Language of document : ECLI:EU:T:2012:626

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Novembru 2012 (*)

“Rikors għal annullament – Deċiżjonijiet indirizzati lil Stat Membru sabiex tiġi rrimedjata sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv – Nuqqas ta’ interess dirett – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑541/10,

Anotati Dioikisi Enoseon Dimosion Ypallilon (ADEDY), stabbilita f’Ateni (il‑Greċja),

Spyridon Papaspyros, residenti f’Ateni,

Ilias Iliopoulos, residenti f’Ateni,

irrappreżentati minn M.-M. Tsipra, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn T. Middleton, A. De Gregorio Merino u E. Chatziioakeimidou, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Smulders, J.‑P. Keppenne u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2010/320/UE, tal-10 ta’ Mejju 2010, indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 145, p. 6, rettifika ĠU 2011, L 209, p. 63) u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2010/486/UE, tas-7 ta’ Settembru 2010, li temenda d-Deċiżjoni Nru 2010/320/UE (ĠU L 241, p. 12)


IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, S. Frimodt Nielsen u M. Kancheva, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-kuntest ġuridiku 

 It-Trattat UE

1        Skont l-Artikolu 3(4) TUE :

“L-Unjoni għandha tistabbilixxi unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha tkun l-euro.”

 It-Trattat FUE

2        Skont l-Artikolu 119 TFUE :

“1. Għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jinkludu, kif provdut fit-Trattati, l-adozzjoni ta’ politika ekonomika li tkun ibbażata fuq il-koordinazzjoni mill-qrib tal-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri, fuq is-suq intern kif ukoll fuq id-definizzjoni ta’għanijiet komuni, u li tkun immexxija skond il-prinċipji ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni libera.

2. Fl-istess waqt u bil-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri previsti fit-Trattati, din l-azzjoni għandha tinvolvi munita waħda, l-euro, kif ukoll id-definizzjoni u żvolġiment ta’ politika monetarja waħda u ta’ politika ta’ rata ta’ kambju waħda li l-għan primarju tagħhom għandu jkun dak li tinżamm l-istabbilità fil-prezzijiet u, mingħajr preġudizzju għal dan il-għan, li tiġi msaħħa kull politika ekonomika ġenerali fl-Unjoni, skond il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera.

3. Dawn l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri u ta’ l-Unjoni għandhom jeżiġu li jiġu mħarsa dawn il-prinċipji gwida li ġejjin: prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kondizzjonijiet monetarji sodi u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli.”

3        L-Artikolu 126 TFUE jistabbilixxi l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv li l-għan tagħha huwa li tinkoraġġixxi u, jekk meħtieġ, li ġġiegħel lill-Istat Membru kkonċernat inaqqas id-defiċit pubbliku eventwalment ikkonstatat. Il-partijiet rilevanti ta’ dan l-artikolu huma miktubin kif ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-Gvern.

2. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta’ l-estimi u ta’ kull stock tad-dejn tal-gvern fl-Istati Membri bl-għan illi tidentifika żbalji kbar. B’mod partikolari għandha teżamina l-konformità mad-dixxipplina ta’ l-estimi abbażi taż-żewġ kriterji li ġejjin:

a)       jekk il-proporzjon ta’ l-iżbilanċ tal-gvern ippjanat jew attwali għall-prodott gross domestiku ikunx jeċċedi xi valur ta’ referenza, ħlief :

–        jekk il-proporzjon ikun niżel b’mod sostanzjali u kontinwu u laħaq livell qrib tal-valur ta’ referenza;

–        jew, alternattivament jekk, l-eċċess fuq il-valur ta’ referenza jkun biss eċċezzjonali u temporanju u l-proporzjon jibqa’ viċin tal-valur ta’ referenza;

b)      Jekk il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-prodott gross domestiku ikunx jeċċedi xi valur ta’ referenza, ħlief jekk l-proporzjon ikun qiegħed jonqos b’mod suffiċjenti u li joqrob lejn il-valur ta’ referenza b’pass sodisfaċenti.

Il-valuri ta’ referenza huma speċifikati fil-Protokoll dwar il-proċedura fuq żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattati.

[…]

6. Il-Kunsill jista’, fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara li jkun ikkonsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru interessat ikun jixtieq jagħmel, jiddeċiedi wara stima komplessiva jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv.

7. Meta l-Kunsill jiddeċiedi, skond il-paragrafu 6, li jeżisti defiċit eċċessiv dan għandu jadotta, mingħajr dewmien inġustifikat, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istat Membru konċernat, bil-għan li dik is-sitwazzjoni tiġi mitmuma fi żmien determinat. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 8, dawn ir-rakkomandazzjonijiet m’għandhomx jiġu pubblikati.

8. Meta l-Kunsill jistabbilixxi illi ma’ kien hemm ebda azzjoni effettiva bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-perjodu stipulat, huwa jista’ jippubblika dawn ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

9. Jekk Stat Membru jippersisti li ma jieħux passi sabiex iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi illi javża lill-Istat Membru sabiex, fi żmien speċifiku stipulat, jieħu l-miżuri sabiex inaqqas id-deficit kif meqjus neċessarju mill-Kunsill sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni.

F’dak il-każ, il-Kunsill jista’ jitlob lill-Istat Membru interessat sabiex jippreżenta rapporti skond programm speċifiku sabiex jiġi eżaminat kull sforz ta’ aġġustament ta’ dak l-Istat Membru.

[…]

11. Sakemm Stat Membru jibqa’ ma jikkonformax ruħu ma’ deċiżjoni li tkun ittieħdet skond il-paragrafu 9, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li japplika jew, skond il-każ, jirrinforza xi wieħed jew aktar minn dawn il-miżuri li ġejjin:

–        jeżiġi li l-Istat Membru interessat jippubblika informazzjoni addizzjonali, kif speċifikata mill-Kunsill, qabel il-ħruġ ta’ bonds u titoli;

–        jistieden lill-Bank Ewropew ta’ l-Investiment sabiex jerġa’ jikkonsidra l-politika tas-self tiegħu lejn l-Istat Membru interessat;

–        jeżiġi mingħand l-Istat Membru interessat li jagħmel kontijiet ta’ depożitu mingħajr imgħax ta’ ammont xieraq, ma’ l-Unjoni sakemm l-iżbilanċ eċċessiv ikun ġie, fil-fehma tal-Kunsill, korrett.

–        jimponi multi ta’ ammont adattat.

Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b’deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.

12. Il-Kunsill għandu jabroga x’uħud jew id-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet kollha msemmijja fil-paragrafi 6 sa 9 u 11 sakemm l-iżbilanċ eċċessiv fl-Istat Membru interessat, ikun ġie, fil-fehma tal-Kunsill, korrett. Jekk il-Kunsill ikun għamel rakkomandazzjonijiet pubbliċi, huwa għandu, hekk kif id-deċiżjoni taħt il-paragrafu 8 tkun ġiet abrogata, jagħmel dikjarazzjoni pubblika li l-iżbilanċ eċċessiv fl-Istat Membru interessat ma jkunx għadu jeżisti.

13. Meta jieħu d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 8, 9, 11 u 12, il-Kunsill għandu jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni.

[…]”

4        L-Artikolu 136(1) TFUE jipprovdi:

“1. Sabiex ikun assigurat il-funzjonament tajjeb ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, il-Kunsill għandu […] jadotta miżuri speċifiċi għal dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro sabiex:

a)      tissaħħaħ il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tad-dixxiplina baġitarja tagħhom;

b)      jiġu stabbiliti l-linji gwida ta’ politika ekonomika għalihom, waqt li jkun assigurat li dawn ikunu kompatibbli ma’ dawk adottati għall-Unjoni kollha u li jinżammu taħt sorveljanza.”

5        Skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, anness mat-Trattati :

“Il-valuri ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 126(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea huma:

–        3 % għall-proporzjon ta’ żbilanċ ippjanat jew attwali tal-gvern mal-prodott gross domestiku bil-prezzijiet tas-suq;

–        60 % għall-proporzjon ta’ dejn tal-gvern mal-prodott gross domestiku bil-prezzijiet tas-suq.”

 Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir

6        Waqt il-laqgħa tiegħu f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis-17 ta’ Ġunju 1997, il-Kunsill Ewropew iddefinixxa qafas regolamentari għall-koordinazzjoni tal-politika baġitarja nazzjonali tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni ekonomika u monetarja. Dan il-qafas ħa l-forma ta’ Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir ibbażat fuq l-għan ta’ finanzi pubbliċi sodi bħala mezz sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet li jwasslu għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir b’saħħtu u sostenibbli, li jiġġenera impjiegi [ara r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 1997, dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (ĠU C 236, p. 1)].

7        Il-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir huwa kkostitwit mit-tliet testi li ġejjin: l-ewwel nett, ir-riżoluzzjoni ċċitata fil-punt 6 iktar ’il fuq, it-tieni nett, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 84) u, it-tielet nett, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10 Vol. 1, p. 89).

8        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1466/97, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1055/2005, tas-27 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 352M, p. 183) jippreskrivi l-obbligu għall-Istati Membri li addottaw il-munita unika li jippreżentaw perijodikament lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej programm ta’ stabbiltà li jinkludi informazzjoni fuq il-politika ekonomika tagħhom.

9        L-Artikolu 3(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1466/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1055/2005, jispeċifika li l-programm ta’ stabbiltà jipprovdi :

“[S]tima dettaljata u kwantitattiva tal-miżuri fil-budget u miżuri ta’ politika ekonomika oħrajn li jkunu qed jittieħdu u/jew proposti biex jinkisbu l-objettivi tal-programm, li jinkludu analiżi dettaljata tal-benefiċċju fuq l-ispejjeż ta’ riformi strutturali maġġuri li jkollhom effetti diretti ta’ tnaqqis fl-ispejjeż għal terminu fit-tul ta’ żmien inkluż biż-żieda tat-tkabbir potenzjali[.]”

10      L-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 1467/97, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1056/2005, tas-27 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 352M, p. 187) jipprovdi kif ġej:

“Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill magħmula skond l-Artikolu [126](7) [TFUE] għandha tistabbilixxi skadenza ta’ sitt xhur l-aktar, għal azzjoni effettiva li għandha tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tistabbilixxi wkoll skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, li għandha titlesta fis-sena ta’ wara li ġie identifikat sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali. Fir-rakkomandazzjoni, il-Kunsill għandu jitlob li l-Istat Membru jikseb titjib annwali minimu ta’ mill-inqas 0,5 % tal-GDP bħala punt ta’ referenza, fil-bilanċ nett aġġustat ċiklikament minn miżura ta’ darba u miżuri temporanji, sabiex jiżgura l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fi żmien l-iskadenza stabbilita fir-rakkomandazzjoni.”

11      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1467/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1056/2005, jipprovdi :

“1. Kwalunkwe deċiżjoni tal-Kunsill biex jagħti avviż lill-Istat Membru parteċipant ikkonċernat biex jieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit skond l-Artikolu [126](9) [TFUE] għandha tittieħed fi żmien xahrejn mid-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva skond l-Artikolu [126](8) [TFUE]. Fl-avviż, il-Kunsill għandu jitlob li l-Istat Membru jikseb titjib annwali minimu ta’ mill-inqas 0,5 % tal-GDP bħala punt ta’ referenza, fil-bilanċ nett aġġustat ċiklikament minn miżura ta’ darba u miżuri temporanji, sabiex jiżgura l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fi żmien l-iskadenza stabbilita fl-avviż.

2. Jekk ittieħdet azzjoni effettiva f’konformità ma’ avviż taħt l-Artikolu [126](9) [TFUE] u jseħħu avvenimenti ekonomiċi avversi b’konsegwenzi sfavorevoli maġġuri għall-finanzi tal-gvern wara l-adozzjoni ta’ dak l-avviż, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, biex jadotta avviż rivedut taħt l-Artikolu [126](9) [TFUE]. L-avviż rivedut, meta jitqiesu l-fatturi rilevanti msemmija fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-Regolament, jista’ jestendi notevolment l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b’sena. Il-Kunsill għandu jivvaluta l-eżistenza ta’ avvenimenti ekonomiċi avversi mhux mistennija b’konsegwenzi sfavorevoli maġġuri għall-finanzi tal-gvern paragrunata ma’ l-isfond tal-previżjonijiet ekonomiċi fl-avviż tiegħu.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-kriżi tad-dejn Griega u l-mekkaniżmu intergovernattiv ta’ għajnuna finanzjarja lir-Repubblika Ellenika

12      Fil-21 ta’ Ottubru 2009, ir-Repubblika Ellenika kkomunikat lill-Eurostat (Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea) informazzjoni statistika li kienet tirrevedi d-defiċit pubbliku tagħha għall-2008, li kien żdied minn 5.0 % tal-prodott gross domestiku (PGD) (ċifra kkomunikata mir-Repubblika Ellenika f’April 2009) għal 7.7 % tal-PGD. Fl-istess żmien, l-awtoritajiet Griegi rrivedew l-proporzjon tad-defiċit tal-pajjiż previst għall-2009, billi żieduh minn 3.7 % tal-PGD (ċifra kkomunikata fir-rebbiegħa 2009) għal 12.5 % tal-PGD.

13      Din ir-reviżjoni tal-informazzjoni ekonomika qajmet dubji fis-swieq dwar is-solvenza tal-pajjiż, li ppreċipitat il-kriżi tad-dejn pubbliku tagħha. Matul l-ewwel xhur tas-sena 2010, l-imġiba tal-investituri fis-suq tat lok għaż-żieda fir-rati ta’ mgħax tal-bonds Griegi. Fit-tmiem ta’ April 2010, aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ddegradat il-klassifikazzjoni tal-bonds Griegi minn BBB- għal dik ta’ BB+, kategorija meqjusa fis-swieq bħala ta’ riskju għoli ta’ dejn.

14      Fid-dawl tal-fatt li l-kriżi tad-dejn Grieg kienet thedded li taffettwa lil Stati Membri oħra taż-żona euro u kienet tqiegħed fil-periklu l-istabbiltà taż-żona euro fl-intier tagħha, waqt summit tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2010, il-kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern taż-żona euro ftiehmu sabiex jistabbilixxu mekkaniżmu intergovernattiv ta’ għajnuna lir-Repubblika Ellenika li kien jikkonsisti f’self bilaterali kkoordinat b’rati ta’ mgħax mhux konċessjonali, jiġifieri mingħajr ebda element ta’ sussidju. L-għoti tas-self ikun suġġett għal kundizzjonijiet iebsin u l-attivazzjoni tiegħu għandha sseħħ wara talba mir-Repubblika Ellenika. Il-mekkaniżmu ta’ għajnuna jinkludi wkoll parteċipazzjoni sostanzjali mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

15      Il-mekkaniżmu intergovernattiv imsemmi hawn fuq huwa bbażat fuq żewġ strumenti: minn naħa, “intercreditor agreement” (ftehim bejn kredituri) li l-Istati li jagħtu l-għajnuna huma partijiet kontraenti għalih u li jinkludi r-regoli essenzjali ta’ koordinazzjoni bejn is-selliefa li jagħtu s-self u, min-naħa oħra, “loan facility agreement” (ftehim ta’ self) bejn l-Istati Membri taż-żona euro li jagħtu l-għajnuna (kif ukoll entità pubblika finanzjarja Ġermaniża, li taġixxi taħt l-istruzzjonijiet u l-garanzija tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) u r-Repubblika Ellenika u l-bank ċentrali Grieg.

16      Fit-23 ta’ April 2010, ir-Repubblika Ellenika talbet l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu intergovernattiv ta’ għajnuna msemmi hawn fuq.

17      Fit-2 ta’ Mejju 2010, abbażi tal-mekkaniżmu ta’ għajnuna msemmi hawn fuq, l-Istati Membri taż-żona euro ftiehmu sabiex jagħtu lir-Repubblika Ellenika EUR 80 biljun fil-kuntest ta’ pakkett finanzjarju ta’ EUR 110 biljun allokat b’mod konġunt mal-FMI.

18      Fit-3 ta’ Mejju 2010, ir-rappreżentanti tar-Repubblika Ellenika u tal- Kummissjoni – fejn din tal-aħħar kienet qed taġixxi f’isem l-Istati Membri taż-żona euro – iffirmaw dokument intitolat “Memorandum of Understanding”, li jiddeskrivi programm ta’ tul ta’ tliet snin imħejji mill-Ministru tal-Finanzi Grieg b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, mal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-FMI, li huwa intiż għat-titjib tal-finanzi pubbliċi Ġriegi u għar-restawr tal-fiduċja fis-swieq fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ dawn il-finanzi pubbliċi u tal-ekonomija Griega inġenerali. Il-“Memorandum of Understanding” huwa kkostitwit minn tliet memoranda speċifiċi: “Memorandum of Economic and Financial Policies”, “Memorandum of Understanding on Specific Economic Policy Conditionality” u “Technical Memorandum of Understanding”.

19      Fit-8 ta’ Mejju 2010, il-ftehim bejn il-kredituri u l-ftehim ta’ self imsemmija hawn fuq (ara l-punt 15 hawn fuq) ġew iffirmati.

 Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv fir-rigward tar-Repubblika Ellenika

 Il-proċedura li kienet tippreċedi l-adozzjoni tal-atti kkontestati

20      Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) KE (li sar l-Artikolu 126(6) TFUE), li kien jeżisti defiċit eċċessiv fil-Greċja u indirizza lir-Repubblika Ellenika xi rakkomandazzjonijiet fejn stedinha tikkorreġi dan id-defiċit sas-sena 2010 l-iktar tard, skont l-Artikolu 104(7) KE (li sar l-Artikolu 126(7) TFUE) u skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 1467/97. Il-Kunsill, barra minn hekk, stabbilixxa d-data ta’ skadenza tas-27 ta’ Ottubru 2009 sabiex tittieħed azzjoni effettiva mir-Repubblika Ellenika.

21      Fit-30 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill ikkonstata, skont l-Artikolu 126(8) TFUE, li r-Repubblika Ellenika ma kienet ħadet ebda azzjoni effettiva b’risposta għar-rakkomandazzjonijiet tas-27 ta’ April 2009.

22      Fis-16 ta’ Frar 2010, il-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 126(9) TFUE u tal-Artikolu 136 TFUE, adotta d-Deċiżjoni 2010/182/UE li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tal-iżbilanċ li huwa meqjus neċessarju biex jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni ta’ żbilanċ eċċessiv (ĠU L 83, p. 13).

23      L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2010/182 jipprovdi li r-Repubblika Ellenika għandha ttemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv li għandha bħalissa malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard mill-2012.

24      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2010/182 jipprovdi għadd ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja li r-Repubblika Ellenika kellha tadotta sabiex ittemm is‑sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv, b’mod partikolari dawk iddefiniti fil-programm ta’ stabbiltà ppreżentat minn dan l-Istat (ara l-punti 8 u 9 hawn fuq).

25      L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2010/182 jistabbilixxi l-15 ta’ Mejju 2010 bħala d-data ta’ skadenza sabiex tittieħed azzjoni effettiva mir-Repubblika Ellenika.

 L-atti kkontestati

–       Id-Deċiżjoni 2010/320/UE

26      Fl-10 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 145, p. 6, rettifika ĠU 2011, L 209, p. 63) (iktar ’il quddiem l-“att bażiku”).

27      L-att bażiku għandu bħala bażijiet ġuridiċi l-Artikolu 126(9) TFUE u l-Artikolu 136 TFUE.

28      Fil-premessi 4 u 5 tal-att bażiku, huwa essenzjalment spjegat li fil-Greċja ġraw avvenimenti ekonomiċi kuntrarji mhux mistennija li kellhom konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi pubbliċi, b’mod li kien iġġustifikat li jiġi emendat il-kontenut tal-avviż inizjali adottat fis-16 ta’ Frar 2010 permezz tad-Deċiżjoni 2010/182 u li jiġi adottat avviż irrivedut skont l-Artikoli 126(9) u 136 TFUE.

29      Il-premessa 8 tal-att bażiku tirreferi għall-mekkaniżmu intergovernattiv ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija lir-Repubblika Ellenika, fil-kliem li ġejjin:

“Id-deterjorazzjoni tassew qalila tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern Grieg wasslet lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jiddeċiedu li jipprovdu sostenn ta’ stabbiltà lill-Greċja, bil-għan li jħarsu l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha, flimkien ma’ għajnuna multilaterali pprovduta mill-Fond Monetarju Internazzjonali. L-appoġġ provdut mill-Istati Membri taż-żona euro sejjer ikun fil-forma ta’ ġabra ta’ self bilaterali, ikkoordinata mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi li se jagħtu s-self iddeċidew li l-appoġġ tagħhom għandu jkun dipendenti fuq ir-rispett tal-Greċja lejn din id-Deċiżjoni. B’mod partikolari, il-Greċja hija mistennija twettaq il-miżuri speċifikati f’din id-Deċiżjoni b’mod konformi mal-kalendarju hawnhekk stabbilit.”

30      L-Artikolu 1 tal-att bażiku jestendi l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Greċja għall-2014 (minflok l-2012, kif kien ġie stabbilit fid-Deċiżjoni 2010/182).

31      L-Artikolu 2 tal-att bażiku jipprovdi għall-adozzjoni mir-Repubblika Ellenika, skont il-kalendarju indikat f’dan l-artikolu, ta’ ċertu numru ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja, intiżi sabiex inaqqsu drastikament l-ispejjeż pubbliċi u sabiex iżidu d-dħul tal-Istat, ta’ miżuri intiżi sabiex isaħħu s-sorveljanza u d-dixxiplina baġitarji u ta’ miżuri ta’ natura strutturali intiżi b’mod partikolari sabiex itejbu l-kompetittività tal-ekonomija Griega inġenerali.

32      Il-miżuri inklużi fl-Artikolu 2 tal-att bażiku jikkonċernaw numru ta’ oqsma, jiġifieri, b’mod partikolari, il-politika fiskali, is-sistema ta’ rtirar u l-pensjonijiet, l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u s-sistema bankarja.

33      L-Artikolu 4(1) tal-att bażiku jipprovdi għall-obbligu li r-Repubblika Ellenika għandha li tippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissoni, kull tliet xhur, rapport li jindika l-miżuri meħuda sabiex tikkonforma ruħha mal-att bażiku.

34      Skont l-Artikolu 4(2)(a) u (b) tal-att bażiku, ir-rapport imsemmi hawn fuq, għandu jinkludi informazzjoni ddettaljata fuq, minn naħa, il-miżuri konkreti implementati sad-data tar-rapport mir-Repubblika Ellenika sabiex tikkonforma ruħha mal-att bażiku, inkluż l-impatt baġitarju kwantifikat tagħhom u, min-naħa oħra, il-miżuri konkreti li r-Repubblika Ellenika tippjana li timplementa wara d-data tar-rapport sabiex tikkonforma ruħha mal-att bażiku kif ukoll il-kalendarju ta’ implementazzjoni tagħhom u stima tal-impatt baġitarju tagħhom.

35      Skont l-Artikolu 4(3) tal-att bażiku, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom janalizzaw ir-rapporti msemmija hawn fuq bil-għan li jevalwaw l-osservanza , ta’ dan l-att mir-Repubblika Ellenika. Fil-kuntest ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tindika l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi osservat il-pjan ta’ aġġustament stabbilit bl-att bażiku għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv.

36      L-Artikolu 5 tal-att bażiku jipprovdi li dan għandu jidħol fis-seħħ fl-istess ġurnata tan-notifika tiegħu.

37      Skont l-Artikolu 6 tal-att bażiku, dan huwa indirizzat lir-Repubblika Ellenika.

–       Id-Deċiżjoni 2010/486/UE

38       Fis-7 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/486/UE li temenda l-att bażiku (ĠU L 241, p. 12) (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, l-“atti kkontestati”). Id-Deċiżjoni 2010/486 għandha wkoll bħala bażijiet legali l-Artikolu 126(9) TFUE u l-Artikolu 136 TFUE u hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

39      Mill-premessi 5 sa 8 tad-Deċiżjoni 2010/486 jirriżulta li, wara l-adozzjoni tal-att bażiku, ċerti previżjonijiet ekonomiċi li fuq il-bażi tagħhom dan l-att kien ġie adottat kellhom jiġu rriveduti. Għalhekk, deher xieraq li jiġi emendat l-att bażiku f’ċerti aspetti filwaqt li jinżamm it-terminu għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv iffissat f’dan l-att.

40      Id-Deċiżjoni 2010/486 tħassar ċerti miżuri pprovduti fl-att bażiku, iżżid oħrajn magħhom u temenda, tispeċifika jew tfassal mill-ġdid it-test ta’ ċerti miżuri li huma pprovduti fiha.

41      Skont l-Artikolu 2 tagħha, id-Deċiżjoni 2010/486 għandha tidħol fis-seħħ fl-istess ġurnata tan-notifika tagħha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

42      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti, l-Anotati Dioikisi Enoseon Dimosion Ypallilon (ADEDY), Spyridon Papaspyros u Ilias Iliopoulos, ippreżentaw ir-rikors preżenti.

43      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

44      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni talbet tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Din it-talba ntlaqgħet permezz tad-digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Ġunju 2011.

45      Fid-29 ta’ April 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill.

46      Fit-8 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nota ta’ intervent.

47      Fis-27 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni.

48      Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

–        tannulla l-atti kkontestati;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

49      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli sa fejn dan jikkonċerna l-atti kkontestati;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli sa fejn dan jikkonċerna l-att bażiku;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

50      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli.

51      Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill u tikkundanna lil dan għall-ispejjeż.

 Id-dritt

52      Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, fuq talba minn parti, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. B’konformità mal-Artikolu 114(3), il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor.

53      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-eżami tal-atti tal-proċess jipprovdilha informazzjoni suffiċjenti sabiex tiddeċiedi fuq it-talba mressqa mill-Kunsill mingħajr ma tiftaħ il-proċedura orali.

54      Mill-proċess jirriżulta li l-ewwel mir-rikorrenti, l-ADEDY, tikkostitwixxi konfederazzjoni sindakali Griega li tinkludi inkwantu membri l-federazzjonijiet tal-unions tal-ħaddiema impjegati fis-settur pubbliku, mill-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku u mill-awtoritajiet lokali, li huma marbuta ma’ dawn l-entitajiet permezz ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol rregolati mid-dritt pubbliku u mid-dritt privat. Skont ir-rikorrenti l-ADEDY tinkludi fi ftit kliem inkwantu membri l-uffiċjali u l-impjegati kollha tal-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku u hija tirrappreżenta l-interessi taghħhom.

55      It-tieni u t-tielet rikorrenti huma uffiċjali u, rispettivament, il-President u s-Segretarju Ġenerali tal-ADEDY. Huma qed jippreżentaw dan ir-rikors personalment u f’isem l-ADEDY.

56      Fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jilmentaw li l-atti kkontestati jinkludu ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji u l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-uffiċjali Griegi.

57      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jargumenta li r-rikors huwa inammissibbli. Huwa jsostni, prinċipalment, li r-rikors huwa inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jillimita l-argumenti tiegħu għall-kwistjoni tal-interess individwali tar-rikorrenti mill-atti kkontestati, filwaqt li l-Kummissjoni teżamina wkoll l-ammissibbiltà tar-rikors taħt il-perspettiva tal-kundizzjoni tal-interess dirett. Sussidjarjament, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li r-rikors huwa inammissibbli għal dak li jikkonċerna l-att bażiku minħabba l-fatt li huwa kien ġie ppreżentat tard.

58      Ir-rikorrenti jsostnu li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-atti kkontestati. Huma jikkontestaw, barra minn hekk, it-teżi sussidjarjament difiża mill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors għal dak li jikkonċerna l-att bażiku minħabba l-preżentata tardiva tiegħu . Fl-aħħar, huma jsostnu li, fl-ipoteżi fejn ir-rikors tagħhom jiġi ddikjarat inammissibbli, huma jkunu mċaħħda mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

59      L-ewwel nett għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-atti kkontestati, fid-dawl tal-locus standi tar-rikorrenti.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

60      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ […] tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni”.

61      Din id-dispożizzjoni tillimita r-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuna fiżika jew ġuridika għal tliet kategoriji ta’ atti, jiġifieri, l-ewwel nett, l-atti indirizzati lilha, it-tieni nett, l-atti li jikkonċernawha direttament u individwalment u, it-tielet nett, l-atti regolatorji li jikkonċernawha direttament u li ma jinkludux xi miżuri ta’ implementazzjoni.

62      F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-rikorrenti ma humiex id-destinatarji tal-atti kkontestati, iżda huma jallegaw li dawn jikkonċernawhom direttament u individwalment.

63      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, l-ewwel nett għandu jiġi evalwat il-kriterju tal-interess dirett tar-rikorrenti li huwa komuni għat-tieni u għat-tielet kategoriji ta’ atti ppreżentati fil-punt 61 hawn fuq.

64      Skont ġurisprudenza stabbilita bbażata fuq ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, il-kundizzjoni li skontha persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, teħtieġ fil-prinċipju żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, fl-ewwel lok, toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwu u, fit-tieni lok, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha, li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni, C‑15/06 P, Ġabra p. I‑2591, punt 31; tal-10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il‑Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, Ġabra p. I‑7993, punt 45; u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Município de Gondomar vs Il‑Kummissjoni, C‑501/08 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 25).

65      Sa fejn, għal dak li jikkonċerna l-eżami ta’ dan ir-rikors, il-kundizzjoni ta’ interess dirett stabbilita mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma ġietx emendata, għandu jiġi kkonstatat li din il-ġurisprudenza tapplika wkoll f’dan il-każ.

66      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-kapijiet ta’ talbiet tagħhom, ir-rikorrenti qegħdin jitolbu l-annullament tat-totalità tal-atti kkontestati. Madankollu fir-rikors huma jidentifikaw ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-sitwazzjoni legali tal-uffiċjali u li jikkawżawlhom dannu, jiġifieri, qabel kollox, lill-ADEDY inkwantu organizzazzjoni sindakali li tirrappreżenta lill-uffiċjali kollha u, sussegwentement, lil S. Papaspyros u lil I. Iliopoulos inkwantu uffiċjali huma stess.

67      Għaldaqstant, fir-rikors, ir-rikorrenti jispeċifikaw li d-dannu sostnut jikkonsisti, minn naħa, fit-tnaqqis tal-bonus tal-Għid, tas-sajf u tal-Milied li huwa previst fl-Artikolu 2(1)(f) tal-att bażiku u, min-naħa l-oħra, fiż-żieda tal-età tal-irtirar u fit-tnaqqis tal-pensjonijiet tal-irtirar li għandhom jitħallsu lill-uffiċjali attwalment fil-kariga li jirriżulta mit-trasformazzjoni tas-sistema ta’ pensjonijiet prevista fl-Artikolu 2(2)(b) tal-att bażiku. Ir-rikorrenti jsemmu wkoll inkwantu dannu sostnut id-degradazzjoni tal-funzjonament tas-servizzi pubbliċi li tirriżulta mir-restrizzjoni għat-tiġdid tal-uffiċjali li jitilqu li hija prevista fl-Artikolu 2(2)(a) tal-att bażiku, kif emendat bid-Deċiżjoni 2010/486.

68      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, l-interess dirett tar-rikorrenti mit-tliet dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, identifikati ċarament, li jkawżalhom dannu u, sussegwentement, l-interess dirett tagħhom mid-dispożizzjonijiet li jifdal tal-atti kkontestati.

 Fuq l-interess dirett tar-rikorrenti mill-Artikolu 2(1)(f) tal-att bażiku, mill-Artikolu 2(2)(b) tal-att bażiku u mill-Artikolu 2(2)(a) tal-att bażiku, kif emendat bid-Deċiżjoni 2010/486

–       L-Artikolu 2(1)(f) tal-att bażiku

69      L-Artikolu 2(1)(f) tal-att bażiku jipprovdi:

“1. Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2010:

[…]

(f)      It-tnaqqis tal-bonus tal-Għid, tas-sajf u tal-Milied u benefiċċji li jingħataw lill-ħaddiema taċ-ċivil bil-għan li jitfaddlu EUR 1500 miljun f’sena sħiħa (EUR 1100 miljun fl-2010)[.]”

70      Għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni hija vaga sa fejn hija ma tispeċifikax id-dettalji tat-tnaqqis previst, il-mod li bih dan ser jiġi implementat u l-kategoriji ta’ uffiċjali li ser ikunu kkonċernati. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni tiffissa għan ċar li għandu jinkiseb permezz tat-tnaqqis tal-bonusijiet imħallsa lill-uffiċjali, jiġifieri t-twettiq ta’ ċertu ammont ta’ ekonomija fis-sena. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma timpedixxix lir-Repubblika Ellenika, b’mod partikolari, milli teskludi mill-prinċipju ta’ tnaqqis tal-bonusijiet ċerti kategoriji ta’ uffiċjali, sakemm jintlaħaq l-għan ta’ ekonomija li għandha ssir. Minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni tħalli lill-awtoritajiet Griegi marġni ta’ flessibbiltà sabiex jispeċifikaw id-dettalji kollha tat-tnaqqis tal-bonusijiet permezz ta’ miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni u huma dawn il-miżuri tal-aħħar li, eventwalment, ser jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Fil-fatt ikun il-kontenut ta’ dawn il-miżuri li jiddetermina jekk, jew f’liema miżura, ċerti rikorrenti ser isofru tnaqqis tal-bonusijiet. Dawn tal-aħħar ikunu jistgħu wkoll jippreżentaw rikors kontra dawn il-miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni quddiem il-qrati nazzjonali.

71      Insostenn tal-allegazzjoni tagħhom li tgħid li huma direttament ikkonċernati mill-Artikolu 2(1)(f) tal-att bażiku, ir-rikorrenti jinvokaw il-ġurisprudenza stabbilita sew li skontha l-persuna kkonċernata hija affettwata direttament mill-att inkwistjoni meta l-possibbiltà għad-destinatarji ta’ dan l-att li ma japplikawhx hija biss ipotetika, peress li ma hemm ebda dubju dwar ir-rieda tagħhom li jaġixxu b’mod konformi miegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki‑Patraiki et vs Il‑Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punti 8 sa 10, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punt 44; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, Oleifici Italiani u Fratelli Rubino vs Il‑Kummissjoni, T‑54/96, Ġabra p. II‑3377, punt 56). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jargumentaw, essenzjalment, li r-Repubblika Ellenika ma setgħetx ma timplementax l-atti kkontestati sa fejn l-osservanza ta’ dawn l-atti hija l-kundizzjoni għall-għoti tas-sostenn finanzjarju lil dan l-Istat permezz tal-mekkaniżmu intergovernattiv, kif tattesta b’mod partikolari l-premessa 8 tal-att bażiku.

72      Dan l-argument ma setax jiġi milqugħ.. Fil-fatt, jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 2(1)(f) tal-att bażiku li din id-dispożizzjoni timponi l-obbligu għar-Repubblika Ellenika li tikseb għan baġitarju, jiġifieri tekonomizza EUR 1 500 miljun kull sena (EUR 1 100 miljun fl-2010) permezz ta’ tnaqqis tal-bonusijiet imħallsa lill-uffiċjali. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tiddetermina la metodi ta’ dan it-tnaqqis u lanqas il-kategoriji ta’ uffiċjali kkonċernati minnha, elementi li jitħallew għall-evalwazzjoni tar-Repubblika Ellenika, hekk kif ġie indikat fil-punt 70 hawn fuq.

73      Minn dan isegwi li l-Artikolu 2(1)(f) tal-att bażiku ma huwiex ta’ natura li jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u li, fil-kuntest tal-implementazzjoni tiegħu, l-awtoritajiet Griegi għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa. Għalhekk għandu jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni ma taffettwax direttament ir-rikorrenti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

–       L-Artikolu 2(2)(b) tal-att bażiku

74      L-Artikolu 2(2)(b) tal-att bażiku jipprovdi għall-obbligu tar-Repubblika Ellenika li tadotta għall-aħħar tax-xahar ta’ Settembru 2010 liġi li tirriforma s-sistema tal-pensjonijiet bl-għan li tiżgura l-vijabbiltà tagħha fi żmien medju u fit-tul. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi wkoll il-linji tal-kontenut ta’ din il-liġi. Din id-dispożizzjoni tipprovdi b’mod partikolari li l-liġi għandha tistabbilixxi l-età obbligatorja ta’ rtirar għal 65 sena, li l-fondi eżistenti ta’ pensjoni għandhom jiġu amalgamati fi tliet fondi, li l-limitu tal-pensjonijiet għandu jitnaqqas; li t-tul minimu ta’ kontribuzzjoni għandu jiżdied gradwalment sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika b’mod sħiħ mal-irtirar u li għandhom jiġu introdotti kundizzjonijiet iktar stretti għall-eliġibbiltà għall-pensjonijiet tal-invalidità. Fl-aħħar huwa speċifikat li, permezz tal-implementazzjoni ta’ din il-liġi, iż-żieda prevista tal-proporzjon tal-ispejjeż tal-pensjonijiet mal-PGD kellha tonqos għal taħt il-medja fiż-żona tal-euro fid-deċennji li ġejjin u ż-żieda tal-ispejjeż relatati mal-pensjonijiet fis-settur pubbliku matul il-perijodu 2010‑2060 kellha tkun ta’ inqas minn 2.5 % tal-PGD.

75      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(2)(b) tal-att bażiku tneħħa permezz tal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2010/486. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li d-dispożizzjoni li tneħħiet kienet ipproduċiet effetti legali dannużi fir-rigward tagħhom speċifikament waqt il-perijodu ta’ validità tagħha, jiġifieri matul il-perijodu bejn id-data tan-notifika tal-att bażiku lir-Repubblika Ellenika u d-data tan-notifika tad-Deċiżjoni 2010/486 lir-Repubblika Ellenika, għandu jiġi konkluż li huwa għalxejn li r-rikorrenti jinvokaw l-Artikolu 2(2)(b) tal-att bażiku sabiex juru l-locus standi tagħhom fir-rigward tal-imsemmi att.

76      Fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni ma kinitx tikkonċerna direttament lir-rikorrenti waqt il-perijodu ta’ validità tagħha. Fil-fatt, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din kienet teħtieġ l-adozzjoni ta’ liġi nazzjonali sabiex tiġi implementata. Hija kienet stabbilixxiet l-għan li kellha tikseb din il-liġi, jiġifieri l-vijabbiltà tas-sistema Griega tal-pensjonijiet, u kienet iddefinixxiet, b’mod ġenerali, ċerti miżuri li din il-liġi kellha tipprevedi. B’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-portata tagħha, sa fejn hija ma kinitx tikkonċerna biss lill-uffiċjali, iżda lill-ħaddiema kollha tas-setturi privat u pubbliku li kienu ser jirtiraw, din id-dispożizzjoni ma kinitx maħsuba sabiex tikkostitwixxi leġiżlazzjoni kompleta u li kienet biżżejjed fiha nfisha, tas-sistema Griega tal-pensjonijiet, li ma kinitx teħtieġ miżuri ta’ implementazzjoni u li l-implementazzjoni tagħha kienet tkun purament awtomatika u li tirriżulta minn din l-unika dispożizzjoni. Minn dan isegwi li l-Artikolu 2(2)(b) tal-att bażiku kien iħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna lill-awtoritajiet Griegi sabiex jiddefinixxu l-kontenut tal-liġi li kellha timplementah, sakemm din tiżgura l-vijabbiltà fi żmien medju u fit-tul tas-sistema Griega tal-pensjonijiet. Għalhekk, kienet din il-liġi li, eventwalment, kienet affettwat direttament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Minn dan isegwi li l-Artikolu 2(2)(b) tal-att bażiku ma jikkonċernax direttament lir-rikorrenti, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

–       L-Artikolu 2(2)(a) tal-att bażiku, kif emendat bid-Deċiżjoni 2010/486

77      – L-Artikolu 2(2)(a) tal-att bażiku, kif emendat bid-Deċiżjoni 2010/486, jipprovdi:

“Il-Greċja għandha tadotta l-miżuri li ġejjin sal-aħħar ta’ Settembru 2010:

a)      […] u sostituzzjoni ta’ 20 % biss tal-impjegati li jirtiraw fis-settur pubbliku (il-gvern ċentrali, il-gvernijiet lokali, il-fondi tas-sigurtà soċjali, il-kumpaniji pubbliċi, l-aġenziji statali u istituzzjonijiet pubbliċi oħra) […]”.

78      L-Artikolu 2(2)(a) tal-att bażiku, kif emendat bid-Deċiżjoni 2010/486, ma jikkonċernax direttament ir-rikorrenti, sa fejn dan jikkostitwixxi miżura ġenerali ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni tal-amministrazzjoni pubblika li ma taffettwax direttament is-sitwazzjoni legali tagħhom. Sa fejn din id-dispożizzjoni tikkawża deterjorazzjoni tal-funzjonament tas-servizzi pubbliċi u tiddeterjora l-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-rikorrenti, hekk kif dawn tal-aħħar isostnu, din tikkostitwixxi fatt li ma jikkonċernax is-sitwazzjoni legali tagħhom, iżda biss is-sitwazzjoni ta’ fatt tagħhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 2010, ICO Services vs Il-Parlament u Il‑Kunsill., T‑441/08, mhux ippubblikat fil-Ġabra  punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li ebda waħda mit-tliet dispożizzjonijiet tal-atti kkontestati identifikati ċarament mir-rikorrenti ma taffettwahom direttament fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq l-interess dirett tar-rikorrenti mid-dispożizzjonijiet li jifdal tal-atti kkontestati

80      Għal dak li jikkonċerna dan ir-rikors, id-dispożizzjonijiet li jifdal tal-atti kkontestati jipprevedu l-adozzjoni mir-Repubblika Ellenika ta’ ċertu numru ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja, ta’ miżuri intiżi sabiex isaħħu s-sorveljanza u d-dixxiplina baġitarji kif ukoll ta’ miżuri ta’ natura strutturali intiżi b’mod partikolari sabiex itejbu l-kompetittività tal-ekonomija Griega inġenerali, fejn l-għan finali huwa t-tnaqqis tad-defiċit pubbliku eċċessiv tal-pajjiż.

81      Fost dawn id-dispożizzjonijiet li jifdal, hemm dispożizzjonijiet li jikkonċernaw b’mod ġenerali lill-uffiċjali u li r-rikorrenti llimitaw rwieħhom illi jiċċitaw fir-rikors mingħajr ma spjegaw speċifikament b’liema mod dawn jaffettwawhom direttament u kif dawn huma ta’ dannu għall-uffiċjali inġenerali.

82      Bħala indikazzjoni, il-Qorti Ġenerali tirrileva li r-rikorrenti ċċitaw l-Artikolu 2(1)(b) tal-att bażiku, li jipprovdi għall-adozzjoni mir-Repubblika Ellenika, qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2010, ta’ liġi li tneħħi l-eżenzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ tassazzjoni awtonoma kollha tas-sistema fiskali inkluż għad-dħul mill-allowances speċjali mħallsa lill-uffiċjali; l-Artikolu 2(5)(a) tal-att bażiku, li jipprovdi essenzjalment għall-adozzjoni mir-Repubblika Ellenika, sal-aħħar ta’ Ġunju 2011, ta’ skeda unifikata u razzjonalizzata tal-pagi fis-settur pubbliku b’remunerazzjonijiet li jirriflettu l-produttività u l-kompiti; l-Artikolu 2(3)(m) tal-att bażiku, kif introdott bid-Deċiżjoni 2010/486, li jipprevedi l-adozzjoni mir-Repubblika Ellenika, sal-aħħar ta’ Diċembru 2010, ta’ liġi li tipprojbixxi lill-gvernijiet lokali, mill-inqas sal-2014, milli jkollhom defiċit u, fl-aħħar, l-Artikolu 2(5)(e) tal-att bażiku, kif introdott bid-Deċiżjoni 2010/486, li jipprevedi r-reviżjoni mill-awtoritajiet Griegi sal-aħħar ta’ Ġunju 2011 tal-funzjonament tal-iskemi ta’ pensjonijiet pubbliċi supplimetari/ awżiljarji bil-għan li jiġi stabbilizzat l-infiq u li tiġi ggarantita n-newtralità tagħhom fir-rigward tal-baġit.

83      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq u, inġenerali, tad-dispożizzjonijiet kollha li jifdal tal-atti kkontestati, għandhom isiru żewġ konstatazzjonijiet.

84      L-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet kollha, fid-dawl tal-portata tagħhom, jeħtieġu miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni li jispeċifikaw il-kontenut tagħhom. Fil-kuntest ta’ din l-implementazzjoni, l-awtoritajiet Griegi għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, sakemm l-għan finali tat-tnaqqis tad-defiċit eċċessiv ikun osservat. Huma dawn il-miżuri nazzjonali li, eventwalment, ser jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

85      It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-konsegwenzi negattivi eventwali li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jkollhom għar-rikorrenti u għall-uffiċjali inġenerali inkwantu membri tal-ADEDY, fuq il-livell ekonomiku jew tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, għandu jiġi rrilevat li dawn ma jikkonċernawx is-sitwazzjoni legali tagħhom, iżda biss is-sitwazzjoni ta’ fatt tagħhom (ara l-punt 78 hawn fuq).

86      Konsegwentement, u fl-assenza ta’ argumenti iktar speċifiċi min-naħa tar-rikorrenti, hemm lok li jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet li jifdal tal-atti kkontestati ma jaffettwawhomx direttament fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

87      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li r-rikorrenti ma humiex direttament ikkonċernati mill-atti kkontestati.

88      Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma jissodisfawx waħda mill-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri dik dwar l-interess dirett, li hija komuni għar-rikorsi intiżi kontra t-tieni u t-tielet kategoriji ta’ atti msemmija f’din id-dispożizzjoni (ara l-punt 61 hawn fuq), b’mod li ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti humiex individwalment ikkonċernati mill-atti kkontestati jew jekk l-atti kkontestati jikkostitwixxux atti regolatorji fis-sens tad-dispożizzjoni hawn fuq innotata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2011, Ax vs Il‑Kunsill, T‑259/10, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 25).

 Fuq il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti

89      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, fl-ipotesi li r-rikors tagħhom jiġi ddikjarat inammissibbli, huma jkunu mċaħħda mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ġie kkonstatat minn ġurisprudenza stabilita sew, it-Trattat, permezz tal-Artikoli 263 TFUE u 277 TFUE tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 TFUE tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiża sabiex tiżgura l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, billi fdaha lill-qorti tal-Unjoni. F’din is-sistema, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà msemmija fl-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament atti tal-Unjoni bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ, għandhom il-possibbiltà b’mod partikolari li jinvokaw l-invalidità ta’ tali atti quddiem il-qrati nazzjonali u li jwasslu lil dawn tal-aħħar, li ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jikkonstataw huma stess l-invalidità tat-tali atti, jistaqsu lill- Qorti tal-Ġustizzja dwar dan permezz ta’ domanda preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 40; tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C‑263/02 P, Ġabra p. I‑3425, punt 30, u tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, C‑362/06 P, Ġabra p. I‑2903, punt 43).

90      Għaldaqstant, f’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li l-atti kkontestati jeħtieġu miżuri ta’ applikazzjoni mir-Repubblika Ellenika, ir-rikorrenti għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw dawn il-miżuri ta’ applikazzjoni quddiem il-qorti nazzjonali u, fil-kuntest ta’ dan il-kontenzjuż, li jinvokaw l-invalidità tal-atti kkontestati, u b’hekk iwasslu lill-qorti nazzjonali tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

91      Għall-finijiet li jiġġustifikaw it-teżi tagħhom dwar iċ-ċaħda tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ir-rikorrenti jevokaw id-dewmien tal-proċeduri quddiem il-qrati amministrattivi Griegi u l-fatt li ċ-ċaħda tar-rikors tagħhom mill-Qorti Ġenerali bħala inammissibbli tagħti preżunzjoni ta’ legalità lill-atti kkontestati.

92      Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġi milqugħa.

93      Minn naħa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament tal-imsemmija atti quddiem il-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk jeżistix rimedju ġudizzjarju quddiem qorti nazzjonali li jippermetti li tiġi eżaminata l-validità tal-att li l-annullament tiegħu qed jiġi mitlub (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Novembru 2005, EEB et vs Il‑Kummissjoni, T‑94/04, Ġabra p. II‑4919, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata). A fortiori, l-ammissibbiltà tar-rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddependi mill-allegat dewmien tal-proċeduri nazzjonali. F’dan ir-rigward, hemm lok ukoll li jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

94      Min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda ta’ dan ir-rikors bħala inammissibbli ma toħloq ebda preċedent fuq il-mertu għall-qorti nazzjonali.

95      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid li l-eventwali ċaħda tar-rikors tagħhom bħala inammissibbli mill-Qorti Ġenerali tippreġudika d-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandha tiġi miċħuda.

96      Fl-aħħar, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li r-rikors għandu jiġi eżaminat fir-rigward tal-mertu, sa fejn id-difetti tal-atti kkontestati huma tant serji li jimminaw il-fiduċja taċ-ċittadini fir-rigward tal-organi tal-Unjoni, għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tinjora ir-regoli ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament stipulati fl-Artikolu 263 TFUE.

97      Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, hemm lok li dan ir-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli. Għalhekk, ma hemmx bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill sussidjarjament u dwar il-preżentata tardiva tar-rikors għal dak li jikkonċerna l-att bażiku.

 Fuq l-ispejjeż

98      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l‑ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kunsill.

99      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 87(4) tal-istess regoli, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Anotati Dioikisi Enoseon Dimosion Ypallilon (ADEDY), Spyridon Papaspyros u Ilias Iliopoulos għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Mogħti fil-Lussemburgu,


E. Coulon

 

       J. Azizi

Reġistratur                                                      President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

It-Trattat UE

It-Trattat FUE

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-kriżi tad-dejn Griega u l-mekkaniżmu intergovernattiv ta’ għajnuna finanzjarja lir-Repubblika Ellenika

Il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv fir-rigward tar-Repubblika Ellenika

Il-proċedura li kienet tippreċedi l-adozzjoni tal-atti kkontestati

L-atti kkontestati

– Id-Deċiżjoni 2010/320/UE

– Id-Deċiżjoni 2010/486/UE

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

Fuq l-interess dirett tar-rikorrenti mill-Artikolu 2(1)(f) tal-att bażiku, mill-Artikolu 2(2)(b) tal-att bażiku u mill-Artikolu 2(2)(a) tal-att bażiku, kif emendat bid-Deċiżjoni 2010/486

– L-Artikolu 2(1)(f) tal-att bażiku

– L-Artikolu 2(2)(b) tal-att bażiku

– L-Artikolu 2(2)(a) tal-att bażiku, kif emendat bid-Deċiżjoni 2010/486

Fuq l-interess dirett tar-rikorrenti mid-dispożizzjonijiet li jifdal tal-atti kkontestati

Fuq il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.