Language of document : ECLI:EU:C:2021:973

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

2 ta’ Diċembru 2021 (*)

“Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 2(7)(b) u (ċ) – Status ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq – Rifjut – Kunċett ta’ ‘distorsjoni importanti kkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq’, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) – Vantaġġi fiskali”

Fil-Kawżi magħquda C‑884/19 P u C‑888/19 P,

li għandha bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit-3 u fl-4 ta’ Diċembru 2019,

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn L. Flynn, T. Maxian Rusche u A. Demeneix, sussegwentement minn L. Flynn u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd, stabbilita f’Anhui (iċ-Ċina), irrappreżentata minn Y. Melin u V. Akritidis, avocats,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH, stabbilita f’Tschernitz (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. MacLean, solicitor,

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑884/19 P),

u

GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH, stabbilita f’Tschernitz (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. MacLean, solicitor,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd, stabbilita f’Anhui (iċ-Ċina), irrappreżentata minn Y. Melin u B. Vigneron, avocats,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn L. Flynn, T. MaxianRusche u A. Demeneix, sussegwentement minn L. Flynn u T. Maxian Rusche, bħala aġenti

konvenuta fl-ewwel istanza (C‑888/19 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala Presidenta tar-Raba’ Awla, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH (iktar ’il quddiem “GMB”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Settembru 2019, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il‑Kummissjoni (T‑586/14 RENV, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:668), li permezz tagħha annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 470/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2014, L 142, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim antidumping

2        Permezz tad-Deċiżjoni 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994 kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, fosthom il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (ĠU 1994, L 336, p. 103, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”).

3        L-Artikolu 2 tal-Ftehim antidumping jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw id-“[d]eterminazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping”.

 Id-dritt tal-Unjoni

4        Meta seħħew il-fatti li taw lok għat-tilwima, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

5        Skont il-premessa 6 tar-Regolament bażiku:

“Fil-kalkolazzjoni tal-valur normali għall-pajjiżi ta’ ekonomija mhux tas-suq, ikun jidher prudenti li jiġu stabbiliti regoli għall-għażla tal-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xierqa li għandu jiġi wżat għal dan il-għan u, fejn ikun possibbli li jinstab pajjiż terz xieraq, biex jipprovdi li l-valur normali jista jiġi stabbilit fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra.”

6        L-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli applikabbli għad-determinazzjoni tal-valur normali.

7        L-Artikolu 2(7) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“a)      Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq [([j]inkludu l-Albanija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Georġja, il-Korea ta’ Fuq, il-Kirgistan, il-Moldova, il-Mongolja, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan)], il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.

[…]

b)      Fl-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Vjetnam u l-Każakistan u kull pajjiż li ma jħaddanx l-ekonomija tas-suq li hu membru tal-WTO fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, il-valur normali jkun stabbilit skond kif hemm fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u skond il-kriterji u proċeduri stabbiliti fis-sotto-paragrafu (ċ), li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw.

ċ)      Pretensjoni skond is-subparagrafu (b) trid issir bil-kitba u jkun fiha biżżejjed evidenza illi l-produttur jopera skond il-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

–        id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, l-infiq u inputs oħra, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż fuq it-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru bi tweġiba għas-sinjali tas-suq filwaqt li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f’dan ir-rigward, u n-nefqiet fuq inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

–        id-ditti jkollhom sett ċar ta’ reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabilità li jiġu verifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

–        l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinjifikanti miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq [distorsjoni importanti kkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq], b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun,

–        id-ditti interessati huma bla ħsara għall-falliment u għal-liġijiet tal-proprjetà li jiggarantixxu ċ-ċertezza u l-istabilità legali għall-operazzjoni tad-ditti, u

–        il-konversjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu bir-rata tas-suq.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

9        Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd (iktar ’il quddiem “Xinyi PV”), kumpannija stabbilita fiċ-Ċina, tipproduċi hemmhekk u tesporta lejn l-Unjoni Ewropea ħġieġ solari msemmi fir-Regolament kontenzjuż. Hija għandha azzjonista waħda li hija l-kumpannija Xinyi Solar (Hong Kong) Ltd, stabbilita f’Ħong Kong (iċ-Ċina), li hija kkwotata fil-Borsa ta’ Ħong Kong.

10      Fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, Xinyi PV ressqet, fil‑21 ta’ Mejju 2013, talba għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-istatus ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“istatus IES”), fis-sens tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku.

11      Wara li rċeviet it-tweġibiet ta’ Xinyi PV għall-kwestjonarju antidumping u għal talba għal informazzjoni komplementari, il-Kummissjoni wettqet verifika tal-informazzjoni trażmessa lis-sede Ċiniża ta’ din il-kumpannija bejn il-21 u s-26 ta’ Ġunju 2013. Fit-tmiem ix-xahar ta’ Ġunju u f’Lulju 2013, Xinyi PV ipproduċiet, bi ftehim mal-Kummissjoni u konformement mat-talbiet tagħha, informazzjoni komplementari.

12      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni informat lil Xinyi PV li hija kienet tqis li ma setgħetx tilqa’ t-talba tagħha għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-istatus IES minħabba li, għalkemm din il-kumpannija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel, fit-tieni, fir-raba’ u fil-ħames inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, hija min-naħa l-oħra ma ssodisfatx dik stabbilita fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑22 ta’ Awwissu 2013”). Il-Kummissjoni stiednet lil Xinyi PV sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

13      Fl-1 ta’ Settembru 2013, Xinyi PV ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha billi kkontestat l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

14      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni informat lil Xinyi PV bid-deċiżjoni finali tagħha li tiċħad it-talba tagħha għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-istatus IES (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑13 ta’ Settembru 2013”).

15      Mill-ittri tat‑22 ta’ Awwissu u tat‑13 ta’ Settembru 2013, kif riprodotti permezz ta’ estratti fil-punti 63 sa 65 tas-sentenza appellata, jirriżulta li din iċ-ċaħda kienet ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni li Xinyi PV ma kinitx tissodisfa l-kriterju ta’ għoti stabbilit fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, li skontu l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi ma għandhom ikunu s-suġġett ta’ ebda distorsjoni importanti kkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq (iktar ’il quddiem it-“tielet kriterju tal-għoti tal-istatus IES”). Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, Xinyi PV ibbenefikat minn żewġ sistemi fiskali vantaġġużi, jiġifieri, minn naħa, il-programm “2 Free 3 Halve”, li jippermetti lill-kumpanniji b’kapital barrani jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali totali (0 %) matul sentejn u, matul it-tliet snin sussegwenti, minn rata ta’ tassazzjoni ta’ 12.5 %, minflok ir-rata normali ta’ tassazzjoni ta’ 25 %, u, min-naħa l-oħra, is-sistema fiskali tal-impriżi ta’ teknoloġija għolja, li skontha l-kumpannija hija suġġetta għal rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa ta’ 15 %, minflok ir-rata normali ta’ 25 %.

16      Fis‑26 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 1205/2013 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 316, p. 8, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).

17      Fil-premessi 34 sa 47 ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni fakkret ir-raġunijiet li għalihom erba’ kumpanniji jew gruppi ta’ kumpanniji li kienu kkooperaw fl-investigazzjoni, li fosthom kien hemm Xinyi PV, kienu ġew irrifjutati l-istatus IES. Il-premessa 43 kienet, b’mod partikolari, redatta kif ġej:

“[…] l-erba’ produtturi esportaturi kollha, individwalment jew bħala grupp, naqsu milli juru li ma kinux soġġetti għal distorsjonijiet sinifikanti trasferiti mis-sistema ekonomika mhux tas-suq Għaldaqstant, dawn il-kumpaniji, jew grupp ta’ kumpaniji, ma ssodisfawx il-kriterju 3 [tal-istatus IES]. B’mod aktar speċifiku, l-erba’ produtturi esportaturi kollha, jew gruppi ta’ produtturi esportaturi, ibbenefikaw minn reġimi ta’ taxxa preferenzjali.”

18      Fit-13 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament kontenzjuż li permezz tiegħu imponiet dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ ħġieġ solari mmanifatturati minn Xinyi PV.

19      Fil-premessa 34 ta’ dan ir-regolament, hija kkonfermat il-konstatazzjonijiet esposti fil-premessi 34 sa 47 tar-Regolament provviżorju, li skont dawn it-talbiet kollha għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-istatus IES kellhom jiġu miċħuda. B’mod partikolari, il-premessa 33 tar-Regolament kontenzjuż kienet tipprovdi kif ġej:

“[Xinyi PV] iddikjara[t] li l-benefiċċji rċevuti minn reġimi ta’ taxxa preferenzjali u l-għotjiet ma jirrappreżentawx proporzjon sinifikanti tal-fatturat tagħhom. F’dan ir-rigward, ta’ min jiftakar li dan l-argument, flimkien ma’ argumenti oħrajn, kien diġà ġie indirizzat fl-[ittra tat-13 ta’ Settembru 2013] li fiha l-Kummissjoni nnotifikat lill-parti fir-rigward tad-determinazzjoni [tal-istatus IES] tagħha. B’mod partikolari, ġie enfasizzat li minħabba n-natura ta’ dan il-vantaġġ, il-benefiċċju assolut riċevut matul il-PI huwa irrelevanti għall-valutazzjoni ta’ jekk id-distorsjoni hijiex ‘sinifikanti’ Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet irrifjutata.”

 Il-proċedura preċedenti għall-appell u s-sentenza appellata

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Awwissu 2014, Xinyi PV talbet l-annullament tar-regolament kontenzjuż, sa fejn jikkonċernaha. Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat erba’ motivi, l-ewwel wieħed fosthom, maqsum f’żewġ partijiet, kien ibbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

21      Permezz ta’ sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il-Kummissjoni (T‑586/14, EU:T:2016:154), il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti ta’ dan l-ewwel motiv, għar-raġuni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li d-distorsjoni li tirriżulta minn vantaġġi fiskali mogħtija mill-awtoritajiet Ċiniżi lil Xinyi PV kienet “miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq” [“ikkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq”]. Għaldaqstant, mingħajr ma eżaminat it-tieni parti tal-imsemmi motiv, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament kontenzjuż sa fejn dan kien jikkonċerna lil Xinyi PV.

22      Din is-sentenza ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑301/16 P, EU:C:2018:132), minħabba li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ distorsjoni “miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq” [“ikkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq”] stabbilita fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

23      Wara li l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali, din kompliet il-proċedura. Xinyi PV, il-Kummissjoni u GMB ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑301/16 P, EU:C:2018:132), għas-soluzzjoni tat-tilwima u wieġbu bil-miktub għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali. Inżammet seduta oħra.

24      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Xinyi PV għar-raġuni li ċ-ċaħda, mill-Kummissjoni, tat-talba għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-istatus IES ta’ din il-kumpannija kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ distorsjoni importanti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-imsemmija kumpannija. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali annullat ir-regolament kontenzjuż, mingħajr ma eżaminat it-tliet motivi l-oħra mqajma minn din tal-aħħar.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

25      Permezz tal-appell tagħha ppreżentat fil-Kawża C‑884/19 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad l-ewwel motiv tar-rikors tal-ewwel istanza bħala infondat;

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar it-tieni sar-raba’ motiv tar-rikors tal-ewwel istanza, u

–        tirriżerva l-ispejjeż ta’ din l-istanza u tal-istanzi preċedenti marbuta magħha, jiġifieri dawk tal-ewwel istanza u dawk tal-appell preċedenti.

26      Fl-appell tagħha ppreżentat fil-Kawża C‑888/19 P, GMB titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors tal-ewwel istanza bħala infondata;

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra tar-rikors tal-ewwel istanza, u

–        tikkundanna lil Xinyi PV għall-ispejjeż sostnuti minnha f’din il-kawża kif ukoll fil-proċedura tal-ewwel istanza u f’dik tal-appell preċedenti.

27      Fir-risposta tagħha għaż-żewġ appelli, Xinyi PV titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad iż-żewġ appelli u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni kif ukoll lil GMB għall-ispejjeż.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11 ta’ Marzu 2020, il‑Kawżi C‑884/19 P u C‑888/19 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Dwar l-appelli

29      Insostenn tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u GMB jinvokaw, kull waħda minnhom, tliet aggravji li essenzjalment jikkoinċidu. Dawn l-aggravji huma bbażati, l-ewwel, fuq żbalji ta’ liġi li jivvizzjaw l-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u t-tqassim tal-oneru tal-prova, it-tieni, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, it-tielet, fuq irregolaritajiet proċedurali.

30      Hemm lok li l-ewwel jiġu eżaminati l-ewwel aggravji mqajma insostenn ta’ dawn l-appelli.

 L-argumenti tal-partijiet

31      Permezz tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑884/19 P u tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑888/19 P, il-Kummissjoni u GMB, rispettivament, essenzjalment jallegaw li, fil-punti 55 sa 61, 67 u 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku kif ukoll, skont il-Kummissjoni, tal-Artikolu 2(7)(b) ta’ dan ir-regolament. Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑888/19 P, GMB tallega, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 68, 69 u 72 ta’ din is-sentenza, żball ta’ liġi fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova għall-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament.

32      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, u GMB, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, isostnu li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, għall-bżonnijiet tal-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, elementi elenkati għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali fl-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament u stabbilixxiet rabta bejn id-distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża u tal-fatturi relatati mal-manifattura u mal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat.

33      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni u, essenzjalment, GMB josservaw li l-Qorti Ġenerali qalbet b’mod żbaljat l-ordni loġiku tal-istadji ta’ determinazzjoni tal-valur normali f’investigazzjoni li tirrigwarda ċ-Ċina. Kuntrarjament għall-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku huwa irrilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-applikazzjoni tiegħu, fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tirrigwarda ċ-Ċina, hija l-konsegwenza li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament, li jikkombinaw indikaturi ta’ livell makroekonomiku u mikroekonomiku, huma ssodisfatti. Fost dawn, huwa biss il-kriterju msemmi fl-ewwel parti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tal-istess regolament li jeħtieġ impatt konkret fuq il-prezzijiet u fuq l-ispejjeż.

34      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 47 sa 50 u 53), li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku jirrifletti approċċ partikolari għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għalhekk ma tista’ tiġi stabbilita ebda korrispondenza bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 2 tal-Ftehim antidumping, li kien ġie traspost fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku.

35      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni u GMB iqisu li, fil-punti 58 u 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iġġustifikat l-interpretazzjoni tagħha fid-dawl tal-lista li tinsab fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, li ssemmi d-distorsjonijiet “b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun”.

36      Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata, din il-lista hija purament indikattiva.

37      Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, fost l-elementi li jinsabu fl-imsemmija lista, huwa biss in-negozju bl-iskambju tal-oġġetti li jissemma fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, mingħajr, barra minn hekk, ma jagħmel parti mill-elementi użati għall-kalkolu tal-valur normali skont il-metodu stabbilit fl-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament.

38      Fir-risposta tagħha għall-appell fil-Kawża C‑884/19 P, GMB iżżid li l-elementi elenkati fil-lista indikattiva jindikaw fatturi li għandhom effett dirett fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża iktar milli fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha, b’tali mod li dawn l-elementi ma setgħux jiġġustifikaw ir-rabta mal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għall-approssimazzjoni li hija għamlet bejn din id-dispożizzjoni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament.

39      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni u GMB iqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 59 sa 61 tas-sentenza appellata, sa fejn applikat, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punti 79 sa 82). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tinterpreta l-ewwel parti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Issa, il-formulazzjoni, l-iskop u l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huma differenti minn dawk tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament.

40      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni u GMB josservaw, essenzjalment, li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali ċċaħħad lit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku minn parti mill-effett utli tiegħu. Il-leġiżlatur tal-Unjoni fil-fatt adotta, f’din id-dispożizzjoni, żewġ kriterji distinti, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ distorsjonijiet importanti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni ta’ kumpannija li titlob l-istatus IES u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ distorsjonijiet importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Issa, l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tkun tfisser li l-eżistenza ta’ distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tkun suġġetta għall-prova li din id-distorsjoni twassal għal distorsjoni importanti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni.

41      Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-kriterju dwar is-sitwazzjoni finanzjarja huwa wiesa’ u jkopri evalwazzjoni globali li ma hijiex marbuta b’mod obbligatorju b’mod strett mal-ispejjeż ta’ produzzjoni jew mal-prezzijiet. B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreżuma li, jekk is-sitwazzjoni finanzjarja hija s-suġġett ta’ distorsjonijiet importanti, l-impriża ma toperax fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u, għaldaqstant, l-ispejjeż tagħha jew il-prezzijiet tagħha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ distorsjoni globali. Dan ikun il-każ meta l-impriża tkun eżentata mit-taxxi.

42      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tqis li r-raba’ u l-ħames inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jsostnu l-interpretazzjoni tagħha tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament. Minn naħa, il-kriterji msemmija f’dawn ir-raba’ u l-ħames inċiż huma astratti u ma jeħtieġu ebda evalwazzjoni tal-effett reali fuq il-possibbiltà li jiġi kkalkolat il-valur normali abbażi tal-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-artikolu. Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-proporzjon “eżenzjoni fiskali/dħul mill-bejgħ” iwassal għal diskriminazzjonijiet mhux iġġustifikati bejn il-benefiċjarji tal-istess miżura fiskali.

43      GMB tressaq ukoll argument dwar l-istruttura tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku sabiex tenfasizza li l-ħames inċiżi ta’ din id-dispożizzjoni jistabbilixxu kriterji speċifiċi. Minn dan jirriżulta li s-sitwazzjoni finanzjarja tikkostitwixxi fattur marbut mal-manifattura u mal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat.

44      Fit-tieni lok, permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑888/19 P, GMB tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 68, 69 u 72 tal-imsemmija sentenza, sa fejn iddeċidiet li l-Kummissjoni kellha tagħti iktar spjegazzjonijiet fid-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tat-talba għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-istatus IES ta’ Xinyi PV billi tindirizza l-effett konkret tad-distorsjonijiet tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ittrasferixxiet lill-Kummissjoni l-oneru tal-prova li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus IES kienu ssodisfatti, filwaqt li dan l-oneru jaqa’, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-parti li titlob l-għoti ta’ dan l-istatus. Skont GMB, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu l-punti 72 u 73 tas-sentenza appellata, kienet Xinyi PV li kellha tistabbilixxi li s-sistemi fiskali preferenzjali inkwistjoni ma kinux jimplikaw distorsjonijiet importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, u mhux il-Kummissjoni li tistabbilixxi l-kuntrarju, peress li din l-aħħar istituzzjoni kienet obbligata biss tevalwa l-provi prodotti minn Xinyi PV, ħaġa li hija barra minn hekk għamlet f’dan il-każ.

45      Xinyi PV tikkontesta dawn l-argumenti kollha.

46      Fl-ewwel lok, Xinyi PV tifhem l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li, skont din l-istituzzjoni, il-kliem “għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat”, li jinsabu fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, jikkonċernaw biss l-ewwel parti tal-ewwel kriterju ta’ għoti tal-istatus IES, imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament. Issa, tali qari huwa inkompatibbli mal-formulazzjoni stess tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament, li jirrigwarda speċifikament l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-prodott simili. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tispjega x’inhu l-iskop tal-erba’ kriterji l-oħra ta’ għoti tal-istatus IES jekk dawn ma kinux jippermettu li tibbaża ruħha fuq l-ispejjeż u fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ fis-seħħ fiċ-Ċina matul il-perijodu ta’ investigazzjoni meta dawn l-ispejjeż u l-prezz tal-bejgħ huma xierqa għall-kalkolu tal-valur normali. Il-Kummissjoni tagħti interpretazzjoni ta’ dawn il-kriterji l-oħra li hija differenti mill-iskop tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tal-istess regolament.

47      Fit-tieni lok, Xinyi PV tqis, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, f’din il-kawża, tistabbilixxi parallel mal-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471). Fil-fatt, fiż-żewġ kawżi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu rrifjutaw li jeżaminaw il-provi prodotti insostenn ta’ talba għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-istatus IES.

48      Barra minn hekk, bħal fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tat-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, dejjem tevalwa l-effett tad-distorsjoni jew tan-nuqqas ta’ distorsjoni fuq il-prezzijiet jew fuq l-ispejjeż tal-produttur. Hija ma tistax tikkuntenta ruħha b’evalwazzjoni astratta u impreċiża.

49      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-effett utli tal-kliem “sitwazzjoni finanzjarja” li jinsabu fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, Xinyi PV tirribatti li, għalkemm distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kumpannija għandha effett fuq il-prezzijiet tagħha pjuttost milli fuq l-ispejjeż tagħha, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali ma ċċaħħadx l-effett utli ta’ dawn it-termini.

50      Fir-raba’ lok, fir-rigward tar-raba’ u tal-ħames inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, huwa evidenti li l-fatt, rilevanti fil-kuntest tar-raba’ inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, għal kumpannija li ma tkunx suġġetta għal proċedura ta’ falliment joħloq distorsjoni tal-ispejjeż u tal-prezzijiet tagħha. Bl-istess mod, l-eventwali benefiċċju, rilevanti fil-kuntest tal-ħames inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni, ta’ rata tal-kambju iktar vantaġġuża mir-rata tas-suq waqt ix-xiri jew il-bejgħ ta’ munita barranija jkollu riperkussjoni, rispettivament, fuq l-ispejjeż u fuq il-prezzijiet tal-kumpannija.

51      Fir-replika u fil-kontroreplika tagħhom ippreżentati fil-Kawża C‑884/19 P, rispettivament, il-Kummissjoni u GMB jirribattu li ma jeżisti ebda rekwiżit ġenerali li huwa komuni għall-ħames kriterji għall-għoti tal-istatus IES li jinsabu fil-ħames inċiżi tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u li jimponi li tintwera distorsjoni reali tal-ispejjeż ta’ produzzjoni.

52      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod partikolari, li, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku, ir-rekwiżit li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq għandhom jipprevalu għall-produttur ikkonċernat, fir-rigward tal-manifattura u tal-bejgħ tal-prodott simili, ma jagħmel ebda riferiment għall-ispejjeż ta’ produzzjoni u għall-assenza ta’ distorsjoni reali ta’ dawn l-ispejjeż. Il-Kummissjoni u GMB iqisu, essenzjalment, li dan ir-rekwiżit għalhekk jirrigwarda biss il-kuntest li fih il-produttur jopera, filwaqt li l-ħames kriterji elenkati fl-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament jindirizzaw aspetti differenti ta’ dan il-kuntest. Barra minn hekk Xinyi PV tammetti li r-raba’ u l-ħames kriterju jimplikaw awtomatikament effett fuq l-ispejjeż. Għall-Kummissjoni u GMB, l-istess għandu japplika għat-tielet kriterju.

53      Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-ebda interpretazzjoni differenti ma tista’ tiġi dedotta mill-iskop tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, li huwa intiż li jiġi evitat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet u tal-ispejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq. Għalhekk din hija dispożizzjoni preliminari, filwaqt li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament huma intiżi sabiex jiġi jiddeterminaw jekk kumpannija li titlob l-istatus IES hijiex suġġetta biss għal-liġijiet normali tas-suq. Din in-natura preliminari tiġi żnaturata jekk kien hemm lok, bħal ma tagħmel il-Qorti Ġenerali, li dawn il-kriterji kollha jkunu suġġetti għall-prova ta’ effett reali fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni għal kull prodott speċifiku prodott u esportat mill-kumpannija għal kull perijodu ta’ investigazzjoni.

54      GMB iżżid li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni tikkonferma l-possibbiltà li jiġi rrifjutat l-istatus IES skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku minħabba distorsjonijiet li għandhom effett biss fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-operatur ikkonċernat, pereżempju minħabba l-eżistenza ta’ sistema fiskali preferenzjali. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Artikolu 2(1) sa (6) u l-Artikolu 2(7) ta’ dan ir-regolament jiffurmaw żewġ gruppi ta’ regoli distinti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Osservazzjonijiet preliminari

55      L-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, b’segwitu għal dak li huwa stabbilit fil-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, jintroduċi sistema speċjali li tistabbilixxi regoli ddettaljati f’dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-valur normali fir-rigward tal-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 47).

56      Għalhekk, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, b’deroga mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament, il-valur normali huwa, bħala prinċipju, stabbilit abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, jiġifieri skont il-metodu tal-pajjiż analogu. Din id-dispożizzjoni hija intiża għaldaqstant sabiex jiġi evitat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet u tal-ispejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Madankollu, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ investigazzjonijiet antidumping dwar l-importazzjonijiet provenjenti minn, b’mod partikolari, iċ-Ċina, il-valur normali huwa stabbilit konformement mal-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament u mhux, konsegwentement, skont il-metodu tal-pajjiż analogu, jekk jiġi stabbilit, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu ssostanzjati b’mod xieraq minn produttur wieħed jew aktar li jkunu qed jiġu investigati u konformement mal-kriterji u mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament, li l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew għal dawn il-produtturi fir-rigward tal-manifattura u tal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Bħalma dan jirriżulta mir-regolamenti differenti li minnhom tnissel l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, dan id-dispożittiv huwa intiż li jippermetti lill-produtturi suġġetti għall-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq li ħarġu, b’mod partikolari, fiċ-Ċina, li jibbenefikaw minn status li jikkorrispondi għas-sitwazzjoni individwali tagħhom, iktar milli għas-sitwazzjoni tal-pajjiż kollu li fih dawn huma stabbiliti (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Għaldaqstant, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur li jixtieq jibbenefika mill-istatus IES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li t-talba mressqa min tali produttur għandha tinkludi l-provi suffiċjenti, hekk kif speċifikati f’din l-aħħar dispożizzjoni, li huwa jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. B’hekk, ma humiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jipprovaw li l-produttur ma ssodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex jibbenefika mill-imsemmi status. Min-naħa l-oħra, huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom jevalwaw jekk l-elementi pprovduti mill-produttur ikkonċernat humiex suffiċjenti sabiex jintwera li l-kriterji stabbiliti fl-imsemmi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(ċ) huma ssodisfatti sabiex dan jiġi rrikonoxxut lilu l-istatus IES u lill-qorti tal-Unjoni li tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il‑Kunsill, C‑249/10 P, EU:C:2012:53, punt 32, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-talba ta’ Xinyi PV, intiża sabiex tiġi ammessa għall-benefiċċju tal-istatus IES, ġiet miċħuda unikament minħabba li din il-kumpannija ma kinitx stabbilixxiet li kienet tissodisfa t-tielet kriterju għall-għoti tal-istatus IES, li huwa stabbilit fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

61      Skont din id-dispożizzjoni, il-produttur ikkonċernat għandu jipproduċi provi suffiċjenti, ta’ natura li jistabbilixxu li l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma humiex suġġetti għal distorsjoni importanti, ikkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju tal-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun.

62      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din timponi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, relatati, waħda minnhom, mal-eżistenza ta’ distorsjoni importanti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża inkwistjoni u, l-oħra, mal-fatt li l-imsemmija distorsjoni tirriżulta li hija kkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 70).

63      Is-sentenza appellata tirrigwarda biss l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, peress li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha fuq dan il-punt.

64      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 55 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan tal-aħħar jirrigwardaw il-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat. Billi qieset li din il-preċiżazzjoni taqa’ fil-kuntest tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi r-regoli dwar il-kalkolu tal-valur normali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tal-istess regolament “jirriflettu r-rieda li jiġi vverifikat li l-operatur li jitlob li jibbenefika [mill-istatus IES] jopera, fir-rigward tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat, b’mod konformi mal-prinċipji li jippermettu kalkolu tal-valur normali”.

65      Huwa f’dan il-kuntest li, fil-punti 58 sa 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku fis-sens li, fir-rigward ta’ ċirkustanzi jew ta’ miżuri li jikkonċernaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża minn perspettiva ġenerali, il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll, fir-rigward tal-provi prodotti matul il-proċedura amministrattiva, jekk dawn iċ-ċirkustanzi jew dawn il-miżuri humiex effettivament fl-oriġini ta’ distorsjoni importanti tal-fatturi li jiddeterminaw l-elementi relatati mal-manifattura u mal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat.

66      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, fil-punti 66 sa 72 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-uniku vantaġġ fiskali li minnu kienet tibbenefika Xinyi PV u fuq il-fatt li dan il-vantaġġ seta’ jattira investituri lejn il-kapital, sabiex tiċħad it-tielet kriterju ta’ għoti tal-istatus IES. Għal dan il-għan, hija rrilevat, fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, li dawn il-motivi kienu jipprevedu l-iktar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din il-kumpannija minn perspettiva astratta b’mod emninenti, mingħajr rabta mal-elementi msemmija espliċitament fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jew ma’ elementi oħra relatati mal-manifattura u mal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat, li d-distorsjoni importanti tagħhom li tirriżulta mill-vantaġġ kontenzjuż tqiegħed inkwistjoni l-possibbiltà li l-valur normali jiġi kkalkolat b’mod validu skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku.

67      Minn dan it-tfakkir jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, interpretat it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku fis-sens li l-eżistenza ta’ distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja globali tal-produttur ikkonċernat tista’ twassal għaċ-ċaħda, mill-Kummissjoni, ta’ talba għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-istatus IES ta’ dan il-produttur biss jekk din id-distorsjoni jkollha effett fuq il-produzzjoni jew fuq il-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat, fatt li għandu jiġi evalwat mill-Kummissjoni.

68      Permezz tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑884/19 P kif ukoll permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑888/19 P, il-Kummissjoni u GMB jikkontestaw din l-interpretazzjoni vvizzjata, mill-perspettiva tagħhom, minn diversi żbalji ta’ liġi. Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju f’din l-aħħar kawża, GMB tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali li b’mod żbaljat qalbet l-oneru tal-prova.

69      Għaldaqstant, dawn iż-żewġ allegazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

 Fuq l-iżbalji ta’ liġi allegati fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

70      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Kolachi Raj Industrial, C‑709/17 P, EU:C:2019:717, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li hemm lok li tingħata l-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, li jistabbilixxi t-tielet kriterju għall-għoti tal-istatus IES, u, b’mod iktar speċifiku, tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ distorsjoni importanti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża inkwistjoni.

72      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali ta’ din il-kundizzjoni, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u mill-punt 61 ta’ din is-sentenza, il-produttur ikkonċernat għandu jipproduċi provi suffiċjenti ta’ natura li jiġi stabbilit li “l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja [tagħha] […] mhumiex soġġetti għal distorsjoni sinjifikanti”.

73      L-użu tal-konġunzjoni “u” jimplika mingħajr ekwivoku li huwa dan il-produttur li għandu jistabbilixxi, minn naħa, l-assenza ta’ distorsjoni importanti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. L-imsemmija kundizzjoni hija għalhekk ibbażata fuq żewġ kundizzjonijiet sussidjarji kumulattivi u distinti.

74      Dan il-fatt jimplika li l-istatus IES ma jistax jingħata jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet sussidjarji tkun nieqsa, kemm jekk tkun dik relatata mal-assenza ta’ distorsjoni importanti, ikkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-produttur ikkonċernat jew ta’ dik li tirrigwarda l-assenza ta’ distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.

75      Issa, billi tissuġġetta l-possibbiltà li tiġi miċħuda talba għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-istatus IES minħabba l-eżistenza ta’ distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-produttur ikkonċernat, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, għall-konstatazzjoni li din id-distorsjoni taffettwa l-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, kif esposta fil-punti 64 sa 67 ta’ din is-sentenza, twassal sabiex jiġu konfużi l-imsemmija kundizzjonijiet sussidjarji kumulattivi u distinti u ċċaħħad ir-riferiment għad-distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-produttur ikkonċernat minn kwalunkwe rilevanza.

76      Il-fatt li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi lista ta’ parametri li jistgħu jagħtu lok għal distorsjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, “b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun”, ma huwiex ta’ natura li jikkontradixxi din l-interpretazzjoni.

77      Fil-fatt, minbarra li, hekk kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata, l-użu tal-avverbju “b’mod partikolari” jenfasizza n-natura purament indikattiva ta’ din il-lista, din ma tistabbilixxi ebda rabta espliċita bejn il-parametri li hija tistabbilixxi u l-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku.

78      Isegwi li, fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ma jinkludi ebda indikazzjoni intiża sabiex torbot l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-produttur ikkonċernat mal-ispejjeż ta’ produzzjoni tiegħu jew mal-fatturi rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(1) sa (6) ta’ dan ir-regolament.

79      Għall-kuntrarju, din il-formulazzjoni tagħti x’tifhem li t-tielet kriterju ta’ għoti tal- istatus IES jirrigwarda s-sitwazzjoni finanzjarja fis-sens wiesa’ tal-produttur ikkonċernat u ma huwiex marbut b’mod obbligatorju mill-qrib mal-ispejjeż ta’ produzzjoni jew mal-prezzijiet.

80      Għaldaqstant, kif essenzjalment jallegaw il-Kummissjoni u GMB, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tikkontradixxi l-formulazzjoni ċara tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

81      Fit-tieni lok, il-kuntest u l-istruttura ġenerali tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jippreġudikaw ukoll l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali u jikkorroboraw dik esposta fil-punt 79 ta’ din is-sentenza.

82      L-ewwel nett, fir-rigward tar-rabta stretta li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 55 sa 57 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 2(7) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi sistema speċifika, li tidderoga mir-regoli ġenerali ta’ kalkolu tal-valur normali previsti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tal-imsemmi regolament. Din is-sistema speċifika tapplika għall-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq.

83      Issa, l-imsemmija sistema speċifika hija bbażata, bħala prinċipju, fuq il-metodu tal-pajjiż analogu konformement mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, li jkompli japplika awtomatikament, skont l-Artikolu 2(7) (b) u (ċ) ta’ dan ir-regolament, ukoll fl-investigazzjonijiet antidumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet provenjenti, b’mod partikolari, miċ-Ċina. Huwa biss jekk produttur Ċiniż juri, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li huwa jissodisfa l-ħames kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament li dan il-metodu ma jiġix applikat fil-konfront tiegħu u li l-Kummissjoni tkun obbligata li tikkalkola l-valur normali, fir-rigward ta’ dan il-produttur, konformement mal-metodu previst fl-Artikolu 2(1) sa (6) tal-istess regolament, għal importazzjonijiet ta’ provenjenza minn pajjiż li għandhom ekonomija tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 80).

84      Għalhekk, fir-rigward ta’ investigazzjoni antidumping li tirrigwarda importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina, l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali tal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku tippreżupponi li l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti.

85      Issa, billi tissuġġetta, fil-punti 57 u 61 tas-sentenza appellata, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku għal analiżi, fil-livell tal-produttur ikkonċernat, intiża sabiex jiġi vverifikat jekk dan joperax konformement mal-prinċipji li jippermettu kalkolu tal-valur normali jew jekk l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ġenerali tagħtix lok għal riżultati artifiċjali, il-Qorti Ġenerali wettqet konfużjoni bejn is-sistemi stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 2(1) sa (6) u fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, u, b’dan il-mod, ma osservatx l-istruttura ġenerali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

86      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 61 tas-sentenza appellata, tali interpretazzjoni lanqas ma tista’ tkun ibbażata fuq analoġija mal-punt 82 tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, li jistabbilixxi l-ewwel kriterju ta’ għoti tal-istatus IES, li n-natura sinjifikattiva jew le ta’ intervent statali fid-deċiżjonijiet tal-produttur inkwistjoni rigward il-prezzijiet u l-infiq u inputs oħra għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni, li hija intiża sabiex tiżgura li l-produttur jopera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u, b’mod partikolari, li l-ispejjeż li huwa suġġett għalihom u l-prezzijiet li huwa japplika huma r-riżultat tal-effetti ħielsa tal-forzi tas-suq.

87      Issa, l-ewwel kriterju għall-għoti tal-istatus IES, stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jirreferi espliċitament għad-deċiżjonijiet tal-produttur rigward il-prezzijiet u l-infiq u inputs oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 79), bid-differenza tat-tielet kriterju għall-għoti tal-istatus IES inkwistjoni f’dawn il-kawżi. Fi kwalunkwe każ, fis-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C‑337/09 P, EU:C:2012:471), il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxiet ebda rabta diretta bejn il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus IES previsti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 (1) sa (6) ta’ dan ir-regolament.

88      It-tieni nett, ċertament, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, mill-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-għoti tal-istatus IES huwa suġġett għal dimostrazzjoni, abbażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq imressqa mill-produttur ikkonċernat u konformement mal-kriterji u mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament, li “l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalu għal [dan il-produttur] fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat”.

89      Madankollu, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 55 u 57 tas-sentenza appellata, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-ħames kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jirreferu għall-manifattura u għall-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat, sal-punt li t-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni jirrikjedi, kif jagħti x’jifhem il-punt 60 ta’ din is-sentenza, li, fil-preżenza ta’ miżuri li jikkonċernaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża minn perspettiva ġenerali, il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll jekk dawn il-miżuri humiex effettivament fl-oriġini ta’ distorsjoni importanti li għandha effett fuq il-produzzjoni jew fuq il-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat.

90      Fil-fatt, xejn fl-istruttura tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ma jagħti x’jifhem li kull wieħed mill-ħames kriterji msemmija f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi evalwat b’mod espliċitu meta mqabbel mal-fatturi li jinfluwenzaw direttament il-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat. Għalhekk, għandu jiġi osservat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, li fost dawn il-kriterji hemm, pereżempju, fir-raba’ u fil-ħames inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni, kriterji dwar l-issuġġettar għal liġijiet li jikkonċernaw il-falliment u l-proprjetà u fuq it-tranżazzjonijiet ta’ kambju. Issa, dawn il-kriterji huma, mid-definizzjoni tagħhom, nieqsa minn relazzjoni diretta mal-manifattura u mal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat, anki jekk, kif barra minn hekk jaqblu l-partijiet kollha f’dawn l-appelli, jista’ jiġi preżunt li dawn il-fatturi jistgħu jaffettwaw indirettament l-ispejjeż jew il-prezzijiet tal-produttur ikkonċernat.

91      B’mod analogu, hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kriterju marbut mal-eżistenza ta’ distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-produttur ikkonċernat għandu, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ġenerali tiegħu u fid-dawl tal-istruttura ġenerali tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, jinftiehem bħala li jirreferi, fis-sens wiesa’, għall-miżuri kollha, anki jekk ta’ natura ġenerali, bħal sistemi fiskali preferenzjali, li jwasslu għal distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dan il-produttur. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li huwa permess li jiġi preżunt, fil-preżenza ta’ tali miżuri, li dawn jistgħu jibdlu l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-imsemmi produttur, bla ħsara għall-possibbiltà għall-produttur ikkonċernat li jipproduċi l-prova kuntrarja.

92      Fit-tielet lok, tali interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-iskop tas-sistema speċjali stabbilita mill-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku u mfakkra fil-punti 56 u 58 ta’ din is-sentenza.

93      Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet u tal-ispejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq, u dan, kif ġustament irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, indipendentement min-natura diretta jew indiretta tal-konsegwenzi li l-miżuri, li jagħtu lok għal distorsjonijiet tal-parametri speċifiċi għal ekonomija tas-suq, jipproduċu fuq il-prezzijiet u fuq l-ispejjeż tal-prodott simili kkonċernat.

94      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-interpretazzjoni li l-Qorti Ġenerali tat tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi sa fejn tikkontradixxi l-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni u ma osservatx il-kuntest leġiżlattiv, l-istruttura ġenerali kif ukoll l-iskop tal-imsemmija dispożizzjoni.

95      Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’ l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑884/19 P kif ukoll l-ewwel parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑888/19 P.

 Fuq l-iżball ta’ liġi allegat fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova

96      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, GMB tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova tas-sodisfazzjon tat-tielet kriterju għall-għoti tal-istatus IES.

97      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fir-rigward ta’ miżuri li jikkonċernaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-produttur ikkonċernat minn perspettiva ġenerali, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa, fir-rigward tal-elementi prodotti matul il-proċedura amministrattiva, jekk dawn il-miżuri humiex effettivament fl-oriġini ta’ distorsjoni ta’ din is-sitwazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni jew tal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat.

98      Billi tagħmel hekk, il-Qorti Ġenerali timponi fuq il-Kummissjoni l-oneru li tistabbilixxi li distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-produttur ikkonċernat taffettwa l-produzzjoni jew il-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat.

99      Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, l-oneru tal-prova li jiġu ssodisfatti l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jaqa’ fuq il-produttur li jixtieq jibbenefika mill-istatus IES skont l-Artikolu 2(7)(b) ta’ dan ir-regolament. Il-Kummissjoni għandha mhux tipprova li l-produttur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti sabiex jibbenefika minn dan l-istatus, iżda għandha tevalwa jekk l-elementi pprovduti mill-produttur ikkonċernat humiex suffiċjenti sabiex juru li l-kriterji stabbiliti f’dan l-Artikolu 2(7)(ċ) huma ssodisfatti sabiex jiġi rrikonoxxut lilu l-istatus IES.

100    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qalbet b’mod żbaljat l-oneru tal-prova, b’tali mod li għandha tintlaqa’ wkoll it-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑888/19 P.

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-ewwel aggravji huma fondati, hemm lok li tiġi annullata s-sentenza appellata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra mqajma insostenn ta’ dawn l-appelli.

 Fuq it-tilwima fl-ewwel istanza

102    Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

103    F’dan il-każ, insostenn tar-rikors tagħha, Xinyi PV qajmet erba’ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 2(10)(i) ta’ dan ir-regolament, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 2(8) u (9) tal-imsemmi regolament u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża.

104    Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-ewwel motiv kien is-suġġett ta’ smigħ tal-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-eżami tiegħu ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura supplimentari ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruttorja tal-fajl, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikors huwa fi stat li jiġu deċiż fir-rigward ta’ dan il-motiv u li hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva dwaru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 130, kif ukoll tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International, C‑337/19 P, EU:C:2021:741, punt 158).

 Fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku

105    Permezz ta’ dan l-ewwel motiv, Xinyi PV tikkritika lill-Kummissjoni li kisret it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

106    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza, konformement mat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, il-produttur ikkonċernat għandu jipproduċi provi suffiċjenti ta’ natura li jistabbilixxu li l-ispejjeż ta’ produzzjoni tiegħu u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma huma s-suġġett ta’ ebda distorsjoni importanti, ikkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq. Għalhekk din id-dispożizzjoni timponi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, relatati, waħda minnhom, mal-eżistenza ta’ distorsjoni importanti tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża inkwistjoni u, l-oħra, mal-fatt li l-imsemmija distorsjoni rriżultat li hija kkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq.

107    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, Xinyi PV tikkritika lill-Kummissjoni li vvizzjat ir-regolament kontenzjuż b’illegalità meta kkunsidrat li l-vantaġġi fiskali li hija kienet ibbenefikat minnhom kienu jikkostitwixxu distorsjonijiet ikkawżati mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

108    F’dan il-każ, fl-ittra tat‑13 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni, essenzjalment, qieset li s-sistema ta’ tassazzjoni fuq id-dħul, li taħtha jaqgħu l-vantaġġi fiskali inkwistjoni, li titratta b’mod favorevoli ċerti kumpanniji jew ċerti setturi ekonomiċi kkunsidrati mill-Gvern Ċiniż bħala strateġiċi timplika li din is-sistema ma tirriżultax minn ekonomija tas-suq, iżda fil-parti l-kbira għadha tirriżulta minn pjanifikazzjoni statali.

109    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku għandu jinftiehem fis-sens li jimponi fuq il-produttur li jistabbilixxi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-ispejjeż ta’ produzzjoni tiegħu u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma huma s-suġġett ta’ ebda distorsjoni importanti li tirriżulta minn sistema ekonomika li ma hijiex ekonomija tas-suq, kemm jekk hija sistema ta’ kummerċ tal-Istat jew sistema li tkun diġà fi tranżizzjoni, għal ċerti setturi, lejn sistema ta’ ekonomija tas-suq (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punti 85 u 95).

110    Minbarra dan, fid-dawl tal-oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-produttur, ir-rabta ta’ miżura li tikkonsisti fl-għoti ta’ vantaġġi fiskali lill-investimenti barranin f’setturi meqjusa strateġiċi, bħat-teknoloġija għolja, ma’ pjanijiet differenti fuq perijodu ta’ ħames snin implimentati fiċ-Ċina hija biżżejjed sabiex jiġi preżunt li din il-miżura tikkostitwixxi distorsjoni “miġrur[a] mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq” [“ikkawżata mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq”], fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, anki jekk jitqies li, minn issa ’l quddiem, il-pjanijiet fuq perijodu ta’ ħames snin Ċiniżi ma jipprevedux iktar, għas-setturi kollha tal-ekonomija, għanijiet ta’ produzzjoni ddefiniti, kuntrarjament għal dak li kien il-każ meta ċ-Ċina kienet għadha pajjiż ta’ kummerċ tal-Istat, xorta waħda huwa magħruf li dawn il-pjanijiet għad għandhom, anki wara r-riformi li s-sistema ekonomika Ċiniża kellha, rwol fundamentali fl-organizzazzjoni ta’ din l-ekonomija, sa fejn dawn jinkludu, għal numru kbir ta’ setturi, għanijiet preċiżi, li għandhom natura vinkolanti għal-livelli governattivi kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punti 94 u 95).

111    Fil-fatt, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni jistgħu jkunu marbuta ma’ pjanijiet differenti implimentati fiċ-Ċina u li dan il-pajjiż, minkejja r-riformi tal-mudell ekonomiku tiegħu, għadu jitqies, hekk kif jirriżulta mid-dispożittiv previst fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku, li huwa, bħala prinċipju, pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, b’mod li l-kuntest li fih dawn il-vantaġġi fiskali jidħlu huwa radikalment differenti minn dak li fih joperaw miżuri possibbilment simili f’pajjiżi b’ekonomija tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 104).

112    Isegwi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha dritt tippreżumi li l-miżuri inkwistjoni, li jikkonsistu f’vantaġġi fiskali li jimplimentaw pjan fuq perijodu ta’ ħames snin, element karatteristiku tal-ekonomiji li ma kinux tas-suq u fundamentali fl-organizzazzjoni ekonomika Ċiniża, kienu ġew ikkawżati mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kinitx tas-suq.

113    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti li Xinyi PV tislet minn paragun tal-vantaġġi fiskali inkwistjoni f’dan il-każ mal-prassi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

114    Fil-fatt, fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni, hemm lok li jitfakkar li tali vantaġġi fiskali huma, bħala prinċipju, inkompatibbli mas-suq intern u, għaldaqstant, ipprojbiti jekk jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fatt li jirrikjedi li l-erba’ kundizzjonijiet imposti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings, C‑301/16 P, EU:C:2018:132, punt 105).

115    Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

116    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha, Xinyi PV tallega li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u żball ta’ liġi meta affermat li d-distorsjonijiet kienu importanti fir-rigward tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha u tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

117    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tas-16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 63, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2014, Gem-Year Industrial u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang)/Conseil, C‑602/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2203, punt 48).

118    Min-naħa l-oħra, mill-punti 79,91 u 92 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fir-rigward tal-formulazzjoni, tal-kuntest, tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, il-kriterju relatat mal-eżistenza ta’ distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-produttur ikkonċernat jinftiehem bħala li jirreferi, fis-sens wiesa’, għall-miżuri kollha, anki jekk ta’ natura ġenerali, li jwasslu għal distorsjoni importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dan il-produttur.

119    F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-ittri tat‑22 ta’ Awwissu u tat‑13 ta’ Settembru 2013, imsemmija fil-punti 12, 14 u 15 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li Xinyi PV ma kinitx waslet sabiex turi li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma kinitx is-suġġett ta’ distorsjonijiet importanti fuq il-konstatazzjoni li din kienet ibbenefikat minn żewġ sistemi fiskali preferenzjali. Minn naħa, fil-kuntest tal-programm “2 Free 3 Halve”, il-kumpanniji b’kapital barrani jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali totali (0 %) matul sentejn u, matul it-tliet snin sussegwenti, minn rata ta’ tassazzjoni ta’ 12.5 %, minflok ir-rata normali ta’ tassazzjoni ta’ 25 %; Min-naħa l-oħra, skont is-sistema fiskali tal-impriżi ta’ teknoloġija għolja, kumpannija hija suġġetta għal rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa ta’ 15 %, minflok ir-rata normali ta’ 25 %. Skont il-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ dawn is-sistema fiskali taffettwa l-ammont tal-profitti qabel it-taxxa li l-impriża għandha tagħmel sabiex tattira investituri u mill-kombinazzjoni tagħhom tirriżulta l-applikazzjoni ta’ rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa b’mod kunsiderevoli meta mqabbla mar-rata normali, li tista’, b’mod partikolari, issegwi l-għan li tattira kapital b’rati mnaqqsa u, b’hekk, taffettwa s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika ġenerali tal-kumpannija.

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif osservat il-Kummissjoni, li l-kapital jikkostitwixxi wieħed mill-inputs ta’ kumpannija, b’tali mod li miżuri li għandhom effett fuq l-infiq tagħha, mid-definizzjoni tagħhom stess, jistgħu jagħtu lok għal distorsjonijiet importanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Dan japplika, b’mod partikolari, meta l-produttur ikkonċernat jibbenefika minn sistemi fiskali preferenzjali.

121    Ebda wieħed mill-argumenti mressqa minn Xinyi PV, li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi li, minkejja dawn is-sistemi fiskali preferenzjali, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma kinitx is-suġġett ta’ distorsjoni importanti.

122    L-ewwel, Xinyi PV tallega li l-inċentivi fiskali inkwistjoni kienu jirrappreżentaw biss 1.34 % tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha kollha u 1.14 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din il-parti baqgħet ma spjegatx kif l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha u d-dħul mill-bejgħ tagħha jikkostitwixxu l-kuntest ta’ analiżi rilevanti sabiex jitkejjel l-impatt tas-sistemi fiskali preferenzjali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

123    It-tieni, Xinyi PV tenfasizza li ż-żewġ sistemi fiskali preferenzjali inkwistjoni ma humiex ta’ natura permanenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, mid-dikjarazzjonijiet magħmula minn Xinyi PV matul il-proċedura ta’ investigazzjoni jirriżulta li, għalkemm il-programm “2 Free 3 Halve” huwa limitat għal perijodu ta’ ħames snin u l-ammissjoni għall-benefiċċju tas-sistema fiskali tal-impriżi ta’ teknoloġija għolja hija inizjalment stabbilita għal tliet snin, xorta jibqa’ l-fatt li l-ammissjoni għal din is-sistema tal-aħħar tista’ tiġġedded fuq it-talba tal-benefiċjarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tqis li l-benefiċċju ta’ mill-inqas waħda miż-żewġ sistemi, jiġifieri s-sistema fiskali tal-impriżi ta’ teknoloġija għolja, huwa kważi permanenti.

124    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li Xinyi PV ma waslitx sabiex turi li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

125    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, dan tal-aħħar fl-intier tiegħu għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motivi l-oħra

126    Kuntrarjament għal dak li ġie kkonstatat għall-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża fir-rigward tat-tieni sar-raba’ motiv ta’ dan ir-rikors.

127    Fil-fatt, la fis-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il‑Kummissjoni (T‑586/14, EU:T:2016:154), u lanqas fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidiet fuq dawn l-aħħar motivi, peress li llimitat ruħha, f’kull waħda minn dawn is-sentenzi, sabiex tannulla r-regolament kontenzjuż abbażi, rispettivament, tal-ewwel u tat-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem quddiemha, mingħajr ma qieset li kien neċessarju li tagħti deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra. Issa, minn naħa, fid-dawl tal-annessi tal-proċess tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, jidher li dawn il-motivi la kienu s-suġġett ta’ istruttorja u lanqas ta’ diskussjonijiet approfonditi fl-okkażjoni tal-proċeduri li wasslu għal dawn iż-żewġ sentenzi. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija motivi jimplikaw li jsiru evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija ma għandhiex il-punti ta’ fatt neċessarji kollha.

128    Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-tieni sar-raba’ motiv tar-rikors invokati quddiemha.

 Fuq l-ispejjeż

129    Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal24 ta’ Settembru 2019, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs IlKummissjoni (T586/14 RENV, EU:T:2019:668), hija annullata.

2)      Il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi dwar it-tieni sar-raba’ motiv imqajjem quddiemha.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.