Language of document : ECLI:EU:T:2008:317

Kawża T-75/06

Bayer CropScience AG et      

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Direttiva 91/414/KEE — Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Sustanza attiva endosulfan — Irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq — Proċedura ta’ evalwazzjoni — Termini — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonċerna n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414

(Artikolu 230 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE; Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikoli 6 u 8(2))

2.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414

(Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 8(2), u Anness I)

3.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414

(Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 8(2), u Anness I)

4.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Portata

5.      Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet Komunitarji — Portata — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

6.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414

(Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 5(1))

1.      Fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċerna n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza, l-impossibbiltà tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni ġdida fuq il-bażi tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, sabiex teżegwixxi sentenza ta’ annullament eventwali, ma taffettwax l-interess ġuridiku tar-rikorrenti. Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE, il-Kummissjoni hija marbuta tieħu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament. Fil-każ ta’ annullament bħal dan, bl-effett retroattiv marbut miegħu, il-Kummissjoni jkollha tieħu mill-ġdid deċiżjoni fuq il-bażi tal-inkartament notifikat, affettwat minn dan l-annullament, u jkollha tiddeċiedi billi tqiegħed lilha nfisha fid-data tan-notifika. Il-fatt li kien hemm xi tibdil kwalunkwe fil-leġiżlazzjoni li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata wara li din ġiet adottata mhuwiex għalhekk rilevanti għad-deċiżjoni dwar l-opportunità tar-rikorrenti li jressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-proċedura użata u tar-riżultat miksub taħt is-sistema fis-seħħ meta seħħew il-fatti.

(ara l-punt 63)

2.      Kif jirriżulta mill-ħames, is-sitt u d-disa’ premessi tagħha, id-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, għandha l-għan li telimina l-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ dawn il-prodotti, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. F’dan il-kuntest, sabiex l-għan assenjat lilha jkun jista’ jiġi segwit b’mod effiċjenti, u fid-dawl ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija għandha tagħmel, il-Kummissjoni għandu jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Is-setgħa li tipproroga terminu tintrabat ma’ setgħa diskrezzjonali li tiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari.

Madankollu l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma jonqosx milli jkun suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti Komunitarja għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

B’mod partikolari, meta parti tinvoka żball manifest ta’ evalwazzjoni li allegatament ikun sar mill-istituzzjoni kompetenti, il-qorti Komunitarja għandha tistħarreġ jekk din l-istituzzjoni tkunx eżaminat, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ partikolari, elementi li jsostnu l-konklużjonijiet milħuqa abbażi tagħhom.

(ara l-punti 81-84)

3.      Fil-kuntest ta’ deċiżjoni dwar l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ta’ sustanza prevista mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva, il-moratorja tkun neċessarja jekk, minn naħa, ma jkunx impossibbli li ssir deroga mit-termini proċedurali ffissati mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u, minn naħa l-oħra, il-partijiet li jkunu nnotifikaw is-sustanza attiva jsibu lilhom infushom f’sitwazzjoni ta’ forza maġġuri li żżommhom milli josservaw it-termini proċedurali, ċirkustanza li tista’ tirriżulta jekk l-impossibbiltà li jiġu osservati l-imsemmija termini tkun dovuta, tal-inqas parzjalment, għall-imġiba kontradittorja tal-awtoritajiet kompetenti. Kunsiderazzjonijiet politiċi jew prattiċi ma jikkostitwixxux raġuni suffiċjenti sabiex fil-każ partikolari tiġi rrifjutata proroga tat-termini, meta tali proroga tkun meħtieġa sabiex tiġi ggarantita proċedura ta’ evalwazzjoni ġusta u ekwa.

(ara l-punti 89, 91)

4.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi żgurat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet, li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-interessi tagħhom, għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jesponu b’mod utli l-opinjoni tagħhom. Madankollu, irregolarità tista’ twassal għall-annullament ta’ deċiżjoni fil-każ biss li din tkun ta’ natura li taffettwa b’mod konkret id-drittijiet tad-difiża u, b’hekk, il-kontenut tad-deċiżjoni. Issa, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ ftehim fil-mertu fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom joħorġu minn ċertu studju ma tikkostitwixxix prova tan-nuqqas ta’ opportunità li jesponu l-opinjoni tagħhom u ma tistax titqies bħala theddida għad-drittijiet tad-difiża.

(ara l-punti 130-132, 203)

5.      L-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom, fil-qasam tal-politika agrikola komuni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-għanijiet segwiti u tal-għażla tal-istrumenti ta’ azzjoni xierqa. F’kuntest bħal dan, l-istħarriġ tal-Qorti Komunitarja fil-mertu għandu jkun limitat għal eżami ta’ jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa diskrezzjonali jkunx ivvizzjat minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter jew jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunux manifestament qabżu l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Meta awtorità Komunitarja tintalab, fil-kuntest tal-ħidma tagħha, tagħmel evalwazzjonijiet kumplessi, is-setgħa diskrezzjonali li hija tgawdi hija applikabbli wkoll, sa ċertu punt, għall-konstatazzjoni ta’ fatti li jikkostitwixxu l-bażi tal-azzjoni tagħha. Minn dan jirriżulta li fil-każ partikolari, fejn il-kompitu tal-istituzzjonijiet Komunitarji li jagħmlu evalwazzjoni xjentifika tar-riskji u li jagħmlu evalwazzjoni ta’ fatti ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna, l-istħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tat-twettiq ta’ din il-ħidma mill-istituzzjonijiet Komunitarji għandu jkun limitat. F’kuntest bħal dan, il-qorti Komunitarja ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni ta’ fatti tal-istituzzjonijiet Komunitarji bl-evalwazzjoni tagħha, peress li t-Trattat jikkonferixxi din il-ħidma lill-istituzzjonijiet biss. Minflok, hija għandha sempliċement tivverifika jekk l-eżerċizzju mill-istituzzjonijiet Komunitarji tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom f’dan il-kuntest ikunx ivvizzjat minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter jew jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunux manifestament qabżu l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom.

(ara l-punt 141)

6.      Fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Kummissjoni għandha fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura fid-dawl tal-għan tagħha li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura.

Issa, peress li d-Direttiva 91/414 għandha bħala għan, minn naħa, li telimina l-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li ttejjeb il-produzzjoni tal-pjanti u, min-naħa l-oħra, il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u kif ukoll tal-ambjent, id-deċiżjoni li sustanza ma tiġix inkluża fl-Anness I tagħha mhijiex sproporzjonata jekk tkun ibbażata fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li ma hemmx riskji, bħal dawk iddefiniti fl-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva. Fil-fatt, minn naħa, l-għanijiet ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u kif ukoll tal-ambjent jipprekludu posponiment tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni jew nuqqas ta’ inklużjoni tas-sustanza attiva inkwistjoni fl-Anness I skont id-diskrezzjoni tal-produtturi tal-imsemmija sustanza attiva u, min-naħa l-oħra, dawn il-produtturi għandhom, fi kwalunkwe każ, l-opportunità li jitolbu eżami mill-ġdid tas-sustanza attiva permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 6(2) tal-istess direttiva.

(ara l-punti 224, 225, 228)