Language of document : ECLI:EU:T:2008:317

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Settembru 2008 (*)

“Direttiva 91/414/KEE – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva endosulfan – Irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq – Proċedura ta’ evalwazzjoni – Termini – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-kawża T‑75/06,

Bayer CropScience AG, stabbilita f’Monheim am Rhein (il-Ġermanja),

Makhteshim-Agan Holding BV, stabbilita f’Rotterdam (l-Olanda),

Alfa Georgika Efodia AEVE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja),

Aragonesas Agro, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

irrappreżentati minn C. Mereu u K. Van Maldegem, avocats,

rikorrenti,

sostnuti minn

European Crop Protection Association (ECPA), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn D. Waelbroeck u N. Rampal, avocats,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Doherty u L. Parpala, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. Rodríguez Cárcamo, abogado del Estado,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/864/KE, tat-2 ta’ Diċembru 2005, li tikkonċerna n-nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom din is-sustanza attiva (ĠU L 317, p. 25),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, J. D. Cooke u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Dispożizzjonijiet tat-Trattat

1        L-Artikolu 95(3) KE jipprovdi li l-Kummissjoni, fil-proposti tagħha lill-Kunsill għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern fil-qasam tas-saħħa, tas-sigurtà, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni filwaqt li tqis b’mod partikolari kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi.

2        L-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji.

 Direttiva 91/414/KEE

3        Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L230, p. 1), tistabbilixxi s-sistema Komunitarja applikabbli għall-awtorizzazzjoni u għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

4        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw illi prodott għall-ħarsien tal-pjanti ma jiġix awtorizzat kemm-il darba [...] is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I”.

5        Il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex sustanzi attivi jiġu inklużi fl-Anness I huma speċifikati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414:

“1. Fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, sustanza attiva għandha tiġi inkluża fl-Anness I għal perjodu ta’ żmien inizjali li ma jkunx jaqbeż l-10 snin, jekk jista’ jiġi mistenni li prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva jkunu jwettqu l-kondizzjonijiet segwenti:

a)      il-fdalijiet tagħhom, wara użu konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, ma jkollhomx effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew għall-ilma ta’ taħt l-art jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent, u l-imsemmija fdalijiet, jekk ikunu sinifikanti mil-lat tossikoloġiku jew ambjentali, ikunu jistgħu jiġu mkejla b’metodi li jkunu użati b’mod mifrux;

b)      l-użu tagħhom, li jrid ikun konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, ma jkollux effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent skont ma jiddisponi l-Artikolu 4(1)(b)(iv) u (v).

2. Ghall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I, dan li ġej għandu jiġi kkunsidrat b’mod partikolari:

a)      fejn ikun applikabbli, ammont aċċettabbli ta’ kuljum ikkunsmat mill-bniedem (ADI);

b)      livell aċċettabbli ta’ espożizzjoni tal-ħaddiema [tal-utent], jekk meħtieġ;

ċ)      fejn ikun relevanti, kalkolu ta’ dak li jista’ jseħħ minnha u d-distribuzzjoni tagħha fl-ambjent kif ukoll l-impatt tagħha fuq speċi li ma jkunux il-mira tagħha.

[…]”

6        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414 jipprovdi:

“1. L-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I għandha tiġi deċiża skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 19.

[...]

2. Stat Membru li jirċievi applikazzjoni għall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I għandu bla dewmien żejjed jagħmel ċert illi dokument [inkartament] li jitqies li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II jingħata mill-applikant lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni, flimkien ma’ dokument [inkartament] li jikkonforma ma’ l-Anness III dwar […] mill-anqas preparazzjoni waħda li jkun fiha dik is-sustanza attiva. Il-Kummissjoni għandha tirreferi d-dokument [inkartament] lill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti [msemmi] fl-Artikolu 19 sabiex jiġi eżaminat.

3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, fuq talba ta’ Stat Membru, u bejn tliet xhur u sitta wara d-data tar-referenza lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 19, għandu jiġi stabbilit permezz tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 20 jekk id-dokument […] jkunx ġie sottomess skont ir-rekwiżiti tal-Annessi II u III.

4. Jekk l-analiżi tad-dokument [tal-inkartament] li jagħmel referenza għalih il-paragrafu 2 [t]uri li hija meħtieġa aktar informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-applikant sabiex jagħti tali informazzjoni. L-applikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jista’ jiġi mistoqsi mill-Kummissjoni sabiex jgħaddi l-kummenti tiegħu lilha, partikolarment fejn tkun mistennija deċiżjoni li ma tkunx favorevoli.

[...]”

7        Is-sustanzi attivi li mhumiex inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jistgħu jibbenefikaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn sistema derogatorja tranżitorja. F’dan is-sens, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li “Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ġewwa t-territorju tiegħu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva”. Dan il-perijodu ta’ tnax-il sena, li skada fis-26 ta’ Lulju 2003, ġie estiż għal ċerti sustanzi bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2076/2002, tal-20 ta’ Novembru 2002, li jipproroga t-terminu msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 u dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ xi sustanzi attivi fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dawn is-sustanzi (ĠU L 319, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2005, tat-12 ta’ Awwissu 2005, li jemenda wkoll id-Deċiżjonijiet 2002/298/KE, 2004/129/KE, 2004/140/KE, 2004/247/KE u 2005/303/KE dwar il-perijodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 u l-użu kontinwu ta’ ċerti sustanzi mhux inklużi fl-Anness I tagħha (ĠU L 211, p. 6). Skont dan ir-regolament, il-perijodu ta’ tnax-il sena huwa estiż sal-31 ta’ Diċembru 2006, “sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni qabel dik id-data li tiġi inkluża jew ma tiġix inkluża s-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE”.

8        Matul dan il-perijodu tranżitorju, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, is-sustanzi attivi kkonċernati għandhom ikunu suġġetti għal programm ta’ xogħol ta’ eżaminazzjoni, li bis-saħħa tiegħu dawn ikunu jistgħu jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jew, għall-kuntrarju, ma jkunux jistgħu jiġu inklużi fih, jekk dawn is-sustanzi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tas-sigurtà ddefiniti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 jew jekk l-informazzjoni u d-data rikjesti għall-evalwazzjoni ma jittressqux matul il-perijodu stabbilit. Huwa wkoll speċifikat li l-eżami tas-sustanza attiva għandu jsir skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 91/414. Dan l-artikolu, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003, tal-14 ta’ April 2003, li jaddatta għad-Deċiżjoni 1999/468/KE id-dispożizzjonijiet rigward il-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni (maġġoranza kwalifikata) (ĠU L 122, p. 1), jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat regolatorju, il-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”).

 Regolament (KEE) Nru 3600/92

9        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92, tal-11 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414 (ĠU L 366, p.10), jistabbilixxi l-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ diversi sustanzi sabiex eventwalment jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Fost is-sustanzi kkonċernati hemm l-endosulfan.

10      Il-proċedura istitwita permezz tar-Regolament Nru 3600/92 tibda b’notifika ta’ interess, prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li “[k]walunkwe produttur li jixtieq jiżgura l-inklusjoni ta’ sustanza attiva msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, jew xi mluħa, estri jew ammini tagħhom, fl-Anness I tad-Direttiva [91/414], għandu javvża [jinnotifika dan] lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data tal-bidu fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament”.

11      Wara l-eżami tan-notifiki ta’ interess, huwa previst, fl-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament Nru 3600/92, li Stat Membru jiġi nominat bħala relatur għall-evalwazzjoni ta’ kull sustanza attiva kkonċernata.

12      Ladarba Stat Membru jiġi nominat bħala relatur, ikun kompitu ta’ kull notifikatur li jibgħatlu, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 3600/92, “inkartament fil-qosor” u “inkartament komplet”, kif definiti fl-Artikolu 6(2) u (3) tal-istess regolament. L-inkartament fil-qosor għandu jinkludi b’mod partikolari kopja tan-notifika, tal-informazzjoni relattiva għall-kundizzjonijiet ta’ użu rrakkomandati, kif ukoll is-sommarji u r-riżultati ta’ proċessi relattivi għal kull punt tal-Anness III tad-Direttiva 91/414 rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva. Din l-informazzjoni tikkonċerna preparazzjoni jew diversi preparazzjonijiet li huma rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet tal-użu rrakomandati fil-kuntest tal-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva. L-inkartament komplet għandu jinkludi fih il-protokolli u r-rapporti ta’ studji kompleti li jikkonċernaw l-informazzjoni kollha ċċitata iktar ’il fuq. Skont l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 3600/92, kif ikkompletat bir-Regolament (KE) Nru 2266/2000, tat-12 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L 259, p.27), “għandu jintwera minn notifikatur li, fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija għal preparat wieħed [preparazzjoni waħda] jew aktar għal sensiela limitata ta’ użi rappreżentattivi, il-ħtiġiet tad-Direttiva [91/414] fir-rigward tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 5 tiegħu jistgħu jintlaħqu”.

13      Is-sottomissjoni, min-notifikatur, tal-inkartament fil-qosor u tal-inkartament komplet lill-Istat Membru relatur għandha ssir fi żmien stabbilit mill-Kummissjoni. Fil-każ tal-endosulfan, l-aħħar jum għas-sottomissjoni ta’ dawn l-inkartamenti kien iffissat għat-30 ta’ April 1995 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94, tas-27 ta’ April 1994, li jipprovdi s-sustanzi attivi ta’ prodotti ta’ protezzjoni ta’ pjanti u jawtorizza r-rapporteur tal-Istati Membri [l-Istati Membri relaturi] għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 3600/92 (ĠU L 107, p. 8), u mbagħad ġie estiż sal-31 ta’ Ottubru 1995 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2230/95, tal-21 ta’ Settembru 1995, li jemenda r-Regolament Nru 933/94 (ĠU L 225, p.1). Huwa wkoll il-kompitu tan-notifikaturi, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 3600/92, li jibagħtu l-inkartament fil-qosor u l-inkartament komplet lill-esperti ta’ Stati Membri oħra aċċettati mill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ konsultazzjoni ulterjuri li jista’ jkun hemm.

14      L-Istat Membru relatur imbagħad jeżamina l-inkartament fil-qosor u l-inkartament komplet u, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 3600/92, għandu, “immedjatament wara li jkun ġie eżaminat [l-]inkartament, [ji]żgura li n-notifikanti [n-notifikaturi] jagħtu l-inkartament mqassar u aġġornat lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni”. L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3600/92, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1199/97, tas-27 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 170, p.19), jipprovdi li, mill-bidu tal-eżami tiegħu, “l-Istat Membru li qed jirraporta [l-Istat Membru relatur] jista’ jsaqsi n-nies li jinnotifikaw [n-notifikaturi] biex itejbu d-dokumenti [l-inkartamenti] tagħhom, jew iżiduhom” u jista’ “jikkonsulta ma’ esperti minn Stat Membri oħra, u jista’ jistaqsi għal iżjed informazzjoni teknika u xjentifika minn Stati Membri oħra sabiex tgħin din l-evalwazzjoni”.

15      Wara dan, l-Istat Membru relatur jagħmel rapport ta’ evalwazzjoni tal-inkartamenti mressqa u jibagħtu lill-Kummissjoni fi żmien tnax-il xahar minn meta jkun irċieva l-inkartamenti, skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3600/92. Dan ir-rapport għandu jkollu b’mod partikolari rakkomandazzjoni dwar il-possibbiltà li s-sustanza attiva kkonċernata tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

16      L-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 3600/92, kif emendat bir-Regolament 1199/97, jipprovdi li, wara li tirċievi l-inkartament fil-qosor u r-rapport imsemmi fl-Artikolu 7(1), il-Kummissjoni tagħti lill-Kumitat l-inkarigu li jeżamina l-inkartament u r-rapport inkwistjoni. Qabel ma tibgħat l-inkartament u r-rapport lill-Kumitat, il-Kummissjoni tqassam ir-rapport tal-Istat Membru relatur lill-Istati Membri l-oħra, sabiex dawn ikunu informati. Barra minn hekk, qabel tal-inkartament u r-rapport jintbagħtu lill-Kumitat, tista’ tiġi organizzata konsultazzjoni ma’ esperti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tista’ tikkonsulta wkoll man-notifikaturi kollha tan-notifiki kkonċernati fir-rigward tar-rapport jew ta’ xi partijiet mir-rapport li jikkonċernaw is-sustanza attiva prevista.

17      L-Artikolu 7(3a) tar-Regolament Nru 3600/92, kif miżjud bir-Regolament Nru 1199/97, jipprovdi li wara dan l-eżami l-Kummissjoni għandha tippreżenta quddiem il-Kumitat jew abbozz ta’ direttiva sabiex is-sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva, jew abozz ta’ deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri sabiex jirtiraw l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom is-sustanza attiva, jew abbozz ta’ deċizjoni indirizzata lill-Istati Membri sabiex jirtiraw tali awtorizzazzjoni filwaqt li jżommu l-possibbiltà li jerġgħu jikkunsidraw l-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I ta’ din id-direttiva wara li jingħataw riżultati ta’ provi addizzjonali jew informazzjoni komplimentari, jew fl-aħħar nett abbozz ta’ deċiżjoni li tipposponi l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I ta’ din id-direttiva sakemm jingħataw riżultati ta’ provi addizzjonali jew informazzjoni komplimentari.

18      Madankollu, l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92, kif ikkompletat bir-Regolament Nru 2266/200, jipprevedi li, fil-każ li jkun jidher, wara l-eżami tal-Kumitat, li s-sottomissjoni tar-riżultati ta’ ċerti provi addizzjonali jew ta’ informazzjoni komplimentari tkun meħtieġa, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi terminu li fih dawn ir-riżultati jew informazzjoni għandhom jiġu mressqa. Dan l-artikolu jispeċifika:

“[D]an il-limitu ta’ żmien sa jkun il-25 ta’ Mejju 2002 sakemm limitu ta’ żmien aktar kmieni ma jiġix stabbilit mill-Kummissjoni għal xi sustanza attiva partikolari minbarra għar-riżultati ta’ studji fit-tul, identifikati bħala neċessarji mill-Pajjiż Membru relatur [l-Istat Membru relatur] u mill-Kummissjoni matul l-eżami tal-inkartament u li mhumiex mistennija li jkun lesti kompletament tal-iskadenza stabbilita, basta l-informazzjoni mogħtija jkun fiha evidenza li dawn l-istudji ġew kommissjonati u li r-riżultati tagħhom ikunu se jingħataw sa mhux aktar tard mill-25 ta’ Mejju 2003. F’każijiet eċċezzjonali, fejn ma kienx possibli li l-Pajjiż Membru relatur [l-Istat Membru relatur] u l-Kummissjoni jidentifikaw dawn l-istudji sal-25 ta’ Mejju 2001, data alternattiva tista’ tiġi stabbilita għat-tlestija ta’ dawn l-istudji, sakemm in-notifikatur jagħti lill-Pajjiż Membru relatur [l-Istat Membru relatur] evidenza li dawn l-istudji ġew kommissjonati fi żmien tliet xhur mit-talba, u bi protokoll u rapport ta’ progress dwar l-istudju sal-25 ta’ Mejju 2002.”

19      L-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92, kif ikkompletat bir-Regolament Nru 2266/200, jipprovdi wkoll:

“[… I]s-sottomissjoni ta’ studji ġodda ma tiġix aċċettata. Il-Pajjiż Membru relatur [l-Istat Membru relatur], bi qbil mal-Kummissjoni, jista’ jitlob lin-notifikaturi biex jagħtu aktar data neċessarja sabiex jiċċaraw l-inkartament. Għal sustanzi attivi li għalihom ir-riżultati jew l-informazzjoni msemmija fl-ewwel inċiż ma jkunux ngħataw fiż-żmien stabbilit il-Pajjiż Membru relatur [l-Istat Membru relatur] għandu immedjatament jinforma lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, kif previst fl-Artikolu 8(2), l-aħħar sub paragrafu, tad-Direttiva, li ma [t]inkludix fl-Anness I tad-Direttiva dawn is-sustanzi attivi u ssemmi r-raġunijiet għalxiex dawn ma ġewx inklużi […]”

20      L-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 3600/92 jipprovdi li “[l]-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kumitat abbozz ta’ deċiżjoni sabiex ma jkunx hemm inklusjoni fl-Anness I tad-Direttiva. Skont is-subparagrafu tal-aħħar tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva [91/414] fejn: [...] l-Istat Membru relatur informa lill-Kummissjoni li r-riżultati msemmija fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 4 ma kinux ġew mogħtija fiż-żmien stipulat”

21      Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3600/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2266/2000, wara li jkun irċieva r-riżultati tal-provi addizzjonali jew l-informazzjoni komplimentari, l-Istat Membru relatur għandu jeżaminhom filwaqt li jiżgura li dawn ir-riżultati jew informazzjoni jintbagħtu min-notifikatur lill-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Kummissjoni u għandu jibgħat, mhux iktar tard minn sitt xhur minn meta jkun irċieva dawn ir-riżultati jew informazzjoni, l-evalwazzjoni tiegħu tal-inkartament fil-forma ta’ addendum għar-rapport ta’ evalwazzjoni diġà ppreżentat lill-Kummissjoni flimkien ma’ rakkomandazzjoni dwar jekk is-sustanza attiva għandhiex tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

22      Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 3600/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2266/2000, wara li tirċievi r-rapport magħmul mill-Istat Membru relatur, il-Kummissjoni għandha tibagħtu lill-Kumitat għall-eżami. Dan l-artikolu jipprovdi li, “[q]abel ma tirreferi l-inkartament u r-rapport lill-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tiċċirkola r-rapport tar-rapporteur [tar-relatur] lill-Pajjiżi [l-Istati] Membri għall-informazzjoni u tista’ torganizza konsulta ta’ esperti minn Pajjiż [Stat] Membru wieħed jew aktar”. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll li “[i]l-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lin-notifikaturi kollha jew xi wħud minnhom dwar is-sustanzi attivi fir-rapport jew f’partijiet mir-rapport dwar is-sustanza attiva relevanti”, u jispeċifika li “[l]-Pajjiż Membru relatur [l-Istat Membru relatur] għandu jagħti l-għajnuna teknika u xjentifika neċessarja matul dawn il-konsultazzjonijiet”. Wara l-eżami minn dan il-kumitat, il-Kummissjoni għandha tippreżentalu abbozz ta’ deċiżjoni dwar l-inklużjoni jew in-nuqqas ta’ inklużjoni tas-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Proċedura ta’ evalwazzjoni

23      L-endosulfan hija sustanza attiva użata b’mod partikolari fil-produzzjoni tal-pestiċidji. Din taġixxi bħala velenu kontra varjetà kbira ta’ insetti u parassiti fuq diversi wċuħ, fosthom il-qoton u diversi varjetajiet ta’ frott u ħxejjex.

24      Bayer CropScience AG, Makhteshim-Agan Holding BV, Alfa Georgika Efodia AEVE u Aragonesas Agro, SA, ir-rikorrenti, huma kumpanniji li għandhom, b’mod partikolari, bħala attività tagħhom il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ endosulfan u ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti bbażati fuq l-endosulfan.

25      B’applikazzjoni tar-Regolament Nru 933/94, ir-Renju ta’ Spanja ġie nnominat bħala Stat Membru relatur bl-inkarigu li jeżamina l-endosulfan. Mill-Anness 3 tiegħu jirriżulta li dan l-Istat Membru ħatar bħala awtorità kompetenti għal dan il-għan, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 3600/92, il-Ministeru tal-Agrikoltura, tas-Sajd u tal-Ikel Spanjol, iktar ’il quddiem il-“MAPA”. Il-MAPA inkariga lill-Instituto Nacional de Investigacíon y Tecnologia Agraria y Alimentaria (l-Istitut Nazzjonali ta’ Studju u ta’ Teknoloġija tal-Agrikoltura u tal-Ikel, iktar ’il quddiem l-“INIA”) sabiex iħejji rapporti ta’ evalwazzjoni dwar is-sustanzi attivi fid-dawl tal-inklużjoni tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Għalhekk, l-INIA ġie inkarigat jelabora l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni għall-endosulfan u pparteċipa f’diskussjonijiet bejn esperti organizzati mill-Kummissjoni.

26      Qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu, jiġifieri l-31 ta’ Ottubru 1995, kienu biss Makhteshim Agan International Coordination Center u AgrEvo GmbH, illum imsejħa Bayer CropScience, li ressqu inkartamenti lir-Renju ta’ Spanja, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3600/92, dwar l-endosulfan. Makhteshim Agan International Coordination Center u AgrEvo għaqdu l-isforzi tagħhom fi ħdan grupp ta’ ħidma intitolat “grupp ta’ ħidma endosulfan” (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ ħidma”).

27      Matul Frar 2000, ir-Renju ta’ Spanja bagħat lill-Kummissjoni abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-endosulfan, li mbagħad intbagħat mill-Kummissjoni lill-Istati Membri u lil AgrEvo, bħala rappreżentanta tal-grupp ta’ ħidma. Abbozz preliminari ta’ dan ir-rapport kien intbagħat xi xhur qabel lill-grupp ta’ ħidma. Fl-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni, ir-Renju ta’ Spanja kkonkluda li d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 kellha tiġi posposta sakemm tasal u tiġi eżaminata l-informazzjoni addizzjonali identifikata fl-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni.

28      Bejn Jannar u Lulju 2001 saru diversi laqgħat ta’ esperti ta’ diversi Stati Membri bl-iskop li jiġi eżaminat l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni u l-kummenti li qajjem dan l-abbozz fil-kuntest tal-proċess ta’ evalwazzjoni minn esperti ta’ Stati Membri oħra, kif previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 3600/92, li bis-saħħa tiegħu l-Kummissjoni ħolqot b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali qafas ta’ diskussjonijiet sabiex iseħħ dan it-tip ta’ evalwazzjoni, intitolat European Commission Co-ordination (ECCO). Il-membri tal-grupp ta’ ħidma pparteċipaw f’dawn id-diskussjonijiet.

29      Fis-27 ta’ Ġunju 2001, ir-rapport redatt wara dan l-eżami tqassam lill-Istati Membri u, fil-25 ta’ Awwissu 2001, lill-grupp ta’ ħidma bil-għan li jingħataw kummenti u kjarifiki komplimentari.

30      Wara li kkonstatat li ċerta informazzjoni addizzjonali kienet neċessarja għall-eżami tal-endosulfan, il-Kummissjoni adottat, fil-21 ta’ Novembru 2001, id-Deċiżjoni 2001/810/KE li tirrigwarda d-deċiżjoni dwar l-inklużjoni possibbli ta’ ċerti sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (ĠU L 305, p. 32), li tipproroga t-terminu għas-sottomissjoni ta’ data ġdida dwar l-endosulfan għall-25 ta’ Mejju 2002, u għall-31 ta’ Mejju 2003 għal studji fit-tul, skadenzi simili għal dawk iffissati fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92.

31      F’Mejju 2002, il-grupp ta’ ħidma ressaq data ġdida, skont il-limiti ta’ żmien previsti mid-Deċiżjoni 2001/810. F’Lulju 2002, huwa beda diskussjonijiet mar-Renju ta’ Spanja dwar il-possibbiltà li jiġu nnotifikati studji dwar formulazzjoni differenti tal-endosulfan. Il-formulazzjoni inizjalment notifikata kienet taħt forma ta’ trab niedi (WP) jew ta’ konċentrat emulsjonabbli (EC), filwaqt li l-prodott il-ġdid jippreżenta ruħu taħt il-forma ta’ kapsoli (CS). Skont il-grupp ta’ ħidma, din il-formulazzjoni ġdida setgħet tneħħi xi wħud mid-dubji li r-Renju ta’ Spanja kien diġà esprima. F’laqgħa li nżammet fis-17 ta’ Lulju 2002, ir-rappreżentanti tar-Renju ta’ Spanja ddikjaraw li ma setgħux jaċċettaw dan l-inkartament ġdid, filwaqt li ssuġġerew lir-rikorrenti li jippruvaw jiksbu l-aċċettazzjoni informali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Ir-rikorrenti ma kisbux din l-aċċettazzjoni.

32      F’Mejju 2003, ir-rikorrenti ssottomettew l-istudji fit-tul imsemmija fid-Deċiżjoni 2001/810 filwaqt li żiedu ċerta data ġdida, jiġifieri inkartament ġdid konformi mal-Anness III tad-Direttiva 91/414 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) dwar il-formulazzjoni CS (iktar ’il quddiem l-“inkartament CS”).

33      Fit-22 ta’ Jannar 2004 saret laqgħa bejn il-grupp ta’ ħidma u l-awtoritajiet Spanjoli li matulha espert fl-oqsma tal-ambjent u l-ekotossikoloġija indika xi wħud mill-preokkupazzjonijiet tiegħu dwar l-endosulfan.

34      Fis-26 ta’ Jannar 2004, il-grupp ta’ ħidma rċieva mir-Renju ta’ Spanja r-rapport dwar l-evalwazzjoni tad-data mressqa mill-grupp ta’ ħidma matul Mejju 2002 u Mejju 2003 taħt forma ta’ addendum għar-rapport ta’ evalwazzjoni u verżjoni aġġornata tat-tabelli ta’ evalwazzjoni.

35      Fis-17 ta’ Mejju 2004, inżammet laqgħa bejn tliet partijiet li fiha pparteċipaw il-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja u l-grupp ta’ ħidma, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 91/414. Matul din il-laqgħa, il-Kummissjoni indikat il-problemi mqajma mill-endosulfan u indikat li kellha l-ħsieb tipproponi lill-Kumitat li ma jinkludix l-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Barra minn hekk hija stiednet lill-grupp ta’ ħidma sabiex iressaq il-kummenti tiegħu qabel il-21 ta’ Ġunju 2004, filwaqt li speċifikat li ebda studju ġdid li jsostni l-argument tiegħu ma seta’ jiġi aċċettat, peress li t-terminu li jagħlaq fil-31 ta’ Mejju 2003 kien diġà skada.

36      Fil-25 ta’ Ġunju 2004, ir-rappreżentanti tal-grupp ta’ ħidma bagħtu ittra lill-Kummissjoni sabiex jikkontestaw il-mod kif saret l-evalwazzjoni tal-endosulfan u sabiex jiġu awtoritizzati jressqu ċerti spjegazzjonijiet tekniċi komplimentari u ssottomettew argumenti addizzjonali, u kif ukoll studji ġodda.

37      B’ittra datata t-12 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni talbet lill-Istat Membru relatur sabiex ma jikkunsidrax l-istudji ġodda mressqa mill-grupp ta’ ħidma. Kopja ta’ din l-ittra ntbagħtet lill-grupp ta’ ħidma.

38      Fl-24 ta’ Settembru 2004, il-grupp ta’ ħidma bagħat ittra lill-Kummissjoni fejn essenzjalment talabha sabiex tibgħat lura lill-Istat Membru relatur l-eżami tal-endosulfan bl-istruzzjoni li tiġi eżaminata d-data rilevanti kollha u interpellaha sabiex tiddefinixxi l-pożizzjoni tagħha f’terminu ta’ 60 jum.

39      B’ittra datata s-26 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni wieġbet li hija kienet qed tipprepara proposta għal deċiżjoni li l-endosulfan ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u li hija kellha l-intenzjoni li tissottometti dan l-abbozz lill-Kumitat fl-ewwel laqgħa tiegħu tas-sena 2005. Il-Kummissjoni indikat ukoll li, fl-ittra tagħha tat-12 ta’ Lulju 2004, hija kienet irreferiet għall-proċedura prevista fir-Regolament Nru 3600/92 kif ukoll għat-termini previsti għat-tmiem tal-eżami tas-sustanzi msemmija f’dak ir-regolament.

40      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti ressqu rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni (Kawża T-34/05, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni).

41      B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Jannar 2005, Makhteshim-Agan Holding, Aragonesas Agro u Alfa Georgika Efodia ressqu talba sabiex jiġu ordnati ċerti miżuri provviżorji fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-endosulfan fid-dawl tal-inklużjoni possibbli tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

42      B’digriet tas-27 ta’ April 2005, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji bħala li kienet manifestament inammissibbli jew tal-inqas bħala li, fir-rigward ta’ parti minnha, ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni u, fir-rigward tal-kumplament tagħha, bħala li kienet manifestament inammissibbli.

43      B’digriet tas-6 ta’ Settembru 2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) iddeċidiet li, fid-dawl tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-Deċiżjoni 2005/864/KE tat-2 ta’ Diċembru 2005, li tikkonċerna n-nuqqas tal-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza attiva (ĠU L 317, p. 25, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ma kienx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

 Id-deċiżjoni kkontestata

44      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kriterji għall-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 mhumiex sodisfatti. Fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni hija għalhekk tispeċifika li l-endosulfan mhuwiex inkluż, bħala sustanza attiva, fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Il-Kummissjoni tiġbor fil-qosor, fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ inklużjoni:

“Fl-evalwazzjoni ta’ din is-sustanza attiva ġew identifikati diversi aspetti ta’ preokkupazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda xi jsir minnha u l-effett tagħha fuq l-ambjent fid-dawl tal-fatt li l-modi ta’ degradazzjoni tas-sustanza attiva mhumiex ċari u li mill-istudji tad-degradazzjoni fil-ħamrija, tad-degradazzjoni fl-ilma/fis-sedimenti u tal-mesokosma ġew skoperti metaboliti li mhumiex magħrufa. Fil-livell ekotossikoloġiku, jibqgħu diversi preokkupazzjonijiet fid-dawl tal-fatt li l-informazzjoni disponibbli ma tippermettix studju suffiċjenti tar-riskju fit-tul li jirriżulta b’mod partikolari mill-preżenza tal-imsemmija metaboliti. Barra minn hekk, l-istudju dwar l-espożizzjoni interna tal-operaturi sabiex jgħin l-informazzjoni eżistenti ma ġiex iġġudikat li kien biżżejjed. Barra minn hekk, l-endosulfan huwa volatili, il-metabolit prinċipali tiegħu huwa persistenti u dan instab fir-riżultati ta’ sorveljanza fir-reġjuni fejn is-sustanza ma kinitx użata. Għalhekk, ladarba dawn il-kwistjonijiet ma ġewx sorvolati, jirriżulta mill-evalwazzjonijiet magħmula li l-informazzjoni pprovduta mhijiex biżżejjed sabiex turi li, fiċ-ċirkustanzi ta’ użu previsti, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom l-endosulfan jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti ffissati mill-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

45      Skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom is-sustanza attiva tal-endosulfan jiġu rtirati qabel it-2 ta’ Ġunju 2006, li, mit-3 ta’ Diċembru 2005, ma tingħata u ma tiġi mġedda ebda awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom l-endolsufan u li jiġu indikati l-kundizzjonijiet li taħthom xi Stati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2007, għal ċerti użi speċifiċi, l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom l-endosulfan.

46      Skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jingħata perijodu ta’ żmien ta’ grazzja minn Stat Membru lil persuna li jkollha awtorizzazzjoni li tiskadi, għall-użi li għalihom l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rtirata fit-2 ta’ Ġunju 2006, l-iktar tard fit-2 ta’ Ġunju 2007 u, għall-użi li għalihom l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu rtirati mit-30 ta’ Ġunju 2007, l-iktar tard fil-31 ta’ Diċembru 2007.

47      Fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-imsemmija deċiżjoni ma tippreġudikax il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-endosulfan, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414, intiża għal inklużjoni eventwali fl-Anness I tal-imsemmija direttiva.

48      L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li l-Istati Membri huma d-destinatarji tagħha.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

49      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

50      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Mejju 2006, ir-Renju ta’ Spanja talab sabiex jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’digriet tat-30 ta’ Ġunju 2006, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Alwa) laqa’ din it-talba għal intervent.

51      B’att ippreżentat fir-Reġistru fit-12 ta’ Ġunju 2006, il-European Crop Protection Association (ECPA) talbet sabiex tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Din it-talba ntlaqgħet b’digriet tad-19 ta’ Ottubru 2006 tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla). L-ECPA ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

52      Fl-14 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li jikkonċernaw essenzjalment id-dehra u d-depożizzjoni orali ta’ xi persuni li kienu involuti fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-Istat Membru relatur u l-ħatra ta’ espert sabiex iwieġeb għal xi mistoqsijiet li kienu ħejjew. Il-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba fit-termini mogħtija.

53      Fuq il-bażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet tiftaħ il-proċedura orali. Fl-24 ta’ Ottubru 2007, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet lir-rikorrenti, lill-Kummissjoni u lir-Renju ta’ Spanja sabiex iwieġbu għal mistoqsijiet bil-miktub, u huma għamlu dan fit-terminu mogħti.

54      It-trattazzjoni tal-partijiet instemgħet fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2008.

55      Ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat jew, sussidjarjament, tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà flimkien mad-deċiżjoni fil-mertu;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

56      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

57      Mingħajr ma qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bħala tali, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, minn naħa, qajmet dubji fir-rigward tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, ikkontestat il-locus standi ta’ xi wħud minnhom.

 Dwar l-interess ġuridiku

 L-argumenti tal-partijiet

58      Skont il-Kummissjoni, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jpoġġix neċessarjament lir-rikorrenti f’pożizzjoni iktar favorevoli. L-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-endosulfan tinżamm sakemm tkun qed issir l-evalwazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414. Dan il-perijodu ta’ eżami jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2006. Fil-każ li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, is-sentenza tingħata wara din id-data. F’dan il-każ, il-Kummissjoni jkollha tieħu l-miżuri sabiex teżegwixxi s-sentenza, skont l-Artikolu 233 KE, iżda l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju tfisser li ma jkunx għad hemm iktar bażi ġuridika evidenti sabiex iż-żamma tal-endosulfan fis-suq tkun awtorizzata sakemm issir evalwazzjoni ġdida. L-inkartament tar-rikorrenti jkollu għalhekk ikun suġġett għal evalwazzjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414, iktar milli fil-kuntest tal-programm ta’ eżami. Ladarba r-rikorrenti huma liberi li jinnotifikaw l-endosulfan fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 6, u dan anki fil-mori tal-kawża, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jtejjibx is-sitwazzjoni tagħhom, jekk mhux sa fejn is-sentenza tista’ tagħti indikazzjonijiet fir-rigward tal-proċeduri u tal-kriterji ta’ evalwazzjoni.

59      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

60      Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tikkontesta l-interess ġuridiku tar-rikorrenti. Tal-inqas, hija donnha qed issostni li dawn tilfu l-interess ġuridiku tagħhom fil-mori tal-proċedura, b’mod partikolari mill-31 ta’ Diċembru 2006, data meta ntemm il-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, kif emendat. Il-Kummissjoni donnha qed tippretendi, minn naħa, li minn dik id-data l-prodotti tar-rikorrenti ma baqgħux jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq iżda li huma għalhekk setgħu jinnotifikaw is-sustanzi attivi tagħhom fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414, li jiddeskrivi l-proċedura ta’ notifika u ta’ inklużjoni tas-sustanzi attivi li ma jaqgħux taħt is-sistema tranżitorja tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva prevista għas-sustanzi attivi li għalihom prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kienu diġà fis-suq sentejn wara d-data ta’ notifika tad-Direttiva u, min-naħa l-oħra, ma kienx hemm iktar bażi ġuridika evidenti għajr l-imsemmi Artikolu 6 għall-evalwazzjoni tal-endosulfan, peress li l-perijodu ta’ evalwazzjoni tas-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/44 kien skada. Għalhekk ir-rikorrenti setgħu jiksbu l-istess riżultat finali, jiġifieri l-eżami tad-data addizzjonali tagħhom, kemm fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414 u kif ukoll permezz tar-rikors għal annullament tagħhom.

61      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li minħabba l-fatt li tipprovdi li l-endosulfan m’għandhiex tkun inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u minħabba l-fatt li timponi l-irtirar mill-Istati Membri tal-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom l-endosulfan, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju li l-annullament tiegħu jkun ta’ benefiċċju għar-rikorrenti, għall-produtturi u għall-bejjiegħa ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti bbażati fuq l-endosulfan. L-interess ġuridiku tar-rikorrenti fil-mument meta ġie ppreżentat ir-rikors huwa għalhekk effettiv u attwali.

62      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni donnha qed targumenta, la l-iskadenza tal-perijodu tranżitorju tal-eżami u lanqas l-eżistenza tal-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414 ma jaffettwaw l-eżistenza kontinwa tal-imsemmi interess ġuridiku.

63      F’dak li jikkonċerna l-allegata impossibbiltà tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni ġdida fuq il-bażi tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 sabiex teżegwixxi sentenza ta’ annullament eventwali, din ma taffettwax l-interess ġuridiku tar-rikorrenti. Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE, il-Kummissjoni hija marbuta tieħu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament. Fil-każ ta’ annullament bħal dan, bl-effett retroattiv marbut miegħu, il-Kummissjoni jkollha tieħu mill-ġdid deċiżjoni fuq il-bażi tal-inkartament notifikat, affettwat minn dan l-annullament, u jkollha tiddeċiedi billi tqiegħed lilha nfisha fid-data tan-notifika [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Mejju 2006, O2 (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni, T‑328/03, Ġabra p. II‑1231, punt 48]. Il-fatt li kien hemm xi tibdil kwalunkwe fil-leġiżlazzjoni li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata wara li din ġiet adottata mhuwiex għalhekk rilevanti għad-deċiżjoni dwar l-opportunità tar-rikorrenti li jressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-proċedura użata u tar-riżultat miksub taħt is-sistema fis-seħħ meta seħħew il-fatti.

64      Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni jkollha, wara sentenza ta’ annullament, tevalwa l-endosulfan skont il-proċedura tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414 huwa irrelevanti. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi miċħud li l-possibbiltà għar-rikorrenti li jipproċedu b’notifika ġdida tal-endosulfan fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414, possibbiltà li għaliha d-deċiżjoni kkontestata tagħmel riferiment espress fil-premessa 14 tagħha, hija għalihom opportunità inqas vantaġġjuża minn eventwali bidu ġdid, wara sentenza ta’ annullament, ta’ din l-ewwel proċedura ta’ evalwazzjoni fejn setgħet saret illegalità, b’tali mod li din il-possibbiltà għar-rikorrenti li l-endosulfan jiġi eżaminat billi jingħata bidu għal proċedura ġdida fuq bażi ġuridika oħra ma taffettwax l-interess ġuridiku tagħhom sabiex jingħataw deċiżjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-validità tal-ewwel proċedura.

65      Għalhekk ir-rikorrenti għandhom interess ġuridiku sabiex jingħataw deċiżjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-motivi mressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-locus standi

 L-argumenti tal-partijiet

66      Il-Kummissjoni tammetti li Bayer CropScience hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, peress li din ipparteċipat fil-proċedura amministrattiva. Madankollu hija tikkontesta li r-rikorrenti l-oħra pparteċipaw f’din il-proċedura u, għalhekk, li dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

67      Skont ir-rikorrenti, kull waħda minnhom hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

68      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, meta tkun qiegħda tiġi stabbilita l-ammissibbiltà tal-uniku u l-istess rikors ippreżentat minn diversi rikorrenti u meta r-rikors ikun ammissibbli fir-rigward ta’ wieħed minnhom, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 31; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T‑127/99, T‑129/99 u T‑148/99, Ġabra p. II‑1275, punt 52, u tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, T‑374/00, Ġabra p. II‑2275, punt 57).

69      Fid-dawl tal-fatt li l-ewwel rikorrenti, Bayer Cropscience, hija, kif il-Kummissjoni nfisha tirrikonoxxi, direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, mhuwiex għalhekk meħtieġ li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra sabiex tiġi stabbilita l-ammissibbiltà tar-rikorsċ.

70      Minn dan kollu premess jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

71      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti qed iressqu tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqasijiet proċedurali, fuq in-natura inġusta tal-proċedura ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur, minn naħa, tal-Artikolu 95(3) KE (l-ewwel parti) u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 (it-tieni parti). It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis utli li teżamina l-ewwel motiv u t-tieni parti tat-tieni motiv flimkien.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqasijiet proċedurali, fuq in-natura inġusta tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414

72      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu diversi lmenti dwar, b’mod partikolari, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq kriterji oħra li mhumiex dawk speċifikati fid-Direttiva 91/414, il-fatt li l-evalwazzjoni tal-endosulfan mhijiex kompleta u hija bbażata fuq użu selettiv tad-data sottomessa minnhom, applikazzjoni retroattiva ta’ linji gwida ġodda u ta’ kriterji ġodda stabbiliti mill-Kummissjoni wara n-notifika u s-sottomissjoni tad-data, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiggwidhom u li tikkonsulta magħhom fil-kuntest tal-bdil tal-kriterji u tal-politika ta’ evalwazzjoni u r-rifjut, fl-aħħar tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, li teżamina data ġdida mressqa bħala tweġiba diretta għall-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kriterji ġodda u/jew linji gwida ġodda dwar l-evalwazzjoni.

73      Dawn l-ilmenti huma essenzjalment marbuta ma’ seba’ kwistjonijiet dwar, l-ewwel nett, il-metabolit mhux magħruf, it-tieni nett, l-inkartament CS, it-tielet nett, l-espożizzjoni tal-operatur internament, ir-raba’ nett, il-prattiki tajba agrikoli (PTA) riveduti, il-ħames nett, il-klassifikazzjoni tal-endosulfan bħala pollutant organiku persistenti (POP) u sustanza persistenti, bijoakkumulabbli u tossika (PBT), is-sitt nett, l-użu fis-serer u, is-seba’ nett, l-impatt tad-dewmien ikkawżat mill-Istat Membru relatur u mill-Kummissjoni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni. Dawn il-kwistjonijiet se jiġu eżaminati fil-punti 96 sa 206 iktar ’il quddiem.

74      Xi wħud mis-seba’ kwistjonijiet hawn fuq imsemmija, kif ukoll l-ilmenti mressqa fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta rrifjutat li teżamina ċerta data jew ċerti studji allegatament sottomessi tardivament. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis utli li teżamina l-ewwel il-kwistjoni tal-applikabbiltà tat-termini proċedurali għas-sottomissjoni ta’ studji fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li d-deċiżjoni ta’ inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tal-imsemmija direttiva għandha tittieħed “[f]id-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti”, peress li din tikkonċerna l-kuntest ġenerali ta’ evalwazzjoni tal-każ ineżami.

 Fuq il-kwistjoni preliminari tal-applikazzjoni tat-termini proċedurali u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414

–       L-argumenti tal-partijiet

75      Ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jikkritikaw essenzjalment lill-Kummissjoni talli ħadet id-deċiżjoni li ma tinkludix l-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 minħabba dubji dwar is-sigurtà bbażati fuq insuffiċjenza ta’ informazzjoni f’data partikolari qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. Issa, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, li jipprovdi li l-imsemmija deċiżjonijiet għandhom iqisu t-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, jimplika li għandha titqies id-data kollha pprovduta minnhom qabel jintemm il-proċess ta’ evalwazzjoni. In-nuqqas ta’ tiġdid tat-termini għas-sottomissjoni ta’ studji fil-każ ineżami jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-fatt li hija l-imġiba tal-Kummissjoni u tar-Renju ta’ Spanja li żammet lir-rikorrenti milli jirrispettaw it-termini legali. Insostenn tal-argument tagħhom, huma jinvokaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C‑326/05 P, Ġabra p. I‑6557, iktar ’il quddiem is-“sentenza IQV”).

76      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkunsidra li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 għandu jinqara fid-dawl tal-għan ġenerali tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u tas-sistema implementata għal dan il-għan. L-evalwazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandha sservi sabiex ittejjeb il-produzzjoni agrikola, iżda wkoll sabiex tipproteġi s-saħħa u l-ambjent. Skont il-Kummissjoni, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni għandhom jippermettu eżami fid-dettal ħafna filwaqt li jiggarantixxu li d-deċiżjonijiet jittieħdu fi żmien raġonevoli. Fl-aħħar nett, huma għandhom jiżguraw trattament ugwali tal-impriżi li jkunu nnotifikaw sustanzi attivi filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi sustanzi. L-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija mir-rikorrenti lil dan l-artikolu twassal għal xenarju li jipparalizza s-sistema kollha tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u dan ikun kuntrarju għall-għanijiet tad-Direttiva 91/414. Barra minn hekk, is-sentenza IQV, iċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna każ partikolari u mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża ineżami.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

77      Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tqis ċerta data u ċerti studji sottomessi minnhom tardivament, li tfisser li qegħdin essenzjalment isostnu li kellhom jibbenefikaw minn proroga tat-termini proċedurali jew li kellhom jingħataw termini ġodda.

78      Hemm lok li jiġi mfakkar li hemm dispożizzjonjiet leġiżlattivi speċifiċi dwar it-tul ta’ żmien tal-proċedura ġenerali ta’ evalwazzjoni tas-sustanzi attivi u tat-termini għas-sottomissjoni ta’ inkartament komplet u ta’ informazzjoni komplementari. Għalhekk, ir-Regolament Nru 3600/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2266/2000, kif ukoll id-Deċiżjoni 2001/810 jipprevedu li dawn it-termini tal-aħħar jiskadu għall-endosulfan fil-25 ta’ Mejju 2002, fir-rigward tas-sottomissjoni ta’ studji u ta’ data addizzjonali, u fil-31 ta’ Mejju 2003, fir-rigward ta’ studji fit-tul. Il-legalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mhijiex qed tiġi kkontestata f’din il-kawża ineżami.

79      Hemm lok ukoll li jiġi rrilevat li mill-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tipproroga t-terminu għall-istudji fit-tul f’każijiet eċċezzjonali biss, jiġifieri meta l-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni ma setgħux jidentifikaw, qabel il-25 ta’ Mejju 2005, l-istudji fit-tul meqjusa meħtieġa għall-eżami tal-inkartament. Barra minn hekk, in-notifikatur għandu jġib prova lill-Istat Membru relatur li tali studji jkunu ġew ikkummissjonati fi żmien tliet xhur minn meta jkunu ntalbu u għandu jipproduċi minuta kif ukoll rapport ta’ progress tal-istudju qabel il-25 ta’ Mejju 2002. Issa, dan ma kienx il-każ fil-każ ineżami, peress li d-data u l-istudji kkontestati ma kinux jikkonċernaw l-istudji fit-tul mitluba mill-evalwaturi.

80      Minkejja dan il-kuntest leġiżlattiv ċar, hemm lok, fid-dawl tal-każ ineżami, li jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi li fihom seta’ jkun hemm obbligu fuq il-Kummissjoni li tipproroga t-termini, fuq kollox fid-dawl tal-fatt li l-perijodu tranżitorju għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-endosulfan kellu jagħlaq fil-prinċipju f’Lulju 2003, iżda kien ġie estiż, fl-2002, sal-31 ta’ Diċembru 2005 u, finalment, fl-2005, sal-31 ta’ Diċembru 2006 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), bil-kundizzjoni li, qabel din id-data, ma tkunx ġiet adottata deċiżjoni ta’ inklużjoni jew ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-ħames, is-sitt u d-disa’ premessi tagħha, id-Direttiva 91/414 għandha l-għan li telimina l-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent kif ukoll tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2006, Stichting Zuid‑Hollandse Milieufederatie, C‑138/05, Ġabra p. I‑8339, punt 43).

82      F’dan il-kuntest, sabiex l-għan assenjat lilha jkun jista’ jiġi segwit b’mod effiċjenti, u fid-dawl ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija għandha tagħmel, il-Kummissjoni għandha jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenza IQV, iċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, punt 75). Is-setgħa li tipproroga terminu tintrabat ma’ setgħa diskrezzjonali li tiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari.

83      Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma jonqosx milli jkun suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti Komunitarja għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 5, u tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, Ġabra p. I‑5163, punt 12).

84      B’mod partikolari, meta parti tinvoka żball manifest ta’ evalwazzjoni li allegatament ikun sar mill-istituzzjoni kompetenti, il-qorti Komunitarja għandha tistħarreġ jekk din l-istituzzjoni tkunx eżaminat, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ partikolari, elementi li jsostnu l-konklużjonijiet milħuqa abbażi tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14).

85      Għandu jiġi mfakkar ukoll li mill-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 3600/92, kif ikkompletat bir-Regolament Nru 2266/2000, jirriżulta li huwa l-oneru tan-notifikatur li jġib il-prova li, fuq il-bażi tal-informazzjoni sottomessa għal preparazzjoni jew diversi preparazzjonijiet li jikkorrispondu għal serje limitata ta’ użi rappreżentattivi, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 91/414 huma ssodisfati fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva. L-oneru tal-prova tas-sigurtà tas-sustanza attiva huwa għalhekk tan-notifikatur, li barra minn hekk mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

86      Barra dan, huwa evidenti li proroga indefinita tat-terminu ta’ evalwazzjoni ta’ sustanza attiva tkun kuntrarja għall-għan tad-Direttiva 91/414 li huwa li tiggarantixxi livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.

87      Fir-rigward tar-riferiment għas-sentenza IQV, iċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kienet tikkonċerna kuntest fattwali partikolari ħafna, differenti minn dak ta’ din il-kawża, inkwantu d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 tas-sustanza attiva inkwistjoni f’dik il-kawża ttieħdet minħabba n-nuqqas totali ta’ evalwazzjoni, minħabba nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ inkartament inizjali komplet. Għalhekk dik il-kawża kienet tikkonċerna l-kwistjoni dwar it-terminu applikabbli għas-sottomissjoni ta’ inkartament ta’ notifika komplet. Issa, fil-kawża ineżami, id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni ttieħdet fit-tmiem tal-proċess ta’ evalwazzjoni bbażat, b’mod partikolari, fuq notifika inizjali meqjusa kompleta, abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, konsulenza ta’ esperti tal-Istati Membri u l-possibbiltajiet għall-grupp ta’ ħidma li jissottometti argumenti u studji addizzjonali sabiex iwieġeb għad-dubji mqajma mill-Istat Membru relatur fl-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni u matul il-proċess ta’ konsulenza ta’ esperti tal-Istati Membri.

88      Minkejja l-kuntest fattwali differenti ħafna tal-kawża li wasslet għas-sentenza IGV, iċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, meta mqabbel ma’ dak tal-kawża ineżami, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha fil-kuntest tad-Direttiva 91/414, ikkonkludiet li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tagħti lil Industrias Químicas del Vallés SA (iktar ’il quddiem “IQV”) proroga tat-terminu mogħti għas-sottomissjoni ta’ inkartament inizjali komplet, minħabba, minn naħa, l-impossibbiltà għal IQV li tosserva l-imsemmija termini minħabba, tal-inqas parzjalment, imġiba kontradittorja tal-awtoritajiet kompetenti u, min-naħa l-oħra, minħabba li proroga tat-termini kkontestati kienet possibbli fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza IQV, iċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, punti 84 sa 88).

89      Mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq jista’ jiġi konkluż li, fil-kuntest ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ta’ sustanza prevista mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, il-moratorja tkun neċessarja jekk, minn naħa, ma jkunx impossibbli li ssir deroga mit-termini proċedurali ffissati mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, minn naħa l-oħra, il-partijiet li jkunu nnotifikaw is-sustanza attiva jsibu lilhom infushom f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li żżommhom milli josservaw it-termini proċedurali, ċirkustanza li tista’ tirriżulta jekk l-impossibbiltà li jiġu osservati l-imsemmija termini tkun dovuta, tal-inqas parzjalment, għall-imġiba kontradittorja tal-awtoritajiet kompetenti.

90      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk kienx impossibbli għall-Kummissjoni li tagħmel deroga għat-termini proċedurali inkwistjoni fil-kawża ineżami, ma jistax ma jiġix ikkonstatat li l-Kummissjoni m’għandhiex argumenti konvinċenti f’dan ir-rigward. Hija tinvoka ostakoli prattiċi u politiċi li jirriżultaw mill-fatt li fl-2001 hija kkommettiet ruħha mal-Kunsill u mal-Parlament li tieħu massimu ta’ deċiżjonijiet qabel Lulju 2003, filwaqt li enfasizzat li kull proroga għandha tkun eċċezzjonali u limitata. Barra minn hekk, hija tallega li kull impriża li tinnotifka sustanzi attivi għandha tirrispetta t-termini proċedurali u li r-riżerva ta’ trattament speċjali għar-rikorrenti tqajjem problemi ta’ ksur tal-ugwaljanza, b’mod partikolari fir-rigward ta’ impriżi li jkunu rtiraw mill-proċedura minħabba l-iskadenza tat-termini proċedurali li huma jkunu qiesu mandatorji. Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, jekk ikun permess għar-rikorrenti li jżidu mingħajr waqfien elementi ġodda fl-inkartament tagħhom, ikunu meħtieġa riżorsi addizzjonali għall-endosulfan bi ħsara għal sustanzi oħra li l-evalwazzjoni tagħhom iġġarrab dewmien.

91      Għandu jiġi kkonstat li kunsiderazzjonijiet politiċi jew prattiċi ma jikkostitwixxux raġuni suffiċjenti sabiex fil-każ partikolari tiġi rrifjutata proroga tat-termini, meta tali proroga tkun meħtieġa sabiex tiġi ggarantita proċedura ta’ evalwazzjoni ġusta u ekwa. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur tat-trattament ugwali ma jistax jintlaqa’ sa fejn l-proroga tkun meħtieġa minħabba ċirkustanzi partikolari ta’ ċerta proċedura ta’ evalwazzjoni u tal-parteċipanti tagħha. Fil-fatt, hija ġurisprudenza kostanti li l-prinċipju tat-trattament ugwali ma jipprekludix kull trattament divrenzjali, iżda jipprekludi t-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet simili, b’mod li ċerti operaturi jiġu żvantaġġjati fil-konfront ta’ oħrajn, sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑351/02, Ġabra p. II‑1047, punt 137, u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni 2001/810 tipprevedi hija nfisha termini għas-sottomissjoni ta’ data u ta’ studji differenti għal ċerti sustanzi. Għalhekk, per eżempju, it-terminu għas-sottomissjoni ta’ studji, li jiskadi fil-25 ta’ Mejju 2002 għall-parti l-kbira tas-sustanzi previsti f’din id-deċiżjoni, jiskadi madankollu fit-30 ta’ Novembru 2002 fil-każ tal-klorotoluron, fil-31 ta’ Diċembru 2002 fil-każ tad-dinocap u fil-31 ta’ Jannar 2003 fil-każ tal-benalaxyl. F’dak li jirrigwarda t-termini għas-sottomissjoni ta’ studji fit-tul, dak tal-endosulfan huwa ffissat għall-31 ta’ Mejju 2003. Għall-parti l-kbira ta’ sustanzi oħra previsti fl-imsemmija deċiżjoni, it-terminu jiskadi fil-25 ta’ Mejju 2003. Issa, it-terminu tal-benomyl, tal-klorotoluron u tad-dinocap madankollu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2003. Il-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni 2001/810, tindika li dawn is-sustanzi huma każijiet eċċezzjonali. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92, kif ikkompletat bir-Regolament Nru 2266/2000, jipprevedi biss prorogi ta’ termini f’“każijiet eċċezzjonali” għall-istudji fit-tul. Issa, id-Deċiżjoni 2001/810 tipprovdi wkoll għal derogi mit-terminu ġenerali li jiskadi fil-25 ta’ Mejju 2002, li għalih ir-Regolament Nru 3600/92 ma jipprevedix il-possibbiltà ta’ proroga (ara l-punt 18 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wrietx li fil-każ ineżami kien impossibbli li t-termini proċedurali jiġu estiżi.

93      Huwa madankollu importanti wkoll li jiġi speċifikat li mir-riferiment fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 għat-“tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti” ma jistax jiġi konkluż li impriżi li jkunu nnotifikaw sustanza attiva u li jkunu kkonfrontati bil-probabbiltà ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għandhom jibbenefikaw mill-possibbiltà li jissottomettu data ġdida sakemm ikun għad hemm dubji dwar is-sigurtà ta’ din is-sustanza attiva. Tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun kuntrarja għall-għan ta’ livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali li jifforma l-bażi tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 inkwantu din ikollha l-effett li tagħti lill-parti li tkun innotifikat is-sustanza attiva li, minn naħa, għandha l-oneru tal-prova tas-sigurtà tagħha u, min-naħa l-oħra, għandha l-aħjar għarfien tas-sustanza inkwistjoni, dritt ta’ veto fir-rigward ta’ deċiżjoni eventwali ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tas-sustanza inkwistjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

94      Barra minn hekk, dritt ta’ veto bħal dan huwa bl-istess mod inkonċepibbli fid-dawl tal-eżistenza, kif indikat fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-possibbiltà ta’ notifika (mill-ġdid) tas-sustanza attiva fid-dawl tal-inklużjoni eventwali tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 abbażi tal-Artikolu 6(2) ta’ din tal-aħħar.

95      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti sabiex jiġi vverifikat jekk, fil-kawża ineżami, huma kinux jinsabu, minħabba mġiba kontradittorja tal-evalwaturi, f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li żammithom milli josservaw it-termini legali.

 Dwar l-ewwel kwistjoni li tikkonċerna l-metabolit mhux magħruf

–       L-argumenti tal-partijiet

96      Ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw li l-konklużjoni li tirriżulta fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata u li tipprovdi li l-modi ta’ degradazzjoni tas-sustanza attiva mhumiex ċari u li minn studji tad-degradazzjoni fil-ħamrija, tad-degradazzjoni fl-ilma jew fis-sedimenti u tal-mesokosma nstabu metaboliti mhux magħrufa, kif ukoll il-konklużjoni li, fil-livell ekotossikoloġiku, għad hemm diversi preokkupazzjonijiet ladarba l-informazzjoni disponibbli ma tippermettix studju suffiċjenti tar-riskju fit-tul li jirriżulta b’mod partikolari mill-preżenza ta’ dawn il-metaboliti huma bbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u jiksru d-drittijiet ta’ difiża u l-aspettattivi leġittimi tagħhom b’tali mod li l-proċedura ta’ evalwazzjoni kienet inġusta.

97      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jaffermaw li huma ġew informati tard, jiġifieri mhux qabel Jannar 2004, bil-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf u b’mod partikolari tan-natura kruċjali tiegħu għall-proċedura ta’ evalwazzjoni, b’tali mod li kien impossibbli għalihom li jirrispondu għal din il-preokkupazzjoni tal-evalwaturi fit-termini legali. Issa, huma allegatament indikaw il-preżenza ta’ metabolit mhux magħruf fil-proċess ta’ degradazzjoni tal-endosulfan f’Mejju 2002.

98      Fit-tieni lok, huma ġew ikkonfrontati b’linji gwida f’evoluzzjoni kostanti li kienu jinkludu kriterji ta’ rilevanza tal-metaboliti varjabbli li ġew applikati b’mod retroattiv. Skont ir-rikorrenti, il-kriterju ta’ rilevanza tal-metaboliti li huma preżenti biss f’livell iktar baxx minn 10 % tas-sustanza attiva inizjali li ġie użat mill-evalwaturi ġie introdott bil-linji gwida tal-2002 li kienu intiżi li japplikaw biss għal sustanzi attivi nnotifikati matul it-tielet fażi tal-programm ta’ eżami iżda li ġew applikati b’mod retroattiv, peress li l-endosulfan jagħmel parti mill-ewwel fażi.

99      Fit-tielet lok, il-preżenza ta’ metabolit mhux magħruf ġie rrilevat fi studju li jikkonċerna l-mod ta’ degradazzjoni u mhux il-veloċità tad-degradazzjoni li r-rikorrenti lanqas ma kienu obbligati li jagħmlu, peress li dan l-istudju kien jikkonċerna testijiet li jibdew mill-metabolit sulfat tal-endosulfan u mhux mill-endosulfan infisha. Għalhekk l-evalwaturi allegatament ikkunsidraw studju li ma kienx adattat sabiex qajmu din il-problema, li ma kienx ikun hemm.

100    Fir-raba’ lok, il-kunsiderazzjoni tal-kriterju tal-livell minimu ta’ rilevanza ta’ 10 % għall-“metaboliti ta’ metaboliti” (jiġifieri għall-metaboliti tal-endosulfan sulfat, hija nfisha metabolit tal-endosulfan) hija kuntrarja għall-linji gwida li ma jipprevedux l-analiżi li tibda minn metaboliti tas-sustanzi attivi iżda biss studji li jibdew mis-sustanza attiva nfisha. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, fl-evalwazzjoni tal-aspetti differenti tas-sustanza attiva tagħhom u tal-prodotti formulati li jirriżultaw minnha, il-Kummissjoni fittxet li tilħaq livell ta’ “ebda riskju”, li essenzjalment ifisser li r-rikorrenti jkunu qed jintalbu prova probatio diabolica, li hija meqjusa illegali fis-sistemi legali kollha tal-Istati Membri u fil-ġurisprudenza.

101    Fil-ħames lok, kien hemm nuqqas kostanti ta’ interazzjoni mal-Istat Membru relatur fuq il-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf, peress li ma kienx hemm skambju ta’ informazzjoni fuq il-kwistjonijiet ambjentali, problema li dehret l-aktar matul il-perijodu 2001-2004.

102    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti fi kwalunkwe każ ressqu provi xjentifiċi li wrew li lanqas il-livell minimu ta’ rilevanza ta’ 10 % għall-metabolit ta’ metabolit ma kien intlaħaq, b’tali mod li l-metabolit tas-sulfat tal-endosulfan inkwistjoni ma kienx sinjifikattiv u ma setax għalhekk joħloq riskju għall-ambjent. Skont ir-rikorrenti, dan jirriżulta b’mod partikolari minn estrapolazzjoni magħmula abbażi tal-istudju dwar il-modi ta’ degradazzjoni fil-ħamrija li sar f’Mejju 2002 qabel l-iskadenza tat-terminu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti allegatament issottomettew studji li juru li l-metabolit ta’ metabolit misjub fil-ħamrija ma kienx rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ekotossikoloġija u tal-imġiba tal-endosulfan fl-ambjent peress li dan huwa inqas tossiku mis-sustanza attiva nfisha.

103    Fis-seba’ lok, skont ir-rikorrenti, il-problema tal-metabolit mhux magħruf ġiet solvuta mill-PTA riveduti, mill-formulazzjoni CS u mill-użu fis-serer, li jikkonċernaw l-istudji u l-argumenti kollha li l-Kummissjoni rrifjutat li tikkunsidra peress li dawn ġew sottomessi tardivament.

104    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

105    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tenfasizza li mill-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni rriżulta diġà li kien hemm problema fil-mod ta’ degradazzjoni tal-endosulfan u li l-kwistjoni kienet tqajmet ukoll matul il-laqgħa tal-20 ta’ Jannar 2000.

106    Fit-tieni lok, il-linji gwida m’għandhom ebda valur ġuridiku b’tali mod li ma hemm ebda regola ta’ dritt pożittiv li tistipula jekk huwiex possibbli li, sa ċertu livell, ma jiġux ikkunsidrati preokkupazzjonijiet ambjentali.

107    Fit-tielet lok, l-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni allegatament għandhom dritt jibbażaw il-konklużjonijiet tagħhom fuq kull tip ta’ studju sottomess mir-rikorrenti, indipendentement mit-tip ta’ kwistjoni li għalih l-istudju jwieġeb.

108    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-livell minimu ta’ rilevanza tal-metaboliti ta’ metaboliti, il-Kummissjoni tistaqsi jekk l-argumenti tar-rikorrenti humiex ammissibbli peress li dawn mhumiex ċari biżżejjed sabiex ikunu konformi mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Għal finijiet ta’ kompletezza, il-Kummissjoni madankollu twieġeb għal dawn l-argumenti billi tinvoka opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pestiċidji tat-30 ta’ Novembru 2000 li tikkorrobora l-konklużjoni li wieħed ma jistax jeskludi r-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art mill-metaboliti ġġenerati b’rata iktar baxxa mill-livell mimimu ta’ 10 %. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, mill-Anness II tad-Direttiva 91/414 jirriżulta li data dwar metaboliti li huma proporzjonalment inqas minn 10 % għandha tiġi sottomessa wkoll. Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni tal-livell minimu ta’ rilevanza tal-metaboliti taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni.

109    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ interazzjoni, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja essenzjalment jallegaw li r-rikorrenti bbenefikaw minn diversi opportunitajiet matul il-proċess ta’ evalwazzjoni sabiex jesponu l-opinjoni tagħhom u sabiex jissottomettu data addizzjonali. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tinkludi ebda indikazzjoni fir-rigward tal-livell ta’ interazzjoni jew ta’ skambju ta’ informazzjoni meħtieġ.

110    Fis-sitt lok, huwa inammissibbli l-argument li r-rikorrenti ressqu provi li l-metabolit ta’ metabolit ma jilħaqx il-livell minimu ta’ rilevanza ta’ 10 %, mhuwiex persistenti u huwa, fi kwalunkwe każ, inqas tossiku mill-endosulfan. Ir-rikorrenti kkritikaw il-konklużjonijiet xjentifiċi tal-proċess ta’ evalwazzjoni fl-istadju tar-replika biss filwaqt li r-rikors huwa limitat għal kritika tal-mod kif tmexxiet il-proċedura. Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti li l-problema tal-metabolit mhux magħruf tista’ tiġi injorata huwa żbaljat. Ir-Renju ta’ Spanja, min-naħa tiegħu, jikkontesta wkoll il-konklużjonijiet xjentifiċi tal-istudji sottomessi mir-rikorrenti f’dan ir-rigward.

111    Fis-seba’ lok, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-problema tal-metabolit ġietx solvuta permezz tas-soluzzjonijiet proposti mir-rikorrenti fl-aħħar tal-proċedura dwar, b’mod partikolari, il-PTA riveduti, il-formulazzjoni CS u l-użu fis-serer, il-Kummissjoni u l-Istat Membru relatur kienu korretti meta rrifjutaw li jikkunsidraw l-istudji inkwistjoni minħabba li dawn ġew sottomessi tardivament.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

112    B’mod preliminari, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf tikkonċerna essenzjalment il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni setgħetx b’mod leġittimu tibbaża r-rifjut ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fuq in-nuqqas ta’ data suffiċjenti dwar ċerti sustanzi li jirriżultaw mill-proċess ta’ degradazzjoni tal-endosulfan, b’mod partikolari l-metaboliti jew il-fdalijiet li jidhru biss fit-tieni stadju ta’ degradazzjoni, jiġifieri fl-istadju tad-degradazzjoni tal-metabolit primarju, l-endsolfan sulfat.

113    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti ġewx informati fi żmien utli bil-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf kif ukoll bin-natura essenzjali tiegħu għall-analiżi tar-riskji ambjentali tal-endosulfan, u b’mod partikolari qabel il-laqgħa ta’ Jannar 2004 li fiha, skont ir-rikorrenti, il-problema tal-metabolit mhux magħruf tqajmet għall-ewwel darba, hemm lok li jiġi osservat qabel kollox li mill-proċess jirriżulta li diversi kummenti u talbiet għal data li saru qabel l-2004 jirreferu għall-preokkupazzjoni tal-evalwaturi sabiex jifhmu l-mod ta’ degradazzjoni tal-endosulfan u tal-metaboliti tagħha, kif ukoll il-veloċità tad-degradazzjoni tagħha.

114    Fil-fatt, l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Diċembru 1999 jafferma li “kienet meħtieġa investigazzjoni iktar wiesgħa tal-modi ta’ degradazzjoni fil-ħamrija u fl-ilma” u li “għandha tiġi proposta kinetika ta’ dekompożizzjoni korretta (modi u rati)”. Dan l-abbozz jindika wkoll li “l-parti l-kbira tal-prodotti ta’ dekompożizzjoni tal-endosulfan huma klorati organiċi li jistgħu jkunu persistenti u joħolqu problema ambjentali”.

115    Barra minn hekk, il-konklużjonijiet ta’ dan l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jirreferu għal “persistenza għolja ta’ fdalijiet fil-ħamrija kkostitwiti minn diversi metaboliti klorati, li individwalment jistgħu ma jaqbżux l-10 % tal-livell applikabbli, iżda li flimkien jistgħu jikkostitwixxu kwantità kbira ta’ fdalijiet”. Dan l-abbozz jispeċifika wkoll dan li ġej:

“Abbażi tal-istruttura kimika tagħhom, huwa possibbli li wieħed jistenna li l-karatteristiċi fiżiċi kimiċi ta’ dawn il-komponenti jkunu simili u ġeneralment persistenti u bijoakkumulabbli. Għaldaqstant, studju approfondit tal-mod tad-degradazzjoni ta’ dan il-komponent għandu jkun obbligatorju u r-realizzazzjoni tiegħu għandha tkun indispensabbli.”

116    Barra minn hekk, il-minuta ta’ żjara fl-INIA f’Diċembru 1999 redatta mir-rikorrenti tindika li “għandu jiġi muri b’mod ċar li n-nukleu klorat jiddekomponi b’identifikazzjoni tal-prodotti ta’ degradazzjoni”.

117    Wieħed jista’ jirreferi wkoll għall-minuta ta’ laqgħa tal-25 ta’ Awwissu 2001 li tindika dan li ġej:

“Il-kwistjoni tar-rilevanza ta’ metaboliti oħra minbarra l-endosulfan sulfat fil-ħamrija u l-impatt ekotossikoloġiku tagħhom tqajmet u saret importanti ħafna fid-dawl tal-messaġġ ċar ta’ Dr. T. li jgħid li l-istudji ekotossikoloġiċi sottomessi dan l-aħħar għall-metaboliti l-oħra jwasslu b’mod ċar għall-konklużjoni li dawn huma rilevanti mil-lat tat-tossiċità. Għal din ir-raġuni, ir-rilevanza tagħhom għandha finalment tkun ibbażata fuq ir-riżultati ta’ studji pendenti tal-kimika ambjentali fil-ħamrija u fis-sedimenti. Jekk dawn jidhru biss fi kwantitajiet żgħar, ir-rilevanza tagħhom tkun eskluża. Fil-każ kuntrarju, wieħed jista’ jistenna konsegwenzi kbar għall-programm ta’ testijiet ekotossikoloġiċi.”

118    Mill-eżami tal-provi dokumentali preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux jinnegaw li huma ġew informati bil-ħtieġa li jiċċaraw il-modi ta’ dekompożizzjoni tal-endosulfan fi stadju bikri tal-proċedura, peress li l-iktar talbiet tard f’dan ir-rigward saru fil-bidu tas-sena 2000. Minn dan jirriżulta wkoll li, fl-istess żmien u l-iktar tard f’Awwissu 2001, huma ġew informati bil-preokkupazzjoni tal-evalwaturi fir-rigward tal-persistenza ta’ ċerti metaboliti u li, fil-każ li dawn ikunu kkunsidrati rilevanti, l-impatt kien ser ikun kunsiderevoli għall-analiżi tossikoloġiċi. Għalhekk, ir-rikorrenti kellhom l-opportunità li jiċċaraw il-mod kif l-endosulfan tiddekomponi ruħha, kwistjoni essenzjali għall-analiżi tar-riskji ambjentali. Madankollu, fuq il-bażi tal-istudji sottomessi sa Mejju 2003, ġie sussegwentement konkluż li l-mod ta’ degradazzjoni ma kienx ċar biżżejjed, konklużjoni li r-rikorrenti jikkontestaw u li dwarha huma setgħu, barra minn hekk, ressqu argumenti addizzjonali. Issa, dan in-nuqqas ta’ qbil fil-mertu m’għandux jiġi konfuż mal-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti kellhomx opportunità reali, matul il-proċess ta’ evalwazzjoni, sabiex jiċċaraw il-mod ta’ degradazzjoni tal-endosulfan, u lanqas ma għandu jiġi konfuż mal-kwistjoni dwar jekk l-evalwaturi rrilevawx l-importanza ta’ din id-domanda għall-analiżi tar-riskji.

119    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti ġewx ikkonfrontati matul il-proċess ta’ evalwazzjoni b’linji gwida li ġew emendati diversi drabi b’tali mod li kien impossibbli għar-rikorrenti li josservaw it-termini proċedurali li jiskadu f’Mejju 2002 u f’Mejju 2003, hemm lok li jiġi ppreċiżat qabel kollox li l-Kummissjoni hija awtorizzata timponi fuqha nfisha linji gwida għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha għal atti mhux previsti fl-Artikolu 249 KE, sa fejn dawn l-atti jkollhom regoli indikattivi ta’ gwida li għandhom jiġu segwiti u sakemm dawn ma jinjorawx ir-regoli tat-Trattat. Il-qorti Komunitarja tivverifika jekk l-att ikkontestat huwiex konformi ma’ dawn il-linji gwida. Madankollu, testi li jikkostitwixxu biss abbozzi ma jistgħux jinvolvu awtolimitazzjoni tal-istess setgħa diskrezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il-Kunsill, T‑70/99, Ġabra p. II‑3495, punti 140 sa 142). Għalhekk, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata m’għandhiex tiġi evalwata fid-dawl tal-linji gwida ċċitati iktar ’il fuq iżda fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Alpharma vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 146).

120    Barra minn hekk, l-eżami ta’ dan l-ilment, ifformulat b’mod wiesa’ ħafna fir-rikors, għandu jiġi limitat għall-eżempji konkreti, indikati mir-rikorrenti fir-rikors, li fihom ir-rikorrenti ġew ikkonfrontati b’regoli li joħorġu mil-linji gwida li ġew emendati diversi drabi, peress li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jkollu, b’mod partikolari, sunt tal-motivi mressqa. Ir-rikors għandu, għalhekk, jispeċifika f’xiex jikkonsisti l-motiv li fuqu r-rikors huwa bbażat, b’tali mod li d-dikjarazzjoni astratta tiegħu biss ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il-Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68).

121    L-ilment ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ġew ikkonfrontati b’linji gwida li ġew emendati diversi drabi, kif speċifikat fir-rikors, jirrigwarda, fl-ewwel lok, abbozz ta’ linji gwida dwar ir-rilevanza tal-metaboliti fl-ilma tal-wiċċ ta’ sustanzi rregolati li introduċa fil-verżjoni tiegħu ta’ Novembru 2001 kriterju ta’ rilevanza ġdid, b’mod partikolari valur assolut superjuri għal 10μg/l fl-ilma tal-wiċċ għall-metaboliti kollha, indipendentement mit-tossiċità tagħhom. Dawn il-linji gwida tlestew biss fi Frar 2003. F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jispjegawx għaliex f’Novembru 2001 kien tard wisq sabiex jiġu ppreżentati b’mod ulterjuri studji li jinkludu dan il-kriterju. Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li huma jallegaw li ssottomettew fit-termini stabbilti, f’Mejju 2003, studji li ħadu dan inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, kif tissottometti wkoll il-Kummissjoni, hemm opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pestiċidji ta’ Novembru 2000, li kienet aċċessibbli fuq l-internet, li tindika li l-identifikazzjoni tal-metaboliti għandha tibqa’ ssir għall-iktar żmien twil possibbli. Barra minn hekk, mill-Anness II tad-Direttiva 91/414, kif emendata fl-1995 bid-Direttiva tal-Kummissjoni 95/36/KE, tal-14 ta’ Lulju 1995 (ĠU L 172, p. 8), jirriżulta li l-impriżi li jinnotifikaw sustanza attiva fid-dawl tal-inklużjoni tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għandhom “sa fejn ikun possibbli jidentifikaw il-kompenenti li jgħoddu inqas minn 10 % ta’ l-ammont ta’ sustanza attiva”. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jallegaw li dan il-kriterju kien “ġdid” fl-2001 jew li dan ġie applikat b’mod retroattiv.

122    L-ilment ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ġew ikkonfrontati b’linji gwida li ġew emendati diversi drabi jikkonċerna, fit-tieni lok, linji gwida dwar l-ekotossiċità tal-ilma u tal-art adottati f’Ottubru 2002 li allegatament eżiġew għall-ewwel darba li ssir distinzjoni bejn il-metaboliti fil-ħamrija “minuri” (<10 %) u l-metaboliti fil-ħamrija “maġġuri” (>10 %) sabiex tkun evalwata r-rilevanza tagħhom għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ħsara tas-sustanza attiva. Issa, mill-premess jirriżulta li dan il-kriterju ma kienx ġdid, peress li dan kien jidher diġà fl-Anness II tad-Direttiva 91/414 sa mill-1995.

123    Fi kwalunkwe każ, il-pożizzjoni tal-evalwaturi li jqisu l-metaboliti li individwalment ma jaqbżux il-livell minimu ta’ 10 % iżda li potenzjalment jaqbżuh flimkien ma’ metaboliti oħra ġiet irrilevata fil-konklużjonijiet tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni (ara l-punt 115 iktar ’il fuq).

124    Fl-aħħar nett, hemm ukoll lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti jikkontestaw, fir-realtà, ir-rilevanza ta’ dan il-livell minimu għall-metaboliti ta’ metaboliti. Issa, l-ilment ibbażat fuq il-kontestazzjoni tal-livell minimu u l-applikazzjoni tiegħu fil-każ ineżami se jiġu eżaminati iktar ’il quddiem (ara l-punt 133 et seq. iktar ’il quddiem).

125    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk l-evalwaturi setgħux b’mod leġittimu jqajmu l-problema tal-metabolit ta’ metabolit u tar-riskju tal-persistenza tiegħu fil-ħamrija inkwantu dan jirriżulta minn studju magħmul mir-rikorrenti għal skop ieħor, hemm lok li jiġi rrilevat li, ċertament, għall-finijiet tal-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, mhuwiex rilevanti li jkun magħruf f’liema studju tqajmet problema potenzjali għall-ambjent sakemm ikun involut dokument li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti setgħu jieħdu pożizzjoni. Fil-każ ineżami, mill-proċess jirriżulta li kien studju tar-rikorrenti stess li kkonferma għall-evalwaturi l-eżistenza tal-problema tal-metabolit ta’ metabolit. Ma jistax ma jiġix kkonstatat li r-rikorrenti ma ġabu ebda argument validu li jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkunsidra r-riżultati ta’ dan l-istudju.

126    Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li jitqies il-livell minimu ta’ rilevanza ta’ 10 % għall-metaboliti ta’ metaboliti huwiex kuntrarju għal-linji gwida u jistrieħx għalhekk fuq kriterju li ma jaqax fil-qafas leġiżlattiv applikabbli, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni ta’ dan l-ilment, li jipprovdi li “m’hemm ebda rekwiżit jew linja gwida Komunitarja fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-metabolit meta l-materjal ta’ oriġini ma jkunx is-sustanza parent”, tassumi karattru astratt ħafna. Dan l-ilment huwa marbut mal-kontestazzjoni mir-rikorrenti ta’ affermazzjoni li tinsab fl-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni li tipprovdi li l-istudji dwar id-dekompożizzjoni tal-endosulfan jissuġġerixxu “persistenza għolja ta’ fdalijiet fil-ħamrija kkostitwiti minn diversi metaboliti klorati, li individwalment jistgħu ma jaqbżux il-livell ta’ 10 % tad-doża applikabbli, iżda [li lkoll flimkien] jistgħu jikkostitwixxu kwantità kbira ta’ fdalijiet”. Sabiex tingħata risposta għal dan, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-kunċetti użati fid-Direttiva 91/414 u l-annessi tagħha humiex iddefiniti b’mod suffiċjentement wiesgħa sabiex l-evalwaturi jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti potenzjalment ta’ ħsara tal-metaboliti ta’ metaboliti.

127    Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li sustanza attiva għandha tiġi inkluża fl-Anness I fil-każ li jkun mistenni li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li għandhom din is-sustanza attiva jkunu se jissodisfaw b’mod partikolari l-kundizzjoni li ġejja: “il-fdalijiet tagħhom […] ma jkollhomx effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u l-annimali jew għall-ilma ta’ taħt l-art jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent, u l-imsemmija fdalijiet, jekk ikunu sinifikanti mil-lat tossikoloġiku jew ambjentali, ikunu jistgħu jiġu mkejla b’metodi li jkunu użati b’mod mifrux”. L-Artikolu 2(2) tal-istess direttiva jiddefinixi t-termini “fdalijiet ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti” b’mod wiesa’ bħala “sustanza waħda jew aktar preżenti fil-pjanti jew fi prodotti li joriġinaw mill-pjanti, fi prodotti li jittieklu li joriġinaw mill-annimali jew fuqhom, jew fi bnadi oħra fl-ambjent u li jirriżultaw mill-użu ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti, inklużi l-metaboliti tagħhom u l-prodotti li jirriżultaw mid-degradazzjoni jew mir-reazzjoni tagħhom”. Barra minn hekk, l-Annessi II u III tad-Direttiva 91/414 dwar l-inkartamenti ta’ evalwazzjoni għandhom diversi riferimenti għal talbiet ta’ data dwar il-prodotti ta’ degradazzjoni tas-sustanzi attivi f’sens wiesa’. Minn dan jirriżulta li hija d-Direttiva 91/414 stess li tawtorizza lill-evalwaturi jeżaminaw l-imġiba tal-prodotti li jirriżultaw. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fin-nuqqas ta’ provi konkreti li juru l-kuntrarju, ma jistax jinżamm li l-evalwaturi għamlu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta riedu jiċċaraw il-mod ta’ degradazzjoni tal-metabolit tal-endosulfan sulfat u meta applikaw il-livell minimu ta’ rilevanza inkwistjoni għall-prodotti li jirriżultaw minnu. Għalhekk l-ilment ibbażat fuq il-fatt li dan l-eżami huwa kuntrarju għal linji gwida huwa infondat. Għaldaqstant jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni jew li kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom meta kkunsidrat, fil-każ ineżami, bħala rilevanti l-prodotti li jirriżultaw mill-endosulfan li individwalment jirrapreżentaw inqas minn 10 % tas-sustanza attiva tal-endosulfan iżda iktar minn 10 % tal-metabolit tal-endosulfan sulfat.

128    Fl-aħħar, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument li l-evalwaturi riedu jilħqu livell ta’ “ebda riskju” u li imponew fuq ir-rikorrenti prova probatio diabolica meta bbażaw id-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fuq nuqqas ta’ informazzjoni iktar milli fuq ir-riskji identifikati, peress li mill-analiżi li saret iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni riedet il-prova ta’ użu mingħajr periklu li madankollu, għall-Kummissjoni, kien jimplika li tifhem l-imġiba tal-metabolit tal-endosulfan sulfat. Issa, ma ntweriex li din il-pożizzjoni kienet manifestament żbaljata. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jallegaw li stabbilixxew użu mingħajr periklu u li ġabu prova ta’ livell ta’ persistenza u ta’ tossiċità aċċettabbli għal dan il-metabolit b’tali mod li l-argument li l-Kummissjoni imponitilhom li jġibu provi li huma xjentifikament impossibbli li jiġu stabbiliti għandu jiġi ddikjarat irrilevanti.

129    Il-ħames nett, f’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ interazzjoni mal-Istat Membru relatur dwar il-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf, u b’mod partikolari l-allegat nuqqas ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali matul il-perijodu 2001-2004, hemm lok li jiġi mfakkar li, kif il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jirrilevaw, il-leġiżlazzjoni applikabbli m’għandhiex obbligi ta’ komunikazzjoni jew ta’ skambju ta’ informazzjoni li fid-dawl tagħhom id-diversi kuntatti u skambji ta’ informazzjoni li saru bejn l-Istat Membru relatur u r-rikorrenti setgħu jiġu kkunsidrati insuffiċjenti. F’dak li jirrigwarda l-kumment fir-rapport ECCO 106, invokat mir-rikorrenti, li jipprovdi li huma ġew mitluba “jaħdmu mill-viċin ħafna mar-relatur Spanjol sabiex ma jinħolqux malintiżi fir-rigward tad-data li [kellha] tinġieb jew it-termini li kellhom jiġu osservati”, għandu jiġi kkonstatat li huwa diffiċli li jiġi kkalkulat, fid-dawl ta’ rekwiżit ifformulat b’mod daqshekk ġenerali, jekk l-interazzjoni mal-Istat Membru relatur kinitx suffiċjenti.

130    Madankollu, għandu jiġi mfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura miftuħa kontra persuna, u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju, tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandha tiġi żgurata anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet, li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-interessi tagħhom, għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jesponu b’mod utli l-opinjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, Ġabra p. I‑5431, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-perijodu kkontestat ta’ bejn Awwissu 2001 u Jannar 2004, li matulu r-rikorrenti allegatament ma bbenefikawx minn skambju ta’ informazzjoni dwar l-iżvilupp u l-imġiba fl-ambjent u fl-ekotossikoloġija u allegatament ġarrbu insuffiċjenza ta’ skambju ta’ informazzjoni ma’ persuna b’mod partikolari, is-Sur T., espert ikkummissjonat speċjalizzat f’dawn l-oqsma, dawn iċ-ċirkustanzi setgħux waslu għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tagħhom huwa kontradittorju inkwantu jallegaw li huma ssottomettew f’Mejju 2002 studji li, fil-fehma tagħhom, solvew il-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf. Għalhekk huwa diffiċli li wieħed jifhem kif numru ikbar ta’ laqgħat seta’ jwassal għal riżultat finali ieħor fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, huwa biss meta tkun tali li taffettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u, bl-istess mod, il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni li irregolarità tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1980, Distillers Company vs Il‑Kummissjoni, 30/78, Ġabra p. 2229, punt 26). Għalhekk l-ilment huwa irrilevanti.

132    Fi kwalunkwe każ, l-ilment jikkonċerna, tal-inqas parzjalment, il-kwistjoni, diġà eżaminata iktar ’il fuq, dwar jekk il-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf, u, b’mod partikolari, in-natura essenzjali tiegħu għall-analiżi tar-riskji ambjentali tal-endosulfan, tqajmitx biss fil-laqgħa ta’ Jannar 2004. Issa, kif ġie rrilevat hawn fuq, ir-rikorrenti ġew informati ferm qabel din il-laqgħa bil-ħtieġa li jiġi identifikat il-mod ta’ degradazzjoni tal-endosulfan u tal-importanza ta’ din il-kwistjoni għall-analiżi tar-riskji. Huma kellhom għalhekk l-opportunità jissottomettu studji li jiċċaraw il-mod ta’ degradazzjoni, iżda ma jaqblux mal-evalwaturi fir-rigward tal-konklużjonijiet ta’ dawn l-istudji, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rilevanza tal-metabolit tal-endosulfan sulfat, il-persistenza tiegħu u t-tossiċità tiegħu. Issa, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ ftehim fil-mertu fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom joħorġu minn ċertu studju ma tikkostitwixxix prova tan-nuqqas ta’ opportunità li jesponu l-opinjoni tagħhom u ma tistax titqies bħala theddida għad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

133    Is-sitt nett, f’dak li jirrigwarda l-ilment tar-rikorrenti li huma ressqu provi xjentifiċi li juru, minn naħa, li l-metabolit tal-endosulfan sulfat ma kienx jilħaq il-kriterju ta’ rilevanza l-iktar restrittiv ta’ 10 % għall-metabolit ta’ metabolit u, min-naħa l-oħra, li dan il-metabolit ta’ metabolit misjub fil-ħamrija ma kienx rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ekotossikoloġija u tal-imġiba tal-endosulfan fl-ambjent peress li dan ma kienx persistenti u kien inqas tossiku mis-sustanza attiva nfisha, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti essenzjalment jallegaw li l-endosulfan kellha tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, peress li l-konklużjonjiet tal-evalwaturi fir-rigward tar-rilevanza tal-metabolit ta’ metabolit tal-endosulfan kienu żbaljati. Għalhekk l-ilment ineżami jikkonċerna l-kontestazzjoni tal-konklużjonijiet xjentifiċi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ġie mressaq għall-ewwel darba fir-replika.

134    Issa, mid-dispożizzjonjiet moqrija flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jkollu, b’mod partikolari, sunt tal-motivi mressqa u li mhuwiex permess li jittressqu motivi ġodda fil-mori tal-proċedura sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li jitqajmu fil-mori tal-proċedura. Motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Għall-kuntrarju, motiv li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa bbażat fuq elementi ta’ liġi jew ta’ fatt imqajma fil-mori tal-proċedura għandu jiġi ddikjarat inammissibbli. Fil-fatt, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kien hemm xejn xi jżomm lir-rikorrenti milli jressqu dan il-motiv fl-istadju tar-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2001, Dürbeck vs Il-Kummissjoni, C‑430/00 P, Ġabra p. I‑8547, punti 17 sa 19).

135    Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li permezz tagħha stidnithom iwieġbu għall-argument tal-Kummissjoni li l-kontestazzjoni tal-evalwazzjoni xjentifika li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi argument ġdid li ma jidhirx fir-rikors u li għalhekk għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, ir-rikorrenti jallegaw li l-motivi legali invokati fir-rikors, b’mod partikolari l-ksur tal-Artikolu 95(3) KE, tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 u tal-prinċipju tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-pariri xjentifiċi, iwasslu b’mod ċar għall-konklużjoni li huma kienu jikkunsidraw li l-evalwazzjoni xjentifika li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx preċiża, b’mod partikolari minħabba li din l-evalwazzjoni ma kinitx tikkunsidra d-data kollha disponibbli li huma kienu ressqu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti huma tal-fehma li, meta fir-replika huma għamlu eżami iktar dettaljat tal-kwistjonijiet xjentifiċi inkwistjoni, huma kienu qegħdin sempliċement jikkontestaw l-argumenti ta’ fatt imressqa mill-Kummissjoni mingħajr ma kienu qed iressqu motivi ġodda ta’ annullament.

136    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, f’dak li jirrigwarda r-riferiment għall-Artikolu 95(3) KE, għall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 u għall-prinċipju tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-pariri xjentifiċi fir-rikors, li mill-argument żviluppat fil-kuntest tal-motivi mressqa fir-rikors jirriżulta mingħajr dubju li dawn il-motivi jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kellhiex l-obbligu li tikkunsidra fl-analiżi tagħha studji sottomessi mir-rikorrenti wara ċerta data ta’ skadenza, li hija kwistjoni dwar il-mod kif il-Kummissjoni mexxiet il-proċedura ta’ evalwazzjoni iżda li ma tinvolvix kontestazzjoni fil-mertu tal-konklużjonijiet tagħha, anki jekk il-kunsiderazzjoni ta’ dokumenti rrifjutati setgħet b’mod ipotetiku twassal għal deċiżjoni finali differenti fil-mertu. Dwar l-argument li l-ilment tar-rikorrenti huwa limitat għall-kontestazzjoni ta’ argumenti ta’ fatt imqajma fil-mori tal-proċedura, lanqas dan ma jista’ jiġi sostnut peress li mir-replika jirriżulta ċar li, permezz tal-imsemmi lment, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-modi ta’ degradazzjoni tas-sustanza attiva mhumiex ċari u li nstabu metaboliti mhux magħrufa meta saru studji tad-degradazzjoni fil-ħamrija, tad-degradazzjoni fl-ilma jew fis-sedimenti u tal-mesokasma hija bbażata fuq premessa materjalment u xjentifikament żbaljata. Issa, kif ġie rrilevat hawn fuq, il-motivi mressqa fir-rikors kellhom b’mod ċar bħala għan il-kontestazzjoni tal-mod li bih il-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni, b’mod partikolari r-rifjut tagħha li tikkunsidra ċerti provi, u mhux il-kontenut ta’ din il-konklużjoni.

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħad li dan l-ilment huwa limitat għal amplifikazzjoni ta’ lment imsemmi preċedentement. Barra minn hekk, ma ntweriex li ma kienx possibbli għar-rikorrenti li jqajmu dan il-motiv fl-istadju tar-rikors. Għalhekk l-ilment ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rilevanza tal-metaboliti ta’ metaboliti huwa inammissibbli.

138    Fi kwalunkwe każ, jidher b’mod ċar li hemm nuqqas ta’ ftehim bejn il-partijiet fir-rigward tal-konklużjonijiet xjentifiċi tal-istudji tar-rikorrenti.

139    F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-metabolit tal-endosulfan sulfat jilħaqx il-limitu minimu ta’ rilevanza, ir-rikorrenti jallegaw li l-metabolit sekondarju mhux magħruf jirrapreżenta 17 % tal-metabolit primarju tal-endosulfan sulfat, li jirrapreżenta 13,4 % tal-endosulfan parent b’tali mod li l-metabolit sekondarju jirrappreżenta biss 2,3 % tal-endosulfan parent. Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestawx dawn il-kalkoli iżda jikkunsidraw li huma korretti, kif ġie spjegat iktar ’il fuq, li jikkunsidraw bħala rilevanti metaboliti li jkunu taħt il-livell minimu ta’ 10 % meta mqabbla mas-sustanza endosulfan parent.

140    Dwar il-persistenza tal-metabolit tal-endosulfan sulfat, din hija kkalkulata prinċipalment b’rabta mal-kapaċità tiegħu li jittrasforma ruħu f’CO2 (mineralizzazzjoni) u l-istabbiliment tar-rata ta’ dekompożizzjoni tiegħu ta’ 50 u ta’ 90 %. Skont ir-rikorrenti, minn studju ppreżentat f’Mejju 2002 jirriżulta li l-endosulfan sulfat tiddegrada b’rata ta’ 35 % fis-sena, li tikkorrispondi għal rata ta’ dekompożizzjoni ta’ 9,5 % f’100 jum. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-linji gwida rilevanti tal-Kummissjoni jeżiġu rata ta’ mineralizzazzjoni ogħla minn 5 % fuq perijodu ta’ 100 jum u li għalhekk dan il-kriterju huwa b’mod ċar sodisfatt. Issa, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li mill-istudju inkwistjoni jirriżulta li l-mineralizzazzjoni tal-endosulfan fil-ħamrija hija probabbilment inqas minn 5 %. Il-ħajja medja tas-sulfat tal-endosulfan (rata ta’ dekompożizzjoni ta’ 50 %) tinsab f’medda ta’ 123 sa 391 jum u l-mineralizzazzjoni f’120 jum tvarja bejn 1,01 u 13,08 %. Il-mineralizzazzjoni medja tas-sulfat tal-endosulfan hija konformi ma’ dik tal-endosulfan. Għalhekk minn dan wieħed jista’ jikkonkludi li l-endosulfan jiddegrada ruħu f’sulfat tal-endosulfan u li l-mineralizzazzjoni tas-sulfat tal-endosulfan taqa’ f’medda ta’ 1,01 sa 13,8 % f’120 jum u ta’ 5 sa 35 % f’365 jum, skont it-tip ta’ art. Ebda wieħed mill-metaboliti misjuba u identifikati fit-testijiet preċedenti ma ġie kkonstatat f’dan l-istudju. Madankollu, jirriżulta metabolit li kien f’livelli li jaqbżu l-10 % tar-radjoattività applikata. It-testijiet kollha li saru sabiex dan il-metabolit jiġi identifikat fallew, iżda l-istruttura tiegħu hija simili għal dik tal-metaboliti tal-aċtu dikarbossiliku jew id-dihidrodiol. L-identifikazzjoni ta’ dan il-metabolit hija indispensabbli għall-istabbiliment tal-mod ta’ degradazzjoni tal-endosulfan u tad-definizzjoni tal-fdalijiet li għandha tintuża għall-istudji ta’ kif din tinfirex fil-ħamrija.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza kostanti, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom, fil-qasam tal-politika agrikola komuni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-għanijiet segwiti u tal-għażla tal-istrumenti ta’ azzjoni xierqa. F’kuntest bħal dan, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fil-mertu għandu jkun limitat għal eżami ta’ jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa diskrezzjonali jkunx ivvizzjat minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter jew jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunux manifestament qabżu l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza kostanti li, meta awtorità Komunitarja tintalab, fil-kuntest tal-ħidma tagħha, tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi, is-setgħa diskrezzjonali li hija tgawdi hija applikabbli wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni ta’ fatti li jikkostitwixxu l-bażi tal-azzjoni tagħha. Minn dan jirriżulta, fir-rigward tal-każ ineżami, li fil-kuntest tiegħu kien il-kompitu tal-istituzzjonijiet Komunitarji li jagħmlu evalwazzjoni xjentifika tar-riskji u li jagħmlu evalwazzjoni ta’ fatti ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna, li l-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tat-twettiq ta’ din il-ħidma mill-istituzzjonijiet Komunitarji għandu jkun limitat. F’kuntest bħal dan, il-qorti Komunitarja ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni ta’ fatti tal-istituzzjonijiet Komunitarji bl-evalwazzjoni tagħha, peress li t-Trattat jikkonferixxi din il-ħidma lill-istituzzjonijiet biss. Minflok, hija għandha sempliċement tivverifika jekk l-eżerċizzju mill-istituzzjonijiet Komunitarji tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom f’dan il-kuntest ikunx ivvizzjat minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter jew jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunux manifestament qabżu l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (ara s-sentenza Alpharma vs Il-Kunsill, punt 119 iktar ’il fuq, punti 177 sa 180 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġabux il-prova li l-Kummissjoni, fil-ġudizzju tagħha li l-metabolit ta’ metabolit inkwistjoni huwa rilevanti u fid-deċiżjoni tagħha, fid-dawl tal-persistenza tiegħu fil-ħamrija, li n-nuqqas ta’ għarfien preċiż tal-imġiba ta’ dan il-metabolit ma jippermettix evalwazzjoni xierqa tar-riskji ambjentali tal-endosulfan, għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni, għamlet abbuż ta’ poter jew manifestament qabżet il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

143    Is-seba’ nett, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-formulazzjoni CS, il-PTA riveduti jew l-użu fis-serer ippermettewx fil-fatt li jiġu solvuti d-dubji mqajma fir-rigward tal-preżenza ta’ metabolit mhux magħruf, għandu jiġi kkonstatat li, apparti l-fatt li l-motivi mressqa fir-rikors jirrigwardaw biss il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni setgħetx tirrifjuta li tikkunsidra l-imsemmija data, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiddeċiedi fuq l-impatt tal-formulazzjoni CS, tal-PTA riveduti u tas-soluzzjoni tal-użu fis-serer sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tikkunsidrahom minħabba li tressqu tardivament u sa fejn mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tissostitwixxi l-analiżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward b’dik tagħha. Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni kinitx korretta meta rrifjutat li tikkunsidra l-istudji li jikkonċernaw dawn il-kwistjonijiet, din għandha tiġi ttrattata iktar ’il quddiem.

144    Minn dak kollu premess jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-kwistjoni tal-metabolit mhux magħruf għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq it-tieni kwistjoni dwar l-inkartament CS

–       L-argumenti tal-partijiet

145    Skont ir-rikorrenti, l-eżami tal-endosulfan ma kienx komplet inkwantu l-inkartament CS sottomess fit-termini stabbilti ma ġiex ikkunsidrat. Madankollu, anki jekk jitqies li l-inkartament CS tressaq tardivament, il-Kummissjoni kellha tikkunsidrah, peress li r-rikorrenti ma setgħux jippreżentawh qabel. Barra minn hekk, b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jallegaw, peress li l-inkartament CS jikkompleta l-inkartament innotifikat inizjalment dwar il-formulazzjoni EC, l-eżami tal-inkartament CS kien jieħu biss ftit żmien (tliet xhur bħala massimu), b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-Istat Membru relatur kien diġà midħla tal-formulazzjoni CS minħabba n-notifika nazzjonali tagħha. Il-kunsiderazzjoni tal-inkartament CS kienet tippermetti l-identifikazzjoni ta’ użu estern mingħajr periklu u, minħabba f’hekk, kienet tippermetti l-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 peress li l-evalwaturi kienu diġà taw x’jifhmu lir-rikorrenti li użu intern mingħajr periklu kien diġà ġie identifikat bil-formulazzjoni EC.

146    Skont il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, l-inkartament CS ġie sottomess tardivament u għalhekk hija kellha dritt tirrifjuta li tieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, eżami tal-inkartament CS kien iwassal lill-Istat Membru relatur sabiex jerġa’ jara t-totalità tal-evalwazzjoni tal-endosulfan.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

147    Mill-inkartament jirriżulta li r-rikorrenti ppreżentaw għall-ewwel darba l-formulazzjoni CS lill-Istat Membru relatur fil-laqgħa tas-17 ta’ Lulju 2002 wara li ħabbru dan is-suġġett ta’ diskussjoni permezz ta’ ittra elettronika fil-31 ta’ Mejju 2002. Mill-minuta ta’ din il-laqgħa jirriżulta li r-rikorrenti ma ridux jibdlu l-formulazzjoni EC tal-endosulfan inizjalment notifikata iżda riedu jżidu t-tekonoloġija CS fl-inkartament sabiex jiksbu użu estern tal-endosulfan mingħajr periklu. Minn din il-minuta jirriżulta wkoll li l-INIA u l-MAPA kienu għarrfu fil-laqgħa msemmija li s-sottomissjoni ta’ inkartament ġdid fuq il-bażi tal-Anness III tad-Direttiva 91/414 ma kinitx tkun raġonevoli minħabba l-ammont ta’ xogħol u minħabba d-diffikultà li tinkiseb approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni għal proċedura bħal din. Madankollu, f’Mejju 2003, ir-rikorrenti ssottomettew inkartament CS skont l-Anness III tad-Direttiva 91/414.

148    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw li l-inkartament CS ġie sottomess fit-termini stabbilti. Issa, din l-allegazzjoni mhijiex korretta. It-terminu għas-sottomissjoni ta’ data ffissat fir-Regolament Nru 2266/2000, li jemenda l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 3600/92, kien jiskadi fil-25 ta’ Mejju 2002, minbarra fir-rigward tar-riżultati ta’ studji fit-tul ikkummissjonati u ġġudikati meħtieġa mill-Istat Membru relatur u mill-Kummissjoni waqt l-eżami tal-inkartament li ma jkunux tlestew qabel din id-data. Studji bħal dawn kellhom jiġu identifikati l-iktar tard sal-25 ta’ Mejju 2001 u mbagħad setgħu jiġu sottomessi sal-25 ta’ Mejju 2003. F’każ eċċezzjonali, bħal dak fejn l-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni ma setgħux jidentifikaw studji bħal dawn qabel il-25 ta’ Mejju 2001, data oħra setgħet tiġi ffissata għat-tlestija ta’ dawn l-istudji, kemm-il darba n-notifikatur jipprova lill-Istat Membru relatur li dawn l-istudji kienu ġew ikkummissjonati fi żmien tliet xhur mit-talba għal dawn l-istudji u jippreżenta minuta u rapport dwar l-iżvilupp tal-istudju qabel il-25 ta’ Mejju 2002. Ir-rikorrenti jallegaw li huma kienu għadhom jistgħu jissottomettu l-imsemmi inkartament f’Mejju 2003, iżda jidher ċar li l-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi din il-possibbiltà f’każijiet definiti sewwa li huma differenti mill-każ ineżami.

149    Fit-tieni lok, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti kkonfermaw li huma kienu ppreżentaw l-inkartament CS sabiex iwieġbu għal preokkupazzjoni speċifika min-naħa tal-evalwaturi fir-rigward tat-tossiċità fl-ilma tal-endosulfan, li biha huma ġew informati f’Ottubru 2001.

150    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jagħtu ebda spjegazzjoni sabiex wieħed jifhem għaliex huma ma ppreżentawx l-inkartament CS qabel id-data ta’ skadenza tal-25 ta’ Mejju 2002 jew, tal-inqas, għaliex ma ppruvawx jikkonvinċu lill-Kummissjoni sabiex tirrikonoxxi formalment li l-inkartament CS seta’ jiġi sottomess, bħala studju fit-tul, sal-31 ta’ Mejju 2003 b’mod konformi mad-Deċiżjoni 2001/810, iżda huma jillimitaw ruħhom għal dikjarazzjonijiet vagi li l-preparazzjoni ta’ inkartament bħal dan tieħu ż-żmien u li l-istudji xjentifiċi sabiex tiġi ttrattata l-problema tal-ekotossikoloġija tal-ilma ma kinux disponibbli f’Ottubru 2001 minħabba allegat tibdil fil-linji gwida dwar l-ekotossikoloġija tal-ilma li barra minn hekk huma lanqas jidentifikaw.

151    Fit-tielet lok, mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti kienu ilhom jaħdmu fuq din il-formulazzjoni għal diversi snin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa għalhekk diffiċli li wieħed jifhem għaliex stennew tal-aħħar tal-proċedura sabiex jippreżentaw l-inkartament CS bħala soluzzjoni finali sabiex iġibu prova ta’ użu mingħajr periklu tal-endosulfan. Fl-aħħar nett lanqas ma jikkostitwixxi argument kredibbli f’dan ir-rigward il-fatt li l-possibbiltà li l-provi jiġu llimitati għal użu mingħajr periklu ġiet introdotta biss fis-sena 2000 permezz tar-Regolament Nru 2266/2000, peress li kien hemm għalhekk biżżejjed żmien għall-preparazzjoni ta’ inkartament sabiex jiġi sottomess fit-termini proċedurali stabbiliti.

152    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rifjut tal-Kummissjoni li tikkunsidra l-inkartament CS mhuwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li r-rikorrenti ma ġabux prova li kien impossibbli għalihom li jippreżentaw l-inkartament CS qabel il-25 ta’ Mejju 2002. Għalhekk it-tweġiba għall-kwistjoni ta’ jekk eżami mill-ġdid tal-inkartament CS kienx jieħu xi xhur jew iktar mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża u għalhekk lanqas ma huwa meħtieġ li tintlaqa’ t-talba tar-rikorrenti għan-nomina ta’ esperti u sabiex isiru domandi lill-INIA f’dan ir-rigward.

153    Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li l-Istat Membru relatur allegatament issuġġerixxa matul il-laqgħa ta’ Lulju 2002 li jintalbu reġistrazzjonijiet nazzjonali f’ċerti Stati Membri sabiex jinkiseb appoġġ għall-formulazzjoni CS u li rappreżentanti tal-MAPA allegatament taw x’jifhmu lir-rikorrenti li dan tal-aħħar kien se jevalwa l-inkartament CS fuq il-bażi tal-inkartament tar-reġistrazzjoni nazzjonali, ċirkustanza li, barra minn hekk, l-unika prova tagħha hija kkostitwita minn ittra elettronika interna tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, anki minkejja l-possibbiltà li tittieħed pożizzjoni diverġenti mill-MAPA u mill-INIA f’dan ir-rigward, ma jistax jiġi konkluż minn dawn iċ-ċirkustanzi ta’ fatt li setgħet tinħoloq aspettattiva leġittima għar-rikorrenti fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-inkartament CS fil-proċedura ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, mill-minuta ta’ laqgħa tal-24 ta’ Settembru 2002 bejn ir-rikorrenti u l-MAPA jirriżulta li inkartament tal-“Anness III” għal formulazzjoni oħra kellu, skont il-MAPA, jiġi sottomess mhux iktar tard minn Mejju 2003 iżda dan sakemm ikun hemm approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Issa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li huma ma kinux kisbu din l-approvazzjoni informali. Għalhekk l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti ma ġewx miksura, peress li ma ġiex stabbilit li huma kellhom assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, imnissla minn sorsi awtorizzati u affidabbli, li setgħu ħolqulhom speranzi fondati fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-inkartament CS u, bis-saħħa ta’ hekk, fir-rigward tal-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑162/04, Ġabra p. II-102, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

154    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni fil-mertu ta’ jekk il-formulazzjoni CS kinitx tippermetti l-identifikazzjoni ta’ użu estern mingħajr periklu tal-endosulfan, ħaġa din li l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw, għandu jiġi kkonstatat li, ladarba l-inkartament CS ma ġiex ikkunsidrat fil-proċess ta’ evalwazzjoni li wassal għad-deċiżjoni kkontestata, it-tweġiba għal din il-kwistjoni taqbeż il-limiti tal-kawża kif imressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

155    Għalhekk l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-kwistjoni tal-inkartament CS għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq it-tielet kwistjoni dwar l-espożizzjoni interna tal-operatur

–       L-argumenti tal-partijiet

156    Ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw li l-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-operatur tqajment fl-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni iżda ġiet solvuta iktar tard. F’dan ir-rigward, huma jagħmlu riferiment partikolari għall-addendum mar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ Novembru 2003, li fih hemm iddikjarat mill-Istat Membru relatur li l-istudju ppreżentat minnhom dwar il-protezzjoni tal-operatur kien “dokumentat sewwa” u li x-xenarju ta’ applikazzjoni tal-endosulfan propost, li jimplika l-użu ta’ apparat ta’ protezzjoni li jinkludi, b’mod partikolari, ingwanti, ilbies protettiv u maskla, kien “aċċettabbli”. Huma jagħmlu riferiment ukoll għat-tabelli ta’ evalwazzjoni tal-ECCO ta’ Marzu 2004 kif ukoll għall-minuta tal-laqgħa bejn tliet partijiet li minnha allegatament jirriżulta li l-Istat Membru relatur kien identifika użu mingħajr periklu għall-operaturi. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, id-dehra mill-ġdid tal-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-operatur wara l-laqgħa bejn tliet partijiet fl-2004 u l-fatt li din ġiet ikkunsidrata bħala raġuni determinanti għan-nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jiksru l-aspettattivi leġittimi u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza miżura fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-proċedura li tordna lill-Kummissjoni tipproduċi l-kummenti tal-Istati Membri li setgħu pprovokaw din il-bidla.

157    Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, il-problema ġiet solvuta permezz tal-PTA mnaqqsa proposti wara l-iskadenza tat-termini proċedurali u bl-istudji ġodda dwar l-użu tal-endosulfan fis-serer, li l-Kummissjoni ma kkunsidratx.

158    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tallega li l-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni”, li huwa dipendenti fuq il-Kumitat, eżamina l-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-operatur fil-11 ta’ Marzu 2004, jiġifieri ferm qabel il-laqgħa bejn tliet partijiet, u li r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett. Ir-reazzjoni inizjalment pożittiva tal-Istat Membru relatur kienet tistrieħ fuq estrapolazzjoni magħmula abbażi ta’ data miġbura fuq il-post, fil-ġonna. Issa, wara diskussjoni iktar wiesgħa, tqajmu dubji dwar l-affidabbiltà ta’ din l-estrapolazzjoni. Huwa għalhekk li l-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni” ikkonkluda finalment li l-problema tal-espożizzjoni tal-operatur ma kinitx solvuta.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

159    B’mod preliminari, hemm lok li jiġi ċċarat li l-ilmenti tar-rikorrenti fir-rigward ta’ din il-kwistjoni jirrigwardaw il-konklużjoni li tidher fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li “l-istudju tal-espożizzjoni interna tal-operaturi abbażi tal-informazzjoni eżistenti ma ġiex meqjus suffiċjenti”.

160    Qabel kollox, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-insuffiċjenza tad-data inizjalment sottomessa minnhom dwar din il-kwistjoni ġiet imqajma fil-bidu tas-sena 2000 fl-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni li kien jindika b’mod partikolari li, peress li l-istudji ta’ tossiċità inizjalment sottomessi ma ppermettewx li jiġi ddeterminat il-livell bla ebda effett ħażin osservat (NOAEL) korrett għall-kalkolu tal-livell aċċettabbli ta’ espożizzjoni tal-operatur (AOEL), l-istudji fil-qosor ta’ tossiċità fil-ġilda u dik marbuta mat-teħid tan-nifs ma ġewx ikkunsidrati aċċettabbli. Għalhekk ir-rikorrenti kellhom l-opportunità jissottomettu studji addizzjonali sabiex juru n-nuqqas ta’ periklu tal-endosulfan fuq dan il-punt wara d-dubji espressi f’dan ir-rigward fl-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni.

161    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li mill-ittra tal-24 ta’ Settembru 2004 li r-rikorrenti bagħtu lill-Kummissjoni jirriżulta li wara l-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni” tal-11 ta’ Marzu 2004 huma kienu konxji mill-fatt li kienet meħtieġa data addizzjonali dwar il-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-operatur. Fir-rigward tal-laqgħa bejn tliet partijiet tas-17 ta’ Mejju 2004, mill-minuta jirriżulta li, minkejja li tqajmet l-identifikazzjoni ta’ użu mingħajr periklu mill-Istat Membru relatur, kellha titressaq data addizzjonali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema tas-serer u n-nies fil-viċinanza. Għalhekk ir-rikorrenti ssottomettew kalkoli ġodda iżda l-informazzjoni hekk sottomessa finalment tqieset bħala insuffiċjenti mill-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni”.

162    Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja ma jikkontestawx li dan tal-aħħar, f’ċertu stadju tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, identifika użu mingħajr periklu f’dak li jirrigwarda l-espożizzjoni tal-operatur. Issa, skonthom, dan kien jinvolvi l-estrapolazzjoni minn studju dwar l-espożizzjoni esterna li fuq il-bażi tiegħu l-Istat Membru relatur aċċetta l-fatt li l-użu ta’ lbies protettiv kien joffri protezzjoni suffiċjenti lill-operatur, u dan ukoll fil-każ ta’ espożizzjoni interna, iżda l-esperti tal-Istati Membri l-oħra ma kellhomx l-istess opinjoni.

163    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti kellhomx jiġu awtorizzati jippreżentaw studji ġodda wara l-laqgħa bejn tliet partijiet u mhux biss argumenti, li kienu espliċitament awtorizzati li jagħmlu, fid-dawl tal-fatt li l-Istat Membru relatur seta’ tahom x’jifhmu, f’ċertu stadju tal-proċedura, li kien ġie identifikat użu mingħajr periklu. Il-kwistjoni hija marbuta ma’ dik tar-rifjut tal-eżami tal-PTA riveduti (ara iktar ’il quddiem) li, skont ir-rikorrenti, kienet tippermetti li tiġi solvuta l-problema tal-protezzjoni tal-operatur, li madankollu ma ttiħditx inkunsiderazzjoni peress li kienet tardiva.

164    Qabel kollox, hemm lok li jiġi rrilevat li mill-qafas leġiżlattiv jirriżulta b’mod ċar li l-pożizzjoni tal-Istat Membru relatur fil-proċess ta’ evalwazzjoni mhijiex deċiżiva. Huwa jiġbor data u jipproponi deċiżjoni iżda hija l-Kummissjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, tiddeċiedi abbażi tal-opinjoni tal-Kumitat. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-Istat Membru relatur ħa pożizzjoni f’ċertu stadju tal-proċedura ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ użu mingħajr periklu għall-espożizzjoni tal-operatur ma jistax jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti sabiex joħloq fir-rigward tar-rikorrenti ċ-ċertezza li din il-problema kienet ġiet solvuta fl-intier tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li, anki fl-istadju tal-laqgħa bejn tliet partijiet, il-pożizzjoni finali kienet ġiet riżervata għal meta tasal data addizzjonali.

165    Lanqas ma jista’ jiġi konkluż li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, u, senjatament, id-dritt għal smigħ tagħhom, ġew miksura fir-rigward tal-kwistjoni tal-operatur inġenerali u tal-protezzjoni tiegħu b’mod partikolari fil-każ ta’ espożizzjoni interna, peress li mill-fatti premessi jirriżulta li huma kellhom diversi okkażjonijiet sabiex jissottomettu studji u li setgħu jippreżentaw argumenti anki wara l-laqgħa bejn tliet partijiet b’tali mod li setgħu jesponu l-opinjoni tagħhom b’mod utli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dokter et, iċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, skont ir-rikorrenti, l-istudji tagħhom urew in-nuqqas ta’ riskju għall-operatur fil-każ ta’ espożizzjoni interna iżda l-Kumitat u l-Kummissjoni kellhom opinjoni oħra. Issa, nuqqas ta’ ftehim f’dan ir-rigward ma jistax jiġi assimilat ma’ ksur tad-dritt għal smigħ tagħhom. Fil-fatt ir-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jikkontestaw il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni għamlet, fid-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-istudji inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ħaġa din li r-rikorrenti ma għamlux, peress li huma bbażaw ir-rikors tagħhom fuq l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħtihom termini ġodda u, senjatament, li taċċetta reviżjoni tal-kwistjoni fuq il-bażi tal-PTA mnaqqsa. Fi kwalunkwe każ, hemm lok ukoll li jiġi ċċarat li, kif jirrilevaw il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja, mill-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta ċar li d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 tistrieħ prinċipalment fuq l-inċertezzi marbuta man-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-mod ta’ degradazzjoni tal-endosulfan u mal-preżenza ta’ metabolit mhux magħruf. Minn dan isegwi li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa inkonċepibbli li l-possibbiltà tar-rikorrenti li jiċċaraw ulterjorment il-kwistjoni tal-operatur fil-każ ta’ espożizzjoni esterna setgħet twassal għal riżultat finali differenti fid-deċiżjoni kkontestata b’tali mod li irregolarità li seta’ kien hemm f’dan ir-rigward ma tistax waħidha twassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Distillers Company vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 131 iktar ’il fuq, punt 26).

166    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li waħda mir-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata hija dik tal-insuffiċjenza tal-istudju dwar l-espożizzjoni interna tal-operatur, li fir-rigward tagħha r-rikorrenti setgħu ngħataw x’jifhmu li użu mingħajr periklu kien ġie identifikat minn qabel mill-Istat Membru relatur, mhuwiex bażi suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom u lanqas ma jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414.

167    Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda t-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti, magħmula mir-rikorrenti fir-replika, li tistieden lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex titlob lill-Kummissjoni tipproduċi l-osservazzjonijiet tal-Istati Membri wara l-laqgħa bejn tliet partijiet tas-17 ta’ Mejju 2004, li matulha setgħu tqajmu dubji fir-rigward tal-kwistjoni tal-protezzjoni tal-operatur fil-każ ta’ espożizzjoni interna, il-Kummissjoni kkonfermat fil-kontroreplika tagħha u fis-seduta li hija ma kellhiex tali dokumenti bil-miktub. Fi kwalunkwe każ, mill-premess jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha biżżejjed informazzjoni fl-atti tal-kawża b’tali mod li mhuwiex meħtieġ li din it-talba tintlaqa’.

168    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti fir-rigward tal-kwistjoni tal-espożizzjoni interna tal-operatur għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ir-raba’ kwistjoni dwar il-PTA riveduti

–       L-argumenti tal-partijiet

169    Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tqisx l-argumenti tagħhom dwar il-PTA riveduti, li jirrigwardaw il-proposta ta’ eżami tal-endosulfan taħt forma iktar dilwita minn dik li kienet suġġetta għall-evalwazzjoni u għal applikazzjoni waħda kull staġun, minkejja li l-Kummissjoni, fil-laqgħa bejn tliet partijiet, kienet aċċettat li jiġu sottomessi PTA ġodda.

170    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tallega li l-PTA riveduti ġew proposti tardivament u għalhekk hija ma kinitx obbligata tikkunsidrahom, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-kunsiderazzjoni tagħhom kienet timplika l-kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ parti sħiħa mill-evalwazzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

171    B’mod preliminari, hemm lok li jiġi speċifikat li, b’mod ġenerali, il-PTA jikkostitwixxu r-regoli li għandhom jiġu osservati fit-tħawwil u l-kultivazzjoni ta’ wċuħ agrikoli b’mod li jsir l-aħjar użu mill-produzzjoni agrikola, filwaqt li jitnaqqsu r-riskji fil-konfront tal-bniedem u tal-ambjent. Fir-rigward tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tali regoli huma msejħa wkoll “prattiki tajba għas-saħħa tal-pjanti”. Mill-qafas leġiżlattiv u mill-proċess jirriżulta li, għall-finijiet tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni fis-sens tad-Direttiva 91/414, sustanza attiva hija eżaminata skont ċerti regoli ta’ applikazzjoni fid-dawl, b’mod partikolari, tad-doża u l-frekwenza ta’ applikazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkollhom din is-sustanza.

172    F’dan il-każ, il-kwistjoni tal-PBA mnaqqsa tirrigwarda l-proposta tar-rikorrenti li l-endosulfan tiġi eżaminata f’forma iktar dilwita minn dik li kienet suġġetta għall-evalwazzjoni u għal applikazzjoni waħda kull staġun, ippreżentata wara l-laqgħa ta’ bejn tliet partijiet, b’mod partikolari fl-ittra tal-25 ta’ Ġunju 2004. Il-Kummissjoni tenfasizza li, f’dak l-istadju tal-proċedura, hija aċċettat ukoll argumenti ġodda, iżda li l-introduzzjoni ta’ PTA ġodda kienet tfisser il-kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ parti sħiħa mill-evalwazzjoni.

173    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti dwar dan l-aspett tal-proċedura ta’ evalwazzjoni huwa żviluppat b’mod limitat, peress li r-rikorrenti illimitaw ruħhom, fir-rikors, għall-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx dawn il-PTA mnaqqsa minkejja li kienet aċċettat li tagħmel dan fil-laqgħa ta’ bejn tliet partijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-minuta tal-laqgħa bejn tliet partijiet ma jirriżultax li l-Kummissjoni aċċettat is-sottomissjoni ta’ PTA ġodda. Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-kunsiderazzjoni ta’ PTA mnaqqsa kienet timplika l-kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ parti sħiħa mill-evalwazzjoni mhijiex kontradetta mill-kummenti tar-rikorrenti infushom fl-ittra tal-25 ta’ Ġunju 2004 li permezz tagħha huma ssottomettew lill-evalwaturi l-PTA ġodda, peress li f’din l-ittra huma indikaw li l-PTA riveduti kellhom jiffaċilitaw l-analiżi tar-riskji, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ekotossikoloġija u l-evalwazzjoni ta’ xi jsir mill-endosulfan, ħaġa din li timplika b’mod ċar kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ aspetti importanti tal-proċess ta’ evalwazzjoni u li ma tinvolvix biss argumenti ġodda meta mqabbla mal-evalwazzjoni eżistenti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-PTA riveduti ma setgħux jiġu ppreżentati iktar kmieni fil-proċedura, peress li mill-atti tal-proċess jirriżulta li reviżjoni tal-PTA kienet diġà saret fi stadji bikrija tal-proċedura, b’mod partikolari fl-2001 sabiex tingħata risposta għar-rekwiżit li jiġi ppreżentat użu mingħajr periklu kif introdott bir-Regolament Nru 2266/2000.

174    Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma stabbilixxew ebda sitwazzjoni ta’ forza maġġuri b’tali mod li n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-PTA riveduti mill-evalwaturi f’Lulju 2004 huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

175    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-PTA riveduti ġew ippreżentati sabiex inaqqsu r-riskju ta’ espożizzjoni tal-operatur, apparti l-fatt li l-argument tar-rikorrenti huwa kontradittorju inkwantu huma jallegaw li fil-laqgħa ta’ bejn tliet partijiet fehmu li l-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-operatur kienet ġiet kompletament solvuta, għandu jiġi mfakkar, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, li ladarba l-kwistjoni tal-espożizzjoni tal-operatur hija ta’ natura sekondarja meta mqabbla mad-dubji mqajma mill-evalwaturi fir-rigward tal-eżistenza ta’ metabolit mhux magħruf, irregolarità eventwali fuq dan il-punt ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li, anki jekk il-problema tal-espożizzjoni tal-operatur kienet ġiet solvuta, dik tal-metabolit mhux magħruf kienet twassal għall-istess deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

176    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-PTA riveduti għandhom jiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames kwistjoni dwar l-allegata klassifika tal-endosulfan bħala POP u PBT

–       L-argumenti tal-partijiet

177    Ir-rikorrenti essenzjalment jenfasizzaw li hemm żewġ kriterji xjentifiċi li jifformaw il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata u tal-evalwazzjoni li tifridha li mhumiex speċifikati fid-Direttiva 91/414. Hawnhekk hija involuta b’mod partikolari l-klassifika ta’ sustanza bħala POP jew PBT li hija rilevanti fil-kuntest tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, p.1), iżda mhux fil-kuntest tad-Direttiva 91/414. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tispjega, fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-endosulfan tqajjem preokkupazzjonijiet minħabba l-persistenza tagħha u l-karatteristiċi volatili tagħha skoperti fir-riżultati ta’ sorveljanza transkonfinali, konklużjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju POP. Barra minn hekk it-terminu “POP” jidher espressament fil-minuta tal-laqgħa bejn tliet partijiet, li ddedikat kapitolu sħiħ għal din il-kwistjoni, u l-konklużjonijiet tal-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni” tal-11 ta’ Marzu 2004 jindikaw b’mod ċar li l-preokkupazzjonijiet li kien għad hemm fir-rigward ta’ din il-molekula rriżultaw b’mod partikolari minħabba l-fatt li “s-sustanza setgħet ukoll tkun POP”. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 kif ukoll l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li l-evalwazzjoni kienet ser tkun ibbażata biss fuq kriterji xjentifiċi li jaqgħu fil-parametri tal-imsemmija direttiva.

178    Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, il-problema kienet tiġi solvuta kieku l-Kummissjoni kkunsidrat id-data dwar l-użu fis-serer.

179    Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, il-kriterji POP u PBT u d-Direttiva 2000/60 huma bbażati fuq il-kunċett tal-periklu u mhux fuq il-kunċett tar-riskju.

180    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkontesta l-argument li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq kriterji li mhumiex dawk tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

181    Il-kwistjoni tal-allegata klassifika tal-endosulfan bħala POP u PBT tirrigwarda l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata li l-endosulfan hija volatili, il-metabolit prinċipali tagħha huwa persistenti u nstab f’riżultati ta’ sorveljanza f’reġjuni fejn is-sustanza ma kinitx tintuża.

182    B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw li din il-konklużjoni tistrieħ fuq analiżi li ma taqax fil-parametri tad-Direttiva 91/414 iżda taqa’ taħt id-Direttiva 2000/60. Din id-direttiva tal-aħħar hija intiża sabiex ittejjeb il-kwalità tal-ilma permezz tal-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni progressiva ta’ serje ta’ sustanzi meqjusa perikolużi u ta’ ċerti pollutanti fl-ilmijiet tal-Unjoni Ewropea. Id-definizzjonijiet tas-sustanzi perikolużi u tal-pollutanti fid-Direttiva 2000/60 jinkludu riferiment għall-kunċetti ta’ POP u PBT. Skont ir-rikorrenti, id-Direttiva 2000/60 tistrieħ fuq evalwazzjoni tal-periklu għall-ambjent tal-ilma filwaqt li d-Direttiva 91/414 teħtieġ l-applikazzjoni tal-kriterju iktar restrittiv tar-riskju għall-ambjent.

183    Fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, il-kriterji POP u PBT kienu s-suġġett ta’ diskussjonijiet matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni u l-klassifika tal-endosulfan bħala POP jew PBT ittieħdet inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni. Il-minuta, redatta mill-Kummissjoni, tal-laqgħa bejn tliet partijiet tas-17 ta’ Mejju 2004 tiddedika b’mod partikolari kapitolu li fih hemm indikata s-sottomissjoni tal-konklużjonijiet tal-Istat Membru relatur fir-rigward tal-klassifika tal-endosulfan bħala POP u PBT u fir-rigward tal-klassifika tal-endosulfan bħala sustanza perikoluża fil-kuntest tad-Direttiva 2000/60. Hemm indikat ukoll li, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, il-mineralizzazzjoni kompleta tas-sustanza għandha tiġi pprovata. L-istess minuta tindika wkoll l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward tal-użu tal-kriterji POP u PBT fil-kuntest tad-Direttiva 91/414 u l-argument tagħhom li l-mineralizzazzjoni kompleta ta’ sustanza mhijiex għan tad-Direttiva 91/414. Għalhekk l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li hija adottat id-deċiżjoni kkontestata indipendentement minn kull diskussjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-endosulfan hijiex POP jew PBT jew minn kull klassifika tal-endosulfan skont id-Direttiva 2000/60 għandha tiġi miċħuda.

184    Madankollu, mill-fatt li l-klassifika tal-endosulfan bħala POP jew PBT jew il-klassifika tagħha skont id-Direttiva 2000/60 kienet is-suġġett ta’ eżami matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni inkwistjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 44 iktar ’il fuq) ma tidhirx, prima facie, inkompatibbli mal-kriterji tal-istess Artikolu 5(1) li huma fformulati b’mod wiesgħa u jistrieħu fuq analiżi tar-riskji tal-effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-annimali jew għall-ilma ta’ taħt l-art jew ta’ influwenza inaċċettabbli fuq l-ambent (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

185    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-endosulfan tistax tiġi kklassifikata bħala POP jew bħala PBT fil-kuntest tad-Direttiva 2000/60, kien il-kompitu tar-rikorrenti li jistabbilixxu matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 kienu ssodisfati. Issa, ir-rikorrenti ma jispjegawx għaliex il-klassifika ta’ sustanza bħala POP jew PBT teskludi li din ikollha l-effetti ta’ ħsara previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-klassifika tal-endosulfan bħala POP jew PBT jew il-klassifika tagħha skont id-Direttiva 2000/60 kienet is-suġġett ta’ eżami matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni ma jistax, fin-nuqqas ta’ argumenti konvinċenti li l-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata huma kuntrarji għall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, ikun raġuni suffiċjenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant l-ilment huwa infondat.

186    Barra minn hekk, mill-premess jirriżulta li l-argumenti bbażati fuq il-fatt li d-Direttiva 2000/60 tistrieħ fuq analiżi tal-periklu u d-Direttiva 91/414 fuq analiżi tar-riskju kif ukoll l-argument ibbażat fuq preġudizzju għall-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fl-applikazzjoni esklużiva tal-kriterji li jaqgħu taħt id-Direttiva 91/414 huma irrilevanti.

187    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti dwar il-kwistjoni tal-allegata klassifika tal-endosulfan bħala POP jew PBT għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

188    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk is-soluzzjoni tal-użu fis-serer propost mir-rikorrenti fi tmiem il-proċedura ta’ evalwazzjoni kinitx, fi kwalunkwe każ, tneħħi d-dubji marbuta ma’ klassifika possibbli tal-endosulfan bħala POP jew PBT, għandu jsir riferiment għall-analiżi tal-kwistjoni tal-użu fis-serer żviluppata iktar ’il quddiem.

 Fuq is-sitt kwistjoni dwar l-użu fis-serer

–       L-argumenti tal-partijiet

189    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni s-soluzzjoni finali proposta minnhom li l-endosulfan tiġi limitata għall-użu fis-serer b’PTA mnaqqsa, liema nuqqas jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 u tad-drittijiet tad-difiża tagħhom. Issa, l-użu fis-serer kien isolvi l-problema tal-metabolit mhux magħruf, peress li l-endosulfan ma tkunx tista’ tidħol fil-ħamrija jew fl-ilma barra mis-serra.

190    Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li n-nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu limitat fis-serer jikser il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali.

191    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tallega li hija kienet korretta meta rrifjutat li teżamina s-soluzzjoni tal-użu fis-serer, peress li din ġiet ippreżentata tardivament. Fi kwalunkwe każ, din ma tnaqqasx id-dubji mqajma mill-metabolit mhux magħruf, peress li serra mhijiex ambjent kompletament magħluq.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

192    Il-kwistjoni tal-użu fis-serer tirrigwarda proposta li r-rikorrenti ppreżentaw wara l-laqgħa bejn tliet partijiet f’ittra tal-25 ta’ Ġunju 2004 indirizzata lill-Kummissjoni li permezz tagħha huma indikaw li kienu lesti li jaċċettaw bħala “l-agħar xenarju għalihom” l-użu tal-endosulfan għat-tadam fis-serer.

193    Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar ir-raġunijiet għal din il-preżentata tardiva, ir-rikorrenti wieġbu li ma setgħux jippreżentawha qabel peress li l-preokkupazzjoni marbuta mal-espożizzjoni tal-operatur ġiet espressa biss matul il-laqgħa bejn tliet partijiet u qabel din il-laqgħa huma kienu ngħataw x’jifhmu li din il-kwistjoni kienet ġiet solvuta. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li mill-ittra tal-25 ta’ Ġunju 2004 u mill-argument tar-rikorrenti fir-replika jirriżulta li s-soluzzjoni tal-użu tal-endosulfan fis-serer għat-tkabbir tat-tadam ġiet proposta sabiex twieġeb għall-preokkupazzjonijiet li l-evalwaturi kien għad għandhom, b’mod partikolari dik dwar il-metabolit mhux magħruf li, skont kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, ir-rikorrenti setgħu jidentifikaw l-iktar tard fis-sena 2000.

194    Ir-rikorrenti jallegaw ukoll li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża r-rifjut tagħha li teżamina din is-soluzzjoni, proposta bħala soluzzjoni fil-każ li kull soluzzjoni oħra tkun falliet, fuq l-allegata natura inkompleta tal-analiżi għat-tadam fis-serer peress li dan l-użu kien jagħmel parti min-notifika inizjali. Huma jallegaw ukoll li, bejn l-2001 u l-2004, huma saħansitra ngħataw x’jifhmu li l-applikazzjoni tal-endosulfan fuq it-tadam fis-serer kienet tiġġustifika l-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll peress li, kif ir-Renju ta’ Spanja spjega fis-seduta mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, l-endosulfan kienet ġiet innotifikita għal għaxar użi f’raba’ miftuħ u użu wieħed fis-serer. Għalhekk, l-eżami tal-endosulfan ġie ovvjament iffokat fuq l-effetti ambjentali tal-użu li huwa potenzjalment l-iktar problematiku, jiġifieri l-użu estern tal-endosulfan. Għalhekk, mill-fatt li l-konklużjonijiet tal-proċedura ta’ evalwazzjoni kienu essenzjalment jikkonċernaw ir-riskju ta’ effetti ta’ ħsara tal-endosulfan fil-każ ta’ użu estern ma jistax jiġi konkluż li l-użu tiegħu fis-serer għandu jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mal-Artikolu 5(1) ta-Direttiva 91/414. Barra minn hekk ir-rikorrenti baqgħu jitolbu l-awtorizzazzjoni għall-applikazzjonijiet kollha nnotifikati tal-aħħar tal-proċedura ta’ evalwazzjoni.

195    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqux argumenti validi dwar il-kwistjoni għaliex ma setgħux jissottomettu din is-soluzzjoni iktar kmieni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, bis-sottomissjoni ta’ din is-soluzzjoni daqshekk tard u bir-rieda kontinwa tagħhom li jiksbu l-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għall-użu l-iktar wiesa’ possibbli, ir-rikorrenti xjentement irriskjaw li ma jkunux jistgħu jipprovaw, fit-termini proċedurali, li l-endosulfan kienet tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414. Finalment, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, dawn huma ttrattati iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv.

196    Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li hemm nuqqas ta’ qbil manifest bejn il-partijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk serra tikkostitwixxix ambjent magħluq. Ir-rikorrenti jallegaw li f’dan ir-rigward il-Kummissjoni tqajjem oġġezzjonijiet irrilevanti fir-rigward tat-tossiċità għall-għasafar, peress li fis-serer ma jkunx hemm għasafar. Madankollu, mill-proċess tal-kawża u mill-kummenti tar-Renju ta’ Spanja fis-seduta jirriżulta li hemm ukoll preokkupazzjonijiet oħra dwar, per eżempju, penetrazzjoni possibbli tal-ilma fil-ħamrija. Għalhekk il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja b’mod ċar ma jaċċettawx l-argument tar-rikorrenti li s-soluzzjoni tal-użu fis-serer tippermetti li l-problema tal-metabolit mhux magħruf tiġi evitata. Apparti l-fatt li, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, għandu jiġi rikonoxxut li fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ evalwazzjonijiet xjentifiċi kumplessi l-Kummissjoni għandu jkollha marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, din id-diskussjoni turi wkoll li, anki jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tas-soluzzjoni tal-użu fis-serer ippreżentata tard jikkostitwixxi nuqqas proċedurali li wassal għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, bl-ebda mod ma jista’ jiġi stabbilit li l-kunsiderazzjoni tagħha setgħet wasslet għal deċiżjoni differenti. Għaldaqstant, din l-irregolarità ma tistax twassal għall-illegalità u, għalhekk, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

197    Minn dan isegwi li l-ilmenti dwar il-kwistjoni tal-użu fis-serer għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq is-seba’ kwistjoni dwar l-impatt tad-dewmien ikkawżat mill-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

198    Skont ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, l-Istat Membru relatur ippreżenta l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu biss fi Frar 2000 bi ksur tal-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3600/92, li jipprevedi terminu ta’ tnax-il xahar li jiddekorri minn meta jasal l-inkartament komplet. Fil-każ ineżami, il-verżjoni aġġornata tal-inkartament tar-rikorrenti ġiet ippreżentata fl-aħħar tal-1996. Għalhekk mhuwiex possibbli li r-rikorrenti jiġi kkonfrontati bit-termini għas-sottomissjoni ta’ data fit-tmiem tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, peress li l-Istat Membru relatur kien tal-inqas parzjalment responsabbli għad-dewmien li kien hemm. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jiċħdu l-argument tal-Kummissjoni u tar-Renju ta’ Spanja li huma parzjalment responsabbli għad-dewmien li kien hemm matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni.

199    Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti stess ikkontribwixxew parzjalment għad-dewmien li llum qed jikkritikaw. Hija tammetti li l-proċeduri magħmula skont id-Direttiva 91/414, b’mod partikolari għall-ewwel fażi tal-programm ta’ eżami, ħadu iktar żmien minn dak previst, iżda dan huwa l-każ għas-sustanzi kollha u għan-notifikaturi kollha. Madankollu, skont il-Kummissjoni, ikun inġust min-naħa tar-rikorrenti li jakkużaw lill-Istat Membru relatur u/jew lill-Kummissjoni bid-dewmien kollu. Barra minn hekk, id-dewmien kollu fil-proċeduri ma kienx neċessarjament ta’ żvantaġġ għar-rikorrenti, peress li l-endosulfan setgħet tibqa’ fis-suq għal iktar żmien. Barra minn hekk, ma hemmx raġuni għalxiex wieħed jissoponi li r-riżultat kien ser ikun differenti li kieku l-proċedura kienet inqas twila.

200    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni l-argumenti tal-Kummissjoni u jenfasizza wkoll li l-parti l-kbira mid-dewmien fil-proċedura ġie kkawżat mir-rikorrenti infushom, ħaġa din li turi b’mod ċar intenzjoni inkontestabbli li ma jħallux il-proċedura tingħalaq.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

201    B’mod preliminari, għandu jiġi ppreċiżat li din il-kwistjoni essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni tal-impatt potenzjali tad-dewmien inizjali li kien hemm fil-proċedura ta’ evalwazzjoni matul il-perijodu ta’ preparazzjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni fuq il-possibbiltà għar-rikorrenti li josservaw it-termini proċedurali li kienu jagħlqu f’Mejju 2002 u f’Mejju 2003.

202    Fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li s-sottomissjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni mill-Istat Membru relatur saret b’dewmien kunsiderevoli fid-dawl tat-termini previsti fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 3600/92, kif emendat, li jipprovdi li dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni fi żmien tnax-il xahar minn meta jaslu l-inkartamenti. Issa, fil-każ ineżami, l-inkartament komplet ġie sottomess f’April 1995, u verżjoni aġġornata ġiet sottomessa sena wara, iżda r-rapport ta’ evalwazzjoni ġie ppreżentat lill-Kummissjoni biss fit-22 ta’ Frar 2000. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fl-atti tagħhom, la l-Kummissjoni u lanqas ir-Renju ta’ Spanja ma jagħtu spjegazzjoni għal dan id-dewmien kunsiderevoli fid-dawl tat-termini leġiżlattivi iżda sempliċement jinvokaw ċertu dewmien matul il-proċedura ta’ eżami li allegatament jaħtu għalih ir-rikorrenti, ħaġa din li dawn tal-aħħar jikkontestaw. Bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-Renju ta’ Spanja ġibed l-attenzjoni għad-diffikultajiet ta’ organizzazzjoni li ltaqa’ magħhom fil-bidu tal-proċedura ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-fatt li din kienet proċedura ġdida u fid-dawl tan-numru ta’ sustanzi li għalihom huwa ġie nnominat bħala Stat Membru relatur. Ir-Renju ta’ Spanja jispeċifika li ma kien hemm ebda korp akkreditat qabel l-10 ta’ Mejju 1996 sabiex isiru l-evalwazzjonijiet u li, mill-1996 tal-1998, il-korp akkredidat għamel l-evalwazzjoni tas-sustanza attiva tal-endosulfan filwaqt li minn żmien għal żmien żamm lir-rikorrenti informati bil-konklużjonijiet tiegħu. Ir-Renju ta’ Spanja jindika wkoll li, sa minn Lulju 1998, ir-rikorrenti pproduċew dokumenti addizzjonali filwaqt li mmodifikaw ukoll il-PTA, biex b’hekk komplew dewmu s-sottomissjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni.

203    Jidher ċar li l-argument tal-Kummissjoni u tar-Renju ta’ Spanja jispjega biss parzjalment id-dewmien kunsiderevoli fis-sottomissjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li irregolarità proċedurali twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni sħiħa jew ta’ parti minnha biss jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, din id-deċiżjoni seta’ kellha kontentut differenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1986, Bernardi vs Il-Parlament, 150/84, Ġabra p. 1375, punt 28; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 283, u tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 416; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 47).

204    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa kontradittorju. Fl-ewwel lok huma ma jistgħux, b’mod kredibbli, jinvokaw id-dewmien tas-sottomissjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni bħala kawża għall-impossibbiltà tagħhom li jissottomettu data f’ċertu terminu meta kull argument tagħhom jistrieħ fuq il-fatt li d-data li ma ġietx ikkunsidrata twieġeb għall-preokkupazzjonijiet li ġew espressi tard fil-proċedura ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, huwa biss fil-każ fejn il-ħtieġa li jiġi sottomess studju addizzjonali tirriżulta mill-abbozz ta’ rapport li n-natura tardiva tas-sottomissjoni tiegħu tista’ tipprekludi lir-rikorrenti milli josservaw l-imsemmija termini, u għalhekk, ikollha impatt reali fuq id-deċiżjoni kkontestata. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jilmentaw minħabba nuqqas ta’ interazzjoni mal-Istat Membru relatur qabel is-sena 2000. Issa, jidher ċar li interazzjonijiet iktar intensivi minn dawk li jirriżultaw mill-provi tal-komunikazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-Istat Membru relatur, sottomessi flimkien mal-atti tal-kawża u rrilevati fit-tweġiba ta’ dan tal-aħħar għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, setgħu biss idewmu s-sottomissjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, dawn il-provi b’dokumenti pjuttost jindikaw li r-rikorrenti kienu involuti mill-qrib fir-redazzjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni, b’mod li dan kellu jippermettilhom li jtejbu l-evalwazzjoni. Fit-tielet lok, mill-atti tal-kawża jirriżulta li xi drabi r-rikorrenti nfushom ikkontribwixxew għad-dewmien billi ssottomettew data jew parametri ġodda jew, matul it-tieni fażi ta’ eżami, billi ma osservawx dejjem id-dati mogħtija għas-sottomissjoni ta’ studji b’tali mod li jkun riskjuż li jiġi stabbilit sa fejn sottomissjoni tal-abboz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni f’data iktar kmieni kienet se tippermetti li jiġu identifikati iktar kmieni ċerti dubji tal-evalwaturi.

205    Għaldaqstant, l-ilment dwar il-kwistjoni tal-impatt tad-dewmien ikkawżat mill-Istat Membru relatur u mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

206    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-eżami individwali tas-seba’ kwistjonijiet ma wasslitx għall-identifikazzjoni tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 jew ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża jew ta’ kwalunkwe aspettattiva leġittima tar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma jista’ jingħad li l-effett globali tal-aspetti differenti tal-proċedura ta’ evalwazzjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-imsemmija kwistjonijiet jista’ jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma jirriżultax li r-rikorrenti sabu lilhom infushom f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li żammithom milli josservaw it-termini proċedurali. Għalhekk hemm lok li, minn naħa, l-ewwel motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu u, min-naħa l-oħra, tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni motiv.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 95(3) KE

 L-argumenti tal-partijiet

207    Ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li l-Kummissjoni, bin-nuqqas tagħha li teżamina d-data kollha sottomessa, inkluża dik sottomessa qabel l-iskadenzi ta’ Mejju 2002 u ta’ Mejju 2003, u billi bbażat l-evalwazzjoni tal-endosulfan tagħha fuq serje limitata u inkompleta ta’ data, kisret l-Artikolu 95(3) KE. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, filwaqt li d-Direttiva 91/414 hija formalment ibbażata fuq l-Artikolu 43 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 37 KE) li jistabbilixxi politika agrikola komuni, mill-premessi tagħha jirriżulta li hija għandha għanijiet marbuta mas-suq intern, u għalhekk l-Artikolu 95 KE huwa applikabbli. B’dan il-mod, skont ir-rikorrenti, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/414 jiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti billi jipprekludi lill-Istati Membri milli jostakolaw, għal raġunijiet marbuta mal-kwistjonijiet armonizzati minn din id-direttiva, l-importazzjoni, il-bejgħ jew l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li josservaw id-dispożizzjonijiet armonizzati. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-kwistjoni tal-bażi legali tad-Direttiva 91/414 mhijiex rilevanti.

208    Skont l-Artikolu 95(3) KE, bl-adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tas-saħħa jew tal-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkunsidra d-data l-iktar reċenti, inkluż kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem għandu jkun assigurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji. L-effett globali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li d-deċiżjonijiet kollha adottati skont id-Direttiva 91/414 għandhom jippermettu li jintlaħaq livell ta’ protezzjoni għoli evalwat b’riferiment għad-data l-iktar reċenti.

209    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, issostni li l-Artikolu 95(3) KE mhuwiex applikabbli, peress li dan iservi biss bħala bażi legali għall-atti adottati mill-Kunsill fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kodeċiżjoni, prevista fl-Artikolu 251 KE, li jkollhom bħala għan l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern. Issa, skont il-Kummissjoni, id-Direttiva 91/414, li hija l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata u tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni li fuqhom hija bbażata, ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 43 tat-Trattat KE, li ma japplikax il-kodeċiżjoni.

210    Barra minn hekk, leġiżlazzjoni agrikola bħad-Direttiva 91/414 tista’ tinvolvi l-armonizzazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mingħajr ma jkun meħtieġ li jintuża l-Artikolu 100 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 94 KE), sa fejn l-Artikolu 38(2) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 32(2) KE) jiżgura li d-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-qasam agrikolu jipprevalu fuq dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-istabbiliment tas-suq komuni. Il-fatt li miżura agrikola tieħu inkunsiderazzjoni wkoll kwistjonijiet ambjentali jew tas-saħħa ma jimplikax li din tkun taqa’ taħt ir-regoli tat-Trattat fil-qasam tal-ambjent. Għal raġunijiet simili, l-Artikolu 152 KE huwa wkoll mingħajr rilevanza.

211    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam agrikolu u li l-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjaraw b’mod espliċitu li din ir-regola tapplika għall-proċeduri previsti mid-Direttiva 91/414.

212    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tindika li hija ma tifhimx għaliex l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-iktar data xjentifika reċenti disponibbli għandha tkun differenti għar-regoli li jifformaw il-bażi tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

213    L-Artikolu 95(3) KE, li l-Kummissjoni tikkontesta l-applikabbiltà tiegħu fil-kawża ineżami, jipprovdi li l-Kummissjoni, fil-proposti tagħha lill-Kunsill għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern fil-qasam tas-saħħa, tas-sigurtà, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi.

214    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jikkonfermaw fl-atti tagħhom li huma ma jikkontestawx il-legalità tad-Direttiva 91/414 fil-konfront tal-Artikolu 95(3) KE iżda dik tal-atti adottati mill-Kummissjoni abbażi ta’ din id-direttiva. Huma jirrikonoxxu li d-Direttiva 91/414 fiha nfisha ma tmurx kontra l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 95(3) KE, iżda jqisu li din issaħħaħ dawn il-kundizzjonijiet peress li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 jipproduċi mill-ġdid it-termini tal-Artikolu 95(3) KE meta jeżiġi li d-deċiżjonijiet jiġu adottati “fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti”. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li l-argument li r-rikorrenti jiżviluppaw fil-kuntest ta’ din il-parti qed jiġi konfuż ma’ dak żviluppat fil-kuntest tal-ewwel motiv u fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv li fir-rigward tagħhom ġie deċiż li kienu infondati. Għalhekk l-ilmenti bbażati fuq allegat ksur tal-Artikolu 95(3) KE għandhom ukoll jiġu miċħuda mingħajr ma hemm ħtieġa li l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti deċiżjoni dwar l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni.

215    Fir-rigward tal-Artikolu 152(1) KE, li r-rikorrenti jinvokaw sussidjarjament u li jipprovdi li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem għandha tiġi assigurata fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji, għandu jiġi kkonstatat li ebda argument awtonomu ma huwa żviluppat u li r-rikorrenti sempliċement jirreferu mill-ġdid għall-obbligu tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-iktar data reċenti. Għalhekk dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll.

216    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju

217    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jenfasizzaw, b’mod iktar partikolari, il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (l-ewwel parti), tal-prinċipji tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali (it-tieni parti), tal-projbizzjoni ta’ azzjoni ultra vires (inkompetenza) (it-tielet parti), tal-obbligu li ssir evalwazzjoni diliġenti u imparzjali (ir-raba’ parti), tal-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ poter (il-ħames parti), tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ (is-sitt parti), tal-prinċipju tal-eċċellenza u l-indipendenza tal-pariri xjentifiċi (is-seba’ parti), tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (it-tmien parti), tal-prinċipju li d-dispożizzjonijiet speċjali jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali (id-disa’ parti) u tal-prinċipju tal-estoppel (l-għaxar parti). Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis utli li fl-ewwel lok teżamina, b’mod separat, l-ewwel parti bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u t-tmien parti bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali qabel tgħaddi sabiex teżamina flimkien il-partijiet l-oħra tat-tielet motiv.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

–       L-argumenti tal-partijiet

218    Skont ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi vverifikat jekk il-mezzi li hija tuża jkunux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan maħsub u jekk dawn imorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq. Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni li ma tiġix eżaminata d-data kollha sottomessa mir-rikorrenti tmur kontra l-għan previst mid-Direttiva 91/414, li huwa dak li ssir evalwazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-ingredjenti attivi tagħhom fid-dawl tal-kriterji speċifikati fl-imsemmija direttiva u “fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku” l-iktar reċenti, u ma tikkostitwixxix l-inqas mezz restrittiv sabiex jintlaħaq dan l-għan, sa fejn id-deċiżjoni li l-endosulfan ma jkunx inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għandha bħala konsegwenza l-irtirar tal-endosulfan mis-suq fi ħdan l-Unjoni Ewropea, b’konsegwenzi kummerċjali irreparabbli għar-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, riżultat bħal dan huwa kompletament sproporzjonat, b’mod partikolari meta dan jirriżulta biss mir-rieda li jiġu osservati t-termini artifiċjalment iffissati, bħal fil-każ ineżami.

219    Ir-rikorrenti jinvokaw id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2003, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, [C‑365/03 P(R), Ġabra p. I‑12389] u tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Awwissu 2003, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (T‑158/03 R, Ġabra p. II‑3041) li minnhom jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka t-termini bħala l-unika raġuni sabiex tirrifjuta li teżamina data ġdida li huma ssottomew. Il-ftit dewmien li l-eżami ta’ din id-data kien jimplika huwa, konsegwentement, ferm inqas mit-terminu addizzjonali mogħti lil IQV għas-sottomissjoni ta’ data ġdida dwar il-metalaxyl u ċertament ta’ ftit importanza meta mqabbel mal-perijodu globali ta’ evalwazzjoni tal-endosulfan, li ttawlet minħabba l-evalwazzjoni tardiva tal-Istat Membru relatur, u li fi kwalunkwe każ kienet miftuħa sal-31 ta’ Diċembru 2005 u ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2006.

220    Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li l-endosulfan kellu tal-inqas jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu fis-serer u li din is-soluzzjoni kienet tkun proporzjonali għall-għanijiet ta’ din id-direttiva u kienet ukoll tiggarantixxi li l-endosulfan tiġi ttrattata bl-istess mod bħal sustanzi attivi oħra. Fil-fatt, il-Kummissjoni aċċettat l-inklużjoni tal-beta-cyfluthrin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 minħabba li “l-użi minbarra dawk ornamentali fis-serer jew relattivi għat-trattament ta’ żerriegħa ma [kinux] dokumentati biżżejjed u ma [rriżultawx] aċċettabbli fid-dawl tal-kriterji previsti fl-Anness VI” u li, “[s]abiex l-awtorizzazzjoni għal dawn l-użi tiġi sostnuta, kien jeħtieġ li l-Istati Membri jiġu pprovduti b’data u informazzjoni li jipprovaw l-aċċettabbiltà tagħhom fir-rigward tal-konsumaturi umani u fir-rigward tal-ambjent”. L-istess raġunament sar fir-rigward tas-sustanza attiva cyflutherin u seta’ sar fir-rigward tal-endosulfan.

221    L-ECPA ssostni l-argumenti tar-rikorrenti u żżid li r-rifjut tal-Kummissjoni li tikkunsidra d-data kollha disponibbli huwa partikolarment sproporzjonat f’dan il-każ, peress li l-endosulfan u l-prodotti li għandhom l-endosulfan fihom ma jippreżentawx periklu jew riskju imminenti jew identifikati. Fl-aħħar nett, l-ECPA tallega li tal-inqas hemm mezzi oħra inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minflok is-sempliċi rifjut li l-endosulfan tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. F’dan ir-rigward, l-għażliet disponibbli sabiex jitneħħew id-dubji li għad hemm huma t-tqassir tal-perijodu għall-inklużjoni fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, it-titjib ta’ fatturi ta’ sigurtà, rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tad-data kif ukoll l-impenn obbligatorju min-naħa tan-notifikatur li jagħmel testijiet komplimentari.

222    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, topponi l-argumenti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-ammissibbiltà tal-ilment ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tan-nuqqas ta’ inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu fis-serer biss, peress li, skontha, ir-rikors jirreferi għall-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-kwistjoni tat-termini biss.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

223    Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bil-kundizzjoni li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva u li l-iżvantaġġi li jinħolqu m’għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2006, Zuid-Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu, C‑174/05, Ġabra p. I‑2443, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-implementazzjoni ta’ tali prinċipju, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Kummissjoni għandha fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura fid-dawl tal-għan tagħha li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zuid-Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu, iċċitata fil-punt 223 iktar ’il fuq, punt 29).

225    Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punt 81 iktar ’il fuq, mill-premessi tad-Direttiva 91/414 jirriżulta li din tal-aħħar għandha bħala għan, minn naħa, li telimina l-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li ttejjeb il-produzzjoni tal-pjanti u, min-naħa l-oħra, il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u kif ukoll tal-ambjent.

226    Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tikkunsidrax data mressqa wara l-iskadenza tat-termini proċedurali, hemm lok li jiġi mfakkar li mill-eżami flimkien tal-kuntest leġiżlattiv u tas-sentenza IQV, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv u tat-tieni parti tat-tieni motiv, jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ta’ sustanza prevista fil-proċedura tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, għandha tiġi imposta moratorja fil-każ li n-notifikaturi ta’ sustanza attiva jkunu jinsabu fi stat ta’ forza maġġuri li minħabba fih ma jkunux jistgħu josservaw it-termini proċedurali għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni komplimentari sabiex jiġi pprovat użu mingħajr periklu tas-sustanza attiva inkwistjoni.

227    Issa, mill-eżami tad-diversi kwistjonijiet li sar iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma ġabux prova li huma kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li ma ħallithomx jissottomettu fit-termini proċedurali d-data li l-Kummissjoni rrifjutat li tikkunsidra. Għalhekk ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tikkunsidrax id-data u l-istudji inkwistjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

228    Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma hija sproporzjonata d-deċiżjoni li l-endosulfan ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 inkwantu din hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li ma hemmx riskji, bħal dawk iddefiniti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, l-għanijiet ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u kif ukoll tal-ambjent tad-Direttiva 91/414 jipprekludu posponiment tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni jew nuqqas ta’ inklużjoni tas-sustanza attiva inkwistjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 skont id-diskrezzjoni tal-produtturi tas-sustanza attiva inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, dawn il-produtturi għandhom, fi kwalunkwe każ, l-opportunità li jitolbu eżami mill-ġdid tas-sustanza attiva permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414.

229    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tipprovdi għall-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu fis-serer, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-ilmenti mressqa fir-rikors fil-kuntest ta’ din il-parti jikkonċernaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtihomx proroga tat-termini regolamentari għas-sottomissjoni ta’ data. Għalhekk dawn l-ilmenti ma jikkonċernawx l-allegata natura sproporzjonata tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu din imponiet l-irtirar mis-suq tal-endosulfan meta kien imissha nstabet soluzzjoni inqas restrittiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha tipprovdi għall-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu fis-serer, invokat għall-ewwel darba fir-replika, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli fuq il-bażi tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 134 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-fatt li l-ECPA indikat dan l-ilment fl-att ta’ intervent tagħha ma jaffettwax il-konklużjoni li dan huwa, fir-realtà, motiv ġdid li r-rikorrenti setgħu ressqu fl-istadju tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il-Kummissjoni, T‑114/02, Ġabra p. II‑1279, punt 417). Fi kwalunkwe każ, mill-eżami tal-ewwel motiv u tat-tieni parti tat-tieni motiv magħmul iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tikkunsidra s-soluzzjoni tal-użu fis-serer li r-rikorrenti kienu ssottomettew wara l-iskadenza tat-termini proċedurali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata minħabba li ma awtorizzatx l-inklużjoni tal-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għal użu fis-serer.

230    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel parti tat-tielet motiv hija infondata.

 Fuq it-tmien parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali

–       L-argumenti tal-partijiet

231    Ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li l-evalwazzjoni tal-endosulfan kienet suġġetta għal trattament inqas favorevoli minn dak mogħti lil molekuli oħra suġġetti għall-istess rekwiżiti ta’ eżami, bħal per eżempju l-metalaxyl u l-klorpirifos, li bbenefikaw minn perijodi addizzjonali għas-sottomissjoni u l-evalwazzjoni ta’ data ġdida rilevanti.

232    Barra minn hekk, il-Kummissjoni allegatament iddeċidiet, fir-rigward ta’ tmien sustanzi attivi, li tipproroga t-terminu għall-inklużjoni tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għall-31 ta’ Diċembru 2006. Minħabba l-proroga tat-terminu applikabbli għall-aħħar tal-2006, tmien sustanzi li jappartjenu għall-ewwel fażi ta’ eżami, inklużi l-fenarimol u l-vinklozolin, jibbenefikaw minn perijodi itwal tat-tqegħid fis-suq u n-notifikaturi jkollhom il-possibbiltà li jossottomettu data ġdida. B’dan il-mod, il-vinklozolin ibbenefikat minn proroga tat-terminu mill-1998 għall-2006 u l-fenarimol mill-1997 għall-2006 filwaqt li l-endosulfan ibbenefikat biss minn proroga mill-2001 tal-2005. Ir-rikorrenti jissottomettu tabella li tindika l-effett tad-dewmien tal-evalwazzjoni inizjali mill-Istat Membru relatur fuq in-numru ta’ laqgħat għall-evalwazzjoni tad-data u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn in-notifikaturi u l-awtoritajiet ta’ evalwazzjoni. B’dan il-mod il-fenarimol u l-vinklozolin ibbenefikaw minn laqgħat iktar frekwenti u minn diversi snin addizzjonali għall-iżvilupp ta’ data ġdida bi tweġiba għall-evalwazzjoni u fid-dawl tal-progress tekniku skont id-Direttiva 91/414. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni allegatament ittrattat, tal-inqas f’ċerti każi, sitwazzjonijiet simili b’mod differenti, b’tali mod li kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-Artikolu 40(3) KE.

233    Barra minn hekk, it-trattament inugwali ma jkoprix biss il-perijodu itwal ta’ evalwazzjoni mogħti lis-sustanzi l-oħra li jappartjenu għall-istess lista bħall-endosulfan, iżda wkoll differenza f’dak li jikkonċerna l-kriterji użati għall-evalwazzjoni globali u fir-riżultat finali tal-evalwazzjoni tal-endosulfan.

234    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

235    Qabel kollox, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 40 KE jikkonċerna l-portata tas-setgħat tal-Kunsill fil-qasam taċ-ċirkulazzjoni libera tal-ħaddiema u għalhekk ma għandu ebda rabta mal-ilmenti mressqa fil-kuntest ta’ din il-parti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma għamlu ebda kjarifika fir-rigward tar-rilevanza tiegħu. Għalhekk hemm lok li dawn l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-imsemmija dispożizzjoni jiġu ddikjarati inammissibbli fuq il-bażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 120 iktar ’il fuq.

236    Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jinkisirx ħlief meta sitwazzjonijiet simili jkunu ttrattati b’mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jkunu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 2005, SNCZ vs Il-Kummissjoni, T‑52/02, Ġabra p. II‑5005, punt 109, u l-ġurisprudenza ċċitata).

237    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li, kif tindika l-Kummissjoni, l-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward tas-soluzzjoni applikata fir-rigward ta’ sustanzi attivi oħra huma limitati għal enumerazzjoni ta’ eżempji ta’ sustanzi oħra li għalihom is-soluzzjoni kienet differenti mingħajr spjegazzjoni ta’ għaliex l-endosulfan kellha tiġi ttrattata bl-istess mod. Għalhekk hemm lok li dawn l-ilmenti jiġu ddikjarati inammissibbli fuq il-bażi tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 120 iktar ’il fuq. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni essenzjali mqajma fil-kuntest ta’ din il-parti hija mill-ġdid dik dwar in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tad-data mressqa tard, peress li l-Kummissjoni setgħet tasal għal soluzzjoni oħra għajr dik li ma tinkludix fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 l-endosulfan fl-applikazzjonijiet kollha tagħha fil-każ biss li kieku aċċettat li teżamina l-argumenti li jikkonċernaw il-PTA mnaqqsa, il-formulazzjoni CS jew l-użu fis-serer.

238    Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-argumenti tagħhom ibbażati fuq it-tqabbil tal-mod kif żvolġew il-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-endosulfan u ta’ sustanzi oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jressqu elementi ta’ tqabbil konkreti fir-rigward tal-fenarimol u l-vinklozolin biss. B’mod partikolari, huma jissottomettu fir-rikors tabella komparattiva allegatament maħruġa mill-Kummissjoni li minnha jirriżulta, skont ir-rikorrenti, li dawn is-sustanzi attivi l-oħra bbenefikaw minn laqgħat iktar frekwenti u minn proċess ta’ evalwazzjoni itwal li pprovda opportunitajiet addizzjonali sabiex tiġi sottomessa data ġdida. Huma jallegaw li l-endosulfan kienet is-suġġett ta’ inqas laqgħat ta’ evalwazzjoni u ta’ inqas possibbiltajiet ta’ diskussjoni ulterjuri minħabba d-dewmien inizjali fil-proċedura ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-fenarimol u l-vinklozolin, il-Kummissjoni ma ffissatx data finali għas-sottomissjoni ta’ data ġdida. Iktar minn hekk, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ sustanzi, id-deċiżjoni relattiva għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ma kinitx għadha ngħatat fil-mument meta r-rikors ġie ppreżentat, jiġifieri f’April 2006.

239    Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni indikat li n-numru ta’ diskussjonijiet kien ikbar fil-każ ta’ sustanzi li għalihom id-deċiżjonijiet dwar l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji kienu diffiċli. Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li t-termini għas-sottomissjoni ta’ data kienu differenti għall-imsemmija sustanzi, il-Kummissjoni tikkontesta li l-impriżi li nnotifikaw dawn is-sustanzi setgħu jissottomettu data ġdida sa Diċembru 2003 jew sa April 2004. Barra minn hekk, dawn l-impriżi kienu wkoll suġġetti għal termini legali u ma setgħux jibqgħu jippreżentaw data ġdida. Barra minn hekk, lanqas ma huwa korrett li wieħed jippreżumi li sottomissjoni iktar tard tal-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni jkollha impatt negattiv fuq is-sustanza inkwistjoni, peress li, per eżempju, l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni tas-sustanza MCPB ġie ippreżentat biss f’Diċembru 2001, iżda din tal-aħħar ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/57/KE, tal-21 ta’ Settembru 2005, li temenda d-Direttiva 91/414 għall-inklużjoni tal-MCPA u l-MCPB bħala sustanzi attivi (ĠU L 246, p.14).

240    Fir-rigward tal-fenarimol, il-Kummissjoni tispjega li din kienet sustanza kontroversjali li dwarha kien diffiċli li tittieħed deċiżjoni. Il-Kumitat ma kien ta ebda opinjoni fuq abbozz ta’ direttiva li tapprova s-sustanza u l-Kummissjoni pproponiet żewġ atti distinti f’Ġunju u f’Settembru 2006. Il-fenarimol ġiet finalment inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fl-2006 bil-kundizzjoni li jiġu osservati kundizzjonijiet stretti, b’mod partikolari evalwazzjoni wara tmintax-il xahar, filwaqt li l-endosulfan ingħatat perijodu ta’ rtirar progressiv ta’ kważi sentejn.

241    Fir-rigward tal-vinklozolin, il-Kumitat naqas ukoll milli jagħti opinjoni u f’Ġunju 2006 il-Kummissjoni pproponiet direttiva sabiex din is-sustanza tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Il-Kummissjoni tindika li l-Kunsill ċaħad din il-proposta u li hija ma pproponietx test ieħor. Hija tippreċiża li, għaldaqstant, mill-1 ta’ Jannar 2007, din is-sustanza ma kinitx iktar koperta mid-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 u li din kellha tiġi rtirata mis-suq.

242    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li minn dawn l-ispjegazzjonijiet, li barra minn hekk ir-rikorrenti ma ppruvawx jikkontestaw matul is-seduta, jirriżulta li ma ġiex stabbilit li l-fenarimol u l-vinklozolin ibbenefikaw minn trattament iktar favorevoli mill-endosulfan. Għalhekk hemm lok li jiġi konkluż li, fid-dawl b’mod partikolari tal-ispeċifiċità ta’ kull proċedura ta’ eżami, li tirrendi diffiċli ħafna t-tqabbil, u kif ukoll fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha fir-rigward tal-mod li bih hija tmexxi investigazzjonijiet ta’ tali tekniċità u ta’ tali kumplessità, kif diġà ġie kkonstatat f’diversi okkażjonijiet iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li d-differenzi fl-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni mqabbla ma kinux oġġettivament ġustifikati.

243    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tmien parti tat-tietet motiv hija infondata.

 Fuq il-partijiet l-oħra tat-tielet motiv

244    Kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, fil-kuntest tat-tieni, it-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-sitt, is-seba’, id-disa’ u l-għaxar partijiet, ir-rikorrenti jinvokaw, rispettivament, il-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, tal-projbizzjoni ta’ azzjoni ultra vires, tal-obbligu li ssir evalwazzjoni diliġenti u imparzjali, tal-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ poter, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ, tal-prinċipju tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-pariri xjentifiċi, tal-prinċipju li d-dispożizzjonjiet speċjali jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali u tal-prinċipju tal-estoppel.

–       L-argumenti tal-partijiet

245    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tevalwa l-endosulfan skont kriterji li ma jirriżultawx fid-Direttiva 91/414, bħall-kriterji PBT u POP, jew regoli li ġew modifikati matul l-evalwazzjoni, bħal-linji gwida dwar il-metaboliti, tikser l-aspettattivi leġittimi tagħhom u l-prinċipju taċ-ċertezza legali fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-sustanza attiva tagħhom fil-kuntest biss tal-imsemmija direttiva. Huma jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat b’mod kostanti l-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li jeżiġu li l-effetti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja jkunu ċari u prevedibbli għal dawk li jkunu suġġetti għalihom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 10). Peress li l-Kummissjoni mmodifikat il-kriterji ta’ evalwazzjoni f’diversi okkażjonijiet, hija kellha, tal-inqas, tagħti lir-rikorrenti terminu u okkażjonijiet suffiċjenti sabiex jadattaw in-notifika tagħhom għall-kriterji l-ġodda. Barra minn hekk, huwa l-kompitu tal-leġiżlatur Komunitarju li jinkludi kull kriterju ġdid ta’ evalwazzjoni fid-Direttiva, fuq proposta tal-Kummissjoni u skont il-proċeduri leġiżlattivi xierqa, u mhuwiex kompitu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi regoli ġodda fuq inizjattiva tagħha stess. Il-fatt li jsir użu minn kriterji ta’ evalwazzjoni li mhumiex espressament previsti mid-Direttiva 91/414 jinvalida d-deċiżjonijiet ibbażati fuq dawn il-kriterji ġodda, bħal fil-każ tal-endosulfan.

246    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ azzjoni ultra vires, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li l-Kummissjoni m’għandhiex il-kompetenza sabiex tevalwa l-endosulfan skont il-kriterji PBT u POP jew skont ir-regoli dwar il-metaboliti li mhumiex espliċitament imsemmija fid-Direttiva 91/414. Huma jsostnu li hija ġurisprudenza kostanti li miżura ta’ implementazzjoni, li hija adottata skont id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva ta’ bażi, għandha tiġi annullata meta din “tibdel il-portata ta’ l-obbligi imposti [...] mid-direttiva ta’ bażi, mingħajr ma tkun ġiet osservata l-proċedura leġiżlattiva preskritta mit-Trattat” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 1996, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-303/94, Ġabra p. I-2943). Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi POP u PBT ġestita mill-Kummissjoni kienet superfiċjali u magħmula mingħajr kompetenza teknika jew ġuridika.

247    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat ksur tal-obbligu li ssir evalwazzjoni diliġenti u imparzjali, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li l-Kummissjoni ma setgħetx tevalwa n-nuqqas ta’ periklu tal-endosulfan fuq il-bażi ta’ riżultati maħruġa minn data dwar sustanza oħra, is-sulfat tal-endosulfan u/jew dwar metaboliti oħra mhux magħrufa, u li joħorġu minn evalwazzjoni magħmula biss fil-livell ta’ grupp ta’ ħidma skont il-kriterju PBT, ibbażata fuq il-periklu u li ma kinitx akkumpanjata minn konklużjoni skont id-Direttiva 2000/60. Il-Kummissjoni hija obbligata tevalwa l-endosulfan fid-dawl tal-proprjetajiet tagħha stess, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni kompleta tar-riskji, u mhux fid-dawl ta’ allegati proprjetajiet perikolużi ta’ sustanzi kimikament distinti, bħal metaboliti, bl-użu ta’ serje ta’ data li mhijiex kompleta. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, mill-minuta tal-laqgħa bejn tliet partijiet tas-17 ta’ Mejju 2004 jirriżulta li l-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni donnhom għażlu b’mod arbitrarju ċerti riżultati maħruġa minn data dwar l-endosulfan li jsaħħu konklużjoni partikolari, u deliberatament injoraw riżultati oħra u r-riaġġustamenti li huma għamlu sabiex iwieġbu għall-preokkupazzjonijiet li l-evalwaturi kien għad għandhom fir-rigward tal-użu mingħajr periklu marbut mal-formulazzjoni CS. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma għamlitx evalwazzjoni diliġenti u imparzjali tal-endosulfan.

248    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegata preżenza ta’ abbuż ta’ poter, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li l-Kummissjoni abbużat mill-poteri tagħha meta ma inkludietx l-endosulfan fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fuq il-bażi ta’ kriterji li mhumiex fl-imsemmija direttiva u fuq il-bażi ta’ serje ta’ data magħżula arbitrarjament, li ma tinkludix l-iktar data reċenti mressqa minnhom. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-endosulfan huma bbażati fuq -riżultati inkompleti u limitati, jew fuq riżultati miksuba bl-applikazzjoni ta’ metodoloġija bbażata fuq il-periklu skont prinċipji stipulati fid-Direttiva 2000/60, iżda mhux skont il-proċess ta’ evalwazzjoni previst mid-Direttiva 91/414, ħaġa li tagħti l-impressjoni ta’ deċiżjoni arbitrarja bl-għan uniku li jiġu kkorroborati l-konklużjonijiet PBT u/jew POP sabiex tiġi sostnuta deċiżjoni li l-endosulfan ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u r-relatur eżiġew li jiġu sottomessi ċerti studji li ma kinux jifformaw parti mill-qafas tad-Direttiva 91/414 u li ma kinux marbuta ma’ kundizzjonijiet ta’ użu reali. Fi kwalunkwe każ, l-endosulfan u l-metaboliti tagħha għandhom jiġu evalwati separatament. Skont ir-rikorrenti, il-proprjetajiet PBT allegati jew preokkupazzjonijiet oħra marbuta mal-metaboliti tal-endosulfan ma jistgħux, għalhekk, jaffettwaw negattivament l-evalwazzjoni tal-endosulfan stess skont id-Direttiva 91/414, iżda jeżiġu evalwazzjoni distinta, li l-Istat Membru relatur għażel li ma jagħmilx. Bl-użu tar-riżultati tal-metaboliti tal-endosulfan (jew in-nuqqas ta’ riżultati) sabiex l-endosulfan ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, il-Kummissjoni abbużat mill-poteri mogħtija lilha mill-imsemmija direttiva.

249    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jenfasizzaw li, bin-nuqqas tagħha li teżamina d-data ġdida u l-argumenti mressqa insostenn tagħha, bit-tibdil fil-kriterji ta’ evalwazzjoni f’diversi okkażjonijiet mingħajr ma tathom biżżejjed żmien sabiex jadattaw ruħhom għalihom u bl-applikazzjoni ta’ kriterji li ma jinsabux fid-Direttiva 91/414, il-Kummissjoni ċaħdithom mill-possibbiltà li jippreżentaw id-difiża tagħhom b’mod effettiv. L-Istat Membru relatur ma evalwax l-endosulfan skont il-kriterji tad-Direttiva 91/414, ma kkomunikax man-notifikaturi, talab li jiġu sottomessi studji li ma kellhomx rilevanza jew li kienu jmorru lil hinn mill-qafas tad-Direttiva 91/414 u rrifjuta li jeżamina ċerta data mressqa li, madankollu, kienet determinanti sabiex ikun hemm evalwazzjoni tajba tal-endosulfan. Fil-preżenza ta’ żbalji u ksur manifesti bħal dawn, il-Kummissjoni kellha tintervjeni, skont l-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba, sabiex tiżgura li, fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni ssir b’mod xjentifikament u ġuridikament tajjeb u, fit-tieni lok, ir-rikorrenti jkollhom biżżejjed żmien u okkażjonijiet sabiex jiddefendu b’mod effettiv il-pożizzjonijiet tagħhom u sabiex jadattaw ruħhom għar-regoli li ġew modifikati f’diversi okkażjonijiet.

250    Sussegwentement, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-pariri xjentifiċi, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jinvokaw il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ April 1997, dwar is-saħħa tal-konsumaturi u s-sigurtà tal-ikel, li fiha hemm indikat li data xjentifika ta’ kwalità għolja għar-redazzjoni u t-tibdil ta’ regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur inġenerali, u tas-saħħa tal-konsumatur b’mod partikolari, hija tal-ikbar importanza. Barra minn hekk, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/579/KE, tat-23 ta’ Lulju 1997, li tistabbilixxi kumitati xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa tal-konsumaturi u tas-sigurtà tal-ikel (ĠU L 237, p.18), pariri xjentifiċi dwar kwistjonijiet li jolqtu s-saħħa tal-konsumatur għandhom, fl-interess tal-konsumatur u tal-industrija, ikunu bbażati fuq prinċipji ta’ eċċellenza u ta’ indipendenza. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ġġudikat li “t-tlestija ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji kemm jista’ jkun eżawrjenti fuq il-bażi ta’ pariri xjentifiċi bbażati fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, ta’ trasparenza u ta’ indipendenza tikkostitwixxi garanzija proċedurali importanti sabiex tiġi żgurata l-oġġettività xjentifika tal-miżuri u sabiex jiġu evitati miżuri arbitrarji” (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II‑3305, punt 172). Issa, fil-każ tal-endosulfan, l-Istat Membru relatur għamel rakkomandazzjoni kontra l-inklużjoni tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fil-parti l-kbira fuq il-bażi ta’ preokkupazzjonijiet marbuta mal-metaboliti u mal-allegati proprjetajiet PBT u POP li mhumiex previsti fid-Direttiva 91/414 u li ma kinux użati fl-ewalwazzjoni ta’ molekuli oħra. Barra minn hekk, il-linji gwida, inkwantu ġew kontinwament modifikati, irrendew l-evalwazzjoni tal-inkartament tar-rikorrenti totalment imprevedibbli. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni hija totalment suġġettiva u ma tipprovdix il-pariri oġġettivi u ta’ livell xjentifiku għoli rikjesti.

251    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju li d-dispożizzjonijiet speċjali jipprevalu fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali, ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, jallegaw li l-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal deċiżjoni li l-endosulfan ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 bl-użu ta’ kriterji, bħall-kriterji tal-PBT u tal-POP, li huma bbażati fuq il-periklu u li huma previsti fil-kuntest tal-evalwazzjoni li mhijiex skont id-Direttiva 91/414 iżda skont id-Direttiva 2000/60. Id-Direttiva 91/414 hija iktar speċifika u hija għalhekk il-leġiżlazzjoni li tipprevali. Għaldaqstant, fil-każ ta’ kunflitt bejn id-Direttiva 2000/60 u d-Direttiva 91/414, din tal-aħħar tipprevali fuq tal-ewwel (lex specialis).

252    Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, sostnuti mill-ECPA, fuq il-bażi tal-prinċipju tal-estoppel, mhuwiex possibbli li jiġi invokat fatt jew irregolarità li seta’ kien konsegwenza tal-aġir tal-persuna stess li tinvokah. F’din il-kawża, ir-rikorrenti huma tal-fehma li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju jipprekludi lill-Kummissjoni milli tirrifjuta li teżamina d-data ġdida li huma ssottomettewlha minħabba li għandhom jiġu osservati ċerti termini ffissati b’mod artifiċjali meta deċiżjoni bħal din hija b’mod ċar u unikament affettwata minn dewmien ġenerali fl-evalwazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti inġenerali, u tal-endosulfan b’mod partikolari, li huwa riżultat tal-fatt li l-Kummissjoni nfisha ma esprimietx malajr il-preokkupazzjonijiet tagħha dwar l-endosulfan, li hija ma tathomx terminu suffiċjenti sabiex iwieġbu għal dawn il-preokkuppazzjonijiet u li hija ma eżaminatx is-sottomissjonijiet tagħhom fit-termini. Bl-istess mod, skont il-prinċipju tal-estoppel, meta terminu ma jistax jiġi osservat minħabba li jiġu stipulati kriterji ġodda ta’ evalwazzjoni li ma jkunux previsti matul il-proċess ta’ evalwazzjoni, it-terminu għat-teħid ta’ deċiżjoni ma jibqax validu. F’dan il-każ, il-Kummissjoni allegatament stipulat kriterji u linji gwida ġodda matul il-proċess ta’ evalwazzjoni, biex b’hekk ħolqot hija stess ostaklu għall-osservanza tat-termini inkwistjoni.

253    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

254    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegata preżenza ta’ abbuż ta’ poter, hemm lok li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta’ abbuż ta’ poter għandu portata preċiża fid-dritt Komunitarju u jipprevedi s-sitwazzjoni fejn awtorità amministrattiva tuża l-poteri tagħha għal għan li ma jkunx dak li għalih ingħatawlha l-poteri. Deċiżjoni ma tkunx affettwata minn abbuż ta’ poter ħlief jekk din tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 1997, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑285/94, Ġabra p. I‑3519, punt 52; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1999, Fruchthandelsgesellschaft Chemnitz vs Il-Kummissjoni, T‑254/97, Ġabra p. II‑2743, punt 76, u Cordis vs Il-Kummissjoni, T‑612/97, Ġabra p. II‑2771, punt 41).

255    Għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jiġi stabbilit abbuż ta’ poter, ir-rikorrenti ma ressqux indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li jippermettu li jiġi konkluż li d-deċiżjoni li jintalab xi studju partikolari matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni jew id-deċiżjoni kkontestata nfisha ttieħdu b’għanijiet li mhumiex dawk iddikjarati, b’mod partikolari sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 91/414, jiġifieri, minn naħa, it-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll it-titjib tal-produzzjoni tal-pjanti u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent.

256    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju tal-eċċellenza u tal-indipendenza tal-pariri xjentifiċi, mill-punti 170 sa 172 tas-sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 250 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, jirriżulta dan li ġej:

“[I]l-prinċipju ta’ prekawzjoni jippermetti lill-istituzzjonijiet Komunitarji jadottaw, fl-interess tas-saħħa tal-bniedem, iżda fuq il-bażi ta’ għarfien xjentifiku li għadu limitat, miżuri ta’ protezzjoni li jistgħu jaffettwaw, anki jekk b’mod profond, pożizzjonijiet legali protetti u jagħti, f’dan ir-rigward, lill-istituzzjonijiet marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni. Issa, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi tassumi importanza daqstant iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ l-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami […]. Minn dan isegwi li t-tlestija ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji kemm jista’ jkun eżawrjenti fuq il-bażi ta’ pariri xjentifiċi bbażati fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, ta’ trasparenza u ta’ indipendenza tikkostitwixxi garanzija proċedurali importanti sabiex tiġi żgurata l-oġġettività xjentifika tal-miżuri u sabiex jiġi evitat li jittieħdu miżuri arbitrarji.”

257    Fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza u b’mod kuntrarju għall-opinjoni tal-Kummissjoni, ir-riferiment tar-rikorrenti għan-neċessità li d-deċiżjoni kkontestata tkun ibbażata fuq pariri xjentifiċi eċċellenti u indipendenti mhuwiex nieqes mir-rilevanza. Madankollu hemm lok li jiġi rrimarkat li ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, bħall-konsulenza ta’ esperti mill-Istati Membri u l-possibbiltà għall-impriżi notifikaturi li jissottomettu data u studji komplimentari fuq il-bażi ta’ laqgħat u ta’ diskussjonijiet ma’ partijiet differenti li jintervjenu fil-proċedura ta’ evalwazzjoni, iwieġbu b’mod ċar għall-preokkupazzjoni li jiġu osservati l-garanziji proċedurali msemmija fis-sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, iċċitata fil-punt 250 iktar ’il fuq. Issa, ġie konkluż iktar ’il fuq li ebda irregolarità ta’ natura li twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma twettqet mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrimarkat li r-rikorrenti qed iħalltu l-osservanza tal-garanziji proċedurali mal-possibbiltà ta’ diverġenza ta’ fehmiet fil-mertu.

258    Fir-rigward tal-punti rimanenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jiżviluppawx argumenti differenti minn dawk imressqa fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motiv, li t-tnejn li huma ġew miċħuda. Għalhekk hemm lok li l-argumenti mressqa insostenn tal-partijiet l-oħra tal-motiv ineżami jiġu miċħuda.

259    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li l-motiv ineżami jiġi miċħud u, għalhekk, li jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji

260    Minbarra t-talbiet miċħuda fil-punti 152 u 167 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti talbu wkoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tordna li jitressqu ċerti esperti jew li jsiru lil dawn l-esperti mistoqsijiet bil-miktub dwar kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward tar-rilevanza tad-data li huma kienu ssottomettew, li madankollu ma kinitx ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni, u dan fiż-żmien meħtieġ għall-eżami tagħhom kif ukoll dwar rapport peritali fuq il-kwistjonijiet tekniċi mqajma f’din il-kawża. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li dawn il-miżuri huma inutli fid-dawl b’mod partikolari tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv u tat-tieni parti tat-tieni motiv u li dawn it-talbiet għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

261    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu u l-Kummissjoni talbet il-kundanna tagħhom għall-ispejjeż, hemm lok li r-rikorrenti jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

262    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża jbatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

263    B’applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ECPA, parti intervenjenti, għandha tbati wkoll l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Bayer CropScience AG, Makhteshim-Agan Holding BV, Alfa Georgika Efodia AEVE u Aragonesas Agro, SA, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja u l-European Crop Protection Association (ECPA) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Czúcz

Cooke

Labucka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-9 ta’ Settembru 2008.

E. Coulon

 

       O. Czúcz

Reġistratur

 

      President

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Dispożizzjonijiet tat-Trattat

Direttiva 91/414/KEE

Regolament (KEE) Nru 3600/92

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura ta’ evalwazzjoni

Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-ammissibbiltà

Dwar l-interess ġuridiku

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-locus standi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqasijiet proċedurali, fuq in-natura inġusta tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414

Fuq il-kwistjoni preliminari tal-applikazzjoni tat-termini proċedurali u tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Dwar l-ewwel kwistjoni li tikkonċerna l-metabolit mhux magħruf

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni kwistjoni dwar l-inkartament CS

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet kwistjoni dwar l-espożizzjoni interna tal-operatur

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq ir-raba’ kwistjoni dwar il-PTA riveduti

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-ħames kwistjoni dwar l-allegata klassifika tal-endosulfan bħala POP u PBT

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq is-sitt kwistjoni dwar l-użu fis-serer

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq is-seba’ kwistjoni dwar l-impatt tad-dewmien ikkawżat mill-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni fil-proċedura ta’ evalwazzjoni

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 95(3) KE

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tmien parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-partijiet l-oħra tat-tielet motiv

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.