Language of document : ECLI:EU:T:2011:275

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

16 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Perossidu tal-idroġenu u perborat tas-sodju – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81KE – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑185/06,

L’Air liquide, société anonyme pour l’étude et l’exploitation des procédés Georges Claude, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn R. Saint-Esteben, M. Pittie u P. Honoré, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Arbault u O. Beynet, sussegwentement minn V. Bottka, P. Van Nuffel u B. Gencarelli, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

komposta minn V. Vadapalas (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President, M. Prek, A. Dittrich, L. Truchot u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, L’Air liquide, SA pour l’étude et l’exploitation des procédés Georges Claude, hija kumpannija taħt il-liġi Franċiża, li meta ġraw il-fatti, kienet iżżomm 100 % tal-kapital ta’ Chemoxal SA, li kienet tikkumerċjalizza l-perossidu tal-idroġenu (iktar ’il quddiem il-“PI”) u l-perborat tas-sodju (iktar ’il quddiem il‑“PBS”).

2        F’Novembru 2002, Degussa AG informat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-eżistenza ta’ akkordju fis-swieq tal-PI u tal-PBS u talbet l‑applikazzjoni tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

3        Degussa pproduċiet provi materjali lill-Kummissjoni, li ppermettewlha twettaq verifiki fil-bini ta’ ċerti impriżi fil-25 u s-26 ta’ Marzu 2003.

4        Fis-26 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti u lill-impriżi kkonċernati l-oħra.

5        Wara s-smigħ tal-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l‑Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-konfront ta’ Akzo Nobel NV, Akzo Nobel Chemicals Holding AB, EKA Chemicals AB, Degussa, Edison SpA, FMC Corp., FMC Foret SA, Kemira Oyj, ir-rikorrenti, Chemoxal, SNIA SpA, Caffaro Srl, Solvay SA, Solvay Solexis SpA, Total SA, Elf Aquitaine SA u Arkema SA (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sinteżi tagħha ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 353, p. 54). Din ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2006.

 Id-deċiżjoni kkontestata

6        Il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-destinatarji ta’ din tal-aħħar kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li jikkonċerna l-PI u l‑prodott derivanti minnu, il-PBS (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Il-ksur ikkonstatat ikkonsista prinċipalment fl-iskambju, bejn kompetituri, ta’ informazzjoni kummerċjalment importanti u ta’ informazzjoni kunfidenzjali fuq is-swieq u l-impriżi, f’limitazzjoni u f’kontroll tal-produzzjoni u tal-kapaċitajiet potenzjali u reali ta’ din tal-aħħar, fi tqassim tal-partijiet tas-suq u tal-klijenti kif ukoll fl-iffissar u fis-sorveljanza tal-osservanza tal-għanijiet tal-prezz.

8        Ir-rikorrenti u Chemoxal inżammu responsabbli “flimkien u in solidum għall-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        B’applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni kkonstatat li s‑setgħa tagħha li timponi sanzjoni kienet preskritta fir-rigward tar-rikorrenti u ta’ Chemoxal, li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur kienet waqfet ħames snin qabel l‑ewwel atti istruttorji. Il-Kummissjoni madankollu kkunsidrat li għandha interess leġittimu sabiex tikkonstata l-ksur inkwistjoni fir-rigward ta’ dawk il-kumpanniji (premessi 366 sa 369 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      L-Artikolu 1(i) u (j) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li r-rikorrenti u Chemoxal kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw fil-ksur ikkonċernat bejn it-12 ta’ Mejju 1995 u l-31 ta’Diċembru 1997.

11      Fl-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq ir‑rikorrenti u fuq Chemoxal multa ta’ EUR 0.

12      L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi lista tad-destinatarji tagħha, li foshthom hemm ir-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Lulju 2006, ir‑rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

14      Wara li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Ġenerali ġiet immodifikata, l‑Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u, wara li nstemgħu il-partijiet, din il‑kawża ġiet rrinvijata quddiem is-Sitt Awla estiża.

15      Peress li żewġ membri tal-Awla ma setgħux jipparteċipaw fid-deliberazzjoni, il‑President tal-Qorti Ġenerali nnomina żewġ imħallfin oħra, skont l‑Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompletaw l-Awla.

16      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta li nżammet fit-2 ta’ Settembru 2010.

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni fiha kkonstatat il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur;

–        konsegwentement, tannulla l-Artikolu 2(f), u l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn jikkonċernawha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 81 KE fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur abbażi tal-preżunzjoni marbuta mal-kontroll ta’ 100 % tas-sussidjarja, it-tieni wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmija preżunzjoni, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward taċ-ċaħda tal-provi prodotti bil-għan li tiġi kkonfutata dik l-istess preżunzjoni u, ir-raba’ wieħed, fuq nuqqas ta’ interess leġittimu li tiġi kkonstatata l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur fid-dawl tal-preskrizzjoni.

 Osservazzjonijiet preliminari

20      Peress li l-ewwel tliet motivi invokati mir-rikorrenti huma essenzjalment diretti kontra l-konstatazzjoni tar-responsabbilità tagħha għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, hemm lok li preliminarjament titfakkar il-ġurisprudenza rilevanti f’dan ir-rigward.

21      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jkun imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, dik is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawk iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 59).

23      Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent tkun iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, dik il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l‑aġir ta’ dik is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni, sussegwentement, tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli għall-ksur inkwistjoni, sakemm dik il‑kumpannija parent, li għandha l-oneru li tikkonfuta dik il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Bil-għan li jiġi evalwat jekk sussidjarja tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu dik is‑sussidjarja mal-kumpannija parent, liema elementi jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 21 iktar ’il fuq, punt 74; ara wkoll, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 65).

26      F’dan il-każ, fil-premessi 370 sa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li kumpannija parent setgħet tiġi kkunsidrata bħala responsabbli għall-aġir illegali ta’ sussidjarja, sa fejn din tal-aħħar ma tkunx tiddetermina l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu. Hija ppreċiżat li hija għandha dritt tippreżumi li sussidjarja kkontrollata 100 % essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija mill-kumpannija parent tagħha, filwaqt li din tal-aħħar tista’ tikkonfuta l-preżunzjoni permezz ta’ prova kuntrarja.

27      Fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur lir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat, qabel xejn, fil-premessa 403 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-mument tal-ksur, din tal-aħħar kienet iżżomm 100 % tal-kapital ta’ Chemoxal u kellha s-setgħa li tinnomina membri tal-Bord tad-Diretturi, li kien suffiċjenti sabiex tiġi applikata l‑preżunzjoni tal-eżerċizzju effettiv tal-influwenza determinanti tagħha fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

28      Fil-premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, hija għamlet referiment għall-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti kienet ikkontestat dik l-imputazzjoni.

29      Fil-premessa 405 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, b’mod kuntrarju għat-teorija mressqa mir-rikorrenti, il-kontroll ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja kien jagħti lok għal preżunzjoni li tista’ tiġi kkonfutatat permezz tal-prova li “is-sussidjarja tibbenefika minn ċerta awtonomija” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija kkunsidrat, sussegwentement, li l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti kienu insuffiċjenti sabiex jikkonfutaw l-preżunzjoni, minn naħa, billi indikat li s-setgħa tagħha li tinnomina membri tal-Bord tad-Diretturi tas-sussidjarja kienet l-indizju tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-ġestjoni ta’ kuljum ta’ din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, hija rreferiet għal ċerti indizji li juru li l-kumpanniji kkonċernati kienu pperċepiti minn terzi bħala li jaqgħu taħt l-istess impriża, jiġifieri l-indikazzjonijiet tal-isem Air Liquide f’ċerti dokumenti li jirrigwardaw l‑akkordju, kif ukoll l-użu minn Chemoxal tat-trade mark Air Liquide.

30      Fl-aħħar, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija baqgħet issostni l-konklużjoni tagħha dwar l-imputazzjoni tal-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti u s-sussidjarja tagħha Chemoxal, peress li dawn tal-aħħar jifformaw parti mill-istess impriża involuta fil-ksur.

 Fuq l-ewwel u t-tieni motivi, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-preżunzjoni marbuta mal-kontroll ta’ 100 % tas-sussidjarja

 L-argumenti tal-partijiet

31      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li ż-żamma mill-kumpannija parent ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha ma tippermettix, waħidha, li jiġi preżunt l-eżerċizzju mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq is‑sussidjarja tagħha u li hija tiġi imputata bl-aġir ta’ din tal-aħħar li jikkostitwixxi ksur. Jeħtieġ ukoll li tiġi prodotta għall-inqas prova oħra li turi n-nuqqas ta’ awtonomija tas-sussidjarja. Billi bbażat ruħha, sabiex tinvoka l-preżunzjoni, fuq sempliċi żamma ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE.

32      Barra minn hekk, elementi oħra rrilevati mill-Kummissjoni, bħas-setgħa li tinnomina l-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Chemoxal u l-użu minn din tal-aħħar tal-isem tar-rikorrenti (premessi 403 u 405 tad-deċiżjoni kkontestata), ma humiex ta’ natura li jippruvaw l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti mir-rikorrenti fuq is-sussidjarja tagħha. B’mod partikolari, jirriżulta mill-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni li l-użu tal-isem kummerċjali tal-kumpannija parent mis-sussidjarja tagħha ma huwiex indikattiv tal-fatt li huma jifformaw entità ekonomika waħda. Barra minn hekk, diversi dokumenti fil-fajl jagħmlu referiment għal Chemoxal, u mhux għar-rikorrenti.

33      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni wasslet għal inverżjoni tal-oneru tal-prova, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

34      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

35      Jirriżulta mill-premessi 403 sa 406 tad-deċiżjoni kkontestata li l-imputazzjoni lir-rikorrenti tal-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur hija bbażata fuq il‑konstatazzjoni tal-eżerċizzju effettiv tal-influwenza determinanti tagħha fuq Chemoxal, li tirriżulta minn preżunzjoni marbuta mal-kontroll sħiħ tagħha ta’ dik is-sussidjarja peress li dik il-preżunzjoni, skont il-Kummissjoni, ma ġietx megħluba mir-rikorrenti.

36      Hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 21 sa 24 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet, b’kunsiderazzjoni għar-rabta mhux ikkontestata ta’ kontroll ta’ 100 % li jgħaqqad dawk iż-żewġ kumpanniji, leġittimament tippreżumi l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq Chemoxal.

37      F’dak ir-rigward, hemm lok li jiġu miċħuda bħala irrilevanti l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-elementi esposti fil-premessi 403 u 405 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw is-setgħa li tinnomina membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Chemoxal, kif ukoll il-fatt li sar referiment għall-isem tar-rikorrenti fis-settur ikkonċernat mill-ksur.

38      Fil-fatt, peress li dawn l-elementi kienu invokati mill-Kummissjoni flimkien mal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kontroll 100 % tar-rikorrenti fil-kapital ta’ Chemoxal, in-nuqqas ta’ rilevanza tagħhom allegata mir-rikorrenti ma tistax taffettwa d-dritt tal-Kummissjoni li tapplika l-preżunzjoni inkwistjoni.

39      Barra minn hekk, peress li ġie kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi billi applikat il-preżunzjoni li r-rikorrenti setgħet tegħleb permezz ta’ prova kuntrarja, hemm lok ukoll li jinċaħad il-motiv ibbażat fuq l-inverżjoni tal-oneru tal-prova, li allegatament hija inkompatibbli mal-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża.

40      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel u t-tieni motivi ma jistgħux jintlaqgħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fir-rigward taċ-ċaħda tal-elementi prodotti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni inkwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

41      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, peress li hija ma ħaditx pożizzjoni fuq il-provi li hija kienet ipproduċiet bil-għan li tikkonfuta l-preżunzjoni marbuta mal-kontroll tagħha ta’ 100 % ta’ Chemoxal.

42      Hija tindika li pproduċiet, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għadd ta’ elementi relatati mal-awtonomija strutturali u deċiżjonali ta’ Chemoxal.

43      Fil-premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx semmiet dawk l-elementi kollha. Barra minn hekk, hija ma weġbitx għalihom, billi llimitat ruħha tiddikjara, b’mod partikolari, li, “osservata minn barra, kien jidher ċar [li r‑rikorrenti] kienet tikkontrolla l-attività ta’ Chemoxal” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “kemm il-klijenti kif ukoll il-kompetituri kienu jagħmlu referiment għall-impriża ‘Air Liquide’ għas-settur tal-[PI]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 405 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant l-ebda element imressaq mir-rikorrenti ma ġie eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata.

44      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tagħmel tajjeb għall-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi tinvoka elementi supplementari quddiem il-Qorti Ġenerali, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-fatt li Chemoxal kienet tikkummerċjalizza l-prodotti ffabbrikati minn Oxysynthèse SA. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-rikorrenti kienet effettivament eżerċitat kontroll fuq dik l-impriża komuni għar-rikorrenti u għal Atochem SA, ġestita, f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, minn Chemoxal.

45      L-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni għall-ewwel darba fir-risposta jikkonfermaw in-nuqqas ta’ raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata fuq dak il-punt.

46      Il-Kummissjoni tirrispondi li, b’applikazzjoni tal-preżunzjoni inkwistjoni, l-oneru tal-prova tal-awtonomija ta’ Chemoxal kien jaqa’ esklużivament fuq ir-rikorrenti. Fir-rigward tal-elementi mressqa mir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet spjegat suffiċjentement, fil-premessi 403 sa 405 tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex dik il‑preżunzjoni ma ġietx ikkonfutata.

47      Il-Kummissjoni ma hijiex barra minn hekk obbligata twieġeb l-argumenti kollha mressqa b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Ikun suffiċjenti li hija tipprovdi sunt iddettaljat tal-motivi ta’ natura li tiġi ġġustifikata l-imputabbiltà tal-ksur lill-impriża kkonċernata. Issa, ir-rikorrenti ma tallegax li l-Kummissjoni ma pprovdietx tali sunt.

48      Wara kollox, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti, li huma ġenerali ħafna u mhux sostnuti minn provi speċifiċi, bl-ebda mod ma setgħu jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni.

49      Fir-rigward tal-allegata awtonomija strutturali tas-sussidjarja tar-rikorrenti, fl-ewwel lok, il-fatt li d-diriġenti ta’ Chemoxal ma kinux jifformaw parti mill-organi tar-rikorrenti bl-ebda mod ma jeskludi li din tal-aħħar kienet tat istruzzjonijiet lis-sussidjarja tagħha u kkontrollat mill-qrib l-aġir tagħha. Barra minn hekk, anki jekk tali fatt ma huwiex indikat fid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta minn elementi ppreżentati mir-rikorrenti b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tal-inqas direttur ta’ Chemoxal kien sar, wara r-riżenja tiegħu, wieħed mid-diriġenti tar-rikorrenti.

50      Fit-tieni lok, il-fatt li l-President-Direttur Ġenerali (PDĠ) ta’ Chemoxal kellu setgħat wiesgħa ħafna ma juri xejn iktar ħlief is-setgħa normalment mogħtija lid-diriġent l-iktar għoli ta’ kumpannija u ma jikkostitwixxi l-ebda prova fir-rigward tal-awtonomija tas-sussidjarja mir-rikorrenti.

51      Fit-tielet lok, il-fatt li Chemoxal kellha d-dipartimenti individwali tagħha hija biss semplici karatteristika ta’ entità li jkollha personalità ġuridika. Barra minn hekk, minn elementi mressqa mir-rikorrenti jirriżulta li Chemoxal kienet tirrikorri għal diversi dipartimenti tal-kumpannija parent u li s-sede tagħha kien tassew jinsab fl-istess bini bħas-sede tal-grupp.

52      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq il-ġestjoni minn Chemoxal tal-ishma f’sussidjarji oħra tal-grupp, b’mod partikolari Oxysynthèse, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li hija kienet ukoll involuta direttament fil-ġestjoni ta’ dawk l-ishma.

53      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet irrilevat li Chemoxal kienet tikkummerċjalizza PI ffabbrikat minn Oxysynthèse, kumpannija kkontrollata konġuntement mir-rikorrenti u minn Atochem (premessi 42 u 52 tad-deċiżjoni kkontestata). Anki jekk dak il-motiv ma jinsabx fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-imputabbiltà tal-ksur, dan huwa madankollu ta’ ċertu rilevanza. Fil-fatt, ikun diffiċli li wieħed jimmaġina li r-rikorrenti ma kienet eżerċitat l-ebda kontroll fuq Chemoxal, li kienet responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni ta’ sussidjarja oħra tal-grupp, ikkontrollata konġuntement.

54      Fir-rigward tal-allegata awtonomija deċiżjonali tas-sussidjarja tar-rikorrenti, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi li juru l-allegata awtonomija ta’ Chemoxal fil-qasam tal-prezzijiet. Fir-rigward tas-setgħat tad-Direttur Ġenerali ta’ Chemoxal, ir-rikorrenti kienet bagħtet ittra qasira li fiha din tal-aħħar immarkat fil-qosor il-ftehim tagħha fuq prezz, fatt li bl-ebda mod ma jipprova li hija kienet tiddeċiedi waħidha dwar il-politika fil-qasam tal-prezzijiet. Elementi oħra jikkonsistu biss f’sempliċi rapporti ta’ żjarat lil klijenti.

55      Fit-tieni lok, l-allegata awtonomija ta’ Chemoxal fl-iżvilupp ta’ proġetti kummerċjali strateġiċi kienet ġiet imqajma biss fir-rigward tal-proġett ta’ “soluzzjoni ‘on-site’ ta’ [PI]”, li l-allokazzjoni tiegħu lil Chemoxal ma kienet sostnuta minn ebda prova. Barra minn hekk, jirriżulta minn elementi annessi mar-rikors li dak il-proġett ġie spirat minn tekniki żviluppati mill-grupp u li l‑iżviluppatur tiegħu kien oriġina mill-kumpannija parent.

56      Fit-tielet lok, l-argumenti dwar il-preparazzjoni tal-baġit, dwar il-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-klijenti u dwar il-parteċipazzjoni tal-impjegati ta’ Chemoxal biss fil-kuntest tal-European Chemical Industry Council (CEFIC) bl-ebda mod ma jistabbilixxu li r-rikorrenti ma kinitx teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha.

57      Għalhekk, peress li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma setgħu bl-ebda mod jikkonfutaw il-preżunzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tindika fid-dettall ir‑raġunijiet għaċ-ċaħda tagħhom. Il-Kummissjoni kkonformat mal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, billi esponiet b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-ksur kien ġie imputat lir-rikorrenti.

58      Il-Kummissjoni kienet eżaminat bir-reqqa l-argumenti mressqa mir-rikorrenti u, wara li fakkret dawk l-elementi (premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata), ikkonkludiet li dawn kienu insuffiċjenti sabiex jikkonfutaw l-preżunzjoni (premessa 405 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti kienu ta’ natura ġenerali wisq u ma kienu ġew sostnuti minn ebda prova speċifika.

59      Fil-fatt, peress li hija l-impriża inkwistjoni li għandha tipproduċi provi dwar l‑awtonomija tas-sussidjarja tagħha, fil-każ li din ma tipproduċi l-ebda prova, iżda biss sempliċi dikjarazzjonijiet ġenerali u mhux sostanzjati, il-Kummissjoni ma tkunx qiegħda tikser l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi tenfasizza biss li l‑elementi prodotti huma insuffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni.

60      Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, anki jekk jiġi preżunt li hija ma spjegatx suffiċjentement kif l-elementi mressqa mir-rikorrenti bil-għan li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ma kinux jippermettu li jintlaħaq dak l-għan, xorta jibqa’ l-fatt li d‑deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata, peress li l-Kummissjoni fiha indikat b’mod ċar żewġ elementi addizzjonali li waħidhom jippermettu li jiġi konkluż li Chemoxal u r-rikorrenti kienu jifformaw unità ekonomika waħda. Dawn kienu, minn naħa, is-setgħa tar-rikorrenti li tinnomina membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Chemoxal u, min-naħa l-oħra, il-fatt li “minn barra” [traduzzjoni mhux uffiċjali], mill-prespettiva tal-klijenti u tal-kompetituri, l-attività kummerċjali ta’ Chemoxal kienet ipperċepita bħala li kienet dik tar-rikorrenti. B’mod partikolari, spiss kien isir referiment għal Chemoxal bħala “Air Liquide” fil-kuntest tal-akkordju u Chemoxal kienet użat it-trade mark Air Liquide fit-twettiq tal-attivitajiet kummerċjali tagħha.

61      Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet indikat ukoll il‑fatt li Chemoxal kienet tikkummerċjalizza PI ffabbrikat minn Oxysynthèse, ikkontrollata konġuntement mir-rikorrenti u minn Atochem. Dan kien ġie enfasizzat bħala kriterju rilevanti għall-imputazzjoni tal-ksur fil-punt 344 tad-dikjrazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li r‑rikorrenti ma kienet eżerċitat l-ebda kontroll fuq kumpannija li kienet responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni ta’ sussidjarja oħra tagħha li fuqha hija kienet teżerċita kontroll konġunt effettiv.

62      Fl-aħħar, b’mod kompletament sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni li f’dan il-każ, lanqas il-konstatazzjoni eventwali dwar l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni ma għandha twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti jikkonsistu biss f’dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali u bl-ebda mod ma huma ta’ natura li jikkostitwixxu provi li jistgħu jikkonfutaw il‑preżunzjoni inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

63      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku l-argument tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti li l‑partijiet kkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l‑qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatti u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati, iżda huwa suffiċjenti li tesponi l‑fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza essenzjali fl-iskema ġenerali tad-deċiżjoni. B’mod partikolari, hija ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l‑elementi li huma manifestament irrilevanti, mingħajr ebda sinjifikat jew manifestament sekondarji (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punt 64; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 63 iktar ’il fuq, punt 64).

65      Meta, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE tikkonċerna diversi destinatarji u tqajjem problema ta’ imputabbiltà tal-ksur, din għandha tagħti motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, b’mod partikolari ta’ dawk fosthom li, skont din id-deċiżjoni, ikollhom ibatu r‑responsabbiltà għal dan il-ksur. Għalhekk, fir-rigward ta’ kumpannija parent miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha li jikkostitwixxi ksur, tali deċiżjoni għandu jkun fiha sunt iddettaljat tal-motivi tali li jiġġustifika l‑imputabbiltà tal-ksur lil dik il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punti 78 sa 80).

66      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma esponietx motivi suffiċjenti fir-rigward tal-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tagħha, b’mod partikolari, sa fejn hija ma esponietx il-motivi għaċ-ċaħda tal-elementi li hija kienet ipproduċiet bil-għan li tikkonfuta l-preżunzjoni li tirriżulta mill-kontroll tagħha tal-kapital kollu ta’ Chemoxal.

67      Jeħtieġ li jiġi osservat li jirriżulta mill-proċess li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti invokat argument speċifiku bil-għan li turi l-awtonomija ta’ Chemoxal, billi sostniet l-elementi li ġejjin:

–        fl-ewwel lok, fir-rigward tal-awtonomija strutturali ta’ Chemoxal, b’mod differenti minn dak li seta’ jiġi rrilevat fir-rigward ta’ ċerti impriżi oħra kkonċernati, ebda wieħed mid-diriġenti ta’ Chemoxal ma kien membru tal-Kumitat Eżekuttiv tar-rikorrenti, u lanqas tal-entitajiet soċjali ta’ din tal-aħħar; dan huwa kkonfermat permezz ta’eżempji ta’ dikjarazzjonijiet tal-ħlas ipprovduti lill-Kummissjoni, kif ukoll permezz tal-elementi pprovduti b’risposta għat-talba għal informazzjoni tat-18 ta’ Marzu 2004: fil-fatt l‑ebda diriġent jew impjegat ta’ Chemoxal ma kien impjegat simultanjament tar-rikorrenti;

–        mill-minuti tal-Bord tad-Diretturi ta’ Chemoxal tat-12 ta’ Mejju u tal-25 ta’ Ottubru 1995, ipprovduti lill-Kummissjoni, jirriżulta li l-mandat tal-PDĠ tagħha kien illimitat, peress li dan tal-aħħar kien “investit fil-limiti legali bis-setgħat l-iktar wiesgħa sabiex jaġixxi f’kull ċirkustanza għan-nom ta’ [Chemoxal]” u li d-Direttur Ġenerali tagħha kellu wkoll setgħat definiti b’mod wiesa’; skont ċirkulari tad-Direttur Ġenerali ta’ Chemoxal bid-data tal-istess perijodu tal-ksur, dan tal-aħħar ingħata responsabbiltajiet fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika loġistika u tat-tmexxija tal-politika kummerċjali ġenerali, meta direttur kummerċjali kien ikkollokat fl-Asja;

–        Chemoxal kellha d-dipartimenti individwali tagħha, jiġifieri dipartiment kummerċjali, dipartiment tal-kummerċjalizzazzjoni, dipartiment tar-riżorsi umani, dipartiment tal-informatika u dipartiment tal-kontabbiltà, li kienu jippermettulha tiġġestixxi l-politika kummerċjali tagħha totalment waħidha, u kellha wkoll ċentru għar-riċerka, ġestit b’mod separat, anki jekk dan kien ibbażat fl-istess bini tar-rikorrenti; fir-rigward tad-dipartimenti li Chemoxal ma kellhiex direttament, b’mod partikolari bħal dipartiment legali, fiskali u tal-“assigurazzjoni”, hija kienet tirrikorri għad-dipartimenti tal-kumpannija parent, bi ħlas; għalkemm is-sede ta’ Chemoxal kienet fl-istess bini bħas-sede tal-grupp, il-bini tagħha kien mikri mingħand il-kumpannija parent, u dan kien ġie kkonfermat permezz ta’ kuntratt ta’ kiri pprovdut lill-Kummissjoni;

–        Chemoxal kienet iġġestixxiet b’mod awtonomu l-ishma tal-grupp f’Oxysynthèse u f’Oxysynthèse Deutschland GmbH, kumpanniji li jipproduċu l-PI; għalkemm rappreżentant tar-rikorrenti kien ukoll ippreseda fi ħdan il-Bord tad-Diretturi ta’ Oxysynthèse, wieħed biss mir-rappreżentanti ta’ Chemoxal kien jifforma parti mill-Kumitat Eżekuttiv ta’ dik il‑kumpannija u fih kien jiżgura d-direzzjoni ġenerali;

–        Chemoxal kienet tiġġestixxi b’mod awtonomu l-ishma tal-grupp f’Chemoxal Chemie GmbH, kumpannija legalment marbuta mar-rikorrenti għal raġunijiet fiskali; minn dokumenti mehmuża mal-fajl tal-Kummissjoni jirriżulta li r-rappreżentanti fi ħdan il-Bord tad-Diretturi ta’ dik is-sussidjarja kienu, fir-realtà, l-impjegati ta’ Chemoxal ;

–        fit-tieni lok, fir-rigward tal-awtonomija deċiżjonali ta’ Chemoxal, l-attività tagħha kienet imbiegħda ħafna mill-attivitajiet l-oħra tal-grupp iffokati fuq il-provvistà ta’ gass industrijali u mediku; id-definizzjoni u t-tmexxija tal-politika kummerċjali ta’ Chemoxal kienet limitata esklużivament għat-tmexxija ta’ dik il-kumpannija;

–        id-direttivi u d-direzzjonijiet il-kbar fil-qasam tal-prezzijiet kienu joriġinaw esklużivament mid-diriġenti ta’ Chemoxal peress li d-deċiżjonijiet fuq prezz offrut lil klijent speċifiku kienu jittieħdu mill-impjegati, taħt il-kontroll uniku tad-diriġenti tagħhom, u dan kien ġie kkonfermat minn ittri interni u mir-rapporti ta’ żjarat ta’ klijenti pprovduti lill-Kummissjoni;

–        l-iżvilupp ta’ proġetti kummerċjali strateġiċi kbar kien l-unika inizjattiva tal-persunal ta’ Chemoxal, u dan ġie kkonfermat minn proġett dwar is‑soluzzjoni ta’ produzzjoni imsejħa “on-site” ta’ PI, żviluppat minn Chemoxal fl-1996, li ġie ispirat minn tekniki li kienu ġew żviluppati mill-grupp għal prodotti oħra; għal dan il-għan, Chemoxal kienet inkarigat persuna teknika tal-kumpannija parent tagħha, fejn din tal-aħħar ma kinitx involuta xi mkien ieħor;

–        l-elaborazzjoni tal-baġit ta’ Chemoxal kienet taqa’ taħt it-tmexxija tagħha, u dan ġie kkonfermat minn ċirkulari tad-Direttur Ġenerali tagħha, ipprovduta lill-Kummissjoni, li tippreċiża t-tqassim tal-kompiti inkwistjoni;

–        ir-relazzjonijiet ta’ Chemoxal mal-klijenti tagħha kienu jsiru direttament minnha stess jew mill-aġenti lokali tagħha, kif jirriżulta minn ittri u rapporti ta’ żjarat ta’ klijenti;

–        Chemoxal kienet ikkunsidrata bħala kumpannija awtonoma f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet tagħha mas-CEFIC, u dan jirriżulta mill-minuti tal-laqgħat ta’ dan tal-aħħar, li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni;

–        għalkemm Chemoxal kienet użat l-isem kummerċjali Air Liquide Chimie, dan għamlitu għal għan leġittimu, li kien li tibbenefika mir-reputazzjoni ta’ portata internazzjonali tal-grupp, peress li dan il-fatt ma kienx jaffettwa l‑awtonomija tagħha fir-rigward tal-kumpannija parent li għandha isem soċjali simili; id-dokumenti kummerċjali uffiċjali ta’ Chemoxal huma stabbiliti b’mod partikolari taħt l-isem soċjali tagħha;

–        l-ebda persuna li pparteċipat fil-laqgħat tal-akkordju inkwistjoni ma kienet impjegata tar-rikorrenti u fil-fajl tal-Kummissjoni ma teżisti l-ebda traċċa ta’ xi istruzzjoni li ngħatat mir-rikorrenti lil Chemoxal.

68      Fil-premessa 404 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ttrattat l‑argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti.

69      Sussegwentement, fil-premessa 405 tad-deċiżjoni kkontestata, hija affermat li l‑elementi ppreżentati mir-rikorrenti ma kinux suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il‑preżunzjoni inkwistjoni, billi indikat li l-konstatazzjoni tal-eżerċiżżju ta’ influwenza determinanti tar-rikorrenti fuq Chemoxal kienet ikkorroborata, minn naħa, mis-setgħa tagħha li tinnomina membri tal-Bord tad-Diretturi tas-sussidjarja tagħha u, min-naħa l-oħra, mill-indizji relatati mal-perċezzjoni li terzi kellhom tal-kumpanniji kkonċernati. Fl-aħħar, fil-premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata, hija sostniet il-konklużjoni tagħha li r-rikorrenti u Chemoxal kienu jikkostitwixxu l‑istess impriża.

70      Hemm lok li jiġi rrilevat li dak ir-raġunament ma jittrattax l-argument invokat mir-rikorrenti, iżda jillimita ruħu għal riferiment għal ċerti indizji supplementari dwar l-eżerċizzju mir-rikorrenti ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. Konsegwentement, il-motivi ċċitati iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata ma jesponux ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkunsidrat li l‑elementi ppreżentati mir-rikorrenti ma kinux suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il‑preżunzjoni inkwistjoni.

71      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, għalkemm il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq l-elementi kollha invokati mill-parti kkonċernata, b’mod partikolari meta dawn tal-aħħar ikunu manifestament irrilevanti, mingħajr ebda sinjifikat jew manifestament sekondarji (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), f’dan il‑każ, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-elementi invokati mir-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala mingħajr ebda sinjifikat fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-awtonomija ta’ Chemoxal.

72      Fil-fatt, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti bbażat ruħha fuq numru ta’ ċirkustanzi li jikkaratterizzaw ir-rabtiet bejnha u bejn Chemoxal fil-mument tal-ksur inkwistjoni, billi invokat, b’mod partikolari, il-fatt li l-attività ta’ din tal-aħħar kienet speċifika ħafna meta mqabbla mal-attivitajiet l‑oħra tal-grupp, in-nuqqas ta’ kondiviżjoni fil-livell tad-diriġenti u tal-persunal tal-kumpanniji kkonċernati, definizzjoni wiesgħa tas-setgħat tad-diriġenti tas-sussidjarja, il-fatt li din tal-aħħar kellha d-dipartimenti individwali tagħha marbuta mal-attivitajiet kummerċjali, kif ukoll awtonomija fl-elaborazzjoni ta’ proġetti strateġiċi.

73      L-elementi prodotti mir-rikorrenti barra minn hekk ma llimitawx ruħhom għal allegazzjonijiet, iżda kienu jinkludu serje ta’ elementi konkreti, annessi mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara l-punt 67 iktar ’il fuq).

74      F’dawk il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni kienet obbligata tieħu pożizzjoni fuq l‑argument kuntrarju tar-rikorrenti, billi teżamina jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha relatati mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi jew ġuridiċi bejn il‑kumpanniji kkonċernati, ir-rikorrenti kinitx uriet li s-sussidjarja tagħha kienet taġixxi fis-suq b’mod awtonomu.

75      Il-kompitu tal-Kummissjoni li timmotiva d-deċiżjoni tagħha fuq dak il-punt jirriżulta b’mod ċar min-natura juris tantum tal-preżunzjoni inkwistjoni, li sabiex tiġi kkonfutata r-rikorrenti għandha tipproduċi prova li tirrigwarda r-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi kollha bejnha u bejn is-sussidjarja tagħha.

76      Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ motivi inkwistjoni ma jistax jiġi rrimedjat permezz tar-riferiment li jsir għall-indizji esposti fil-premessa 405 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażati fuq is-setgħa li tinnomina membri tal-Bord tad-Diretturi tas-sussidjarja, kif ukoll fuq il-perċezzjoni li t-terzi kellhom tal-kumpanniji kkonċernati.

77      Fil-fatt, għalkemm dawk l-elementi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rabtiet bejn il-kumpanniji kkonċernati, l-invokazzjoni tagħhom ma tipprevedix il-kontestazzjoni tal-karattru rilevanti tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-awtonomija ta’ Chemoxal u, għaldaqstant, ma tistax tikkostitwixxi motiv suffiċjenti fir-rigward taċ-ċaħda ta’ dak l-argument.

78      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-eżistenza ta’ indizji oħra tal-influwenza eżerċitata mir-rikorrenti fuq Chemoxal, jiġifieri l-fatt li din tal-aħħar kienet tikkumerċjalizza l-PI ffabbrikat minn Oxysynthèse, li hija kkontrollata b’mod konġunt mir-rikorrenti u minn Atochem (premessa 401 tad-deċiżjoni kkontestata), hemm lok li jiġi osservat li mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li dak l-element kien ġie invokat mill-Kummissjoni bħala motiv għall-konstatazzjoni tagħha tal-influwenza determinanti eżerċitata mir-rikorrenti fuq Chemoxal. Barra minn hekk, sempliċi riferiment għal dak l-indizju supplementari dwar ir-rabtiet bejn il-kumpanniji kkonċernati ma jistax, fi kwalunkwe każ, jagħmel tajjeb għall-insuffiċjenza tal-motivi għaċ-ċaħda tal-argument kuntrarju invokat mir-rikorrenti.

79      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni ddettaljata fuq il-provi prodotti mir-rikorrenti bil-għan li tikkonfuta l‑preżunzjoni li tirriżulta mis-sehem tagħha fil-kapital ta’ Chemoxal u, għalhekk, ma mmotivatx sal-grad rikjest mil-liġi l-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-imputazzjoni tal-ksur inkwistjoni lir-rikorrenti.

80      Sa fejn il-Kummissjoni ssostni, fir-risposta tagħha, li l-provi kuntrarji invokati mir-rikorrenti kienu, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti sabiex juru l-awtonomija ta’ Chemoxal, hemm lok li jiġi rrilevat li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma juru l‑ebda element ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-elementi inkwistjoni, u dan ixekkel l-istħarriġ tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata fuq dak l-aspett.

81      Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li peress li l-motivazzjoni, fil-prinċipju, għandha tiġi kkommunikata lill-parti kkonċernata kontemporanjament mad-deċiżjoni li taffettwaha, in-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax għaldaqstant jiġi rrimedjat mill-fatt li l-parti kkonċernata ssir taf il-motivi għad-deċiżjoni matul il‑kawża (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 463, u tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il-Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra p. II‑3121, punt 220).

82      Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ motivi inkwistjoni ma jistax jiġi rrimedjat matul il‑kawża.

83      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, jeħtieġ li jintlaqa’ l-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u li tintlaqa’ t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.

84      Konsegwentement, ma hemmx għalfejn tingħata deċiżjoni fuq ir-raba’ motiv.

 Fuq l-ispejjeż

85      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l‑Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, b’mod konformi mat-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1766 finali, tat-3 ta’ Mejju 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.620 – Perossidu tal-idroġenu u perborat), hija annullata, sa fejn din tikkonċerna lil Air liquide, SA pour l’étude et l’exploitation des procédés Georges Claude.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vadapalas

Prek

Dittrich

Truchot

 

       O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Ġunju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.