Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta' Novembru 2010 - ADEDY et vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża T-541/10)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Anotati Dioikisi Enoseon Dimosion Ypallilon (ADEDY) (Ateni, il-Greċja), S. Papaspiros (Ateni, il-Greċja) u I. Iliopoulos (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: M. Tsipra, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/486/UE, tas-7 ta' Settembru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tal-iżbilanċ meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta' żbilanċ eċċessiv, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta' Settembru 2010 (ĠU L 241, p. 12)

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE, tat-8 ta' Ġunju 2010, indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 145, p. 6)

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/486/UE, tas-7 ta' Settembru 2010, li temenda d-Deċiżjoni 2010/320/UE indirizzata lill-Greċja bil-ħsieb li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tagħti notifika lill-Greċja biex jittieħdu miżuri għat-tnaqqis tal-iżbilanċ meqjusa bħala meħtieġa biex tissewwa l-qagħda ta' żbilanċ eċċessiv, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta' Settembru 2010 (ĠU L 241, p. 12) u l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE, tat-8 ta' Ġunju 2010, indirizzata lill-Greċja bil-għan li ssaħħaħ u tapprofondixxi s-sorveljanza fiskali u li tavża lill-Greċja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit, liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 145, p. 6).

Ir-rikorrenti jressqu l-motivi li ġejjin insostenn tal-argumenti tagħhom:

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati ġew adottati b'abbuż tal-kompetenzi mogħtija mit-Trattati lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill. B'mod partikolari, l-Artikoli 4 u 5 tat-Trattati jinkludu l-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' propozjonalità. Barra minn dan, l-Artikolu 5(2) tat-Trattati jipprevedi espressament li kwalunkwe kompetenza li ma ngħatatx mill-Istati Membri lill-Unjoni fit-Trattati tibqa' f'idejn l-Istati Membri. Skont l-Artikolu 126 et seq tat-Trattati, il-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill fl-ambitu tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv u li jistgħu jiġu inklużi fid-deċiżjonijiet tiegħu, ma jistgħux jiġu previsti speċifikament, espressament u rigorżament, għaliex it-Trattati ma jagħtux tali setgħa lill-Kunsill.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li d-deċiżjonijiet kkontestati ġew adottati bi ksur tal-kompetenzi mogħtija mit-Trattati lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill u li fil-kontenut tagħhom jmorru kontra dawn tal-aħħar. B'mod partikolari, id-deċiżjonijiet ikkontestati jindikaw l-Artikoli 126(9) u 136 tat-Trattat bħala l-bażi legali għall-adozzjoni tagħhom. Madankollu, l-atti kkontestati ġew adottati b'abbuż tal-kompetenzi mogħtija lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill permezz ta' tali artikoli, sempliċiment bħala miżura ta' implementazzjoni ta' ftehim bilaterali bejn il-ħmistax-il Stat Membru taż-żona tal-Euro, li kienu ddeċidew dwar l-għoti ta' self bilaterali, u l-Ġreċja. Madankollu, tali kompetenza għall-adozzjoni ta' miżura mill-Kunsill ma hijiex irrikonoxxuta u lanqas prevista mit-Trattati.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw li d-deċiżjonijiet kkontestati, li introduċew tnaqqis fil-pagi u fil-pensjonijiet, jiksru drittijiet patrimonjali kweżiti tar-rikorrenti u għaldaqstant ġew adottati bi ksur tal-Artikolu 1 tal-ewwel protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.

____________