Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' April 2011 - Ir-Renju ta' Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-204/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tas-Spanja (rappreżentant: M. Muñoz Pérez)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 15/2011, tal-10 ta' Jannar 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2074/2005 dwar il-metodi rikonoxxuti ta' ttestjar biex jinstabu bijotossini marini fil-molluski bivalvi ħajjin ; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ddeċidiet li timponi l-metodu ta' kromatografija likwida - spettrometrija tal-massa (LC-MS/MS) bħala l-metodu ta' riferiment biex jinstabu bijotossini lipofiliċi marini, li ssostitwixxa t-test bijoloġiku fuq il-ġrieden.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 168 TFUE u fuq il-prinċipju ta' proporzjonalità li għandu jirregola t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-metodu l-ġdid ta' riferiment adottat sabiex jinstabu bijotossini lipofiliċi ma huwiex iktar ta' benefiċċju għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika mit-test bijoloġiku fuq il-ġrieden.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li meta adottat d-deċiżjoni li tissostitwixxi t-test bijoloġiku fuq il-ġrieden bil-metodu LC-MS/MS bħala l-metodu ta' riferiment sabiex jinstabu tossini lipofiliċi, il-Kummissjoni ma evalwatx il-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni li hija tallega li tirregola, meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt ekonomiku ta' din il-bidla fis-settur produttiv ikkonċernat.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta' osservanza tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

Skont l-Istat rikorrent, il-produtturi tal-molluski bivalvi ħajjin jista' jkollhom aspettattivi leġittimi li l-Kummissjoni ma kinitx ser tiddeċiedi li tissostitwixxi l-metodu ta' test bijoloġiku fuq il-ġrieden bħala metodu ta' riferiment sabiex jinstabu tossini lipofiliċi sakemm ma jkunux issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 tal-punt B tal-Kapitolu III tal-Anness III tar-Regolament Nru 2074/2005 fil-verżjoni oriġinali tiegħu.

____________