Language of document : ECLI:EU:T:2012:143

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

21 ta’ Marzu 2012 (*)

“Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna li tippermetti l-ammortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju fil-każ ta’ akkwist ta’ ishma barranin — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑174/11,

Modelo Continente Hipermercados, SA, sucursal en España, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro, M. Muñoz de Juan u R. Calvo Salinero, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/5/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-ammortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot (Relatur), President, M. E. Martins Ribeiro u A. Popescu, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz ta’ diversi domandi bil-miktub magħmula fl-2005 u fl-2006 (E‑4431/05, E‑4772/05, E‑5800/06 u P‑5509/06), xi membri tal-Parlament Ewropew staqsew lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tad-dispożittiv previst mill-Artikolu 12(5) introdott fil-liġi Spanjola dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji mil-Ley 24/2001, de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social (Liġi 24/2001, li tadotta miżuri fiskali, amministrattivi u ta’ natura soċjali), tas-27 ta’ Diċembru 2001 (BOE Nru 313, tal-31 ta’ Diċembru 2001, p. 50493), u riprodott mir-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (Digriet Irjali 4/2004, li japprova t-test rivedut tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji), tal-5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 61, tal-11 ta’ Marzu 2004, p. 10951) (iktar ’il quddiem l-“iskema kkontestata”). Il-Kummissjoni essenzjalment irrispondiet li, skont informazzjoni li kellha, l-iskema kkontestata ma kinitx tidher li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

2        Permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Jannar u tas-26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Spanjoli jipprovdulha informazzjoni sabiex tevalwa l-portata u l-effetti tal-iskema kkontestata. Permezz ta’ ittri tas-16 ta’ Frar u tal-4 ta’ Ġunju 2007, ir-Renju ta’ Spanja kkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni li talbitu.

3        Permezz ta’ faks tat-28 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni rċeviet ilment minn operatur privat li sostna li l-iskema kkontestata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007 (sunt fil-ĠU 311, p. 21), il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-iskema kkontestata.

5        Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja dwar din id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Bejn it-18 ta’ Jannar u s-16 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni rċeviet ukoll l-osservazzjonijiet ta’ 32 terz interessat. Permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Ġunju 2008 u tat-22 ta’ April 2009, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-osservazzjonijiet ta’ terzi interessati.

6        Fit-18 ta’ Frar 2008, fit-12 ta’ Mejju u fit-8 ta’ Ġunju 2009 ġew organizzati laqgħat tekniċi mal-awtoritajiet Spanjoli. Ġew organizzati wkoll laqgħat tekniċi oħrajn ma’ wħud mit-32 terz interessat.

7        Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Lulju 2008 u permezz ta’ posta elettronika tas-16 ta’ Ġunju 2009, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni.

8        Il-Kummissjoni temmet il-proċedura għal dak li jikkonċerna l-akkwist ta’ ishma mwettaq fi ħdan l-Unjoni Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni 2011/5/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-ammortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

9        Id-deċiżjoni kkontestata tiddikjara inkompatibbli mas-suq komuni l-iskema kkontestata, li tikkonsisti f’vantaġġ fiskali li jippermetti li jiġi ammortizzat l-avvjament, mill-kumpanniji Spanjoli, li jirriżulta minn akkwist ta’ ishma f’impriżi barranin, filwaqt li dan japplika għal akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji stabbiliti fi ħdan l-Unjoni.

10      Madankollu, l-Artikolu 1(2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti lill-iskema kkontestata li tkompli tapplika, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, għall-akkwisti ta’ ishma li saru qabel il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li seħħet fil-21 ta’ Diċembru 2007, kif ukoll għall-akkwisti ta’ ishma li dwarhom kien sar impenn irrevokabbli qabel il-21 ta’ Diċembru 2007 li jitwettqu, suġġett għal awtorizzazzjoni ta’ awtorità regolatorja li lilha kienet giet innotifikata l-operazzjoni qabel din id-data.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Mejju 2010, ir-rikorrenti, Modelo Continente Hipermercados, SA, sucursal en España, ippreżentat din il-kawża.

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

13      Fit-8 ta’ Lulju 2010, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

14      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u tordna li titkompla l-proċedura;

–        tannulla l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

16      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti tagħmel talba għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont l-Artikolu 114(3), il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess sabiex tiddeċiedi dwar it-talba mressqa mill-Kummissjoni mingħajr ma hemm lok li l-partijiet jinstemgħu oralment

17      Il-Kummissjoni ssostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli minħabba li r-rikorrenti la wriet li kellha interess ġuridiku u lanqas li kienet ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

18      Għandu jsir l-ewwel l-eżami tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

19      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

20      Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara t-tmiem tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u peress li ma kinitx indirizzata lir-rikorrenti, l-interess individwali tagħha għandu jiġi evalwat skont il-kriterji ddefiniti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197, 223). Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha turi li d-deċiżjoni kkontestata tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għaliha jew sitwazzjoni fattwali li tiddistingwiha mill-persuni l-oħra kollha, u li minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha bl-istess mod kif ikun individwalizzat id-destinarju ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Ir-rikorrenti tinvoka l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja tal-iskema kkontestata sabiex turi li hija effettwata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata li tiddikjara l-imsemmija skema illegali u inkompatibbli mas-suq komuni meta tapplika għal akkwisti ta’ ishma fi ħdan l-Unjoni.

22      Skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju, impriża ma tistax tkun intitolata tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba li tagħmel parti mis‑settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali impriża, tali deċiżjoni tkun miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jkollha effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt (ara s-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ġunju 2009, Acegas vs Il-Kummissjoni, T‑309/02, Ġabra p. II‑1809, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Madankollu, peress li l-impriża rikorrenti ma hijiex biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni bħala impriża tas-settur ikkonċernat, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha, din l-impriża hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni huwa ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, punti 34 u 35, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2009, Banco Comercial dos Açores vs Il-Kummissjoni, T‑75/03, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44).

24      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti għandhiex il-kwalità ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna indivdwali mogħtija taħt l-iskema ta’ għajnuna msemmija mid-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra p. I‑4727, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2012, Iberdrola vs Il-Kummissjoni, T‑221/10, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).

25      Ir-rikorrenti ssostni li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ akkwist ta’ ishma li sar f’kumpannija stabbilita fil-Portugall. Hija speċifikat li, fis-26 ta’ Lulju 2006, il-kumpannija parent tagħha stabbilita fil-Portugall ikkonkludiet, ma’ kumpannija Olandiża, kuntratt ta’ akkwist suġġett għall-kundizzjoni li tinkiseb awtorizzazzjoni mill-awtorità ta’ kompetizzjoni Portugiża. Din tal-aħħar approvat l-operazzjoni inkwistjoni fis-27 ta’ Diċembru 2007, wara li kienet ġiet informata bil-fatt li l-“pożizzjoni kuntrattwali” tal-kumpannija parent tar-rikorrenti kienet ġiet ittrasferita lil din tal-aħħar skont il-kuntratt ta’ akkwist. Finalment l-operazzjoni seħħet fil-31 ta’ Diċembru 2007 u r-rikorrenti ppreżentat, annessi mar-rikors, diversi dokumenti li jattestaw li hija kienet applikat l-iskema kkontestata għal din l-operazzjoni. B’dan il-mod, ir-rikorrenti stabbilixxiet il-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva tal-iskema kkontestata. Madankollu, hija indikat li ma kinitx suġġetta għal obbligu ta’ ħlas lura.

26      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza, li r-rikonoxximent tal-interess individwali tal-benefiċjajru ta’ għajnuna mogħtija skont skema ta’ għajnuna li hija ddikjarata illegali u inkompatibbli ma jistax ikun limitat għall-każijiet fejn il-ħlas lura ta’ din l-għajnuna jkun impost fuqu. Fil-fehma tagħha, fil-fatt, l-obbligu ta’ rkupru huwa eżaminat mill-ġurisprudenza biss għal finijiet ta’ kompletezza.

27      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Is-sentenzi ċċitati fil-punt 23 iktar ’il fuq kif ukoll id-deċiżjonijiet iċċitati mir-rikorrenti jissuġġettaw, fi kliem identiku, l-interess individwali ta’ rikorrent fir-rigward ta’ deċiżjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna inkompatibbli għall-prova tal-kwalità tiegħu ta’ benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2007, Salvat père & fils et vs Il-Kummissjoni, T‑136/05, Ġabra p. II‑4063, punt70 ; tal-11 ta’ Ġunju 2009, Confservizi vs Il-Kummissjoni, T‑292/02, Ġabra p. II‑1659, punt 44, u AEM vs Il-Kummissjoni, T‑301/02, Ġabra p. II‑1757, punt 45). Minn din il-formulazzjoni, li tqiegħed l-obbligu ta’ rkupru fuq l-istess perspettiva tal-kwalità ta’ benefiċjarju effettiv tar-rikorrent, ma jistax jiġi dedott li r-rekwiżit ta’ tali obbligu huwa ta’ importanza sekondarja, jew saħansitra superfluwu.

28      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Novembru 2008, Hôtel Cipriani et vs Il-Kummissjoni (T‑254/00, T‑270/00 u T‑277/00, Ġabra p. II‑3269, punt 84), iċċitata wkoll mir-rikorrenti, tillimita ruħha li tirrepeti ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u tagħti wkoll importanza partikolari lill-ordni ta’ rkupru billi tqis li l-individwalizzazzjoni tirriżulta f’dan il-każ mill-preġudizzju partikolari li l-ordni ta’ rkupru joħloq lill-interessi tal-membri perfettament identifikabbli ta’ dan il-grupp magħluq. Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta ddeċidiet fuq l-appell ippreżentat kontra din is-sentenza, qieset ġustament li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat li l-impriżi rikorrenti kellhom locus standi peress li huma kienu individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-preġudizzju partikolari fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom ikkawżat mill-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna kkonċernata (sentenza Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

29      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-punt 56 tas-sentenza Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma bla dubju li l-irkupru tal-benefiċċju ma huwiex kundizzjoni sine qua non sabiex rikorrent jitqies bħala individwalment ikkonċernat. Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l‑ordni ta’ rkupru diġà jikkonċerna individwalment lill-benefiċjarji kollha tal-iskema inkwistjoni sa fejn dawn huma esposti, sa mill-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għar-riskju li l-benefiċċji li rċevew jiġu rkuprati, u b’hekk jinsabu milquta fis-sitwazzjoni legali tagħhom, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l‑kundizzjonijiet supplimentari dwar sitwazzjonijiet li fihom id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tkunx tinkludi ordni ta’ rkupru. Hija tispeċifika wkoll, fl-istess punt, li l-eventwalità li, b’mod ulterjuri, il-benefiċċji ddikjarati illegali ma jiġux irkuprati mingħand il‑benefiċjarji tagħhom ma teskludix li dawn jitqiesu bħala individwalment ikkonċernati. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ruħha li tiddikjara li l-ordni ta’ rkupru li jinsab fid-deċiżjoni inkwistjoni huwa biżżejjed sabiex jiġu identifikati l-benefiċjarji kkonċernati, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk fil-livell nazzjonali dan l-ordni huwiex ser ikollu effetti.

30      Minn dan jirriżulta li, meta att kkontestat jeżiġi l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija skont skema ta’ għajnuna, huma biss ir-rikorrenti koperti mill-obbligu ta’ rkupru li huma individwalment ikkonċernati minn dan l-att.

31      Konsegwentement, peress li r-rikorrenti ma kinitx suġġetta għal obbligu ta’ ħlas lura, hija ma tistax titqies bħala individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

32      Jekk l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li r-rifjut ta’ dan ir-rikors bħala inammissibbli jammonta li jċaħħadha minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għalkemm jinsab fil-parti tal-argument tagħha ddedikat għall-interess ġuridiku, għandu jiġi interpretat bħala li huwa wkoll invokat insostenn tal-kwalità tagħha ta’ persuna individwalment ikkonċernata, għandu jitfakkar li l-Unjoni hija Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt fejn l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, li jagħmlu parti minnhom id-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jgawdu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma hija bl-ebda mod miċħuda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, anki jekk dan ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli, xejn ma jipprekludiha milli tissuġġerixxi lill-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-kawżi quddiem qorti nazzjonali li hija tinvoka l-eżistenza tagħhom, fejn ikunu mqajma motivi tali li jdaħħlu inkwistjoni n-nuqqas ta’ obbligu ta’ rkupru li hija tibbenefika minnu taħt id-deċiżjoni kkontestata, sabiex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, biex tiġi eżaminata l-validità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tikkonstata l-inkompatibbilta tal-iskema kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, Ġabra p. II‑1311, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-eżistenza ta’ rikorsi oħrajn ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali kontra l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata ma jimminawx tali protezzjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, jew il-Qorti Ġenerali tannulla l-imsemmija dispożizzjoni, u dan l-annullament ikun vinkolanti fuq il-qorti nazzjonali, jew hija tiċħad ir-rikorsi u l-obbligu tal-qorti nazzjonali li jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari f’każ ta’ dubju fuq il-validità tad-dispożizzjoni inkwisjtoni jibqa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, Ġabra p. 4199, 4225, punt 15).

33      Għaldaqstant ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

34      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha, kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni kif mitlub minn din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Modelo Continente Hipermercados, SA, sucursal en España, hija kkundannata għll-ispejjeż.

Il-Lussemburgu, il-21 ta’ Marzu 2012.

E. Coulon

 

      L. Truchot

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.