Language of document : ECLI:EU:T:2015:836

Kawża T-544/13

Dyson Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Direttiva 2010/30/UE – Indikazzjoni, permezz ta’ ttikkettjar u ta’ informazzjoni standard tal-prodott, dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 665/2013 – Kompetenza tal-Kummissjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Novembru 2015

1.      Enerġija – Indikazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija minn prodotti marbutin mal-enerġija – Direttiva 2010/30 – Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Portata – Stħarriġ ġudizzjarju – Konsumaturi li ma jiġux żgwidati fir-rigward tal-konsum enerġetiku tal-vacuum cleaners

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/30)

2.      Enerġija – Indikazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija minn prodotti marbutin mal-enerġija – Tikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners – Regolament Nru 665/2013 – Obbligu għall-produtturi li jiżguraw it-titjib tal-effiċjenza enerġetika

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 665/2013)

3.      Enerġija – Indikazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija minn prodotti marbutin mal-enerġija – Direttiva 2010/30 u Regolament Nru 665/2013 – Metodi ta’ kejl tal-effiċjenza enerġetika – Kompetenza tal-Kummissjoni – Vacuum cleaners bil-borża u vacuum cleaners mingħajr borża – Trattament uniformi ta’ sitwazzjonijiet differenti ġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi – Ugwaljanza fit-trattament – Ksur – Assenza

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 665/2013; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/30)

4.      Enerġija – Indikazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija minn prodotti marbutin mal-enerġija – Tikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners – Regolament Nru 665/2013 – Att ta’ natura regolamentari u ta’ portata ġenerali – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni li sempliċement tindika s-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tal-att u l-għanijiet ġenerali mfittxija minnu

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 665/2013)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 38, 39, 47, 53)

2.      Ir-Regolament Nru 665/2013, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30 fir-rigward tat-tikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners, jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku, mhux iktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u li din ir-reviżjoni għandha tirrigwarda b’mod partikolari l-vijabbiltà tal-metodi ta’ kejl ibbażati fuq kontenitur parzjalment mimli pjuttost milli b’kontenitur vojt. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, il-produtturi ta’ vacuum cleaners bil-borża għandhom jieħdu qies ta’ żviluppi futuri possibbli. Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li dan ir-regolament mhux se jħeġġeġ lill-produtturi ta’ vacuum cleaners sabiex jagħmlu l-aħjar għażla ta’ ħolqien, fis-sens ta’ titjib tal-effiċjenza enerġetika.

(ara l-punti 62-64)

3.      Waqt li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha għall-finijiet tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 665/2013, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30 fir-rigward tat-tikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners, il-Kummissjoni hija obbligata tibbaża l-għażla tagħha dwar metodi ta’ kejl tal-effiċjenza enerġetika fuq kriterji oġġettivi, b’mod konformi mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2010/30, jiġifieri dawk li jikkonsistu fl-għoti ta’ informazzjoni affidabbli u uniformi lill-konsumaturi sabiex huma jkunu jistgħu jagħżlu prodotti li jagħtu l-aħjar rendiment. L-applikazzjoni ta’ metodu uniformi, irrispettivament mill-modalitajiet tiegħu, sabiex titkejjel il-prestazzjoni ta’ tindif tal-vacuum cleaners bil-borża, mingħajr borża u dawk li jużaw it-teknoloġija “ċiklonika”, previst bl-imsemmi regolament, ma tiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li testijiet distinti minn dawk applikati mill-Kummissjoni, irrakkomandati minn produtturi ta’ vacuum cleaners mingħajr borża, fihom infushom ma ġewx suġġetti għal testijiet “ċirkolari” bejn laboratorji u peress li għaldaqstant huma ma jissodisfawx, b’mod simultanju, il-kriterji ta’ affidabbiltà, ta’ preċiżjoni u ta’ riproduċibbiltà. Fil-fatt, tali ċirkustanza tikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika trattament uniformi ta’ vacuum cleaners li jużaw teknoloġiji differenti, bħalma huwa l-każ tal-vacuum cleaners bil-borża u tal-vacuum cleaners mingħajr borża.

(ara l-punti 86, 93, 94, 102, 103, 108-110)

4.      Meta att ikun ta’ natura regolamentari, il-motivazzjoni tista’ tkun limitata li tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali illi huwa jrid jilħaq. Barra minn hekk, jekk att ta’ portata ġenerali jindika l-għan essenzjali mfittex mill-istituzzjoni, ikun eċċessiv li tintalab motivazzjoni speċifika għad-diversi għażliet tekniċi li jkunu saru.

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni mmotivat biżżejjed ir-Regolament Nru 665/2013, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30 fir-rigward tat-tikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners, f’dak li jikkonċerna l-għażla tagħha tal-metodi ta’ kejl adottati fih. Fil-fatt, mill-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 5, mal-premessa 4 u mal-punt 1 tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament, jista’ jirriżulta li l‑Kummissjoni adottat metodi ta’ kejl ibbażati fuq testijiet imwettqa b’kontenitur vojt pjuttost milli fuq testijiet imwettqa b’kontenitur mimli, minħabba l-ineżistenza, fid-dawl tal-istat tal-għarfien teknoloġiku, ta’ metodi ta’ kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-metodi ta’ kejl rikonoxxuti bħala l-iktar reċenti sabiex jiġu adottati miżuri bbażati fuq testijiet imwettqa b’kontenitur mimli, mingħajr madankollu ma jiġi impost b’mod espress test iktar milli ieħor. Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tispjega b’mod iktar elaborat għaliex, minħabba l-istat tal-progress teknoloġiku, fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament hija mexxiet b’ħames snin l-eżami ta’ testijiet ta’ effiċjenza enerġetika u ta’ prestazzjoni ta’ tindif tal-vacuum cleaners b’kontenitur mimli.

Il-motivazzjoni tal-imsemmi regolament għaldaqstant tippermetti li l-persuni interessati jsiru jafu r-raġunament tal-Kummissjoni, b’mod li jippermettilhom ikunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-Qorti Ġenerali twettaq l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 122, 123, 127-130)