Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen (l-Isvezja) fid-29 ta' Marzu 2012 - Eva-Marie Brännström u Rune Brännström vs Ryanair Holdings plc

(Kawża C-150/12)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Högsta domstolen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Eva-Marie Brännström u Rune Brännström

Konvenuta: Ryanair Holdings plc

Domandi preliminari

Ir-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru fil-każ ta' dannu kkaġunat minn dewmien, fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta' Montréal, tat-28 ta' Mejju 1999, għall-Unifikazzjoni ta' Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, tinkludi wkoll każijiet fejn il-wasla tal-passiġġieri fid-destinazzjoni tagħhom tiġi mdewma minħabba l-fatt li t-titjira ma seħħitx? Huwa rilevanti l-mument meta ġiet ikkanċellata t-titjira, pereżempju wara li jkun sar iċ-check-in?

Il-fatt li l-ajruport għandu problema teknika li, ikkunsidrata waħedha jew flimkien ma' kundizzjonijiet meteoroloġiċi, tagħmel kull inżul impossibbli jista' jikkostitwixxi "ċirkustanza straordinarja" fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 ? Il-fatt li t-traspostatur bl-ajru kien jaf dwar il-problema teknika għandu effett fuq l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar x'jista' jikkostitwixxi tali ċirkustanza?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, liema miżuri għandhom jittieħdu mit-trasportatur bl-ajru sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu ta' kumpens imsemmi fl-Artikolu 5(3) ta' dan ir-regolament?

jista' jiġi rikjest u, jekk iva, sa liema estent u taħt liema ċirkustanzi, li t-trasportatur bl-ajru jkollu riżorsi supplimentari, pereżempju fil-forma ta' ajruplani jew ekwipaġġi disponibbli, sabiex jiżgura titjira li jkollha, fin-nuqqas ta' dan, tiġi kkanċellata jew sabiex ikun jista' jiżgura titjira oħra minflok dik ikkanċellata?

jista' jiġi rikjest li t-trasportatur bl-ajru joffri lill-passiġġieri rotta oħra skont l-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament? F'dan il-każ, liema obbligi huma imposti fuq it-trasportatur bl-ajru, pereżempju għal dak li jirrigwarda l-ħin ta' tluq u l-użu ta' trasportaturi oħra?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, teżisti differenza bejn il-miżuri li t-trasportatur bl-ajru għandu jieħu sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu ta' kumpens imsemmi fl-Artikolu 5(3) ta' dan ir-regolament u dawk li għandu jieħu sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu ta' kumpens imsemmi fl-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta' Montréal?

____________

1 - Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li [...] jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).