Language of document : ECLI:EU:T:2012:143

Kawża T-174/11

Modelo Continente Hipermercados, SA, sucursal en España

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna li tippermetti l-ammortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju fil-każ ta’ akkwist ta’ ishma barranin — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali —Rikors ta’ impriża li bbenefikat minn għajnuna individwali mogħtija abbażi ta’ din l-iskema mingħajr ma hija milquta mill-obbligu ta’ rkupru — Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Rikors għal annullament kontra deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat iddikjarat inammissibbli mill-Qorti Ġenerali — Possibbiltà li jiġi propost lill-qorti nazzjonali li tipproċedi b’rinviju għal deċiżjoni preliminari

1.      Bħala prinċipju, impriża ma tistax tkun intitolata tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba li tagħmel parti mis-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali impriża, tali deċiżjoni tkun miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jkollha effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt. Madankollu, peress li l-impriża rikorrenti ma hijiex biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni bħala impriża tas-settur ikkonċernat, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha, din l-impriża hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors tagħha ppreżentat kontra din id-deċiżjoni huwa ammissibbli. Minn din il-formulazzjoni, li tqiegħed l-obbligu ta’ rkupru fuq l-istess perspettiva tal-kwalità ta’ benefiċjarju effettiv tar-rikorrent, ma jistax jiġi dedott li r-rekwiżit ta’ tali obbligu huwa ta’ importanza sekondarja, jew saħansitra superfluwu.

Peress li l-impriża rikorrenti ma kinitx suġġetta għal obbligu ta’ ħlas lura, hija ma tistax titqies bħala individwalment ikkonċernata minn tali deċiżjoni.

(ara l-punti 22, 23, 27, 31)

2.      L-Unjoni hija Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt fejn l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt, li jagħmlu parti minnhom id-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jgawdu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Meta jiġi ddikjarat inammissibbli mill-Qorti Ġenerali, rikors għal annullament ta’ impriża kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara skema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni filwaqt li ma tordnax il-ħlas lura tal-għajnuna, xejn ma jipprekludi milli din l-impriża tissuġġerixxi lill-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ kawżi eventwali quddiem qorti nazzjonali, sabiex tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, biex titqiegħed indiskussjoni l-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn din tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-iskema kkontestata. F’tali każ, l-impriża ma hija bl-ebda mod imċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(ara l-punt 32)