Language of document : ECLI:EU:C:2017:739

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-5 ta’ Ottubru 2017 (1)

Kawża C-473/16

F

vs

Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (li kien Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali, Szeged, l-Ungerija)]

(Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Direttiva 2011/95/UE — Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Artikolu 4 — Eżami ta’ fatti u ċirkustanzi — Metodi ta’ eżami — Testijiet psikoloġiċi — Biża’ minn persekuzzjoni minħabba orjentazzjoni sesswali — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 1 — Id-dinjità tal-bniedem — Artikolu 7 — Dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja)






1.        Kif għandhom l-awtoritajiet nazzjonali jivverifikaw il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna li tkun qiegħda titlob ażil li tinvoka bħala motiv biex tingħata ażil biża’ li tiġi ppersegwitata fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha għal raġunijiet relatati mal-orjentazzjoni sesswali tagħha? B’mod partikolari, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li dawk l-awtoritajiet joqogħdu fuq opinjonijiet esperti ta’ psikologi?

2.        Dawn, fil-qosor, huma l-kwistjonijiet imqajma minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali, Szeged, l-Ungerija).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2011/95/UE (2)

3.        Skont l-Artikolu 2(d) (“Definizzjonijiet”) tad-Direttiva 2011/95:

“‘refuġjat’ tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż […]”

4.        L-Artikolu 4 (“Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi”) tad-Direttiva 2011/95 jgħid:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

2.      L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.      L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

(a)      il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

(b)      id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(c)      il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

[…]

5.      Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

(b)      l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li tirrigwarda nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

(c)      id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant;

(d)      l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali kmieni kemm jista’ jkun, sakemm l-applikant jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan;

(e)      il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.”

2.      Id-Direttiva 2013/32/UE (3)

5.        L-Artikolu 10(3) (“Rekwiżiti għall-eżami ta’ applikazzjonijiet”) tad-Direttiva 2013/32 jgħid:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)      l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati u d-deċiżjonijiet jiġu meħuda individwalment, oġġettivament u imparzjalment;

[…]

(d)      il-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet għandu l-possibbiltà li jitlob parir, meta jkun meħtieġ, minn esperti dwar kwistjonijiet partikolari, bħal pereżempju kwistjonijiet mediċi, kulturali, dwar it-tfal jew is-sess.”

B.      Id-dritt nazzjonali

6.        L-Artikolu 6(1) ta’ A menedékjogról szóló 2007. évi LXXX. törvény (Liġi LXXX tal-2007, dwar id-dritt għall-ażil) jgħid:

“L-Ungerija għandha tagħti l-istatus ta’ refuġjat lil barranin li għalihom japplikaw ir-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu XIV(3) tal-Kostituzzjoni.”

7.        L-Artikolu 7(1) ta’ dik il-liġi jgħid:

“Bla ħsara għall-Artikolu 8(1) ta’ din il-Liġi, l-awtorità kompetenti dwar l-ażil għandha tagħti l-istatus ta’ refuġjat lil barranin li jkollhom prova jew li jistabbilixxu b’ċertezza biżżejjed li ċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ din il-Liġi japplikaw għalihom, skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.”

8.        L-Artikolu 41(1) tal-istess liġi jgħid:

“Fil-proċedura tal-ażil il-mezz ta’ prova li ġej, b’mod partikolari, jista’ jintuża biex ikun ta’ prova jew biex jistabbilixxi b’ċertezza biżżejjed li l-appikant għall-ażil ikun jissodisfa r-rekwiżiti għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jew tal-benefiċċju ta’ protezzjoni temporanja:

(a)      il-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-applikant għall-ażil biex jiġġustifikaw il-ħarba, flimkien mal-provi korroborattivi rilevanti;

[…]

(c)      kull informazzjoni attwali u rilevanti dwar il-post ta’ oriġini tal-applikant għall-ażil, inklużi l-leġiżlazzjoni u regoli obbligatorji oħra applikabbli għal individwi, kif ukoll il-mod li bih jiġu applikati.”

II.    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

9.        L-applikant (“F”), ċittadin Niġerjan, issottometta applikazzjoni sabiex jikseb l-istatus ta’ refuġjat quddiem (dak li issa jissejjaħ) Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (uffiċċju Ungeriż tal-immigrazzjoni u l-ażil, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) f’April 2015. Fl-ewwel intervista tiegħu, huwa esprima biża’ li, li kieku kellu jmur lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, huwa kien ikun suġġett għal persekuzzjoni minħabba l-omosesswalità tiegħu.

10.      Fil-proċedura ta’ ażil li ġiet wara, l-Uffiċċju eżamina l-kredibbiltà tal-applikant permezz ta’ diversi intervisti personali. Sussegwentement, l-Uffiċċju ħatar ukoll psikologu biex jeżamina l-personalità ta’ F, li minnha wieħed seta’ jinferixxi l-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Wara tgħarbil u eżami tal-personalità, it-test “pinġi persuna fix-xita”, it-test Rorschach u t-test Szondi (li kollettivament isir riferiment għalihom bħala it-“testijiet rilevanti”), il-psikologu kkonkluda li r-riżultati tat-testijiet ma kinux jikkonfermaw l-affermazzjoni tal-applikant li huwa kien omosesswali.

11.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2015, l-Uffiċċju ċaħad it-talba ta’ F għall-ażil.

12.      F fetaħ kawża kontra dik id-deċiżjoni quddiem is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali, Szeged). Huwa sostna, b’mod partikolari, li t-testijiet rilevanti li saru kisru d-drittijiet fundamentali tiegħu u li, f’kull każ, dawn it-testijiet ma kinux adatti bħala prova ta’ orjentazzjoni sesswali. Matul il-proċeduri sussegwenti, dik il-qorti talbet lill-Istitut ta’ esperti u investigaturi forensiċi biex jagħtiha opinjoni esperta dwar dawn il-kwistjonijiet.

13.      L-opinjoni esperta mogħtija mill-Istitut kienet tgħid li, kuntrarjament għal dak li kien issottometta l-applikant, it-testijiet rilevanti kienu adatti biex tkun iddeterminata b’ċertezza biżżejjed l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna. L-opinjoni qalet ukoll li meta jsiru dawn it-testijiet huma ma jiksrux bħala tali d-dinjità tal-bniedem tal-applikant.

14.      Is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali, Szeged) qieset li, minħabba li ma kellhiex it-tagħrif xjentifiku u tekniku meħtieġ biex tevalwa dak li kienu sabu l-esperti, hija ma setgħetx ma taċċettax l-opinjoni tagħhom. Dik il-qorti qieset ukoll li t-testijiet rilevanti ma kinux ta’ natura medika minħabba li l-psikoloġija tappartjeni lix-xjenzi umani, u li ma humiex simili għal dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fil-kawża A et (4).

15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83/KE, fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ‘’il quddiem il-‘Karta’], għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jikkonċerna applikanti għall-ażil li jkunu [Lesbjani, Gay, Bisesswali, Transesswali u Intersesswali (‘LGBTI’), ma jipprekludix li jiġi stabbilit rapport ta’ perizja psikoloġika forensika, li jittieħed inkunsiderazzjoni, ibbażat fuq testijiet tal-personalità proġettivi, u dan ir-rapport jiġi stabbilit mingħajr ma ssir ebda mistoqsija lill-applikant għall-ażil dwar id-drawwiet sesswali tiegħu u mingħajr ma l-applikant għall-ażil ikun suġġett għal ebda eżami fiżiku?

2)      Fil-każ li r-rapport ta’ perizja msemmi fl-ewwel domanda ma jkunx jista’ jintuża bħala prova, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83/KE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1 [tal-Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li ma teżisti ebda possibbiltà, la għall-awtoritajiet nazzjonali, u lanqas għall-qrati, li b’metodi ta’ perizja tiġi eżaminata l-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet tal-persuna li tippreżenta applikazzjoni għall-ażil ibbażata fuq il-persekuzzjoni minħabba l-orjentament sesswali, irrispettivament mill-karatteristiċi partikolari tal-metodu ta’ perizja?”

16.      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ġunju 2017, il-qorti tar-rinviju għarrfet lill-Qorti tal-Ġustizzja bix-xewqa tagħha li temenda d-domandi sottomessi għal deċiżjoni preliminari, billi tissostitwixxi r-referenzi għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/83 bl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95.

17.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn F, mill-Gvern Ungeriż, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kummissjoni. F, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Franċiż, u l-Kummissjoni għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2017.

III. Analiżi

18.      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jiena ser neżamina flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja kif l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jivverifikaw il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn persuna li tkun qiegħda titlob ażil li tinvoka, bħala motiv għall-għoti ta’ ażil, biża’ li tkun ippersegwitata minħabba raġunijiet relatati mal-orjentazzjoni sesswali tagħha. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Karta, jipprekludix l-użu minn dawk l-awtoritajiet ta’ opinjoni esperta ta’ psikologu.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

19.      Qabel ma neżamina f’iktar dettall il-kwistjonijiet speċifiċi mqajma f’dan il-każ, insibha utli nfakkar fil-qosor id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawn id-dispożizzjonijiet. Tabilħaqq, f’għadd ta’ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà għamlet kjarifiki importanti dwar l-obbligi tal-Istati Membri, skont id-dritt tal-Unjoni, meta jiġu eżaminati applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

20.      Bis-saħħa tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu eżaminati u li deċiżjonijiet jittieħdu “individwalment, oġġettivament u imparzjalment”. Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95, fl-eżami ta applikazzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, inter alia: il-fatti kollha rilevanti li jirrigwardaw il-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-applikazzjoni, id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti ppreżentati mill-applikant, u l-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant.

21.      Dan l-eżami huwa magħmul minn żewġ stadji separati. L-ewwel stadju jitlob li jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu prova li ssostni l-applikazzjoni, filwaqt li t-tieni stadju huwa relatat mal-evalwazzjoni legali ta’ dik il-prova, li jimplika deċiżjoni jekk, fid-dawl tal-fatti speċifiċi ta’ każ partikolari, ikunux ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet sostantivi għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali (5).

22.      Fir-rigward tal-istatus ta’ refuġjat, il-kwistjoni kruċjali għall-awtoritajiet kompetenti hija li jiġi stabbilit jekk l-applikant ikollux “biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari” fil-pajjiż tan-nazzjonalità (jew tar-residenza abitwali fil-każ ta’ persuni mingħajr stat) (6). Huwa ġeneralment aċċettat li l-omosesswali jistgħu jitqiesu li jifformaw grupp soċjali partikolari għal dan l-għan (7).

23.      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Ikun, imbagħad, id-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni f’kooperazzjoni mal-applikant.

24.      Madankollu, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95 iżid jgħid li, meta Stati Membri japplikaw il-prinċipju li skontu jkun id-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma jkunux ikkorroborati bi prova dokumentata jew prova oħra, dawn l-aspetti ma jkunx jeħtiġilhom konferma meta jiġu ssodisfatti ċertu għadd ta’ kundizzjonijiet kumulattivi. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm, b’mod partikolari, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-applikant ikunu nstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jkunux imorru kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant, u li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.

25.      Għaldaqstant, fil-kawża A et (8) il-Qorti tal-Ġustizzja nnutat li, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95 ma jkunux issodisfatti, dikjarazzjonijiet magħmula minn applikanti għal ażil dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħhom jistgħu jirrikjedu konferma. Dawn id-dikjarazzjonijiet, għalhekk, jikkostitwixxu, fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, “biss […] il-punt tat-tluq tal-proċess ta’ eżami tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva [2011/95]” (9).

26.      Ma hemmx dubju li ebda strument tad-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-metodoloġiji li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom japplikaw biex jevalwaw l-informazzjoni u l-provi sottomessi mill-applikanti, u b’mod iktar partikolari, biex jeżaminaw il-kredibbiltà tal-applikanti. L-Istati Membri, għalhekk, għandhom ċerta flessibbiltà f’dan ir-rigward (10). Madankollu, il-metodoloġiji użati għandhom ikunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32 u, bħalma huwa ċar mill-premessi 16 u 60 ta’ dawn id-direttivi rispettivament, mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, bħad-dritt li tiġi rrispettata d-dinjità tal-bniedem, stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Karta, u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit mill-Artikolu 7 tagħha (11).

27.      Huwa f’dan il-kuntest li jiena ser nanalizza l-kwistjonijiet legali mqajma f’dawn il-proċeduri.

B.      L-użu ta’ parir espert ta’ psikologi

28.      Biex nirrispondi għad-domandi preliminari, jeħtieġ li jiġi kkjarifikat jekk u, jekk hu hekk, taħt liema kundizzjonijiet l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jitolbu parir espert ta’ psikologu meta jkunu qegħdin jeżaminaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali.

29.      Mill-bidu nett, madankollu, irrid nerġa’ nenfasizza li l-kwistjoni ewlenija fl-eżami li għandu jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiivi 2011/95 u 2013/32 hija jekk l-allegat biża’ tal-applikant minn persekuzzjoni jkunx iġġustifikat. Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu żguri jekk iċ-ċirkustanzi stabbiliti jkunux jikkostitwixxu tali theddida li l-persuna kkonċernata tista’ raġonevolment tkun beżgħana, fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħha, li fil-fatt ser tkun suġġetta għal atti ta’ persekuzzjoni (12). Anki meta persuna li tkun qiegħda titlob ażil tallega biża’ minn persekuzzjoni għal raġunijiet relatati mal-orjentazzjoni sesswali tagħha, ma jkunx dejjem meħtieġ tiġi stabbilita l-orjentazzjoni sesswali vera tagħha, kif jinnotaw il-Gvern Franċiż u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.

30.      Pereżempju, jista’ jkun hemm pajjiżi fejn — minkejja li jkollhom liġijiet li jipprojbixxu l-omosesswalità — ċerti persuni omosesswali (pereżempju, minħabba li l-liġi ma tkunx applikata sistematikament (13) u fid-dawl tal-isfond soċjali, ekonomiku u familjari tagħhom, tal-post fejn ikunu jgħixu u l-bqija (14)) ma jħabbtux wiċċhom ma’ riskju reali minn persekuzzjoni. Min-naħa l-oħra, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn l-att biss li persuna ġġib ruħha b’mod li, minn aspett tradizzjonali, jitqies li ma jkunx konformi mal-ġeneru tagħha (15), jistgħu joħolqu riskju attwali għall-persuna kkonċernata li tiġi suġġetta għal ħsara fiżika jew psikoloġika (16).

31.      Minkejja dan, irrid ninnota li, skont l-Artikolu 10(3)(d) tad-Direttiva 2013/32, l-awtoritajiet nazzjonali li jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom il-possibbiltà jitolbu parir, skont il-ħtieġa, mingħand esperti dwar kwistjonijiet partikolari, inklużi kwistjonijiet dwar il-ġeneru.

32.      Fid-dawl ta’ dan, l-ewwel mistoqsija li tqum hija jekk il-parir espert li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu jinkludix dak ta’ psikologi.

33.      Ma nara ebda raġuni għaliex, bħala prinċipju, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx ikunu jistgħu jitolbu parir mingħand persuni mħarrġa u kwalifikati fil-psikoloġija (17), ix-xjenza li tistudja l-moħħ u l-imġiba tal-bniedem. Ma jidhirlix li kull tip ta’ eżami psikoloġiku, meta jitqies li jkun meħtieġ, ikun dejjem u neċessarjament inkonsistenti mad-dinjità tal-bniedem. Għall-kuntrarju, ma jistax jiġi eskluż li, għall-inqas f’ċerti sitwazzjonijiet, l-assistenza ta’ psikologi tista’ tkun ta’ għajnuna għall-awtoritajiet amministrattivi li jiddeċiedu dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jew għall-qrati nazzjonali li jistħarrġu dik id-deċiżjoni u, bla dubju, għall-applikanti nfushom.

34.      Pereżempju, il-preżenza ta’ psikologu matul l-intervisti tista’ tagħmilha iktar faċli għal applikant li jkun qed isostni li kien suġġett għal persekuzzjoni jew ħsara (jew li sempliċement jibża’ li jiġi ppersegwitat jekk ikollu jmur lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu) li jitkellem b’mod miftuħ dwar l-esperjenzi tal-imgħoddi tiegħu jew il-beżgħat tiegħu, biex l-awtoritajiet ikun jista’ jkollhom stampa iktar sħiħa u fidila tas-sitwazzjoni (18). Wara kollox, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2013/32 l-awtorità nazzjonali li tkun responsabbli sabiex teżamina l-applikazzjonijiet għandha “tkun ipprovduta b’mezzi xierqa, inkluż biżżejjed persunal kompetenti, biex iwettaq il-kompiti tiegħu [tagħha]”. B’mod partikolari, il-persuni li jintervistaw lill-applikanti “għandu jkollhom ukoll tagħrif ġenerali miksub ta’ problemi li jistgħu jaffettwaw b’mod ħażin il-kapaċità tal-applikant li jiġi intervistat”.

35.      Barra minn dan, l-awtoritajiet jistgħu jqisu wkoll li l-assistenza ta’ psikologu tista’ tkun ta’ għajnuna biex tiġi evalwata l-kredibbiltà ta’ applikant. Dan huwa aspett importanti tal-eżami magħmul mill-awtoritajiet kompetenti minħabba li, jekk tiġi stabbilita l-kredibbiltà tal-applikant (u sakemm ikunu ssodisfatti wkoll il-kundizzjonijiet kumulattivi l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95), l-orjentazzjoni sesswali ddikjarata mill-applikant, minkejja li ma tkunx sostnuta bi prova dokumentata jew prova oħra, ma tkunx tirrikjedi konferma.

36.      Għall-kuntrarju, m’iniex konvint li opinjoni esperta ta’ psikologu tista’, minn analiżi tal-personalità tal-applikant, tiddetermina b’ċertezza biżżejjed jekk l-orjentazzjoni sesswali ddikjarata minn applikant tkunx korretta jew le. L-ewwel nett, ħarsa ħafifa lejn il-letteratura xjentifika turi li, skont numru ta’ studji fil-psikoloġija, irġiel u nisa omosesswali ma jintgħarfux, minn aspett psikoloġiku, minn irġiel u nisa eterosesswali (19).

37.      It-tieni nett, irrispettivament mill-bażi xjentifika tagħha, m’iniex ċert li analiżi bbażata fuq testijiet projettivi tal-personalità biex tiġi ddeterminata l-orjentazzjoni sesswali ta’ dak li jkun tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95. Jekk qed nifhem sewwa, il-kunflitti jew l-emozzjonijiet moħbija li tali analiżi suppost tikxef għandhom, f’moħħ il-psikologi li jagħmluha, jew jikkonfermaw jew jixħtu dubji dwar l-orjentazzjoni sesswali ddikjarata tal-applikant. Madankollu, jidhirli li tali tip ta’ analiżi inevitabbilment tinvolvi kunċetti stereotipati dwar l-imġiba ta’ persuni omosesswali. Fil-fatt, meta kien mistoqsi fis-seduta, il-Gvern Ungeriż sabha bi tqila jispjega għaliex l-analiżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx tinvolvi l-użu ta’ kunċetti stereotipati. Madankollu, dik hija tip ta’ analiżi li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà sabet li hija problematika fil-kawża A et, sa fejn ma tippermettix li jitqiesu b’mod sħiħ is-sitwazzjoni individwali u ċ-ċirkustanzi personali tal-applikant (20).

38.      Fid-dawl ta’ dan, it-tieni domanda li tqum hija taħt liema kundizzjonijiet tkun ammissibbli opinjoni esperta ta’ psikologu u, speċifikament, jekk din l-opinjoni esperta tistax tkun ibbażata fuq testijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

C.      Ir-rekwiżit tal-kunsens

39.      L-ewwel nett, jiena nqis li eżamijiet psikoloġiċi huma ammissibbli biss meta l-applikant ikun ta l-kunsens tiegħu u meta jkunu jistgħu jsiru b’mod li jirrispetta d-dinjità tal-applikant u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja.

40.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2013/32 jgħid li “[f]ejn l-awtorità determinanti tqis li huwa rilevanti għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali […], l-Istati Membri għandhom, suġġett għall-kunsens tal-applikant, jippreparaw għal eżami mediku tal-applikant li jirrigwarda sinjali li jistgħu jindikaw persekuzzjoni jew ħsara serja fil-passat. Minflok, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex l-applikant jirranġa huwa stess għal tali eżami mediku”.

41.      Barra minn dan, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(5) tal-istess direttiva — li jikkonċerna eżamijiet mediċi ta’ minorenni mhux akkumpanjati — jgħid li “[k]walunkwe eżami mediku għandu jsir b’rispett sħiħ għad-dinjità tal-individwu, għandu jkun l-eżami l-inqas invażiv u għandu jsir minn professjonisti mediċi kwalifikati li jwasslu, kemm jista’ jkun, għal riżultat li wieħed jista’ joqgħod fuqu”.

42.      Ma hemm ebda dispożizzjoni simili fid-Direttiva 2013/32 dwar eżami minn psikologi. Madankollu, jiena konvint li l-prinċipji bażiċi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1), u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(5) tad-Direttiva 2013/32 huma, sa ċertu punt, validi fir-rigward ta’ eżamijiet psikoloġiċi (21).

43.      Eżamijiet psikoloġiċi jistgħu jkunu, għall-psike tal-applikant, intrużivi daqs eżamijiet mediċi fuq ġismu. Jikkostitwixxu wkoll interferenza ċara fil-ħajja privata tiegħu (22). Din hija r-raġuni għaliex jiena tal-opinjoni li l-kunsens tal-applikant li jsirulu eżamijiet bħal dawn huwa, f’dan il-kuntest, meħtieġ. Ovvjament naf li, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ persuna li tkun qiegħda titlob ażil, jista’ jkun tassew diffiċli, fil-prattika, li ma jingħatax kunsens. Iktar u iktar minħabba li jista’ jkun sikwit diffiċli li tingħata prova dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ dak li jkun (23). Fil-fehma tiegħi, dan jagħmilha anki iktar importanti li, l-ewwel nett, tiġi rrispettata d-deċiżjoni ta’ persuna li tirrifjuta li jsirulha tali eżamijiet. Rekwiżit minn qabel għal kunsens veru, ovvjament, huwa li l-persuna li tkun qiegħda titlob ażil tkun ġiet megħjuna biex ikollha tagħrif u tifhem biżżejjed l-elementi u l-implikazzjonijiet kollha tal-eżamijiet psikoloġiċi (24). It-tieni nett, huwa tal-ikbar importanza li dawn l-eżamijiet isiru b’mod li jirrispetta d-dinjità u l-ħajja privata u tal-familja tal-applikant (25).

44.      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-premessa 29 tad-Direttiva 2013/32, li skontha “[x]i applikanti jistgħu jeħtieġu garanziji proċedurali speċjali minħabba, inter alia, […] l-orjentazzjoni sesswali […]. Dawk l-applikanti, għandhom ikunu pprovduti b’appoġġ xieraq inkluż ħin biżżejjed sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji kollha għall-aċċess effettiv tagħhom għall-proċeduri u għall-preżentazzjoni tal-elementi meħtieġa biex jissostanzjaw l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali”. Din il-premessa tikkonferma n-natura sensittiva ta’ kull stħarriġ dwar is-sesswalità ta’ persuna.

45.      Ovvjament, jekk applikant jirrifjuta li jsirlu tali eżami, meta kollox ikun sar sewwa biex l-eżami jsir b’mod li jkun jirrispetta d-dinjità u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tal-applikant — dan ma jistax iżomm lill-awtoritajiet milli jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni (26). Dan jimplika li, meta l-Istati Membri japplikaw il-prinċipju li skontu jkun id-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95 ma jkunux ġew issodisfatti, ir-rifjut tal-applikant jista’ jkollu ċerti konsegwenzi li l-applikant innifsu jkollu jġorr.

46.      Skont id-digriet tar-rinviju, F kien ta l-kunsens tiegħu li jsirlu eżami psikoloġiku. Madankollu, huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika li dan l-eżami kien sar b’mod li tassew kien jirrispetta d-dinjità u l-ħajja privata u tal-familja ta’ F (27).

D.      L-użu ta’ testijiet psikoloġiċi

47.      It-tieni nett, l-eżamijiet psikoloġiċi li jkollhom isiru mill-esperti maħtura mill-awtoritajiet għandhom ikunu bbażati fuq metodi, prinċipji u kunċetti li ġeneralment huma aċċettati mill-komunità xjentifika, jew li, f’kull każ, huma affidabbli biżżejjed. Barra minn dan, dawn il-metodi, il-prinċipji u l-kunċetti għandhom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, ikunu rilevanti għat-tip ta’ eżami mitlub mill-awtoritajiet. Bħala riżultat, l-eżamijiet psikoloġiċi jkunu jistgħu, għalhekk, jipproduċu riżultati affidabbli biżżejjed (28).

48.      Kif naraha jiena, eżamijiet magħmula abbażi ta’ xjenza kkontestata jew mhux magħrufa diffiċilment jistgħu jitqiesu mill-awtoritajiet bħala li jkollhom valur probatorju. Bl-istess mod, eżamijiet li, bħala prinċipju, ikunu bbażati fuq metodi, prinċipji u kunċetti ġeneralment aċċettati, iżda li jkunu ġew applikati ħażin jew li jkunu ġew applikati f’kuntest ħażin ma jistgħux jipproduċu riżultati affidabbli biżżejjed.

49.      Huwa ċar li ma huwiex għall-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu pożizzjoni dwar kemm huma affidabbli u rilevanti t-tipi speċifiċi ta’ test inkwistjoni fil-kawża prinċipali (29). Għaldaqstant ikun għall-qorti tar-rinviju li tiddeċiedi, b’mod partikolari, dwar jekk it-testijiet użati fil-każ ta’ F (“pinġi persuna fix-xita”, it-testijiet Rorschach u Szondi) humiex — kif jissottometti l-Gvern Ungeriż — ibbażati fuq metodi, prinċipji u kunċetti li huma ġeneralment aċċettati mill-komunità xjentifika jew — kif jikkontendi F — is-suġġett ta’ kontroversja qawwija fil-letteratura xjentifika.

E.      Id-dritt għal rimedju effettiv

50.      It-tielet nett, meta tkun qorti nazzjonali li, għall-finijiet ta’ stħarriġ tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, titlob għal opinjoni esperta, dik il-qorti ma tistax tqis lilha nfisha li tkun marbuta, fiċ-ċirkustanzi kollha, de lege jew de facto, b’dak li jkun wasal għalih l-espert (u, a fortiori, b’dak li jkunu waslu għalih l-esperti li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ħatru matul il-proċeduri amministrattivi).

51.      Bis-saħħa tal-Artikolu 46(1) u (3) tad-Direttiva 2013/32, applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollhom id-dritt għal “rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal” kontra, inter alia, deċiżjonijiet meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom. Dan ir-rimedju jipprovdi għal “eżami sħiħ []ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi” (30).

52.      L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 — speċjalment meta jiġi interpretat skont l-Artikolu 47 tal-Karta — għalhekk jitlob li qrati nazzjonali jkunu jistgħu jagħmlu stħarriġ fil-fond, indipendenti u kritiku tal-aspetti kollha rilevanti fil-fatt u fid-dritt (31). Dan, fil-fehma tiegħi, jinkludi neċessarjament il-possibbiltà li ma jingħatax każ tal-konstatazzjonijiet ta’ esperti — li jikkostitwixxu għamla ta’ prova li għandha tiġi evalwata ma’ provi oħra — li mħallef jista’ jsib, pereżempju, li jkunu preġudikati, fiergħa jew ibbażati fuq metodi u teoriji kontroversjali.

53.      F’dan ir-rigward, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali u bla ħsara għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività, huwa għall-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi l-modi li bihom għandhom jinsiltu l-provi, liema provi għandhom ikunu ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali adatta, jew il-prinċipji li jirregolaw l-eżami minn dik il-qorti tal-valur probatorju tal-provi miġjuba quddiemha u wkoll il-livell ta’ prova meħtieġa (32). Madankollu, skont il-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li regoli ta’ evidenza ma jistgħux jiġu applikati mill-qrati nazzjonali b’tali mod li fil-prattika jintroduċu preżunzjonijiet mhux iġġustifikati li jistgħu jiksru r-regoli ta’ evidenza stabbiliti fi strumenti tal-Unjoni, jew li jdgħajfu l-effikaċja tar-regoli sostantivi stabbiliti f’dawk l-istrumenti (33). Tista’ tinħoloq tali problema f’sitwazzjoni fejn qrati nazzjonali japplikaw regoli ta’ evidenza domestiċi b’mod manifestament rigoruż billi jaċċettaw provi irrilevanti jew insuffiċjenti.

54.      Għaldaqstant, qrati nazzjonali għandhom jiżguraw li l-provi miġjuba quddiemhom ikunu serji, speċifiċi u konsistenti biżżejjed biex jiġġustifikaw il-konklużjoni li tinsilet minnhom (34). Huma għandhom iħarsu l-libertà ta’ evalwazzjoni tagħhom stess biex jiddeterminaw jekk ikunux inġiebu tali provi b’mod suffiċjenti fid-dritt, sa dak il-mument li, wara li jkunu eżaminaw il-provi kollha miġjuba mill-partijiet u l-argumenti skambjati minnhom, huma jqisu lilhom infushom kapaċi li jisiltu konklużjoni definittiva dwar il-kwistjoni, wara li jkunu kkunsidraw iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ quddiemhom (35).

55.      Il-pożizzjoni opposta essenzjalment tfisser li l-imħallef jabdika l-funzjoni tiegħu u jirrendi ineffettivi l-garanziji pprovduti espressament fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32. Dan huwa speċjalment minnu fir-rigward tal-opinjonijiet ta’ esperti li jesprimu fehma dwar kwistjonijiet ta’ liġi. Pereżempju, nosserva li l-espert maħtur mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali, Szeged) fil-kawża prinċipali sab li l-mod li bih kien sar l-eżami ta’ F mill-psikologi maħtura mill-awtoritajiet amministrattivi Ungeriżi kien bi ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ F. Madankollu, dan jidher li huwa eżami legali li huwa għall-imħallfin kompetenti li jagħmlu, u mhux għal espert maħtur fil-proċeduri (36).

IV.    Konklużjoni

56.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali, Szeged, l-Ungerija) kif ġej:

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jipprekludix l-użu mill-awtoritajiet ta’ opinjoni esperta ta’ psikologu, l-iktar biex tiġi evalwata l-kredibbiltà ġenerali ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, bil-kundizzjoni li: (i) l-eżami tal-applikant isir bil-kunsens tal-applikant u jitwettaq b’mod li jkun jirrispetta d-dinjità u l-ħajja privata u tal-familja tal-applikant; (ii) l-opinjoni tkun ibbażata fuq metodi, prinċipji u kunċetti li jkunu affidabbli u rilevanti biżżejjed fiċ-ċirkustanzi tal-każ, u li jkunu jistgħu jipproduċu riżultati affidabbli biżżejjed; u (iii) il-konklużjonijiet tal-espert ma jkunux jorbtu lill-qrati nazzjonali li jkunu qegħdin jistħarrġu d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011 L 337, p. 9).


3      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013 L 180, p. 60).


4      Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406.


5      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M, C-277/11, EU:C:2012:744, punt 64.


6      Ara l-Artikolu 2(d) u l-Artikoli 9 sa 12 tad-Direttiva 2011/95.


7      Ara l-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95. Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C-199/12 sa C-201/12, EU:C:2013:720, punti 41 sa 49.


8      Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 51.


9      Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 49.


10      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi magħquda A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2111, punt 32.


11      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 53.


12      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C-199/12 sa C-201/12, EU:C:2013:720, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata.


13      Ara, pereżempju, Qorti EDB, 19 ta’ April 2016, A.N. vs Franza, CE:ECHR:2016:0419DEC001295615, § 41.


14      Ara, pereżempju, Qorti EDB, 11 ta’ Jannar 2007, Salah Sheekh vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2007:0111JUD000194804, §§ 138 sa 149.


15      Din l-imġiba tista’ tirrigwarda, inter alia, kif persuna tilbes, titkellem jew taġixxi (pereżempju meta persuna tissoċjalizza u tqatta’ l-ħin ma’ persuni omosesswali, jew tikkampanja għal drittijiet LGBTI).


16      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2011/95. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi magħquda A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2111, punt 34.


17      Dwar il-ħtieġa ta’ kwalifika xierqa, ara, b’analoġija, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(5) tad-Direttiva 2013/32.


18      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżaM, C-277/11, EU:C:2012:253, punt 66.


19      Ara, pereżempju, American Psychological Association, “Report of the American Psychological Association Task Force on Appropriate Therapeutic Responses to Sexual Orientation”, Washington, 2009.


20      Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punti 60 sa 62.


21      Pereżempju, ninnota li trattamenti mediċi u psikoloġiċi u proċeduri jitqiesu l-istess skont il-Prinċipju 18 (“Protezzjoni minn Abbużi Mediċi”) tal-Prinċipji Yogyakarta. Il-Prinċipju 18 jgħid: “Ebda persuna ma għandha tkun imġiegħla jsirulha kull forma ta’ trattament mediku jew psikoloġiku, proċedura, testijiet jew titqiegħed f’faċilità medika, abbażi ta’ orjentazzjoni soċjali jew identità tal-ġeneru. Minkejja kull klassifikazzjoni kuntrarja, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru ta’ persuna, ma humiex, fihom u minnhom infushom, kundizzjonijiet mediċi u ma għandhomx jiġu ttrattati, ikkurati jew imrażżna. […]” Il-Prinċipji Yogyakarta dwar l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem b’rabta mal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru kienu adottati fl-2007 u, anki jekk ma kinux jorbtu legalment, ġeneralment jitqiesu li jikkostitwixxu għodda utli għall-interpretazzjoni ta’ trattati jew liġijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem.


22      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 5 ta’ Lulju 1999, Matter vs Is-Slovakkja, CE:ECHR:1999:0705JUD003153496, u Qorti EDB, 27 ta’ Novembru 2003, Worwa vs Il-Polonja, CE:ECHR:2003:1127JUD002662495.


23      Ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 19 ta’ April 2016, A.N. vs Franza, CE:ECHR:2016:0419DEC001295615, § 44.


24      F’dan ir-rigward, ara pereżempju, Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, “Homophobia, transphobia and discrimination on grounds of sexual orientation and gender identity — 2010 Update”, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropew, Lussemburgu, 2010, p. 60.


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 64.


26      Ara, b’analoġija, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2013/32.


27      Nerġa’ niġi għal din il-kwistjoni infra, fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Ara, b’analoġija, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(5) tad-Direttiva 2013/32.


29      Bħall-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Ungerija u tal-Pajjiżi l-Baxxi u bħall-Kummissjoni, u mhux bħal F, ma narax li l-punt 59 tas-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et (C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406) jipprojbixxi għalkollox testijiet psikoloġiċi. Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni kienu jirrigwardaw biss, fil-fehma tiegħi, it-testijiet speċifiċi msemmija fil-każ inkwistjoni.


30      Enfasi miżjuda minni.


31      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C-69/10, EU:C:2011:524, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata.


32      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, W et, C-621/15, EU:C:2017:484, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.


33      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, W et, C-621/15, EU:C:2017:484, punt 34.


34      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-21 ta’ Ġunju 2017, W et, C-621/15, EU:C:2017:484, punti 35 u 36.


35      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, W et, C-621/15, EU:C:2017:484, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.


36      Pereżempju, il-“Linji gwida dwar il-funzjoni ta’ esperti maħtura mill-qrati fi proċeduri ġudizzjarji tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa” jgħidu f’dan ir-rigward: “L-espert ikun jeħtieġlu jsib u jippreżenta lill-qorti dawk il-fatti li jkunu jistgħu jinkisbu biss minn speċjalisti li jagħmlu osservazzjoni oġġettiva speċjalizzata. Huwa jgħaddi t-tagħrif xjentifiku u/jew tekniku lill-imħallef li mbagħad dan jgħin lill-imħallef jagħmel investigazzjoni u evalwazzjoni oġġettivi u ċari tal-fatti. L-espert la jista’, u bl-ebda mod ma huwa x-xogħol tiegħu, li jieħu r-responsabbiltà hu minflok l-imħallef biex jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu evalwati l-fatti li fuqhom tkun ibbażata s-sentenza tal-qorti. […] Konsegwentement, l-espert huwa biss assistent jew konsulent tal-imħallef; xejn iktar. Il-funzjoni tal-espert hija, għalhekk, differenti minn dik tal-imħallef, li huwa dak li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ liġi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Linji gwida adottati mill-Kummissjoni Ewropea għall-effiċjenza tal-ġustizzja, Il-Kunsill tal-Ewropa, fil-11-12 ta’ Diċembru 2014, punti 16 u 17).