, ukoll f’Mejju 1997, “in-nuqqas ta’ fiduċja kienet raġuni konkomitanti għan-nuqqas ta’ ftehim fuq iż-żamma tal-istatus quo f’termini ta’ ishma tas-suq”, “[peress li] l-manifatturi ż-żagħar [kienu] vvotaw kontra d-determinazzjoni tal-ishma tas-suq” (premessi 140, 142 u 164 tad-deċiżjoni kkontestata).

134    Issa, għalkemm l-elementi invokati mir-rikorrenti jindikaw li l-manifatturi li pparteċipaw għal-laqgħat bejn Mejju 1995 u Awwissu 1997 ma rnexxilhomx jikkonkludu ftehim “veru u proprju” dwar it-tqassim tas-suq, fatt li l-Kummissjoni nnifisha kkonstatat fil-premessa 309 tad-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa l-fatt li huma kellhom, matul perijodu twil, diskussjonijiet regolari fuq l-abbozz ta’ ftehim bħal dan.

135    Fil-fatt, mill-fatti mhux ikkontestati mir-rikorrenti jirriżulta li, wara inviti rikorrenti min-naħa ta’ Degussa u tar-rikorrenti, indirizzati lill-kompetituri tagħhom fis-suq tal-PH, inżammew laqgħat, matul Mejju 1995, bil-għan li jiġu stabbiliti kuntatti permanenti bejn il-kompetituri. Il-parteċipanti ddiskutew dwar it-tendenzi tas-suq u l-kompetituri l-ġodda fis-suq Ewropew tal-PH, fejn Degussa u r-rikorrenti wrew ix-xewqa li l-pożizzjonijiet eżistenti fis-suq jibqgħu kemm jista’ jkun stabbli (premessi 115 sa 117 tad-deċiżjoni kkontestata).

136    Bejn Mejju 1995 u Awwissu 1997, kien hemm diskussjonijiet regolari, li kellhom bħala suġġett proposti dwar il-kwoti ta’ bejgħ u l-kontroll tal-kapaċitajiet żejda (premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata), proposta biċ-ċifri għal-limitazzjoni tal-kapaċitajiet il-ġodda, fosthom dawk tar-rikorrenti, kif ukoll proposta ta’ ftehim fuq il-prezz (premessi 126 u 127 tad-deċiżjoni kkontestata), “il-pedamenti ta’ mudell li kellu jippermetti t-tqassim tat-tkabbir” (premessi 132 u 133 tad-deċiżjoni kkontestata), proposti biċ-ċifri għat-tqassim tas-suq u ftehim fuq il-prezzijiet (premessi 143 à 145 tad-deċiżjoni kkontestata), sforz koordinat għat-tnaqqis tal-kapaċitajiet (premessi 154 u 155 tad-deċiżjoni kkontestata) jew saħansitra mudell ddettaljat ta’ tqassim tas-suq tal-PH (premessi 159 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

137    Il-kontenut tad-diskussjonijiet, li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, juri l-eżistenza ta’ intenzjoni komuni li tiġi ristretta l-kompetizzjoni.

138    Fil-fatt, din is-serje ta’ laqgħat regolari, li matulhom l-impriżi ltaqgħu sabiex jiddiskutu proġetti ta’ limitazzjoni ta’ kapaċitajiet ġodda, it-tqassim tal-ishma tas-suq u ftehim fuq il-prezzijiet, ma kinitx tkun possibbli li kieku ma kienx hemm, dak iż-żmien, intenzjoni komuni, fost il-parteċipanti għal dawn il-laqgħat, li s-suq jiġi stabbilizzat permezz ta’ miżuri li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il‑Kummissjoni, T‑21/99, Ġabra p. II‑1681, punt 46).

139    Peress li d-diskussjonijiet inkwistjoni kienu evidentement immotivati mill-intenzjoni komuni tal-parteċipanti li jiftiehmu fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata bil-fatt li l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni ppjanata kienu s-suġġett ta’ negozjati bejn il-parteċipanti sa Awwissu 1997 u li l-ftehim ferm ta’ Awwissu 1997, dwar iż-żieda kkoordinata tal-prezzijiet tal-PH, kien ġie konkluż permezz ta’ modalitajiet differenti minn dawk diskussi matul il-laqgħat preċedenti.

140    Barra minn hekk, l-involviment tar-rikorrenti f’dawn il-kuntatti kollużorji jirriżulta b’mod ċar mill-parteċipazzjoni attiva tagħha għad-diskussjonijiet. Hija pparteċipat għall-parti l-kbira tal-laqgħat li seħħew matul il-perijodu kkonċernat, billi “ġabret fil-qosor” il-proposti (premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata) u billi kkoordinat il-grupp kompost mil-“leaders tas-suq” (premessi 130 u 131 tad-deċiżjoni kkontestata).

141    F’dan ir-rigward, ir-riferiment li r-rikorrenti tagħmel għall-fatt li, matul il-laqgħa li seħħet f’Mejju 1997 (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rappreżentatn tagħha kien “ħareġ b’rabja mill-kamra […] irritat mit-talbiet tal-manifatturi ż-żagħar”, ma jikkostitwixxix indizju li jista’ jistabbilixxi li l-parteċipazzjoni tagħha għal-laqgħa inkwistjoni, u lanqas a fortiori għall-kuntatti kollha inkwistjoni, ma kellha ebda għan antikompetittiv.

142    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata li l-aġiri inkwistjoni jiffurmaw parti minn fażi inizjali tal-akkordju, li għaliha pparteċipat ir-rikorrenti, li kienet, min-naħa tagħha, tifforma parti mill-istess proġett antikompetittiv u, konsegwentement, kienu koperti mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE.

143    Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jiġi kkunsidrat bħala konkluż meta jkun hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni ppjanata għadhom is-suġġett ta’ negozjati (ara l-punt 86 iktar ’il fuq).

144    Għalhekk, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ma tistax issostni validament li, peress li l-impriżi ma ftehmux li jadottaw linji ta’ kondotta speċifiċi fis-suq, l-aġiri inkwistjoni jikkostitwixxu, l-iktar l-iktar, sempliċi intenzjoni li tiġi ristretta l-kompetizzjoni, intenzjoni li ma hijiex fost il-forom ta’ kollużjoni previsti fl-Artikolu 81(1) KE.

145    Sa fejn l-elementi esposti iktar ’il fuq juru li l-kompetituri diġà kellhom proġett komuni li l-għan tiegħu kien li jintlaħaq ftehim antikompetittiv, dawn id-diskussjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jmorru lil hinn mis-sempliċi intenzjoni jew minn tentattiv ta’ ftehim.

146    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-kuntatti li seħħew matul il-perijodu inkwistjoni setgħu, f’kull każ, jiġu kklassifikati bħala koperti mill-Artikolu 81(1) KE inkwantu prattiki miftiehma.

147    Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li wieħed jikkomunika informazzjoni lill-kompetituri tiegħu bil-għan li jiġi ppreparat ftehim antikompetittiv huwa biżżejjed sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE (ara l-punt 98 iktar ’il fuq).

148    F’dan ir-rigward, anki jekk il-Kummissjoni ma jirnexxiliex tipprova li l-impriżi kkonkludew ftehim fis-sens strett tal-kelma, huwa biżżejjed, sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 81(1) KE, li l-kompetituri jkunu stabbilew kuntatti diretti sabiex “jistabbillizzaw is-suq” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BPB vs Il‑Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 170).

149    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-teżi tar-rikorrenti li tgħid li l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-kompetituri tista’ tiġi kkunsidrata bħala prattika miftiehma biss meta diġà jkun ġie konkluż ftehim antikompetittiv u meta n-negozjati jkun qegħdin jinżammu biss sabiex jippermettu l-implementazzjoni tiegħu, għandha tiġi miċħuda.

150    Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni stabbiliet li r-rikorrenti kienet ipparteċipat f’ċertu numru ta’ laqgħat mal-kompetituri tagħha u li, matul dawn il-laqgħat, kienet ġiet skambjata informazzjoni fuq il-kundizzjonijiet tas-suq, kien ġie diskuss il-livell tal-prezzijiet u l-parteċipanti kienu esponew l-istrateġija kummerċjali li kienu beħsiebhom jadottaw fis-suq. Barra minn hekk, peress li huwa paċifiku li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni seħħ bil-għan li jiġi ppreparat ftehim fuq it-tqassim tas-suq jew fuq il-prezzijiet, l-għan tiegħu huwa għalhekk manifestament antikompetittiv.

151    Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi prattika miftiehma li kellha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

152    Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ fiduċja reċiproka bejn il-kompetituri, ma huwiex konċepibbli li dawn setgħu jimpenjaw ruħhom fi prattiki miftiehma.

153    Fil-fatt, id-differenzi ta’ pożizzjoni tal-parteċipanti, saħansitra n-nuqqas ta’ fiduċja bejniethom, ma humiex, bħala tali, suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ ftehim li jista’ jiġi kkwalifikat bħala prattika miftiehma. Issa, l-argumenti tar-rikorrenti ma jikkonfutawx il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni, li minnhom jirriżulta li, minkejja ċertu nuqqas ta’ fiduċja bejniethom, il-kompetituri ltaqgħu regolarment fil-perijodu kkonċernat u skambjaw informazzjoni fuq il-kundizzjonijiet tas-suq u fuq l-istrateġija kummerċjali tagħhom, bil-għan li jippreparaw ftehim antikompetittiv.

154    Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma stabbilietx li l-informazzjoni skambjata, fir-rigward tal-kontenut tagħha, setgħet tintuża għal għanijiet antikompetittivi.

155    Fil-fatt, l-għan antikompetittiv tal-aġir inkwistjoni jirriżulta b’mod ċar kemm min-natura tal-informazzjoni skambjata matul il-laqgħat li seħħew matul il-perijodu kkonċernat, peress li din kienet tinkludi ċifri fuq il-bejgħ magħmul fis-snin preċedenti u previżjonijiet għall-ġejjieni (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll mill-kontenut tal-proposti diskussi, li kienu jirrigwardaw iż-żamma tal-istatus quo fis-suq, it-tqassim tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni l-ġodda u d-definizzjoni tal-livell tal-prezzijiet tal-PH (ara, pereżempju, il-premessi 115, 127, 133, 136 u 144 tad-deċiżjoni kkontestata).

156    Konsegwentment il-Kummissjoni stabbiliet, suffiċjentement skont il-liġi, li l-iskambju ta’ informazzjoni inkwistjoni, peress li serva sabiex “jipprepara t-triq” għaż-żidiet fil-prezzijiet u l-prattiki ta’ tqassim tas-swieq li rriżultaw minn dan, jikkostitwixxi forma ta’ kollużżjoni ikkontemplata fl-Artikolu 81(1) KE.

157    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta kkunsidrat li l-aġiri inkwistjoni setgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma koperti mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE sa fejn dawn kienu jiffurmaw parti minn kumpless li kien jippreżenta l-elementi kostituttivi ta’ ftehim “u/jew” ta’ prattika miftiehma (premessi 308 u 309 tad-deċiżjoni kkontestata).

158    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li s-suq tal-PH baqgħa kompetittiv sa Awwissu jew sa Settembru 1997, fejn il-prezz tal-PH naqas b’mod kunsiderevoli lejn il-bidu tas-sena 1997, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma huwa superfluwu meta jidher li l-għan tiegħu kien li jostakola, jirrestrinġi, jew li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 140, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 29).

159    Fil-kawża preżenti, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ftehim antikompetittiv u/jew fi prattika miftiehma, li kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq tal-PH, hija ma kinitx obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tal-aġiri inkwistjoni.

160    F’kull każ, speċifikament f’dak li jirrigwarda prattika miftiehma, skont ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi preżunt, bla ħsara għal prova kuntrarja li għandha tiġi prodotta mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-prattika miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom biex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 87 iktar ’il fuq, punti 118 u 121, u Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punti 161 u 162).

161    F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li huwa paċifiku li l-aġiri ma effettwawx il-prezzijiet matul il-perijodu kkonċernat, xorta jibqa l-fatt li dan ma jwassalx sabiex tiġi mminata l-legalità tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

162    B’mod partikolari, il-fatt li prattika miftiehma ma għandiex effett dirett fuq il-prezzijiet ma jipprekludix li jiġi kkonstatat li din illimitat il-kompetizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari, billi eliminat il-pressjonijiet kompetittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri vs Il‑Kummissjoni, punt 138 iktar ’il fuq, punti 139 sa 140).

163    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni interpretat ħażin il-prova tal-fatt li s-suq kien baqgħa kompetittiv matul il-perijodu kkonċernat ma jistax jiġi aċċettat.

164    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-fatti invokati fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni jikkonċernaw prinċipalment is-suq tal-PH, u mhux dak tal-PBS, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku li jirrigwarda ż-żewġt iswieq ikkonċernati (premessi 328 et seq tad-deċiżjoni kkontestata), klassifikazzjoni li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti fil-kawża preżenti.

165    Issa, sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat l-akkordju inkwistjoni bħala ksur uniku, hija ma kinitx obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ din il-klassifikazzjoni, it-tul differenti tal-atti li kienu jirrigwardaw is-suq tal-PBS biss. Peress li dawn ma kinux ċirkustanzi ta’ ksur distinti, hija lanqas ma kienet obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni din id-differenza sabiex tiddetermina t-tul tal-ksur ikkunsidrat globalment.

166    Fil-fatt, ikun artifiċjali li aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn skop wieħed, jiġi diviż f’diversi ċirkustanzi ta’ ksur distinti minħabba li l-prattiki miftiehma varjaw, fl-intensità tagħhom, skont is-suq ikkonċernat. Dawn l-elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 90).

167    Fil-kawża preżenti, b’mod konformi ma’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni indikat li, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa, hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-akkordju fir-rigward tal-PBS kien beda wara dak fir-rigward tal-PH u li dan tal-ewwel kien intemm qabel (premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata).

168    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-insuffiċjenza tal-provi tal-atti antikompetittivi fis-suq tal-PBS fir-rigward tal-perijodu inkwistjoni, ma jistax jiġi aċċettat.

169    Fl-aħħar nett, peress li r-rikorrenti ma wrietx li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tagħha, essenzjalment ibbażat fuq l-istess premessa, li jgħid li l-Kummissjoni interpretat din id-dispożizzjoni b’mod estensiv wisq, bi ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni.

170    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ilment dwar il-konstatazzjoni tal-ksur għall-perijodu ta’ bejn Mejju 1995 u Awwissu 1997 ma jistax jiġi milqugħ.

–       Fuq il-perijodu ta’ bejn it-18 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 2000

171    Fir-rigward tal-perijodu finali tal-ksur, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 356 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 81(1) KE kien japplika għal akkordju li l-effetti tiegħu jkomplu wara t-tmiem formali tiegħu u li dan kien normalment il-każ meta impriżi ma jirrinunċjawx milli japplikaw il-prezzijiet ta’ referenza miftiehma matul il-laqgħat tal-kartell.

172    Meta applikat dawn il-kunsiderazzjonijiet għall-każ preżenti, il-Kummissjoni indikat li, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Arkema, li kienu kkonfermati minn provi oħra, matul il-laqgħa multilaterali li nżammet f’Turku fit-18 ta’ Mejju 2000, kien intlaħaq kunsens ġenerali favur iż-żamma tal-livelli tal-prezzijiet għas-sena 2000 kollha u li, għalhekk, seta’ jitqies li l-effett fuq il-prezzijiet kien ippersista minn tal-inqas matul it-tieni semestru tas-sena 2000 (premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, id-data tal-31 ta’ Diċembru 2000 intgħażlet bħala d-data tat-tmiem tal-ksur, b’mod partikolari, fir-rigward tar-rikorrenti (premessa 360 tad-deċiżjoni kkontestata).

173    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta kkonstatat li l-akkordju kien tkompla wara l-laqgħa tat-18 ta’ Mejju 2000.

174    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 81 KE huwa applikabbli wkoll għall-ftehim li jkomplu jipproduċu effetti wara t-tmiem formali tagħhom, (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Lulju 1985, Binon, 243/83, Ġabra p. 2015, punt 17, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Marzu 1992, Montedipe vs Il‑Kummissjoni, T‑14/89, Ġabra p. II‑1155, punt 231).

175    B’mod partikolari l-Kummissjoni tista’ legalment tikkonstata li l-effetti tal-akkordju komplew wara t-tmiem formali tal-laqgħat kollużorji, sakemm iż-żidiet fil-prezzijiet previsti matul dawn il-laqgħat japplikaw għal perijodu posterjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 186).

176    Fil-kawża preżenti, sa fejn il-Kummissjoni stabbiliet li matul il-laqgħa tat-18 ta’ Mejju 2000 kien intlaħaq kunsens ġenerali dwar iż-żamma tal-livelli tal-prezzijiet għat-tieni semestru tas-sena 2000, hija setgħet ġustament tikkonkludi li l-effetti tal-akkordju kienu komplew sal-31 ta’ Diċembru 2000.

177    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti tar-rikorrenti ibbażati, prinċipalment, fuq l-insuffiċjenza ta’ provi prodotti mill-Kummissjoni.

178    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti la tikkontesta ż-żamma tal-laqgħa informali inkwistjoni u lanqas il-parteċipazzjoni tagħha għal din il-laqgħa. F’dan ir-rigward, hija ma hijiex iġġustifikata meta ssostni li d-dikjarazzjonijiet ta’ Arkema, li jsemmu “kunsens”, ma jimplikawx l-eżistenza ta’ intenzjoni komuni fi ħdan il-parteċipanti dwar it-tkomplija tal-effetti tal-akkordju. Tali argument huwa effettivament kontradett mill-kliem ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, li jsemmu l-eżistenza ta’ “diskussjonijiet aħħarija” fuq il-prezzijiet għall-1 ta’ Jannar 2001 u ta’ “kunsens ġenerali” fir-rigward taż-żamma tal-livell tagħhom (premessa 282 tad-deċiżjoni kkontestata).

179    Ir-rikorrenti lanqas ma hija ġġustifikata meta tinvoka allegata kuntradizzjoni bejn l-indikazzjonijiet ta’ Arkema fir-rigward tal-kunsens fuq il-prezzijiet u ddikjarazzjonijiet l-oħra tagħha, li jgħidu li l-laqgħa ta’ Turku kienet “l-okkażjoni sabiex ċerti manifatturi juru li ż-żminijiet kienu nbidlu” u “sabiex jindikaw il-waqfien tal-kooperazzjoni u għalhekk itemmu l-organizzazzjoni kkontrollata tas-suq”. Dawn l-aħħar dikjarazzjonijiet, li jesponu l-intenzjoni li l-aġir antikompetittiv jintemm u li għalhekk jindikaw it-tmiem formali tal-akkordju, ma jikkontradixxux l-eżistenza ta’ kunsens dwar iż-żamma tal-effetti tiegħu sa tmiem is-sena.

180    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet ta’ Arkema huma kkonfermati minn elementi oħra tal-proċess, b’mod partikolari, mill-informazzjoni, ikkonfermata minn diversi impriżi u mhux ikkontestata mir-rikorrenti, li tgħid li, fil-kuntest tal-laqgħat marġinali għal-laqgħat biennali tas-CEFIC, il-prezzijiet kienu normalment jiġu stabbiliti għas-sitt xhur ta’ wara (premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata).

181    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fid-dawl ta’ serje ta’ indizji konkordanti li juru l-eżistenza tal-akkordju, hemm bżonn ta’ spjegazzjoni verament b’saħħitha sabiex jintwera li, matul laqgħa speċifika, ġraw affarijiet totalment differenti minn dawk li ġraw matul laqgħat preċedenti, ladarba dawn il-laqgħat kollha kienu jlaqqgħu flimkien l-istess ċirklu ta’ parteċipanti, kienu jseħħu fil-kuntest ta’ ċirkustanzi esterni omoġenei u kellhom, mingħajr ebda dubju, l-istess għan (konklużjonijiet tal-Imħallef M. Vesterdorf li aġixxa bħala Avukat Ġenerali fil-kuntest tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il‑Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra p. II‑867, II‑954).

182    F’kull każ, l-indikazzjoni li tgħid li diversi kompetituri komplew il-kollużjoni minn tal-inqas sal-aħħar tas-sena 2000, minkejja t-tmiem formali tagħha, hija kkonfermata mill-eżistenza ta’ ċerti kuntatti bilaterali wara l-laqgħa tat-18 ta’ Mejju 2000 (premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata).

183    L-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jistabbilixxi n-natura legali ta’ wieħed minn dawn il-kuntatti, jiġifieri l-laqgħa tagħha ma FMC Foret, ma jistax, f’dan ir-rigward, jikkonfuta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tkomplija tal-effetti tal-akkordju, peress li din il-konstatazzjoni ma hijiex ibbażata fuq dan il-fatt iżolat, li jikkostitwixxi biss element sekondarju fis-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni.

184    Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ ssostni b’mod validu li indikat, waqt laqgħa bilaterali ma Degussa f’Mejju jew Ġunju 2000 (premessi 283 sa 285 tad-deċiżjoni kkontestata), li “ma kienx iktar possibbli li, abbażi tad-diskussjonijiet bejn il-manifatturi fis-suq, isir it-tqassim tal-kapaċitajiet u l-allokazzjoni mill-ġdid tagħhom”.

185    F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-pożizzjoni espressa mir-rikorrenti matul kuntatt bilaterali, li tista’ barra minn hekk tiġi interpretata bħala li tesponi d-diffikultajiet li jinżamm l-akkordju, ma turix li hija ddissassoċjat ruħha pubblikament mill-ksur, u b’hekk temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju.

186    Minn dawn il-kusiderazzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni stabbiliet, suffiċjentement skont il-liġi, li matul il-laqgħa tat-18 ta’ Mejju 2000 kien intlaħaq kunsens ġenerali dwar iż-żamma tal-livelli tal-prezzijiet u, għaldaqstant, li l-effetti tal-akkordju kienu komplew matul it-tieni semestru tas-sena 2000.

187    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argument tar-rikorrenti bbażat, it-tieni nett, kemm fuq in-nuqqas ta’ analiżi tal-prezzijiet effettivi miżmuma fis-suq matul il-perijodu kkonċernat, kif ukoll fuq il-preżenza fil-proċess ta’ indikazzjonijiet fir-rigward tan-natura kompetittiva tas-suq.

188    Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni stabbiliet li l-livelli tal-prezzijiet, li kienu s-suġġett ta’ kunsens ġenerali matul il-laqgħa inkwistjoni, kellhom jiġu applikati matul it-tieni semestru tas-sena 2000, hija setgħet tikkonstata t-tkomplija tal-effetti tal-akkordju matul dan il-perijodu, mingħajr ma kienet obbligata li tistabbilixxi li l-akkordju kellu effett konkret fuq il-prezzijiet miżmuma fis-suq (ara, f’dan is-sens is-sentenza Bolloré et vs Il‑Kummissjoni, punt 175 iktar ’il fuq, punt 186).

189    Bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ladarba din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni, stabbilita suffiċjentement skont il-liġi, dwar l-eżistenza ta’ intenzjoni komuni tal-partijiet li jtawwlu l-effetti tal-akkordju minkejja t-tmiem formali tiegħu, din ma tirriżultax minn qlib tal-oneru tal-prova u, għalhekk, ma tistax tkun kontra l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

190    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma kkonfutawx il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ksur kompla sal-31 ta’ Diċembru 2000.

191    Għalhekk, lanqas dan l-ilment ma jista’ jiġi milqugħ.

192    Wara l-eżami tal-ewwel u tat-tieni motiv, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, suffiċjentement skont id-dritt, li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur matul il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u Mejju 1995.

193    Il-kumplament tal-ewwel u tat-tieni lment għandu jiġi miċħud.

194    Konsegwentement, l-Artikolu 1(m) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat, sa fejn fih il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur matul il-perijodu ta’ qabel Mejju 1995, u l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(h) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul imnaqqas tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Il-konsegwenzi konkreti ta’ dan l-aġġustament huma speċifikati fil-punti 440 u 441 iktar ’il quddiem.

 Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

195    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni rrifjutatilha l-aċċess, minn naħa, għal parti tad-dokumenti tal-fajl prodotti minn Degussa u, min-naħa l-oħra, għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija mill-impriżi l-oħra kkonċernati. Dan ir-rifjut allegatament jikkostitwixxi ksur kemm tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, kif ukoll tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)

196    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tindika li kellha aċċess limitat għad-dokumenti pprovduti minn Degussa, li kienu jinkludu r-rapporti ta’ kull xahar tagħha fir-rigward tas-suq tal-PH, għas-sena 2000. Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti aċċess sħiħ għal dawn id-dokumenti.

197    L-informazzjoni inkwistjoni ma setetx tiġi oġġettivament ikkunsidrata bħala kunfidenzjali għaliex din kienet tikkonsisti f’rapporti dwar strateġiji għal żmien qasir li kellhom minn tal-inqas ħames snin. Fir-rigward ta’ informazzjoni paragunabbli tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li din ma setgħetx tiġi kkunsidrata iktar bħala kunfidenzjali wara tliet snin.

198    Barra minn hekk, il-karattru kunfidenzjali ta’ dokument ma jikkostitwixxix ostakolu assolut għall-iżvelar tiegħu. Id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kellhom jipprevalu fuq il-kunfidenzjalità tad-data. Kien ikun possibbli li jittieħdu miżuri xierqa sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni.

199    Id-dokument ta’ Degussa kien rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx twettaq ksur wara l-laqgħa ta’ Turku fit-18 ta’ Mejju 2000 u, għalhekk, kien indispensabbli għad-difiża tar-rikorrenti. Is-siltiet mid-dokumenti ta’ Degussa dwar is-sena 2000 kellhom jindikaw li s-suq kien kompetittiv, fatt li seta’ jippermetti li tiġi miċħuda l-eżistenza tal-ksur matul dan il-perijodu.

200    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tagħha meta rrifjutatilha l-aċċess għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija mill-impriżi l-oħra kkonċernati.

201    Il-Kummissjoni hija żbaljata meta tindika li tali aċċess ma huwiex obbligatorju fid-dritt Komunitarju. Fi proċeduri preċedenti hija kienet żvelat ir-risposti għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Il-punt 27 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ aċċess għal fajl tal-Kummissjoni fil-każijiet li jikkonċernaw l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7) huwa illegali, sa fejn dan jeskludi, bħala prinċipju, l-aċċess għar-risposti inkwistjoni.

202    Ir-rikorrenti ssostni li r-risposti li l-impriżi kkonċernati l-oħra taw għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħu jikkonfermaw il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tat-tul tal-ksur, peress li anki dawn l-impriżi l-oħra kkontestaw id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-akkordju u, b’mod partikolari, it-tkomplija tal-ksur bejn it-18 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 2000.

203    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

204    Skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003:

“Id-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri. Huma ħa jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ […]”

205    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt ta’ aċċess għal fajl, li huwa korollarju għall-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni u li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punti 125 sa 128, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑30/91, Ġabra p. II‑1775, punt 81).

206    Dawn jinkludu kemm id-dokumenti kontra kif ukoll id-dokumenti favur, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 68).

207    Fir-rigward tad-dokumenti kontra, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi, minn naħa, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokumnet sabiex issostni l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, li dan l-ilment jista’ jiġi pprovat biss b’riferiment għall-imsemmi dokument. Għalhekk, hija l-impriża kkonċernata li għandha tipprova li r-riżultat li għalih waslet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku d-dokument mhux ikkomunikat kellu jitwarrab bħala prova (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punti 71 sa 73).

208    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument favur, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi biss li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, bi ħsara għaliha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża tistabbilixxi li hija setgħet tuża l-imsemmija dokumenti favur għad-difiża tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 318, u s-sentenza Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 85 iktar ’il fuq, punt 81), billi turi, b’mod partikolari, li hija setgħet tinvoka elementi li ma kinux konformi mal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li għalhekk setgħu jinfluwenzaw, b’xi mod, l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 75).

209    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tallega li ma kelliex aċċess, minn naħa, għal parti mid-dokumenti tal-fajl tal-Kummissjoni prodotti minn Degussa u, min-naħa l-oħra, għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mogħtija mill-impriżi kkonċernati l-oħra.

–       Fuq l-aċċess għad-dokumenti ta’ Degussa

210    Mill-proċess jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti talbet aċċess għar-rapporti tad-dipartimenti tal-bejgħ ta’ Degussa relatati mal-perijodu tal-ksur.

211    Il-Kummissjoni tat aċċess sħiħ għad-dokumenti relatati mas-snin 1996 sa 1999, iżda fuq talba ta’ Degussa hija żvelat biss siltiet mid-dokumenti relatati mas-snin 2000 u 2001, peress li ġew ikkunsidrati bħala kunfidenzjali.

212    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkritika r-rifjut ta’ aċċess għall-verżjoni sħiħa tad-dokumenti relatati mas-snin 2000 u 2001, billi tinvoka, minn naħa, il-ksur tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

213    Għandu jitfakkar li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl previst fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jifforma parti mill-garanziji proċedurali intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tad-difiża u sabiex jiżguraw, b’mod partikolari, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ.

214    Għalhekk, l-aċċess għal fajl ma huwiex għan fih innifsu, iżda huwa intiż sabiex jipproteġi d-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 156).

215    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti tista’, billi tinvoka r-rifjut ta’ aċċess sħiħ għad-dokumenti inkwistjoni, tinvoka l-ksur tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003 biss sa fejn dawn id-dokumenti setgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha, ħaġa li hija għandha tipprova.

216    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti inkwistjoni setgħu kienu jinkludu indizji tal-karattru kompetittiv tas-suq tal-PH matul it-tieni semestru tas-sena 2000, li jistgħu jikkostitwixxu elementi favur f’dak li jirrigwarda t-tkomplija tal-ksur matul dan il-perijodu. Hija tindika li mis-siltiet żvelati tagħhom diġà jirriżulta li s-suq tal-PH kien kompetittiv fl-2000, peress li l-ispejjeż ta’ produzzjoni kienu żdiedu u l-prezzijiet kienu baqgħu l-istess.

217    Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 188 iktar ’il fuq, sa fejn il-Kummissjoni stabbiliet, suffiċjentement skont il-liġi, li matul il-laqgħa f’Turku, kien hemm kunsens ġenerali dwar iż-żamma tal-livelli tal-prezzijiet għat-tieni semestru tas-sena 2000, hija setgħet ġustament tikkonkludi li l-effetti tal-akkordju kienu komplew sa tmiem dan il-perijodu, mingħajr ma kienet obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni eventwali indizji dwar il-fatt li l-għanijiet tal-imsemmi kunsens ma setgħux jintlaħqu.

218    Għalhekk, l-indizji dwar is-sitwazzjoni tas-suq matul it-tieni semestru tas-sena 2000, u b’mod partikolari fuq il-livelli tal-prezzijiet miżmuma mill-impriżi kkonċernati, ma setgħux jinfluwenzaw, b’xi mod, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tkomplija tal-ksur sa tmiem is-sena 2000. Għalhekk, dawn l-indizji ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu elementi favur fir-rigward tat-tkomplija tal-akkordju matul dan il-perijodu.

219    Konsegwentement, peress li r-rikorrenti ma wrietx li hija setgħet tinvoka elementi mislutin mid-dokumenti inkwistjoni sabiex tiddefendi ruħha, l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat l-argument tagħha bbażat fuq allegat żball tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti.

–       Fuq l-aċċess għar-risposti li impriżi kkonċernati oħra taw għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

220    Mill-proċess jirriżulta li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tingħata aċċess għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-risposti li l-impriżi destinatarji l-oħra taw għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

221    Ir-rikorrenti ssostni li dan ir-rifjut ta’ aċċess kiser id-drittijiet tad-difiża tagħha peress li r-risposti inkwistjoni setgħu kienu jinkludu elementi favuriha.

222    Għandu jitfakkar li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija att li huwa intiż sabiex jillimita s-suġġett tal-proċedura mibdija kontra impriża u sabiex tiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il‑Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    Huwa minn din il-perspettiva li d-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jibbenefikaw minn garanziji proċedurali, skont il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, li fosthom hemm id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti rilevanti tal-fajl tal-Kummissjoni.

224    Ir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jiffurmawx parti mill-fajl tal-investigazzjoni veru u proprju (sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, punt 380).

225    Fir-rigward tad-dokumenti li ma jiffurmawx parti mill-fajl miftuħ meta ġiet innotifikata d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata li tiżvela l-imsemmija risposti lil partijiet oħra ikkonċernati biss jekk jirriżulta li dawn ikunu jinkludu elementi ġodda favur jew kontra.

226    F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna, minn naħa, l-elementi l-ġodda kontra, hija ġurisprudenza stabbilita li, jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq element mislut minn risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-argumenti tagħhom fuq din il-prova l-ġdida (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, punt 386, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 50).

227    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-elementi ġodda favur, skont din l-istess ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tagħmilha aċċessibbli minn jeddha. Fil-każ fejn matul il-proċedura amministrattiva l-Kummissjoni ċaħdet talba ta’ rikorrenti intiża għall-aċċess għal dokumenti li ma jinsabux fil-fajl tal-investigazzjoni, jista’ jkun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk jiġi stabbilit li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku r-rikorrenti ngħatat aċċess għad-dokumenti inkwistjoni matul din il-proċedura (sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, punt 383).

228    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-kunsiderazzjoni li tirriżulta mis-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq (punt 126), li tgħid li ma għandiex tkun biss il-Kummissjoni li tiddetermina d-dokumenti utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata. L-imsemmija kunsiderazzjoni, li tirrigwarda d-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, ma tistax tapplika għal risposti li impriżi kkonċernati oħra taw għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

229    Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma għandhomx, bħala prinċipju, jwasslu sabiex il-Kummissjoni tiġi obbligata tiżvela r-risposti inkwistjoni lill-partijiet oħra, sabiex dawn ikunu jistgħu jivverifikaw in-nuqqas ta’ eventwali elementi favur.

230    Sa fejn ir-rikorrenti tinvoka l-eżistenza ta’ allegati elementi favur f’risposti mhux żvelati, hija li għandha tipprovdi l-ewwel indizju tal-utilità, għad-difiża tagħha, ta’ dawn id-dokumenti.

231    Hija għandha b’mod partikolari tindika l-elementi potenzjali favur inkwistjoni jew tipprovdi indizju li jipprova l-eżistenza tagħhom u, għaldaqstant, l-utilità tagħhom għall-bżonnijiet tal-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 351 sa 359).

232    Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ssostni li r-risposti tal-impriżi l-oħra għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setgħu jikkonfermaw l-argumenti tagħha intiżi li juru t-tul imnaqqas tal-ksur. Hija tindika, b’mod partikolari, li wħud mill-impriżi l-oħra ikkontestaw id-data tal-bidu u dik tat-tmiem tal-akkordju, u b’dan il-mod imminaw b’mod partikolari l-analiżi tal-Kummissjoni dwar it-tkomplija tal-akkordju sa tmiem is-sena 2000. Barra minn hekk, hija tallega li r-risposti inkwistjoni setgħu jinkludu elementi li jistgħu jiċċaraw minn perspettiva differenti l-eżistenza tal-ksur matul it-tieni semestru tas-sena 2000, b’mod partikolari fid-dawl tan-nuqqas ta’ prova ta’ effett fuq il-prezzijiet matul dan il-perijodu.

233    Madankollu hija ġurisprudenza stabbilita li s-sempliċi fatt li l-impriżi kkonċernati l-oħra essenzjalment ressqu l-istess argumenti bħal dawk tar-rikorrenti dwar it-tul tal-ksur ma huwiex biżżejjed sabiex dawn l-argumenti jiġu kkunsidrati bħala elementi favur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, punt 231 iktar ’il fuq, punti 353 u 355).

234    Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza li ċerti impriżi rnexxielhom juru, fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-allegat ksur ma kinitx suffiċjentement stabbilita, bl-ebda mod ma timplika li dawn ir-risposti kienu jinkludu elementi li jistgħu jiċċaraw minn perspettiva differenti l-provi dokumentarji diretti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fir-rigward tal-impriżi l-oħra (sentenza Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, punt 405).

235    Dan jgħodd iktar u iktar għal kawża preżenti fejn l-argumenti li l-impriżi kkonċernati l-oħra invokaw fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġew miċħuda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eventwali argumenti li r-rikorrenti setgħet tifformula billi tibbaża ruħha fuq dawn ir-risposti setgħu jinkludu biss elementi li kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, mingħajr ma l-proċedura tasal għal riżultati differenti.

236    Barra minn hekk, kif diġà ġie osservat fil-punti 188, 217 u 218 iktar ’il fuq, l-eventwali indikazzjonijiet dwar il-karattru kompetittiv tas-suq u l-livelli tal-prezzijiet miżmuma bejn it-18 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 2000, matul il-perijodu finali tal-akkordju, ma setgħux jinfluwenzaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-akkordju kien kompla matul dan il-perijodu u, għalhekk, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala elementi favur.

237    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jipprovdux l-ewwel indizju tal-utilità, għad-difiża tagħha, tar-risposti li impriżi kkonċernati oħra taw għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

238    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilietx li l-fatt li ma ngħatatx aċċess għal dawn ir-risposti seta’ kien ta’ ħsara għad-difiża tagħha.

239    Sa fejn ir-rikorrenti tinvoka applikazzjoni żbaljata tal-punt 27 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ aċċess għal fajl tal-Kummissjoni fil-każijiet li jikkonċernaw l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament (KE) Nru 139/2004 jew, sussidjarjament, l-illegalità tagħha, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-komunikazzjoni inkwistjoni, li barra minn hekk ma tissemiex fid-deċiżjoni kkontestata, ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-22 ta’ Diċembru 2005 u għalhekk ma setgħetx tiġi, ratione temporis, applikata għar-rifjut ta’ aċċess ikkontestat, li seħħ fl-4 ta’ Mejju 2005.

240    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-imsemmija komunikazzjoni huma ineffettivi.

241    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, kemm l-ilment ibbażat fuq ir-rifjut ta’ aċċess għar-risposti li l-impriżi kkonċernati l-oħra taw għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll dan il-motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-allegati żbalji fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa

 L-argumenti tal-partijiet

242    Ir-raba’ motiv huwa maqsum f’erba’ ilmenti, li jirrigwardaw l-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-gravità tal-ksur, it-tieni nett, it-tul tiegħu, it-tielet nett, l-effett dissważiv tal-multa u, ir-raba’ nett, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti bħala ċirkustanza attenwanti.

243    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni tal-fatti fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. L-ammont bażiku tal-multa huwa, b’konsegwenza ta’ dan, eċċessiv u sproporzjonat.

244    Minn naħa, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tul tal-akkordju kien iqsar f’dak li jirrigwarda l-PBS milli f’dak li jirrigwarda l-PH. L-ammont inizjali ġie stabbilit abbażi tad-daqs flimkien tas-swieq tal-PH u tal-PBS fiż-ŻEE fl-1999, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-akkordju kien dam inqas f’dak li jirrigwarda l-PBS. Peress li s-suq tal-PH jirrappreżenta bejn 60 u 65 % tas-swieq taż-żewġ prodotti kkunsidrati flimkien, il-Kummissjoni kellha tnaqqas l-ammont inizjali sabiex jirrifletti l-perijodi tal-ksur li matulhom is-suq tal-PH kien l-uniku suq effetwat.

245    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-impatt tal-akkordju fuq is-suq. Tali eżami kien neċessarju għall-perijodi kollha apparti dawk fejn il-ftehim fuq il-prezzijiet kienu ġew effettivament applikati, jiġifieri bejn Awwissu 1997 u t-18 ta’ Mejju 2000 għall-PH u bejn l-14 ta’ Mejju 1998 u d-19 ta’ Diċembru 1999 għall-PBS. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li ma kienx possibbli li tkejjel l-effetti reali tal-ksur (premessa 455 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr madankollu ma esponiet ir-raġunijiet għal din il-kunsiderazzjoni.

246    Sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilietx li l-ksur kellu effett fuq il-prezzijiet fil-perijodi inizjali u finali tal-akkordju, hija messha naqqset l-ammont tal-multa konsegwentement. Billi ma investigatx jekk il-prattiki antikompetittivi kinux ġew implementati u billi ma ppruvatx tikkwantifika l-effetti tagħhom fis-suq, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi.

247    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont inizjali ta’ EUR 50 miljun, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tindika li dan kien l-ammont “li għandu jiġi impost”. Dan l-ammont huwa sproporzjonat fid-dawl tal-linji gwida u tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

248    It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa tagħha, il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni biss il-perijodi ta’ bejn Frar 1998 u Mejju 2000.

249    Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni pproduċiet biss il-prova li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur bejn Awwissu 1997 u t-18 ta’ Mejju 2000. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kienet l-ewwel impriża li pproduċiet provi dwar l-eżistenza ta’ akkordju bejn Awwissu 1997 u Frar 1998. Għaldaqstant, dan il-perijodu ma setax jingħażel sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa tagħha.

250    It-tielet nett, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma mmotivat l-applikazzjoni taż-żieda tal-ammont tal-multa abbażi tal-effett dissważiv. Hija naqset milli tispjega għaliex din iż-żieda kienet neċessarja u, b’mod partikolari, ma spjegatx għaliex reċidiva kienet probabbli fin-nuqqas ta’ tali argumentazzjoni.

251    Iż-żieda inkwistjoni hija eċċessiva u sproporzjonata fid-dawl tal-għan li tiġi pprevenuta reċidiva. L-ammont tal-multa qabel din iż-żieda kien manifestament suffiċjenti biex ikollu effett dissważiv, indipendentement mid-dħul mill-bejgħ u mir-riżorsi tar-rikorrenti.

252    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura, skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, ħlief bi ksur tal-linji gwida u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, hija kellha tieħu din il-kooperazzjoni inkunsiderazzjoni lil hinn mill-kuntest tal-imsemmija komunikazzjoni.

253    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u fuq il-livell tal-ammont inizjali tal-multa

254    Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għandhom jittiħdu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur.

255    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità ta’ ksur tiġi stabbilita billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 241, u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 43).

256    Skont l-ewwel subparagrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida, “[b]iex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti”.

257    Fil-kawża preżenti, sabiex tikkwalifika l-ksur bħala gravi ħafna, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur imwettaq, li kien jikkonsisti f’aġiri li jinsabu fost il-ksur l-iktar gravi tal-Artikolu 81 KE, il-fatt li l-ksur kien mifrux fit-territorju ŻEE kollu, fejn is-swieq tal-PH u tal-PBS flimkien kienu jirrappreżentaw valur totali kunsiderevoli, u l-fatt li l-imsemmi ksur neċessarjament kellu impatt fuq is-suq, anki jekk dan ma setax jitkejjel (premessi 453 sa 457 tad-deċiżjoni kkontestata).

258    Sussegwentement, l-ammont inizjali ġenerali tal-multa ġie individwalizzat għal kull parteċipant b’mod partikolari skont id-daqs speċifiku tiegħu fis-suq. Ir-rikorrenti, inkwantu l-ikbar operatur fis-swieq tal-PH u tal-PBS flimkien, ingħatat ammont inizjali ta’ EUR 50 miljun (premessi 460 sa 462 tad-deċiżjoni kkontestata).

259    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet billi targumenta li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-akkordju kien dam inqas f’dak li jirrigwarda l-PBS milli f’dak li jirrigwarda l-PH u li s-suq tal-PH kien jirrappreżenta bejn 60 u 65 % tas-swieq taż-żewġ prodotti kkunsidrati flimkien.

260    Għandu jiġi osservat li, għalkemm l-ammont inizjali huwa ddeterminat skont il-gravità tal-ksur globali, fil-każ ta’ ksur uniku u kontinwu, jista’ jkun xieraq li tiġi riflessa, f’dan l-istadju tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, l-intensità varjabbli tal-aġiri li jikkostitwixxu ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BPB vs Il‑Kummissjoni, punt 89 iktar ’il fuq, punt 364).

261    Fil-kawża preżenti, fil-premessa 331 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li “filwaqt li tibqa’ konvinta li dak li [kien] għaddej [kien] ksur uniku li jkopri simultanjament il-PH u l-PBS”, hija kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni, għall-iffissar tal-ammont tal-multa, “il-fatt li l-akkordju fuq il-PBS [kien] beda wara dak tal-[PH] u ntemm qablu”.

262    Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-fatt li l-aġiri relatati mal-PBS kienu iqsar meta mqabbla mal-ksur globali.

263    Ir-rikorrenti ma tistax validament tallega li l-Kummissjoni fil-verità ma pproċedietx b’dan il-mod biss minħabba l-fatt li l-premessi 457 sa 462 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu r-riferiment għad-daqs tas-swieq tal-PH u tal-PBS flimkien u ma jesponux b’mod preċiż liema tul tal-aġiri kollużorji relatati ma wieħed jew ieħor minn dawn il-prodotti ġie rifless matul id-determinazzjoni tal-ammont inizjali.

264    Fil-fatt, minn naħa, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tesponi ċ-ċifri jew espożizzjoni iktar dettaljata dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punt 50).

265    Min-naħa l-oħra, b’risposta għall-mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni speċifikat li hija kienet għażlet li tieħu inkunsiderazzjoni t-tul differenti tal-aġiri relatati mal-PBS, mhux fil-kuntest taż-żieda tal-ammont tal-multa abbażi tat-tul, iżda fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali, fejn speċifikat li dan kien biss wieħed mill-fatturi meħudin inkunsiderazzjoni għall-iffissar għal livell xieraq tal-ammont inizjali.

266    F’dan ir-rigward, billi ssostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul limitat tal-aġiri fis-suq tal-PBS kellu jsarraf fi tnaqqis proporzjonali tal-ammont inizjali tal-multa, ir-rikorrenti tinterpreta ħażin il-ġurisprudenza li tgħid li l-iffissar ta’ ammont inizjali xieraq ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu aritmentiku, peress li barra minn hekk, id-daqs tas-suq affetwat jikkostitwixxi biss elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni ta’ dan l-ammont (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 255 iktar ’il fuq, punt 243).

267    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tul limitat tal-aġiri relatati mal-PBS ma huwiex fondat.

268    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-ammont inizjali tal-multa, iffissat għal EUR 50 miljun, huwa sproporzjonat kemm fid-dawl tal-linji gwida kif ukoll f’dak tal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni u li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata suffiċjentement f’dan ir-rigward.

269    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-prassi preċedenti invokata mir-rikorrenti għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-fatt li fil-passat il-Kummissjoni applikat multi ta’ ċertu livell lil ċerti tipi ta’ ksur ma jistax għalhekk iċaħħadha mill-possibbiltà li, f’kull mument, tgħolli dan il-livell sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni u sabiex issaħħaħ l-effett disważiv tal-multi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, T‑68/04, Ġabra p. II‑2511, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

270    F’dak li jirrigwarda l-linji gwida, għandu jiġi osservat li, fil-kawża preżenti, peress li inkwistjoni hemm ksur ikklassifikat bħala gravi ħafna, klassifikazzjoni li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, ammont inizjali ta’ EUR 50 miljun ma jistax jiġi kkunsidrat bħala manifestament sproporzjonat fid-dawl tal-iskala prevista fil-linji gwida.

271    F’dak li jikkonċerna l-allegata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżiti ta’ din il-forma proċedurali sostanzjali huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tiddetermina l-gravità u t-tul tal-ksur (ara s-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 208 iktar ’il fuq, punt 463, u l-ġurisprudenza ċċitata).

272    Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ssodisfat dawn ir-rekwiżiti, peress li indikat, fil-premessi 453 sa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi li ppermettew li titkejjel il-gravità tal-ksur ikkonċernat, jiġifieri dawk marbutin man-natura tiegħu, mal-firxa u mad-daqs tas-swieq ikkonċernati, u peress li spjegat l-applikazzjoni tagħhom għal kawża preżenti.

273    Barra minn hekk, fir-rigward tal-motivazzjoni tal-ammonti inizjali f’termini assoluti, għandu jitfakkar li l-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni li għandu jkollha setgħa diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammonti tagħhom sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tkun mistennija li tipprovdi, f’dan ir-rigward, elementi ta’ motivazzjoni oħra għajr dawk relatati mal-gravità u mat-tul tal-ksur (sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, punt 269 iktar ’il fuq, punt 32).

274    Għalhekk, it-tieni lment huwa infondat.

275    It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni żbaljat meta naqset milli teżamina l-impatt reali tal-akkordju fuq is-suq, f’dak li jirrigwarda l-perijodi l-oħra li ma humiex dawk li matulhom, skont ir-rikorrenti, kienu effettivament ġew applikati l-ftehim fuq il-prezzijiet, jiġifieri bejn Awwissu 1997 u t-18 ta’ Mejju 2000 għall-PH u bejn l-14 ta’ Mejju 1998 u d-19 ta’ Diċembru 1999 għall-PBS.

276    Hija ssostni li l-Kummissjoni kienet obbligata li teżamina sa fejn kienu ġew effettwati l-prezzijiet jew, minn tal-inqas, li tevalwa l-possibbiltà ta’ effett reali fuq is-suq matul il-perijodi kkonċernati.

277    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm l-eżistenza ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, dan huwa kriterju fost oħrajn, bħalma huma n-natura proprja tal-ksur u d-daqs tas-suq ġeografiku. Bl-istess mod, mill-punt 1(A) tal-linji gwida jirriżulta li dan l-impatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta dan jista’ jitkejjel.

278    Għandu jiġi osservat ukoll li l-akkordji orizzontali fuq il-prezz jew fuq it-tqassim tas-swieq, bħall-ksur inkwistjoni fil-kawża preżenti, jistgħu jiġu kklassifikati bħala ksur gravi ħafna abbażi tan-natura proprja tagħhom, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun mistennija li turi impatt reali tal-ksur fuq is-suq. L-impatt konkret tal-ksur huwa biss element fost oħrajn li, jekk jista’ jitkejjel, jista’ jippermetti lill-Kummissjoni żżid l-ammont inizjali tal-multa lil hinn mill-ammont minimu previst ta’ EUR 20 miljun (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym et Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punti 74 u 75).

279    Fil-kawża preżenti, mill-premessa 455 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx possibbli li l-effett reali li l-arranġamenti kollha inkwistjoni li jikkostitwixxu ksur kellhom fuq is-suq taż-ŻEE jitkejjel u li, konsegwentement, hija ma bbażatx ruħha speċifikament fuq tali effett, b’mod partikolari, minħabba l-kunsiderazzjoni li tgħid li l-effett reali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta jista’ jitkejjel.

280    Fl-istess premessa, il-Kummissjoni ddikjarat li l-arranġamenti kollużorji kienu ġew implementati mill-manifatturi Ewropej u li din l-implementazzjoni tabilħaqq kellha effetti fuq is-suq, anki jekk kien “diffiċli” li l-effetti reali “jitkejjlu ex hypothesi”.

281    Barra minn hekk, fil-premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn hemm esposta l-konklużjoni li l-ksur jiġi kklassifikat bħala gravi ħafna, il-Kummissjoni ma għamlitx riferiment biss għan-natura tal-ksur, għall-firxa ġeografika u għad-daqs tas-suq, iżda wkoll għall-fatt li l-ksur “kellu [neċessarjament] effett”.

282    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li peress li l-akkordju inkwistjoni ġie implementat fis-suq kollu taż-ŻEE u peress li kellu bħala għan it-tqassim tal-ishma tas-suq u tal-klijenti, kif ukoll l-iffissar tal-prezzijiet, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikklassifika l-ksur bħala gravi ħafna, fid-dawl tan-natura tiegħu, mingħajr ma kienet obbligata turi l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq.

283    Għalhekk, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-ksur, ikkunsidrat globalment, “kellu [neċessarjament] effett” fuq is-suq, tista’ tiġi kkunsidrata biss bħala indizju sussidjarju meħud inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-gravità tiegħu.

284    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax din il-konstatazzjoni fiha nnifisha iżda tillimita ruħha li ssostni li l-Kummissjoni messha rrikonoxxiet il-fatt li l-ksur ma kellux effetti reali matul uħud mill-perijodi tal-ksur u tieħdu inkunsiderazzjoni waqt id-determinazzjoni tal-ammont inizjali.

285    Għalhekk, fil-verità dan l-argument ma huwiex dirett kontra l-klassifikazzjoni bħala gravi ħafna tal-ksur iżda huwa intiż li jikkontesta l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni skont il-gravità tiegħu.

286    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm l-impatt konkret tal-ksur, jekk jista’ jitkejjel, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jista’ jwassal sabiex l-ammont inizjali tal-multa jiżdied lil hinn mill-ammont minimu previst, madankollu, fil-kawża preżenti, mill-premessa 455 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-impatt inkwistjoni ma setax jitkejjel u, għaldaqstant, ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

287    Sa fejn ir-rikorrenti tagħmel riferiment għas-sentenza tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni (T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punti 241 sa 254), fejn il-Qorti Ġenerali naqqset l-ammont tal-multa, ddeterminat skont il-gravità tal-ksur, wara li kkonstatat li l-Kummissjoni kienet iffissat dan l-ammont billi kkunsidrat l-impatt konkret fuq is-suq, filwaqt li din iċ-ċirkustanza ma kinitx ġiet ipprovata għat-tul kollu tal-ksur, għandu jiġi osservat li, b’kuntrast maċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, fil-kawża preżenti l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa.

288    Barra minn hekk, peress li dan huwa element mhux obbligatorju fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni talli ma spjegatx b’mod espliċitu l-motivi tal-konstatazzjoni tagħha dwar il-fatt li l-impatt konkret tal-ksur ma jistax jitkejjel.

289    Fil-fatt, meta stabbiliet l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti l-Kummissjoni setgħet, ġustament u mingħajr ma kienet obbligata li tiġġustifika l-għażla tagħha, tinjora l-fattur inkwistjoni u tibbaża ruħha fuq elementi oħra, bħan-natura tal-ksur, il-firxa ġeografika u d-daqs tas-suq.

290    Konsegwentement, ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li l-Kummissjoni kienet obbligata li tiddetermina l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq u li tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ tali impatt matul ċerti perijodi tal-ksur, jew li tesponi r-raġunijiet speċifiċi li fuqhom hija bbażat il-kunsiderazzjoni li tgħid li l-imsemmi impatt ma setax jitkejjel.

291    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ilment dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u fuq id-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa ma jistax jiġi milqugħ.

–       Fuq l-effett dissważiv

292    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx l-applikazzjoni taż-żieda tal-ammont tal-multa abbażi tal-effett dissważiv, peress li hija naqset milli tispjega l-ħtieġa ta’ din iż-żieda fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tagħha u milli tevalwa l-probabbiltà ta’ reċidiva. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, iż-żieda inkwistjoni, ta’ 50 %, hija eċċessiva fid-dawl tal-għan li tiġi pprevenuta reċidiva u hija sproporzjonata, irrispettivament mid-daqs tal-impriża tagħha.

293    Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni indikat li kien jaqbel li l-ammont tal-multa jiġi ffissat għal livell li jiggarantixxi effett dissważiv suffiċjenti, fid-dawl tad-daqs ta’ kull impriża (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata).

294    Fl-istess premessa, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika koeffiċjent multiplikatur ta’ 1.5 fuq l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, fid-dawl tad-daqs kunsiderevoli tagħha li jirriżulta mid-dħul mill-bejgħ dinji kunsiderevoli li hija għamlet matul is-sena finanzjarja direttament preċedenti l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

295    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet il-Kummissjoni esponiet, suffiċjentement skont il-liġi, l-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi miżjud, għal finijiet ta’ dissważjoni, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, u għalhekk ippermettiet kemm li r-rikorrenti tkun taf il-ġustifikazzjoni għal din iż-żieda, li ġiet imposta fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tagħha, u li ssostni d-drittijiet tagħha, kif ukoll li l-qorti tal-Unjoni teżerċirtà l-istħarriġ tagħha.

296    Fil-fatt, fil-kuntest tal-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw il-livell tal-multa, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tindika ċ-ċifri li fuqhom hija bbażat, b’mod partikolari fir-rigward tal-effett dissważiv imfittex, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cascades vs Il‑Kummissjoni, punt 264 iktar ’il fuq, punti 39 sa 48, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punt 125).

297    Fir-rigward tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura dissważiva tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 106, u Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punt 63).

298    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 297 iktar ’il fuq, punt 120, u Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 255 iktar ’il fuq, punt 243).

299    Bl-istess mod, ir-raba subparagrafu tal-punt 1(A) tal-linji gwida jipprovdi li huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu importanti għall-operaturi l-oħra, b’mod partikolari għall-konsumaturi, u li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat f’livell li jiżgura li jkollha natura suffiċjentement dissważiva.

300    Fil-kawża preżenti, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-allegata natura sproporzjonata taż-żieda inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, peress li l-ksur issanzjonat jikkorrispondi għal aġiri li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni, sa mill-ewwel interventi tagħha f’dan ir-rigward, ripetutament iddikjarat li huma illegali, il-Kummissjoni setgħet tiffissa l-ammont tal-multa għal livell suffiċjentement dissważiv, mingħajr ma kienet obbligata li tevalwa l-probabbiltà ta’ reċidiva min-naħa tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punti 46 u 47).

301    Wara dan, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-aġir tal-impriża fid-direzzjoni tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-daqs tar-rikorrenti, ikkonfermat mid-dħul mill-bejgħ dinji partikolarment kunsiderevoli tagħha, iż-żieda inkwistjoni, ta’ 50 %, ma tistax titqies bħala sproporzjonata fid-dawl tal-għan ta’ dissważjoni.

302    Barra minn hekk, peress li ż-żieda inkwistjoni hija msejjsa fuq il-kunsiderazzjoni li ġiet invokata waqt id-determinazzjoni tal-ammont inizjali, jiġifieri n-neċessità li tiġi żgurata n-natura dissważiva tal-multa fid-dawl tar-riżorsi globali kunsiderevoli tar-rikorrenti, din tal-aħħar ma tistax validament issostni li l-għan ta’ dissważjoni ttieħed suffiċjentement inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont inizjali.

303    Fid-dawl ta’ dak li ntqali iktar ’il-fuq, dan l-ilment ma jistax jiġi milqugħ.

–       Fuq it-tul tal-ksur

304    Fil-premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ksur ta’ tul twil, li seħħ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri matul perijodu ta’ sitt snin u ħdax-il xahar. Konsegwentement, l-ammont inizjali tal-multa tagħha ġie miżjud b’65 %, jiġifieri 10 % għal kull sena sħiħa ta’ parteċipazzjoni fil-ksur u 5 % għal perijodu li jifdal.

305    Minn naħa, ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni billi ssostni li l-Kummissjoni ma wrietx il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur la f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’qabel Awwissu 1997, u lanqas f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ wara t-18 ta’ Mejju 2000.

306    Issa, peress li dan l-ilment huwa relatat strettament mal-argumentazzjoni li r-rikorrenti żviluppat fil-kuntest tal-ewwel żewġ ilmenti eżaminati iktar ’il fuq, dwar it-tul tal-ksur, ma hemmx lok li dan jiġi eżaminat b’mod awtonomu.

307    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li kienet l-ewwel impriża li pproduċiet, fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, provi dwar l-eżistenza ta’ akkordju bejn Awwissu 1997 u Frar 1998. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex tieħu dan il-perijodu inkunsiderazzjoni waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa tagħha.

308    Skont l-aħħar subparagrafu tal-punt 23(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, “jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi”.

309    Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-provi tal-ksur li hija pproduċiet fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha kellhom effett dirett fuq l-istabbiliment tat-tul tal-akkordju, sa fejn dawn ippermettew lill-Kummissjoni tiffissa d-data tal-bidu tal-ksur għal Mejju 1997.

310    Għandu jiġi osservat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li tgħid li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza tal-ksur fil-perijodu ta’ qabel Awwissu 1997.

311    Issa, peress li din il-kunsiderazzjoni ġiet miċħuda fl-eżami tal-ewwel motiv (ara l-punt 170 iktar ’il fuq), lanqas dan l-argument ma jista’ jiġi milqugħ. Fil-fatt, sa fejn il-Kummissjoni stabbiliet, ġustament, li l-akkordju kien jirrigwarda l-perijodi preċedenti għal Awwissu 1997, il-prova prodotta mir-rikorrenti, dwar il-perijodu sussegwenti, ma setgħetx taffettwa direttament l-istabbiliment tat-tul tal-akkordju.

312    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, dan l-ilment, sa fejn jikkonċerna t-tul tal-ksur, ma jeħtieġx eżami awtonomu meta mqabbel ma’ dak magħmul iktar ’il fuq fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni motiv u ma huwiex fondat fir-rigward tal-kumplament.

–       Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti lil hinn mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

313    Sussidjarjament fir-rigward tat-tielet motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li hija eżaminata iktar ’il quddiem, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-kooperazzjoni tagħha lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni, inkwantu ċirkustanza attenwanti.

314    Huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li fir-rigward tal-ksur li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, bħala prinċipju, il-persuna kkonċernata ma tistax validament tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-grad tal-kooperazzjoni tagħha inkwantu ċirkustanza attenwanti, lil hinn mill-kuntest legali tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 586, u l-ġurisprudenza ċċitata).

315    Fil-kawża preżenti, din il-kunsiderazzjoni tgħodd iktar u iktar peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni tar-rikorrenti, billi naqqset l-ammont tal-multa skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi validament ikkritikata talli ma applikatx tnaqqis addizzjonali tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija komunikazzjoni.

316    Konsegwentement, dan l-ilment u, għaldaqstant, ir-raba’ motiv kollu kemm hu ma jistgħux jiġu milqugħa.

 Fuq l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

317    Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet ilmenti li jirrigwardaw, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tad-data tat-talba għal klemenza tar-rikorrenti, it-tieni nett, il-klassifikazzjoni tagħha meta mqabbla ma żewġ impriżi kkonċernati oħra u, it-tielet nett, il-livell tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ngħata.

–       Fuq l-evalwazzjoni tad-data tat-talba tar-rikorrenti

318    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li t-talba għal klemenza tagħha saret fl-4 ta’ April 2003, minflok fit-3 ta’ April, fid-disa’ u nofs ta’ filghodu, data ta’ meta hija kkuntattjat lill-Kummissjoni bit-telefown biex tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u fejn talbet appuntament urġenti sabiex tipproduċi prova orali.

319    It-talbiet għal klemenza għandhom jiġu eżaminati fl-ordni li fih huma jsiru, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk min jagħmel it-talba huwiex lest li jipprovdi l-informazzjoni bil-miktub jew oralment. F’din il-kawża, ir-rikorrenti għamlet it-talba tagħha matul konversazzjoni bit-telefown fit-3 ta’ April, li kienet segwita mill-faks, mibgħut l-istess ġurnata fis-siegħa u erba’ u għoxrin ta’ wara nofsinhar, fejn hija talbet appuntament urġenti sabiex tagħmel dikjarazzjoni orali.

320    Ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkunsidra tali talba bħala talba għal klemenza jippenalizza lill-impriża li tkun tixtieq tagħmel dikjarazzjoni orali, li tkun tirrikjedi ż-żmien f’termini ta’ organizzazzjoni. Skont ir-rikorrenti, ladarba impriża tirrikonoxxi ksur u tkun tixtieq tikkoopera billi tagħmel, mingħajr dewmien u f’mument miftiehem mal-Kummissjoni, dikjarazzjoni, it-talba tagħha għandha tiġi preżunta magħmula meta hija talbet appuntament mal-Kummissjoni sabiex tagħmel id-dikjarazzjoni tagħha.

321    Id-dikjarazzjonijiet orali ta’ impriżi huma mezz rikonoxxut ta’ kif isiru t-talbiet għal klemenza. Issa l-approċ segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jiskoraġġixxi lill-impriżi milli jipproduċu prova orali u jmur kontra l-għanijiet tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti kienet l-unika waħda li ppreżentat il-membri tad-direzzjoni tagħha, xhieda diretti tal-akkordju, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet orali u jirrispondu għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni.

322    Skont ir-rikorrenti, il-konversazzjoni bit-telefown u l-faks tat-3 ta’ April jikkonfermaw it-talba tagħha biex tikseb appuntament sabiex tressaq talba għal klemenza, li tindika n-natura tal-informazzjoni li hija kien beħsieba tikkomunika lill-Kummissjoni mill-iktar fis possibbli. Fit-tieni faks, mibgħut l-istess jum fil-ħamsa u erba’ u għoxrin minuta ta’ filgħaxija, ir-rikorrenti indikat li hija kienet lesta li tagħti immedjatament informazzjoni u poġġiet ruħha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sabiex ikun hemm laqgħa bejniethom fl-istess jum jew l-għada.

323    Għalhekk, il-komunikazzjonijet inkwistjoni indikaw b’mod ċar l-għan tal-laqgħa u n-natura tal-informazzjoni li r-rikorrenti kien beħsiebha tipprovdi lill-Kummissjoni. Il-fatt li dawn, minnhom innifishom, ma jikkostitwixxux informazzjoni dwar il-ksur huwa irrilevanti.

324    Billi rrifjutat li tikkunsidra li r-rikorrenti kienet għamlet it-talba għal klemenza tagħha fit-3 ta’ April 2003 fid-disa’ u nofs ta’ filgħodu, jew, sussidjarjament, fis-siegħa u erba’ u għoxrin minuta ta’ wara nofsinhar, il-Kummissjoni injorat l-aspetti speċifiċi inerenti f’talba orali, bi ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-punti 21 sa 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

325    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Ir-rikorrenti setgħet leġittimament temmen li t-talba tagħha kellha tiġi kkunsidrata bħala li saret meta għamlet it-telefonata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Kummissjoni li kellha tinforma lir-rikorrenti dwar il-mod ta’ kif hija kien beħsieba tapplika l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, ħaġa li kienet tippermetti lir-rikorrenti li immedjatament tagħmel talba bil-miktub permezz tal-faks.

326    Billi tat trattament preferenzjali lill-impriża li bagħtet id-dokumenti bil-faks, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bi ħsara għar-rikorrenti, li xtaqet tipprovdi l-prova orali.

327    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Fuq il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti meta mqabbla ma żewġ impriżi kkonċernati oħra

328    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljatament ikkonstatat li EKA Chemicals u Arkema kienu ssodisfaw, meta għamlu t-talbiet għal klemenza rispettivi tagħhom, ir-rekwiżit previst fil-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

329    Il-Kummissjoni allegatament ħadet inkunsiderazzjoni biss il-mument ta’ meta EKA Chemicals u Arkema għamlu t-talbiet għal klemenza u naqset milli teżamina jekk dawn kinux ipproduċew prova b’valur miżjud sinjifikattiv, bi ksur tal-punti 21 sa 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

330    Issa, l-elementi prodotti minn EKA Chemicals u minn Arkema ma kinux jikkostitwixxu prova tal-valur miżjud sinjifikattiv u, għalhekk, ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit previst fil-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

331    Fir-rigward ta’ EKA Chemicals, il-parti l-kbira tal-elementi prodotti fil-faks tagħha tad-29 ta’ Marzu 2003 u fid-dikjarazzjoni orali tagħha tal-31 ta’ Marzu 2003 kienu jikkonċernaw il-ftehim bejn iż-żewġ manifatturi Skandinavi u għalhekk ma humiex rilevanti sabiex jiġi pprovat l-akkordju fiż-ŻEE. Parti kbira mill-informazzjoni kienet tirrigwarda fatti preċedenti għal bidu tal-akkordju.

332    Fid-deċiżjoni kkontestata, kien biss f’sitt ċirkustanzi li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-elementi prodotti minn EKA Chemicals u biss f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ qabel Awwissu 1997. Dawn il-provi kienu ta’ valur limitat, għaliex mhux ikkonfermati, kienu vagi u mhux konvinċenti. Fil-verità, il-Kummissjoni użat l-elementi prodotti minn EKA Chemicals biss fit-8 ta’ Ottubru 2004. Peress li EKA Chemicals bdiet tipparteċipa fl-akkordju biss wara d-dħul tagħha fis-“suq kontinentali” (premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata), hija ma setgħetx tipprovdi informazzjoni dwar dan is-suq.

333    Fir-rigward ta’ Arkema, il-konsulenti legali tagħha, fit-3 ta’ April 2003, bagħtu faks lill-Kummissjoni fejn hemżu tlettax-il anness u indikaw li dawn kienu jinkludu dokumenti dwar il-ksur.

334    Dawn huma noti u folji miktubin bl-idejn, mingħajr data, bla titoli, fejn uħud setgħu jinqraw biss b’diffikultà u kienu ta’ kwalità ħażina jew kienu saħansitra inkompleti u fejn oħrajn kienu jinkludu simboli jew abbrevjazzjonijiet li ma setgħux jinftiehmu mingħajr spjegazzjonijiet ulterjuri. Il-Kummissjoni nnifisha ammettiet, fl-ittra tagħha mibgħuta lir-rikorrenti fl-1 ta’ April 2005, li l-qari ta’ dawn id-dokumenti kien diffiċli. Kien biss fis-26 ta’ Mejju 2003 li Arkema pprovdiet informazzjoni jew kummenti fuq dawn id-dokumenti.

335    Id-dokumenti inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala provi, għaliex dawn ma jippermettux li l-fatti jiġu stabbiliti mingħajr spjegazzjonijiet ulterjuri. Dawn la jinkludu xi indizju dwar id-dati, il-postijiet, is-suġġett tad-diskussjonijiet u l-parteċipanti u lanqas ma jippermettu li jiġi dedott li jirrigwardaw il-PH.

336    Kienu biss l-ispjegazzjonijiet li ngħataw wara, ipprovduti fis-26 ta’ Mejju 2003, li taw lid-dokumenti inkwistjoni saħħa probatorja. Fil-fatt, għall kull wieħed mid-dokumenti tat-3 ta’ April 2003 kienet meħtieġa spjegazzjoni ddettaljata, mogħtija fis-26 ta’ Mejju 2003, sabiex jiġi mifhum il-kontenut tagħhom u sabiex tiġi evalwata l-portata tagħhom.

337    Kien biss fis-26 ta’ Mejju 2003, madwar seba’ ġimgħat wara l-faks inizjali, li Arkema pproduċiet provi. Iż-żmien li kien meħtieġ sabiex jiġu prodotti l-imsemmija provi juri n-natura inadegwata u inkompleta tal-komunikazzjoni tat-3 ta’ April 2003, li kienet il-frott ta’ “tentattiv mgħaġġel u barra minn loku” ta’ Arkema intiż sabiex simultanjament tikseb il-klemenza f’diversi każijiet. Din l-għaġġla hija enfasizzata mill-fatt li l-annessi kkomunikati fit-3 ta’ April 2003 kienu ġew ippreżentati f’ordni żbaljata, jekk mhux saħansitra f’forma inkompleta, u kellhom jiġu kkompletati b’dokumenti pprovduti fis-26 ta’ Mejju 2003.

338    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fl-istess ħin ibbażat ruħha fuq id-dokumenti pprovduti fit-3 ta’ April 2003, fuq dawk il-prodotti fis-26 ta’ Mejju 2003 u fuq l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fl-istess jum. Meta l-Kummissjoni tagħmel riferiment għal dokument ipprovdut fit-3 ta’ April 2003, hija tibbaża ruħha espliċitament fuq l-ispjegazzjonijiet tas-26 ta’ Mejju 2003 (ara, pereżempju, il-premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-dokumenti mibgħuta fit-3 ta’ April 2003 jintużaw biss f’dak li jirrigwarda laqgħa waħda biss (premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata) u dan ir-riferiment ukoll kienet teħtieġ riferiment għall-ispjegazzjonijiet tas-26 ta’ Mejju 2003.

339    Barra minn hekk, Arkema ma talbitx il-klemenza fir-rigward tal-PBS u ma pproduċiet ebda element dwar il-PBS qabel il-15 ta’ Lulju 2003. Għalhekk, il-Kummissjoni ma hijiex fondata meta tikkonkludi li d-dokumenti pprovduti fit-3 ta’ April 2003 kienu jikkonċernaw iż-żewġ prodotti kkonċernati mill-akkordju.

340    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Fuq il-livell tat-tnaqqis mogħti lir-rikorrenti

341    Sussidjarjament, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tatiha, abbażi tal-kooperazzjoni tagħha, it-tnaqqis massimu ta’ 20 % previst għat-tielet impriża li tissodisfa r-rekwiżiti provduti fil-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

342    Il-livell tat-tnaqqis huwa ffissat skont il-mument ta’ meta ġew prodotti l-provi u skont il-valur miżjud sinjifikattiv tal-imsemmija provi. Issa, il-Kummissjoni ma eżaminatx sa fejn l-informazzjoni tar-rikorrenti kienet tirrappreżenta valur miżjud sinjifikattiv.

343    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma evalwatx korrettament il-portata tal-informazzjoni tar-rikorrenti. B’kuntrast mal-informazzjoni ta’ EKA Chemicals u ta’ Arkema, l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti kienet tikkonċerna kemm il-PH kif ukoll il-PBS. Ir-rikorrenti pprovdiet informazzjoni ddettaljata u preċiża fuq il-laqgħat importanti kollha msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, organizzati bejn Awwissu 1997 u l-aħħar tas-sena 1998 għal PH u bejn Mejju 1998 u Diċembru 1999 għal PBS. Sabiex tipproduċi l-prova tal-ksur, il-Kummissjoni prattikament ibbażat ruħha fuq il-laqgħat kollha msemmija mir-rikorrenti.

344    F’dan ir-rigward il-Kummissjoni kellha tikkunsidra li r-rikorrenti kienet l-ewwel waħda li pprovdiet informazzjoni dettaljata, u għalhekk ġdida, fuq dawn il-laqgħat kollha li jikkostitwixxu l-qofol tal-akkordju. Il-Kummissjoni kienet żbaljata meta ddikjarat li impriżi oħra kienu diġà informawha dwar dawn il-laqgħat. Hija ma kelliex tillimita ruħha li tevalwa l-prova prodotta mir-rikorrenti “bħala ħaġa waħda”, iżda kellha tevalwa kull wieħed minn dawn l-elementi.

345    Meta kkonstatat li l-informazzjoni tar-rikorrenti kienet tikkonferma biss l-informazzjoni diġà pprovduta minn Degussa, il-Kummissjoni interpretat ħażin in-natura tal-informazzjoni tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti pproduċiet provi sostanzjali addizzjonali, li kienu jinkludu xhieda diretta. Kien biss f’għaxar okkażjonijiet li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-informazzjoni pprovduta minn Degussa, li b’mod partikolari ma kinitx issemmi l-laqgħat tas-sena 1997 dwar il-PH, li ġew żvelati mir-rikorrenti.

346    Il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kienet biss ir-rikorrenti li poġġiet għad-dispożizzjoni tagħha l-membri tad-direzzjoni, li pproduċew il-prova diretta tal-ksur, li ma kinitx illimitat ruħha li tagħmel dikjarazzjonijiet bil-miktub permezz tal-avukati tagħha u li hija kienet ikkooperat kontinwament wara t-talba għal klemenza tagħha, billi rrispondiet għat-talbiet għal informazzjoni u billi minn jeddha pprovdiet informazzjoni addizzjonali. Il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li x-xhieda orali tal-parteċipanti għal laqgħa kellha valur probatorju iktar dgħajjef minn dak tal-provi dokumentarji.

347    Id-deċiżjoni kkontestata hija ampjament ibbażata fuq informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti. Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-livell importanti ta’ din il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett il-punt 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

348    It-tnaqqis mogħti lir-rikorrenti huwa partikolarment dgħajjef u sproporzjonat, kemm meta mqabbel mat-tnaqqis massimu previst mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kif ukoll meta mqabbel mat-tnaqqis mogħti lill-impriżi kkonċernati l-oħra, b’mod partikolari lill-Arkema, u dan kien jinvolvi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-kontribuzzjoni tar-rikorrenti sabiex jiġi stabbilit il-ksur kienet ħafna iktar importanti minn dik ta’ Arkema. Għalhekk, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lir-rikorrenti huwa “manifestament illegali u irraġonevolment baxx”.

349    Il-Kummissjoni ssostni li esponiet, suffiċjentement skont il-liġi, fil-premessa 523 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tat lir-rikorrenti tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa tagħha abbażi tal-kooperazzjoni tagħha.

350    Fir-rigward tal-portata u tal-firxa tal-valur miżjud tal-provi prodotti mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tabilħaqq ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-provi inkwistjoni kienu jikkonċernaw fl-istess ħin kemm il-PH kif ukoll il-PBS. Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorrenti essenzjalment ipproduċiet provi li ppermettew li tiġi kkonfermata ċerta informazzjoni ta’ Degussa u ta’ Arkema.

351    Skont il-Kummissjoni, għalkemm huwa minnu li l-provi prodotti mir-rikorrenti huma ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ kważi l-laqgħat multilaterali kollha tal-perijodu ta’ bejn l-1997 u s-sena 2000, madankollu, meta r-rikorrenti għamlet it-talba għal klemenza tagħha, dawn il-laqgħat kienu diġà ġew indikati minn impriżi oħra. Il-Kummissjoni setgħet għaldaqstant tqis li l-provi prodotti mir-rikorrenti kienu sempliċement jikkonfermaw dak li hija kienet diġà taf dwar it-totalità tal-ksur.

352    Fir-rigward tal-portata u tal-kontinwità tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti wara l-introduzzjoni tat-talba tagħha għal klemenza, mill-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-punt 23(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi. Mhux biss talli l-kontinwità tal-kooperazzjoni għandha tkun preżunta iżda talli d-dispożizzjoni inkwistjoni pjuttost tippermetti li tiġi ssanzjonata kooperazzjoni dgħajjfa wara t-talba għal klemenza.

353    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, is-sitwazzjonijiet tar-rikorrenti u ta’ Arkema ma kinux paragunabbli, għar-raġunijiet esposti fil-premessi 510 u 513 tad-deċiżjoni kkontestata. Din id-differenza tiġġustifika l-fatt li t-tnaqqis massimu jingħata lil Arkema iżda mhux lir-rikorrenti. Barra minn hekk, fil-premessa 515 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ħadet espliċitament inkunsiderazzjoni d-data ta’ meta r-rikorrenti pproduċiet il-provi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

354    Fil-punti 21 sa 23 tagħha, il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tipprovdi:

“21. Biex tikkwalifika [għal tnaqqis tal-ammont tal-multa], impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b'rispett għall-evidenza li diġa‘ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi.

22. Il-kunċett ta’ “valur miżjud” jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-[vallur tal-]provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss.

23. Il-Kummissjoni ser tiddetermina f’kull deċiżjoni finali adottata fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva:

a)       jekk il-provi pprovduti minn impriża rrapreżentaw valur miżjud sinnifikattiv b’rispett għall-provi fil-pussess tal-Kummissjoni fl-istess żmien.

b)       il-livell ta’ tnaqqis li l-impriża tibbenefika minnu, b’mod relattiv għall-multa li kieku kienet tiġi imposta, kif ġej. Għal:

–        l-ewwel impriża li tissodisfa l-punt 21: tnaqqis ta’ 30-50 %,

–        it-tieni impriża li tissodisfa l-punt 21: tnaqqis ta’ 20-30 %,

–        impriżi oħra li jissodisfaw il-punt 21: tnaqqis sa 20 %.

Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni pprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa.

Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

355    Fil-kawża preżenti, skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li Degussa kienet tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tkun tista’ tibbenefika minn immunità totali mill-multa. EKA Chemicals u Arkema, peress li ġew ikkunsidrati bħala rispettivament l-ewwel u t-tieni impriża li ssodisfaw r-rekwiżiti previsti fil-punt 21 tal-imsemmija komunikazzjoni, kisbu tnaqqis tal-ammont tal-multa, rispettivament, ta’ 40 % u ta’ 30 %. Ir-rikorrenti, li ġiet ikkunsidrata bħala t-tielet impriża li ssodisfat dan ir-rekwiżit, ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 10 % (premessi 501 sa 524 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Fuq l-evalwazzjoni tad-data tat-talba magħmula mir-rikorrenti

356    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li EKA Chemicals għamlet t-talba għal klemenza tagħha fid-29 ta’ Marzu 2003, għamlet dikjarazzjoni orali fil-31 ta’ Marzu 2003 u pprovdiet provi dwar il-ksur matul dik l-istess gimgħa (premessi 67, 503 u 505 tad-deċiżjoni kkontestata).

357    Permezz ta’ faks tat-3 ta’ April 2003, fl-erba’ neqsin għaxra ta’ filgħaxija, Arkema bagħtet lill-Kummissjoni t-talba għal klemenza tagħha, flimkien ma tlettax-il anness fejn ġie indikat li dawn kienu jinkludu dokumenti fir-rigward tal-akkordju inkwistjoni. Fis-26 ta’ Mejju 2003, Arkema bagħtet lill-Kummissjoni elementi ġodda dwar it-talba għal klemenza tagħha, li fosthom kien hemm l-ispjegazzjonijiet fuq id-dokumenti mibgħuta fit-3 ta’ April 2003 (premessi 69, 510 u 516 tad-deċiżjoni kkontestata).

358    Mill-proċess, kif ukoll mill-premessi 68 sa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-ewwel kuntatt tar-rikorrenti mal-Kummissjoni kien permezz tat-telefonata tat-3 ta’ April 2003 filgħodu.

359    Permezz ta’ faks tal-istess jum tas-siegħa u kwart ta’ wara nofsinhar, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni li “permezz ta’ din il-faks” hija tixtieq tagħmel talba skont il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u, fid-dawl tan-natura orali tal-prova, hija tixtieq “tiltaqa mal-Kummissjoni mill-iktar fis possibbli sabiex tipprovdilha dawn l-elementi, skont il-proċedura [li tippermetti] li dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet jsiru oralment”. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni konferma tad-“disponibbiltà tagħha għal laqgħa [l-għada]”.

360    Permezz ta’ faks mibgħut l-istess jum fil-ħamsa u erba’ u għoxrin minuta ta’ filgħaxija, ir-rikorrenti kkonfermat li hija kienet “lesta li tagħti immedjatament l-informazzjoni supplementari u li għalhekk kienet kompletament għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sabiex tinżamm laqgħa bejniethom [fl-istess jum jew l-għada]”. Permezz ta’ faks mibgħut l-istess jum fil-ħamsa u tmienja u għoxrin minuta ta’ filgħaxija, ir-rikorrenti kkonfermat il-parteċipazzjoni tagħha għal laqgħa mal-Kummissjoni, prevista għall-għada, l-4 ta’ April 2003 fis-sagħtejn u kwart ta’ wara nofsinhar.

361    Fl-4 ta’ April 2003, ir-rikorrenti għamlet dikjarazzjoni orali fil-bini tal-Kummissjoni, flimkien max-xhieda tar-responsabbli tagħha. Fid-9 ta’ April 2003, hija għamlet dikjarazzjoni orali b’mod partikolari fir-rigward tal-PBS. Fil-11 u fis-16 ta’ April 2003 hija kkonfermat id-dikjarazzjonijiet tagħha bil-miktub filwaqt li żiedet xi elementi addizzjonali.

362    Fid-dawl ta’ dawn il-fatti, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li “fl-4 ta’ April 2003 [… ir-rikorrenti kienet] għamlet talba għall-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-[kooperazzjoni] li kienet tikkonsisti f’dikjarazzjoni orali” (premessa 515 tad-deċiżjoni kkontestata).

363    Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-punti 21 sa 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Skont ir-rikorrenti, meta impriża tkun tixtieq tikkoopera billi, mingħajr dewmien u fi żmien miftiehem mall-Kummissjoni, tagħmel dikjarazzjoni, it-talba tagħha għandha tiġi kkunsidrata bħala li saret meta hija kkuntattjat lill-Kummissjoni sabiex tagħmel din id-dikjarazzjoni.

364    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-punti 21 u 23 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jirriżulta li, sabiex tikkwalifika għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, impriża għandha tipproduċi, quddiem il-Kummissjoni, provi li jkollhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma dawk li diġà kienu fil-pussess tagħha. Barra minn hekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-faxxex ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa previsti fil-punt 23(b) tal-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-mument ta’ meta l-impriża ssodisfat dan ir-rekwiżit.

365    Għalhekk, mill-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jirriżulta b’mod ċar li, għal finijiet tal-applikazzjoni tal-faxxex ta’ tnaqqis previsti fil-punt 23(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-mument meta l-impriża effettivament ipproduċiet il-provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma dawk li diġà kienu fil-pussess tagħha.

366    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kunsiderazzjonijiet inerenti għas-sistema prevista bil-komunikazzjoni inkwistjoni, li jgħidu li l-Kummissjoni hija obbligata li tiddetermina l-mument preċiż ta’ meta r-rekwiżiti għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa ġew sodisfatti mill-impriża kkonċernata, billi tqabbel il-provi prodotti u dawk li diġà kienu fil-pussess tagħha fid-data ta’ meta saret it-talba, u għalhekk għandu jkollha l-elementi inkwistjoni fil-pussess effettiv tagħha.

367    Sa fejn ir-rikorrenti targumenta li dan l-approċċ, ibbażat fuq id-determinazzjoni tal-mument ta’ meta effettivament intbgħatu l-provi prodotti mir-rikorrenti meta għamlet it-talba għal klemenza tagħha, jiskoraġġixxi lill-impriżi kkonċernati milli jipproduċu prova orali, li tista’ tkun tinkludi xhieda mogħtija minn persuni li kienu involuti direttament fl-aġir li jikkostitwixxi ksur, għandu jiġi osservat li din il-kunsiderazzjoni, anki jekk titqies stabbilita, ma hijiex ta’ natura tali li timmina l-interpretazzjoni li tirriżulta mit-termini nfushom tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

368    F’kull każ, ir-rikorrenti żbaljatament issostni li l-approċċ inkwistjoni jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament bi ħsara għall-impriżi li jixtiequ jagħmlu dikjarazzjoni orali.

369    Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li jeżiġu d-determinazzjoni tal-mument preċiż tal-produzzjoni tal-provi li jkollhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma dawk li diġà kienu fil-pussess tal-Kummissjoni, japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull impriża li tagħmel talba għal klemenza.

370    Fir-rigward tad-determinazzjoni tad-data ta’ meta saret it-talba, l-impriżi li jagħmlu talba għal klemenza skont l-imsemmija komunikazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, indipendentement mill-mod ta’ kif jiġu prodotti l-provi, li jiddependi fuq l-għażla tal-awtur tat-talba. Għalhekk, dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu trattati bl-istess mod.

371    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, għal finijiet tal-applikazzjoni tal-faxxex ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-mument ta’ meta l-impriża tikkuntattja lill-Kummissjoni sabiex tagħmel dikjarazzjoni orali, ma jistax jiġi milqugħ.

372    Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li qabel id-dikjarazzjoni orali tagħha tal-4 ta’ April 2003, ir-rikorrenti ma kienet ipproduċiet, quddiem il-Kummissjoni, ebda prova dwar il-ksur inkwistjoni. Għalhekk il-Kummissjoni kienet iġġustifikata meta kkonstatat li kien f’din id-data li r-rikorrenti kienet issodisfat il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

373    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka validament limitazzjonijiet ta’ żmien fir-rigward tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni orali tagħha.

374    Fil-fatt, huwa preċiżament għaliex l-għoti orali ta’ informazzjoni huwa mezz ta’ kooperazzjoni li bħala prinċipju huwa inqas veloċi mill-għoti ta’ informazzjoni bil-miktub li l-impriża inkwistjoni għandha, meta tiddeċiedi li tagħti informazzjoni b’mod orali, iżżomm f’moħħa r-riskju li impriża oħra tista’ tagħti lill-Kummissjoni, bil-miktub u qabilha, elementi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il‑Kummissjoni, punt 314 iktar ’il fuq, punt 505).

375    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tallegax li l-mument ta’ meta hija għamlet it-talba għal klemenza tagħha kien effettwat, b’xi mod, mid-disponibbiltà tar-riżorsi tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, miċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-urġenza espressa mir-rikorrenti u organizzat laqgħa fid-data proposta sabiex tirċievi t-talba tar-rikorrenti.

376    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jinvoka dan il-prinċipju huwa disponibbli għal kull individwu li jsib ruħu f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-7 ta’ Ġunju 2006, Österreichische Postsparkasse u Bank für Arbeit und Wirtschaft vs Il‑Kummissjoni, T‑213/01 u T‑214/01, Ġabra p. II‑1601, punt 210, u l-ġurisprudenza ċċitata).

377    Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssostni li l-Kummissjoni kellha tinformha fuq il-mod ta’ kif kien beħsiebha tapplika l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

378    Issa, fid-dawl tal-kliem ċar tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-imsemmija komunikazzjoni, li jeżiġu provi li jkollhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma’ dawk li diġà kienu fil-pussess tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma setgħatx leġittimament temmen li n-natura tal-kooperazzjoni tagħha kellha tiġi stabbilita, għal finijiet tal-applikazzjoni tal-faxxex ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa, b’relazzjoni mad-data tal-komunikazzjonijiet tagħha tat-3 ta’ April 2003, u dan peress li ebda prova ma ġiet prodotta fil-kuntest ta’ dawn il-komunikazzjonijiet.

379    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ssostnix li l-Kummissjoni tatha l-inqas garanzija li t-talba tagħha kellha titqies bħala li ġiet ippreżentata fit-3 ta’ April 2003 u hija ma tikkritikax lill-Kummissjoni talli ma aġixxietx bl-għaġġla meħtieġa miċ-ċirkustanzi.

380    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni la ħadet xi miżura, u lanqas ma adottat xi aġir li setgħa jnissel fi ħdan ir-rikorrenti xi aspettattivi leġittimi dwar il-fatt li, meta kkuntattjat lill-Kummissjoni, fit-3 ta’ April 2003, it-talba għal klemenza tagħha kellha tiġi kkunsidrata bħala li tissodisfa r-rekwiżit previst fil-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

381    Konsegwentement, kemm l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, kif ukoll dak ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li huma bbażati fuq l-istess argumenti, għandhom jiġu miċħuda.

382    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ilment dwar l-evalwazzjoni tad-data tat-talba għal klemenza tar-rikorrenti ma huwiex fondat.

–       Fuq l-evalwazzjoni tal-informazzjonijiet ipprovduti minn żewġ impriżi kkonċernati oħra

383    Ir-rikorrenti targumenta li, meta għamlu t-talbiet rispettivi tagħhom, la EKA Chemicals u lanqas Arkema ma pproduċew provi li kellhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma dawk li diġà kienu fil-pussess tal-Kummissjoni.

384    L-ewwel nett, hija ssostni li, fil-klassifikazzjoni tagħha ta’ kull impriża, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-faxxex ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa previsti fil-punt 23(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss il-mument ta’ meta għamlu t-talbiet rispettivi tagħhom għal klemenza, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-valur miżjud tal-elementi prodotti. Hija targumenta, barra minn hekk, li l-evalwazzjonijiet inkwistjoni ma humiex suffiċjentement motivati.

385    Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li fil-premessi 503 u 509 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li kemm EKA Chemicals kif ukoll Arkema kienu pproduċew provi li kellhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma dawk li diġà kienu, fid-data tal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom, fil-pussess tal-Kummissjoni.

386    Fir-rigward ta’ EKA Chemicals, il-Kummissjoni b’mod partikolari osservat li din kienet ipproduċiet quddiemha provi dwar il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u l-14 ta’ Ottubru 1997, fir-rigward ta’ fatti li ma kinux preċedentement magħrufin minnha u li għalhekk kellhom effett dirett fuq l-istabbiliment tat-tul tal-akkordju. Barra minn hekk, hija indikat li EKA Chemicals kienet ipprovdiet elementi li kkonfermaw u kkompletaw l-elementi prodotti minn Degussa, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-14 ta’ Ottubru 1997 u l-31 ta’ Diċembru 1999 (premessa 506 tad-deċiżjoni kkontestata).

387    Għalkemm dawn il-kunsiderazzjonijiet saru fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa fi ħdan il-faxxa applikabbli, il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq tali kunsiderazzjonijiet sabiex tiddetermina l-faxxa applikabbli għal EKA Chemicals, fir-rigward tal-elementi li din tal-aħħar ipprovdiet bejn id-29 u l-31 ta’ Marzu 2003, peress li bejn dawn iż-żewġ dati ma kienet saret ebda talba oħra għal klemenza.

388    Fir-rigward ta’ Arkema, il-Kummissjoni osservat li l-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ April 2003 kienet tinkludi dokumenti miktubin bl-idejn li jattestaw l-eżistenza ta’ aġiri antikompetittivi fir-rigward taż-żewġ prodotti kkonċernati mill-investigazzjoni u li dawn id-dokumenti, bħala tali, kienu ċari biżżejjed sabiex hija tkun tista’ tifimhom, għalkemm dawn ġew ikkompletati sussegwentement (premessa 510 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ewwel komunikazzjoni ta’ Arkema li kellha valur miżjud sinjifikattiv kienet dik tat-3 ta’ April 2003 (premessa 513 tad-deċiżjoni kkontestata).

389    Minn dawn il-motivi jirriżulta b’mod ċar li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-faxxa ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa applikabbli, il-Kummissjoni eżaminat u kkonstatat l-eżistenza tal-valur miżjud sinjifikattiv tal-kontribuzzjonijiet ta’ EKA Chemicals u ta’ Arkema meta mqabbla mal-elementi li hija diġà kellha meta huma għamlu t-talbiet rispettivi tagħhom.

390    L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegat żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tat-talbiet inkwistjoni għandu jiġi miċħud.

391    Barra minn hekk, mill-premessi ċċitati iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata jirriżultaw, b’mod ċar u mhux ekwivoku, l-elementi prinċipali tar-raġunament li l-Kummissjoni segwiet sabiex tikkonstata li kull waħda mill-kontribuzzjonijiet inkwistjoni kellha, fil-mument ta’ meta saret, valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, ħaġa li ttieħdet inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-faxxa ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa applikabbli għal kull waħda miż-żewġ impriżi kkonċernati skont il-punt 23(b) tal-imsemmija komunikazzjoni.

392    Għalhekk, lanqas l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma jista’ jiġi aċċettat.

393    It-tieni nett, r-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjonijiet inkwistjoni tal-Kummissjoni huma vvizzjati bi żbalji manifesti.

394    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li għalkemm il-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju, tinjora l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, madankollu hija għandha marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża partikolari. Għaldaqstant huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni li jista’ jiġi kkundannat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland-Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑116/04, Ġabra p. II‑1087, punt 124, u l-ġurisprudenza ċċitata).

395    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tillimita ruħha li tipproponi, f’anness mar-rikors, l-evalwazzjoni tagħha tal-kontribuzzjonijiet ta’ EKA Chemicals u ta’ Arkema, iżda għandha turi, permezz ta’ argument konkret, b’liema mod l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata bi żball manifest.

396    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kontribuzzjoni ta’ EKA Chemicals, għandu l-ewwel nett jitfakkar li mill-premessa 506 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din ipprovdiet dokumenti ta’ dak iż-żmien, fir-rigward ta’ ċerti laqgħat u kuntatti oħra ta’ natura kollużorja, fir-rigward ta’ fatti li qabel ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni u li kellhom effett dirett fuq l-istabbiliment tat-tul tal-akkordju, f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u l-14 ta’ Ottubru 1997, kif ukoll elementi li jikkonfermaw u jikkompletaw l-elementi prodotti minn Degussa, fir-rigward tal-perijodu ta’ wara.

397    Fid-dawl tal-konstatazzjoni li tgħid li l-ksur kien ikopri t-territorju kollu taż-ŻEE, l-eżattezza ta’ din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt, invokat mir-rikorrenti, li l-informazzjoni ta’ EKA Chemicals kienet tikkonċerna prinċipalment is-suq skandinavu. Għandu jitfakkar li EKA Chemicals bagħtet informazzjoni fuq kuntatti skambjati mal-manifatturi tal-“kontinent” u li, barra minn hekk, numru ta’ aġiri li jikkostitwixxu ksur kienu jikkonċernaw, mingħajr distinzjoni, kemm is-swieq Skandinavi kif ukoll dawk tal-“kontinent” (ara b’mod partikolari l-premessi 106 u 144 tad-deċiżjoni kkontestata).

398    Wara dan, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta l-valur probatorju tal-elementi pprovduti minn EKA Chemicals, għandu jiġi osservat li dawn b’mod partikolari ppermettew lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-bidu tal-akkordju għal-31 ta’ Jannar 1994 u li jiġu kkonfermati d-dikjarazzjonijiet ta’ Degussa dwar il-perijodu inizjali tal-akkordju. Il-fatt li fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv dawn l-elementi ġew ikkunsidrati bħala insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni, minn din id-data, tar-rikorrenti fil-ksur, ma jikkonfutax il-valur probatorju tagħhom fir-rigward tal-istabbiliment tal-akkordju bħala tali.

399    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kontribuzzjoni ta’ EKA Chemicals kienet prinċipalment illimitata għal fatti li seħħew qabel il-bidu tal-akkordju, huwa bbażat fuq l-ilment tagħha li jgħid li l-akkordju beda f’Awwissu 1997, li ġie miċħud bħala infondat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv (ara l-punt 170 iktar ’il fuq).

400    Fl-aħħar nett, in-numru, allegatament żgħir, ta’ premessi tad-deċiżjoni kkontestata fejn intużaw l-elementi prodotti minn EKA Chemicals ma jikkonfutax il-valur probatorju ta’ dawn l-elementi. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li wħud minn dawn il-premessi jagħmlu riferiment għall-elementi li ġew prodotti wara li EKA Chemicals għamlet it-talba inizjali tagħha ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni fil-verità bbażat ruħha fuq informazzjoni li EKA Chemicals pproduċiet wara t-talba għal klemenza tagħha.

401    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jippruvawx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta kkonkludiet li EKA Chemicals kienet ipproduċiet provi ta’ valur addizzjonali sinjifikattiv, fis-sens tal-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, qabel id-data ta’ meta r-rikorrenti għamlet it-talba għal klemenza tagħha.

402    Fir-rigward tal-elementi prodotti minn Arkema, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni b’mod partikolari kkonstatat li “l-ewwel komunikazzjoni tgħha kienet tinkludi [tlettax]-il dokument miktub bl-idejn li jattestaw l-eżistenza ta’ aġiri antikompetittivi bejn il-kompetituri fir-rigward taż-żewġ prodotti ikkonċernati mill-investigazzjoni” u li “għalkemm dawn id-dokumenti, bħala tali, huma ċari biżżejjed sabiex [hija] tkun tista’ tifimhom fil-kuntest tal-informazzjoni li hija diġà kellha, [Arkema kienet] ikkompletat il-komunikazzjoni inizjali tagħha, biss fis-26 ta’ Mejju 2003, permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub li pprovdiet preċiżazzjonijiet fuq kull wieħed mid-dokumenti mibgħuta fit-3 ta’ April 2003 u li żiedet dokumenti ġodda, kif ukoll spjegazzjonijiet fuqhom” (premessa 510 tad-deċiżjoni kkontestata).

403    Hija indikat, b’mod ġenerali, li l-elementi prodotti minn arkema “[kienu] jirrigwardaw akkordju fuq livell Ewropew fir-rigward taż-żewġ prodotti, peress li [Arkema] kienet essenzjalment ipproduċiet dokumenti ta’ dak iż-żmien, li [ppermettewlha …] tikkonferma l-informazzjoni diġà kkomunikata minn Degussa u li hija użata b’mod eżawrjenti fil-preżenti deċiżjoni” (premessa 513 tad-deċiżjoni kkontestata).

404    Fir-rigward ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni li l-elementi prodotti minn Arkema fit-3 ta’ April 2003 ma kellhom ebda valur probatorju peress li dawn kienu noti u folji miktubin bl-idejn, mingħajr data u bla titoli, li setgħu jinqraw biss b’diffikultà u/jew li kienu inkompleti għaliex kienu jinkludu simboli jew abbrevjazzjonijiet, u li għalhekk ma setgħux jinftiehmu mingħajr spjegazzjonijiet ulterjuri. Skont ir-rikorrenti, kienu l-ispjegazzjonijiet ulterjuri ta’ Arkema, tas-26 ta’ Mejju 2003, li taw valur probatorju lill-kontribuzzjoni tagħha.

405    F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-elementi inkwistjoni jikkonċernaw aġiri klandestini li kienu jinvolvu laqgħat miżmuma bil-moħbi u dokumentazzjoni mnaqqsa għall-minimu.

406    Fid-dawl tad-diffikultà li jinkisbu provi diretti ta’ tali aġiri, bħan-noti u l-minuti tal-laqgħat kontemporanji tal-ksur, il-valur probatorju tagħhom ma jistax jiġi kkontestat biss minħabba l-fatt li dawn, huma miktubin bl-idejn jew frammentarji, jinkludu abbrevjazzjonijiet jew simboli u li għalhekk kienu jeħtieġu spjegazzjonijiet ulterjuri jew kellhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni.

407    B’mod partikolari, il-fatt li sabiex ikunu jistgħu jinftiehmu sewwa dawn id-dokumenti kienu jeħtieġu li ċerti dettalji, bħall-użu ta’ abbrevjazzjonijiet, jiġu ċċarati, ma jipprekludix li jiġi kkonstatat li dawn huma suffiċjentement ċari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 561).

408    Fil-kawża preżenti, id-dokumenti inkwistjoni, ikkomunikati minn Arkema fit-3 ta’ April 2003, jinkludu noti u tabelli biċ-ċifri, mfasslin fiż-żmien ta’ meta seħħ il-ksur, li jinvolvu l-prova dokumentarja diretta tal-kontenut antikompetittiv tad-diskussjonijiet li seħħew dak iż-żmien. Il-valur probatorju ta’ dawn id-dokumenti ma huwiex ikkonfutat mill-fatt li l-kontenut tagħhom ma setax jinftiehem b’mod sħiħ mingħajr ma dawn ma jerġgħu jitqiegħdu fil-kuntest tagħhom, mingħajr ma jiġu pparagunati ma informazzjoni oħra jew mingħajr ma jiġu spjegati s-simboli u l-akkronimi użati.

409    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li minn tal-inqas parti mid-dokumenti inkwistjoni, jiġifieri n-noti ta’ dak iż-żmien li kienu jinkludu ismijiet ta’ persuni u ta’ impriżi, dati u proposti biċ-ċifri dwar il-prezzijiet u l-ishma tas-suq mixtieqa, setgħet isservi bħala prova awtonoma tal-ksur. Uħud minn dawn id-dokumenti ntużaw mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessi 176 u 181 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġi stabbilit l-iżvolġiment u r-riżultati konkreti tal-laqgħat tal-akkordju.

410    Għandu jitfakkar ukoll li, meta Arkema għamlet it-talba tagħha, il-Kummissjoni diġà kellha numru kunsiderevoli ta’ elementi fuq l-iżvolġiment tal-akkordju, li kienu jinsabu fil-kontribuzzjonijiet ta’ Degussa u ta’ EKA Chemicals, u li l-provi prodotti minn Arkema setgħu jintużaw fil-kuntest ta’ din l-informazzjoni li diġà kienet fil-pussess tal-Kummissjoni.

411    Barra minn hekk, il-fatt li meta l-Kummissjoni invokat dawn l-elementi f’uħud mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata hija għamlet riferiment, fl-istess ħin, kemm għal dokument prodott fit-3 ta’ April 2003 kif ukoll għall-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Arkema fis-26 ta’ Mejju 2003, ma jfissirx li hija ammettiet li d-dokumenti prodotti inizjalment kienu, bħala tali, neqsin minn valur probatorju. Fil-fatt, għalkemm l-elementi prodotti fis-26 ta’ Mejju 2003 kienu effettivament jinkludu ċerti spjegazzjonijiet jew traskrizzjonijiet tad-dokumenti tat-3 ta’ April 2003, il-parti l-kbira ta’ din l-informazzjoni kienet tillimita ruħha li tippreċiża d-dokumenti diġà prodotti.

412    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ valur probatorju tad-dokumenti prodotti minn Arkema fit-3 ta’ April 2003, ma jistax jiġi milqugħ.

413    Fir-rigward tal-valur miżjud sinjifikattiv tal-elementi inkwistjoni, għandu jitfakkar li dawn huma dokumenti ta’ dak iż-żmien, dwar il-laqgħat kollużorji tas-snin 1997 u 1998, li huma invokati b’mod estensiv fid-deċiżjoni kkontestata għal dan il-perijodu u fejn uħud minnhom huma ċċitati direttament.

414    F’dan ir-rigward, sa fejn ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni żbaljatament ikkonstatat li t-talba inizjali ta’ Arkema kienet tikkonċerna ż-żewġ prodotti inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, għalkemm id-dokumenti prodotti minn Arkema fit-3 ta’ April 2003 kienu jirrigwardaw unikament l-aġiri li jikkostitwixxu ksur fis-suq tal-PH, madankollu, peress li l-kawża preżenti tirrigwarda ksur uniku li kien jikkonċerna ż-żewġt iswieq, dan ma jistax jikkonfuta l-konklużjoni dwar il-valur miżjud sinjifikattiv tal-kooperazzjoni tagħha.

415    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ma jidhirx li ġie stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li Arkema kienet ipproduċiet, b’faks tat-3 ta’ April 2003, provi li kellhom valur miżjud sinjifikattiv, fis-sens tal-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

416    Matul is-seduta r-rikorrenti invokat għall-ewwel darba differenza bejn l-evalwazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-kooperazzjoni ta’ Arkema, fil-każ li ta lok għad-Deċiżjoni C (2006) 2098, tat-13 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.645 – Methacrylates).

417    Meta mistoqsija fuq dan il-punt, il-Kummissjoni ma kellha xejn kontra l-invokazzjoni ta’ dan l-argument il-ġdid.

418    Għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża, sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

419    Fil-kawża preżenti, anki jekk jitqies li l-argument inkwistjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala motiv ġdid, dan ma huwiex suġġett għal din il-projbizzjoni peress li huwa bbażat fuq l-evalwazzjoni fattwali magħmula fid-Deċiżjoni C (2006) 2098, li, kif il-Kummissjoni nnifisha ammettiet waqt is-seduta, ġiet ippubblikata biss wara li ngħalqet il-proċedura bil-miktub ta’ din il-kawża.

420    Fuq il-mertu ta’ dan l-argument, għandu jiġi osservat li mill-faks tat-3 ta’ April 2003, li ġie mehmuż mar-rikors, jirriżulta li permezz ta’ din il-komunikazzjoni Arkema talbet l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni billi pproduċiet dokumenti dwar tliet prodotti, fosthom il-PH, ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata, u l-Methacrylates, ikkonċernati mid-Deċiżjoni C (2006) 2098.

421    Fil-premessa 405 tad-Deċiżjoni C (2006) 2098, invokata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni osservat, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-Multa li għandu jingħata lil Arkema, li “għalkemm [hija] għamlet talba għal klemenza fi stadju relattivament bikri tal-proċedura, jiġifieri fit-3 ta’ April 2003, fi kliem ieħor matul ix-xahar ta’ wara l-ispezzjonijiet”, kien biss “wara li rċeviet d-dikjarazzjonijiet ulterjuri tagħha” li hija waslet għall-konklużjoni li “din l-impriża kienet tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tkun tista’ tibbenefika minn miżura ta’ klemenza, fid-dawl tan-natura stess u tal-livell ta’ preċiżjoni tal-provi prodotti li saħħew il-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni”. Fl-istess premessa l-Kummissjoni indikat li, “anki jekk [Arkema] kienet ipproduċiet elementi li kellhom valur miżjud sinjifikattiv sa mill-ewwel komunikazzjoni tagħha […] il-valur miżjud li hija [kienet] ikkontribwiet għall-argumenti [tagħha kien] baqgħa limitat matul il-proċedura kollha”.

422    Minn din l-evalwazzjoni jirriżulta li, fil-każ li ta lok għad-Deċiżjoni C (2006) 2098, il-Kummissjoni kkunsidrat li, għalkemm Arkema kienet ippreżentat it-talba għal klemenza tagħha fit-3 ta’ April 2003, kien biss wara li rċeviet d-dikjarazzjonijiet ulterjuri tagħha li hija kienet waslet għall-kunklużjoni li din l-impriża kienet ipproduċiet provi li kellhom valur miżjud sinjifikattiv.

423    Madankollu, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-premessa inkwistjoni ma tippermettix li jintwera li, anki matul l-evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet li Arkema għamlet wara l-faks tagħha tat-3 ta’ April 2003.

424    Minn naħa, l-evalwazzjoni magħmula fid-Deċiżjoni C (2006) 2098, fir-rigward tad-dokumenti mehmuża mal-Annessi A 14 u A 15 tal-faks tat-3 ta’ April 2003, ma tikkonċernax l-istess elementi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti, li ġew mehmuża mal-Annessi A 1 sa A 3 tal-istess faks. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni invokata kienet tikkonċerna d-determinazzjoni tal-livell ta’ tnaqqis tal-multa fi ħdan il-faxxa applikabbli, skont it-tieni subparagrafu tal-punt 23(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, u mhux id-determinazzjoni tal-faxxa applikabbli nnifisha, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li hija inkwistjoni fil-kawża preżenti.

425    Min-naħa l-oħra, mid-Deċiżjoni C (2006) 2098 jirriżulta li, fil-każ li ta’ lok għall-istess deċiżjoni, ebda talba għal klemenza ma kienet ġiet magħmula bejn it-3 ta’ April 2003 u d-data ta’ meta l-Kummissjoni rċeviet id-dikjarazzjonijiet ulterjuri ta’ Arkema. Għalhekk, b’kuntrast mal-kawża preżenti, fil-każ li ta’ lok għad-Deċiżjoni C (2006) 2098, il-Kummissjoni setgħet ġustament tieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet ulterjuri inkwistjoni, sabiex tiddetermina jekk Arkema kinitx tissodisfa r-rekwiżit għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa previst fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

426    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-evalwazzjoni magħmula fid-Deċiżjoni C (2006) 2098 ma tippermettix li tiġi kkonfutata l-legalità tal-evalwazzjoni magħmula fil-kawża preżenti.

427    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-ilment tar-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ta’ EKA Chemicals u ta’ Arkema għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq il-livell tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lir-rikorrenti

428    Fil-premessi 523 u 524 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li r-rikorrenti kienet it-tielet impriża li ssodisfat ir-rekwiżit stabbilit fil-punt 21 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, peress li fl-4 ta’ April u fis-17 ta’ Mejju 2003 hija pproduċiet dokumenti li jirrigwardaw akkordju fuq livell Ewropew fir-rigward taż-żewġ prodotti kkonċernati. Fir-rigward tal-valur miżjud ta’ din il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni osservat li r-rikorrenti kienet “essenzjalment ipproduċiet provi li [ppermettewlha …] tikkonferma ċerta informazzjoni diġà kkomunikata minn Degussa u [Arkema], u li hija użata b’mod eżawrjenti fid-[deċiżjoni kkontestata]”. Wara li għamlet dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni applikat tnaqqis ta’ 10 % fuq l-ammont tal-multa tar-rikorrenti.

429    Ir-rikorrenti sussidjarjament issostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta rrifjutat li tatiha t-tnaqqis massimu, jiġifieri ta’ 20 %, previst fi ħdan il-faxxa applikabbli għat-tielet impriża, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

430    Għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-punt 23(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa fi ħdan il-faxxa applikabbli, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-data tal-produzzjoni, il-livell tal-valur miżjud tal-elementi prodotti kif ukoll il-portata u l-kontinwità tal-kooperazzjoni.

431    Fil-kawża preżenti, fil-premessa 515 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet intervjeniet fi stadju bikri tal-proċedura, ftit wara l-ispezzjonijiet, li l-kontribuzzjoni tagħha kellha valur miżjud sinjifikattiv u kienet ġiet provduta b’mod kontinwu, fejn elementi kienu ġew prodotti b’mod partikolari fl-4, fid-9, fil-11 u fis-16 ta’ April kif ukoll fis-17 ta’ Mejju 2003. Huwa paċifiku li l-elementi prodotti mir-rikorrenti intużaw b’mod eżawrjenti fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi stabbilit il-ksur, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ bejn is-sena 1997 u s-sena 2000.

432    Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-risposta tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Settembru 2009, għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kienet l-ewwel waħda li pproduċiet provi f’dak li jirrigwarda numru ta’ laqgħat miżmuma bejn Awwissu u Novembru 1997 fi Brussell. Għandu wkoll jiġi osservat li l-informazzjoni li tirrigwarda dawn il-laqgħat ippermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi ċerti aspetti prinċipali tal-akkordju inkwistjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ ftehim fermi dwar iż-żieda kkoordinata tal-prezzijiet tal-PH kif ukoll ta’ inizjattivi ta’ kollużjoni dwar il-PBS.

433    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta fil-premessa 523 tad-deċiżjoni kkontestata kkonstatat li, minn naħa, l-elementi prodotti mir-rikorrenti kienu essenzjalment ikkonfermaw ċerta informazzjoni diġà kkomunikata minn Degussa u minn Arkema u li, min-naħa l-oħra, l-elementi esposti fl-imsemmija premessa bl-ebda mod ma jiġġustifikaw, fir-rigward tar-rekwiżiti previsti fit-tieni subparagrafu tal-punt 23(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, l-applikazzjoni tar-rata ta’ tnaqqis inkwistjoni fi ħdan il-faxxa applikabbli.

434    Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet manifestament żbaljata meta, billi bbażat ruħha fuq l-imsemmija kunsiderazzjonijiet, stabbilixxiet għal 10 % il-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jingħata lir-rikorrenti abbażi tal-kooperazzjoni tagħha.

435    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni inkwistjoni, li wasslet għal tnaqqis dgħajjef tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, tikkuntrasta ma’ dik magħmula fir-rigward tal-kooperazzjoni ta’ Arkema, fejn għalkemm il-Kummissjoni kkonstatat li kien biss fis-26 ta’ Mejju 2003 li din tal-aħħar kienet ikkomunikat elementi addizzjonali, jiġifieri diversi ġimgħat wara t-talba inizjali tagħha, hija xorta waħda tatha t-tnaqqis massimu fi ħdan il-faxxa applikabbli (premessi 510 u 513 tad-deċiżjoni kkontestata).

436    Barra minn hekk, b’kuntrast għad-dikjarazzjonijiet ta’ Arkema, id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti kienu jinkludu l-prova tal-ksur fir-rigward taż-żewġ prodotti kkonċernati, peress li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti kienu jinkludu, barra minn hekk, espożizzjoni dettaljata u sostnuta mix-xhieda tal-parteċipanti diretti fil-ksur tal-kontenut tal-arranġamenti illegali, u dan huwa barra minn hekk enfasizzat mill-fatt li dawn id-dikjarazzjonijiet intużaw b’mod eżawrjenti fid-deċiżjoni kkontestata.

437    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, dan l-aħħar ilment tar-rikorrenti għandu jiġi milqugħ.

438    Il-kumplament ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

439    Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 430 sa 437 iktar ’il fuq, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lir-rikorrenti abbażi tal-kooperazzjoni tagħha għandu jiġi mgħolli għal 20 %. Għalhekk, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandu jitnaqqas konsegwentement.

 Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

440    Wara l-eżami tal-motivi mqajjma mir-rikorrenti u fil-kuntest tal-eżerċizzju, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandu jinbidel, billi ż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa applikata mill-Kummissjoni, abbażi tat-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur, titnaqqas għal 55 %, u billi r-rata ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa applikata abbażi tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tiżdied għal 20 %.

441    B’konsegwenza ta’ dan il-bdil, l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa ffissat għal EUR 139.5 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

442    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

443    Fil-każ preżenti, peress li r-rikors imressaq mir-rikorrenti ntlaqa’ parzjalment, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ jekk tiddeċiedi li r-rikorrenti tbati 80 % tal-ispejjeż tagħha kif ukoll 80 % tal-ispejjeż tal-Kummissjoni, filwaqt li din ta’ l-aħħar tbati 20 % kemm tal-ispejjeż tagħha kif ukoll tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

444    Barra minn hekk, it-talba li r-rikorrenti għamlet fil-kuntest tat-talbiet tagħha fuq l-ispejjeż, intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-kostituzzjoni u miż-żamma tal-garanzija bankarja sabiex tiġi evitata l-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, tali spejjeż ma jikkostitwixxux spejjeż tal-istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, punt 5133, u l-ġurisprudenza ċċitata).

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(m) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ C.38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), huwa annullat, sa fejn fih il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ Solvay SA fil-ksur matul il-perijodu ta’ qabel Mejju 1995.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Solvay bl-Artikolu 2(h) tad-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali huwa ffissat għal EUR 139.5 miljun.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Solvay għandha tbati 80 % tal-ispejjeż tagħha kif ukoll 80 % tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

5)      Il-Kummissjoni għandha tbati 20 % tal-ispejjeż tagħha kif ukoll 20 % tal-ispejjeż ta’ Solvay.

Vadapalas

Dittrich

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011.


Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur.

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u Awwissu 1997

– Fuq il-perijodu ta’ bejn it-18 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 2000

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq il-perijodu ta’ bejn il-31 ta’ Jannar 1994 u Mejju 1995

– Fuq il-perijodu ta’ bejn Mejju 1995 u Awwissu 1997

– Fuq il-perijodu ta’ bejn it-18 ta’ Mejju u l-31 ta’ Diċembru 2000

Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq l-aċċess għad-dokumenti ta’ Degussa

– Fuq l-aċċess għar-risposti li impriżi kkonċernati oħra taw għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

Fuq l-allegati żbalji fid-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u fuq il-livell tal-ammont inizjali tal-multa

– Fuq l-effett dissważiv

– Fuq it-tul tal-ksur

– Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti lil hinn mill-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

Fuq l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq l-evalwazzjoni tad-data tat-talba tar-rikorrenti

– Fuq il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti meta mqabbla ma żewġ impriżi kkonċernati oħra

– Fuq il-livell tat-tnaqqis mogħti lir-rikorrenti

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

– Fuq l-evalwazzjoni tad-data tat-talba magħmula mir-rikorrenti

– Fuq l-evalwazzjoni tal-informazzjonijiet ipprovduti minn żewġ impriżi kkonċernati oħra

– Fuq il-livell tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lir-rikorrenti

Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.