Language of document : ECLI:EU:C:2023:828

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

6 ta’ Novembru 2023 (*)

[Test rettifikat permezz tad-digriet tal‑4 ta’ Diċembru 2023]

“Appell – Intervent – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Talba mressqa minn Membri tal-Parlament Ewropew – Ċaħda”

Fil-Kawża C‑249/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑18 ta’ April 2023,

ClientEarth AISBL, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata inizjalment minn O. W. Brouwer u T. C. van Helfteren, sussegwentement minn O. W. Brouwer, T. C. van Helfteren u C. Lawton, advocaten,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Ehrbar, G. Gattinara u A. Spina, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li ra l-proposta ta’ J.-C. Bonichot, Imħallef Relatur,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, M. Szpunar,

jagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tagħha, ClientEarth AISBL titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Frar 2023, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (T‑354/21, EU:T:2023:34), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 4348 final, tas‑7 ta’ April 2021 li tirrigwarda rifjut ta’ aċċess għal ċerti dokumenti mitluba skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) kif ukoll skont ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).

2        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Awwissu 2023, Grace O’Sullivan u Caroline Roose, Membri tal-Parlament Ewropew, talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ ClientEarth (iktar ’il quddiem l-“applikanti għal intervent”).

3        Wara li, konformement mal-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) tal-istess regoli, japplika għall-proċedura ta’ appell, it-talba għal intervent ġiet innotifikata lill-partijiet mir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, ClientEarth u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet dwar din it-talba fit-terminu stabbilit. Il-Kummissjoni biss talbet li t-talba tagħhom tiġi miċħuda.

 Fuq ittalba għal intervent

 Osservazzjonijiet preliminari

4        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li kull persuna fiżika li tista’ turi li għandha interess fis-soluzzjoni ta’ tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief tilwima bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew bejn dawn l-Istati, minn naħa, u l-imsemmija istituzzjonijiet, min-naħa l-oħra, għandha d-dritt tintervjeni f’din it-tilwima.

5        Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “interess fis-soluzzjoni tat-tilwima”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddefinit fid-dawl tas-suġġett innifsu tat-tilwima u għandu jinftiehem li jfisser interess dirett u attwali fl-eżitu tat-talbiet innifishom, u mhux interess fir-rigward tal-motivi jew tal-argumenti mressqa. Fil-fatt, il-kliem “soluzzjoni tat-tilwima” jirreferu għad-deċiżjoni finali mitluba, kif tiġi stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza li għandha tingħata (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Frar 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:135, punt 7 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

6        Barra minn hekk, l-interess li jsir intervent għandu jkun suffiċjentement ikkaratterizzat. L-interess huwa meqjus suffiċjenti sa fejn is-soluzzjoni mogħtija għat-tilwima hija ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni legali tal-applikant għal intervent (ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑31 ta’ Mejju 2022, Naturgy Energy Group vs Il‑Kummissjoni, C‑698/21 P, EU:C:2022:417, punt 7).

7        Fl-aħħar nett, Membri tal-Parlament ma jistax ikollhom interess suffiċjentement serju meta l-interess invokat ikun ibbażat esklużivament fuq il-kwalità tagħhom ta’ Membri ta’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Lulju 1986, Franza vs IlParlament, (358/85, EU:C:1986:286, punt 10).

 Argumenti

8        Insostenn tat-talba tagħhom, l-applikanti għal intervent isostnu b’mod partikolari li, bħala Membri tal-Parlament u Membri tal-Kumitat tal-Parlament dwar is-Sajd, huma jirrappreżentaw numru kbir ta’ ċittadini attivi jew dipendenti fuq l-industrija tas-sajd, kif tagħmel assoċjazzjoni.

9        Huma jinvokaw ukoll ir-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom u x-xogħol tagħhom fil-Parlament fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-sajd u, b’mod partikolari, il-fatt li huma pparteċipaw fir-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal‑20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU 2009, L 343, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2015, L 149, p. 23; ĠU 2014, L 318, p. 34; ĠU 2013, L 355, p. 93).

10      Huma jsostnu li huma jiddependu, fix-xogħol tagħhom, fuq l-informazzjoni pprovduta mill-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent, b’tali mod li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑1 ta’ Frar 2023, ClientEarth vs IlKummissjoni (T‑354/21, EU:T:2023:34), li hija s-suġġett tal-appell li fir-rigward tiegħu l-applikanti għal intervent ressqu t-talba tagħhom, sa fejn din tinterpreta strettament il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni tal-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent, ser ikollha effett dirett fuq l-attivitajiet tagħhom. Barra minn hekk, id-dokumenti tal-Kummissjoni, li ClientEarth tixtieq tikseb l-aċċess għalihom, jinkludu informazzjoni ddettaljata dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1224/2009 f’żewġ Stati Membri, li hija utli għalihom għar-reviżjoni ulterjuri tiegħu.

11      Huma jżidu li l-industrija tas-sajd kienet informata aħjar mill-atturi l-oħra dwar il-kwistjonijiet li qamu waqt ir-reviżjoni ta’ dan ir-regolament.

12      [Kif rettifikat permezz tad-digriet tal‑4 ta’ Diċembru 2023] Huma jsostnu, fl-aħħar nett, li, sa fejn l-interess tagħhom ma jikkoinċidix ma’ dak tal-Parlament u sa fejn din l-istituzzjoni lanqas ma hija parti għal din il-kawża, is-sitwazzjoni tagħhom għandha tiġi distinta minn dik li kienet inkwistjoni fid-digriet tat‑3 ta’ Lulju 1986, Franza vs IlParlament (358/85, EU:C:1986:286), li fiha talba għal intervent ta’ Membri tal-Parlament kienet ġiet miċħuda.

 Evalwazzjoni

13      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-eżitu tal-appell, dwar il-legalità tar-rifjut tal-Kummissjoni li tilqa’ t-talba għal aċċess għad-dokumenti mressqa minn ClientEarth, ma jidhirx li huwa ta’ natura li jbiddel il-pożizzjoni legali tal-applikanti għal intervent.

14      B’mod partikolari, u kif issostni l-Kummissjoni, l-interess tal-applikanti għal intervent li jirċievu informazzjoni mill-appellanti, li din tista’ tikseb f’dan il-każ permezz tal-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, jidher li jikkostitwixxi biss interess indirett u li, barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala attwali peress li dawn l-applikanti essenzjalment isostnu li din l-informazzjoni sservi biss meta r-Regolament Nru 1224/2009 jiġi emendat fil-futur.

15      Sussegwentement u fuq kollox, sa fejn l-applikanti għal intervent jinvokaw kemm il-kwalità tagħhom ta’ rappreżentanti politiċi kif ukoll ir-responsabbiltajiet partikolari tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent fi ħdan il-Parlament kif ukoll il-ħidma tagħhom fil-qasam tas-sajd, jidher li l-allegat interess tagħhom fis-soluzzjoni tat-tilwima jikkoinċidi totalment ma’ dak tal-Parlament innifsu. Id-differenzi bejn iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża u dawk tal-kawża li tat lok għad-digriet tat‑3 ta’ Lulju 1986, Franza vs Il‑Parlament (358/85, EU:C:1986:286), enfasizzati mill-applikanti għal intervent, ma humiex ta’ natura li jinvalidaw din il-konstatazzjoni.

16      Issa, il-Parlament ma talabx li jintervjeni fil-kawża minkejja d-dritt li jagħmel dan skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

17      Minn dan isegwi li l-applikanti għal intervent ma stabbilixxewx li għandhom interess fis-soluzzjoni tat-tilwima, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

18      Għaldaqstant, it-talba għal intervent tagħhom għandha tiġi miċħuda.

 Fuq lispejjeż

19      Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli fl-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dan, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li G. O’Sullivan u C. Roose tilfu t-talba tagħhom għal intervent u l-Kummissjoni talbet il-kundanna tagħhom għall-ispejjeż, hemm lok li jiġu kkundannati, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni relatati ma’ din it-talba. ClientEarth għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

1)      It-talba għal intervent ta’ Grace O’Sullivan u Caroline Roose għandha tiġi miċħuda.

2)      Grace O’Sullivan u Caroline Roose huma kkundannati, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħhom, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      ClientEarth AISBL għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.