Language of document : ECLI:EU:C:2018:36

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Jannar 2018 (*)(i)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Direttiva 2011/95/UE – Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali – Artikolu 4 – Evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi – Rikors għal perizja – Testijiet psikoloġiċi”

Fil-Kawża C-473/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Awwissu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

F

vs

Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F, minn T. Fazekas u Z. B. Barcza-Szabó, ügyvédek,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier u E. Armoët, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Gijzen u M. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn F, ċittadin Niġerjan, u l-Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal (l-Uffiċċju tal-Immigrazzjoni u tan-Nazzjonalità, l-Ungerija, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tiċħad l-applikazzjoni għal magħmula mressqa minn F u li tikkonstata li xejn ma kien jostakola ir-refoulement ta’ dan tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

3        Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tipprovdi fl-Artikolu 8(1) tagħha:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2005/85/KE

4        L-Artikolu 2(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat(ĠU L 175M, p. 168) huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

e)      ‘awtorità determinanti’ tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-ażil, u kompetenti sabiex jieħu, fl-istadju ta’ prim’istanza, deċiżjonjiet f’tali każijiet, suġġett għall-Anness I”.

5        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta’ applikazzjonijiet skont din id-Direttiva […]”

6        L-Artikolu 8(2) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-ażil jiġu meħuda wara eżami adegwat.[…]”

7        L-Artikolu 13(3) tal-istess direttiva jippreċiża:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-intervisti personali jitmexxew taħt kondizzjonijiet li jippermettu li l-applikanti jippreżentaw ir-raġunijiet għall-applikazzjonijiet tagħhom b’mod komprensiv. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom

a)      jiżguraw li l-persuna li tagħmel l-intervista tkun suffiċjentement kompetenti sabiex tieħu kont taċ-ċirkostanzi personali u ġenerali attinenti għall-applikazzjoni, inkluż l-oriġini kulturali jew il-vulnerabbiltà ta’ l-applikant, safejn ikun possibbli li jsir dan […]”

8        L-Artikolu 39(1) u (2) tad-Direttiva 2005/85 huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)      deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil […]

[…]

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu termini ta’ żmien u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1.”

 Id-Direttiva 2011/95

9        Il-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95 hija fformulata kif ġej:

“Hu ugwalment meħtieġ li jiġi introdott kunċett komuni tal-bażi ta’ persekuzzjoni ‘sħubija fi grupp soċjali partikolari’. Minħabba l-bżonn li tingħata tifsira ta’ grupp soċjali partikolari, kwistjonijiet li joħorġu mis-sess ta’ applikant, inkluża l-identità sesswali u l-orjentazzjoni sesswali, li jistgħu jkunu relatati ma’ ċerti tradizzjonijiet u drawwiet legali, li jirriżultaw pereżempju f’mutilazzjoni ġenitali, sterilizzazzjoni furzata, jew abort furzat, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom, sakemm ikunu relatati mal-biża’ ġustifikata tal-applikant minn persekuzzjoni.”

10      L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Ikun, imbagħad, id-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni f’kooperazzjoni mal-applikant.

2.      L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond [il-passat], inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.      L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

a)      il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

b)      id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

c)      il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

d)      jekk l-attivitajiet ta’ l-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ l-oriġini kinux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawn l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lura lil dak il-pajjiż;

e)      jekk l-applikant ikun mistenni b’mod raġonevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza.

[…]

5.      Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

b)      l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li tirrigwarda nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

c)      id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant;

d)      l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali kmieni kemm jista’ jkun, sakemm l-applikant jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u

e)      il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.”

11      L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jistmaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:

[…]

d)      grupp għandu jitqies li jifforma grupp soċjali partikolari fejn partikolarment:

–        membri ta’ dak il-grupp jaqsmu karatteristika innata jew sfond komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu karatteristika jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m’għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih; u

–        grupp għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li hija meqjusa bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru.

Skont iċ-ċirkostanzi fil-pajjiż ta’ orġini, grupp soċjali partikolari jista’ jinkludi grupp ibbażat fuq karatteristika komuni ta’ orjentament sesswali. Orjentament sesswali ma jistax jinftiehem li jinkludi atti li huma meqjusa bħala kriminali bi qbil mal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. […]

[…]

2.      Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.”

12      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 39(1) tal-istess direttiva jippreċiża:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 1, 2, 4, 7, 8, 9, 10, 11, 16, 19, 20, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34, u 35 sa 21 ta’ Diċembru 2013. Għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.”

13      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tad-Direttiva 2011/95 huwa fformulat kif ġej:

“Id-Direttiva 2004/83/KE hi mħassra għall-Istati Membri marbutin b’din id-Direttiva bis-seħħ minn 21 ta’ Diċembru 2013 […]”

 Id-Direttiva 2013/32/UE

14      Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 60), tipprovdi, fl-Artikolu 4(1) tagħha:

“L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta’ applikazzjonijiet skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali awtorità tkun ipprovduta b’mezzi xierqa, inkluż biżżejjed persunal kompetenti, biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva.”

15      L-Artikolu 10(3) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet mill-awtorità determinanti dwar applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali jiġu meħuda wara eżami adegwat. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

[…]

d)      il-persunal li jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet għandu l-possibbiltà li jitlob parir, meta jkun meħtieġ, minn esperti dwar kwistjonijiet partikolari, bħal pereżempju kwistjonijiet mediċi, kulturali, dwar it-tfal jew is-sess.”

16      L-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva jippreċiża:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-intervisti personali jitmexxew taħt kondizzjonijiet li jippermettu li l-applikanti jippreżentaw ir-raġunijiet għall-applikazzjonijiet tagħhom b’mod komprensiv. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom

a)      jiżguraw li l-persuna li tagħmel l-intervista tkun suffiċjentement kompetenti sabiex tieħu kont taċ-ċirkostanzi personali u ġenerali attinenti għall-applikazzjoni, inkluż l-oriġini kulturali jew il-vulnerabbiltà ta’ l-applikant

[…]”

17      L-Artikolu 46(1) u (4) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)      deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

i)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

[…]

4.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ta’ żmien raġonevoli u regoli meħtieġa oħra għall-applikant sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv skont il-paragrafu 1. […]

[…]”

18      L-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 30, mal-Artikolu 31(1), (2) u (6) sa (9), mal-Artikoli 32 sa 46, mal-Artikoli 49 u 50 u mal-Anness I l-iktar tard mill-20 ta’ Lulju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.”

19      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikolu 51(1) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati u fir-rigward ta’ proċeduri għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali li jkunu mibdija wara l-20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni. L-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l-20 ta’ Lulju 2015 u l-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat mibdija qabel dik id-data għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi taħt id-Direttiva 2005/85/KE.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      F, matul April 2015, applika għal ażil quddiem l-awtoritajiet Ungeriżi.

21      Insostenn ta’ din l-applikazzjoni, huwa saħaq, sa mill-ewwel intervista mwettqa mill-Uffiċċju, li kien jibża’, bir-raġun, li jiġi ppersegwitat fil-pajjiż ta’ oriġni tiegħu minħabba l-omosesswalità tiegħu.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2015, l-Uffiċċju ċaħad l-imsemmija applikazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa kkunsidra li d-dikjarazzjonijiet ta’ F ma kinux jinkludu kuntradizzjonijiet fundamentali. Madankollu, huwa kkonkluda li dan ma kienx kredibbli abbażi ta’ perizja mwettqa minn psikologu. Din il-perizja kienet tinkludi riċerka, eżami tal-personalità u diversi testijiet, jiġifieri test imwettaq billi l-persuna tintalab tpinġi persuna fix-xita kif ukoll it-testijiet ta’ Rorschach u ta’ Szondi, kienet tikkonkludi li ma kienx possibbli li l-affermazzjoni ta’ F dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu tiġi kkonfermata.

23      F ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostna b’mod partikolari li t-testijiet psikoloġiċi li għadda minnhom kienu jiksru d-drittijiet fundamentali tiegħu u ma kinux jippermettu li tiġi evalwata l-verità dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

24      Il-qorti tar-rinviju tirreleva li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma setax jindika konkretament kif dawn it-testijiet kienu jiksru d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. Hija tippreċiża wkoll li huwa ddikjara li ma ġie suġġett għal ebda eżami fiżiku u lanqas ma kien obbligat jara stampi jew videos ta’ natura pornografika.

25      Wara li ġiet ordnata miżura ta’ investigazzjoni mill-qorti tar-rinviju, l-Igazságügyi Szakértői és Kutató Intézet (l-Istitut ta’ Esperti u Investigaturi Forensiċi, l-Ungerija) wettaq perizja minn fejn jirriżulta li l-metodi użati matul il-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal ażil ma tmurx kontra d-dinjità tal-bniedem u jistgħu, flimkien ma’ “riċerka adegwata”, jagħtu stampa tal-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna kif ukoll, jekk ikun il-każ, li jqiegħdu f’dubju l-fondatezza tad-dikjarazzjonijiet ta’ persuna dwar dan is-suġġett. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija tqis ruħha marbuta b’dawn il-konklużjonijiet ta’ din il-perizja.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szeged, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jikkonċerna applikanti għall-ażil li jkunu LGBTI, ma jipprekludix li jiġi stabbilit rapport ta’ perizja psikoloġika forensika, li jittieħed inkunsiderazzjoni, ibbażat fuq testijiet tal-personalità proġettivi, u dan ir-rapport jiġi stabbilit mingħajr ma ssir ebda mistoqsija lill-applikant għall-ażil dwar id-drawwiet sesswali tiegħu u mingħajr ma l-applikant għall-ażil ikun suġġett għal ebda eżami fiżiku?

2)      Fil-każ li r-rapport ta’ perizja msemmi fl-ewwel domanda ma jkunx jista’ jintuża bħala prova, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma teżisti ebda posssibbiltà, la għall-awtoritajiet nazzjonali, u lanqas għall-qrati, li b’metodi ta’ perizja tiġi eżaminata l-kredibbiltà tal-allegazzjonijiet tal-persuna li tippreżenta applikazzjoni għall-ażil ibbażata fuq il-persekuzzjoni minħabba l-orjentament sesswali, irrispettivament mill-karatteristiċi partikolari tal-metodu ta’ perizja?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda

27      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtorità responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew il-qrati aditi, skont il-każ, b’rikors kontra deċiżjoni ta’ din l-awtorità, jordnaw perizja fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi dwar l-orjentazzjoni sesswali allegata ta’ applikant.

28      Għandu jiġi enfasizzat li d-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jikkostitwixxu biss, fid-dawl tal-kuntest partikolari li jaqgħu fih l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, il-punt ta’ tluq tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 49).

29      Minn dan isegwi li, għalkemm huwa l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali li għandu jidentifika din l-orjentazzjoni, li tikkostitwixxi element rilevanti tal-isfera personali tiegħu, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mmotivati minn biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba din l-orjentazzjoni, l-istess bħall-applikazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet oħra ta’ persekuzzjoni, jistgħu jkunu s-suġġett tal-proċess ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 4 tal-istess direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 52).

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi karatteristika li tista’ tistabbilixxi l-appartenenza ta’ applikant għal ċertu grupp soċjali, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, meta l-grupp tal-persuni li l-membri tiegħu għandhom l-istess orjentazzjoni sesswali huwa pperċepit mis-soċjetà ta’ madwaru bħala li huwa differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C-199/12 sa C-201/12, EU:C:2013:720, punti 46 kif ukoll 47), kif jikkonferma fil-fatt l-Artikolu 10(1)(d) ta’ din id-direttiva.

31      Madankollu mill-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, meta l-Istati Membri jevalwaw jekk applikant għandux biża’, bir-raġun, li jiġi ppersegwitat, huwa irrelevanti jekk għandux effettivament il-karatteristika marbuta mal-appartenenza għal ċertu grupp soċjali li tagħti lok għall-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tiġi attribwita lilu mill-attur tal-persekuzzjoni.

32      Għaldaqstant, ma huwiex dejjem neċessarju, sabiex tingħata deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mmotivata minn biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali, li tiġi evalwata l-kredibbiltà tal-orjentazzjoni sesswali tal-applikant fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

33      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95 jelenka l-elementi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li l-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva jippreċiża l-kundizzjonijiet fejn Stat Membru li japplika l-prinċipju li huwa l-applikant li għandu jsostni l-applikazzjoni tiegħu għandu jikkunsidra li ċerti aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant ma jeħtiġux konferma. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm, b’mod partikolari, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet tal-applikant ikunu nstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jkunux imorru kontra informazzjoni speċifika u ġenerali u rilevanti għall-każ tal-applikant, u li l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jillimitawx il-mezzi li jistgħu jużaw dawn l-awtoritajiet u, b’mod partikolari, ma jeskludux ir-rikors għal perizji fil-kuntest tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi sabiex jiġi ddeterminat b’iktar preċiżjoni l-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali reali tal-applikant.

35      Xorta jibqa’ l-fatt li l-modalitajiet ta’ eventwali rikors, f’dan il-kuntest, għal perizja għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dritt tal-Unjoni rilevanti, b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, bħad-dritt għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Karta, u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, iggarantit mill-Artikolu 7 ta’ din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 53).

36      Anki jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 huma applikabbli fir-rigward tal-applikazzjonijiet kollha għal protezzjoni internazzjonali, indipendentement mir-raġunijiet ta’ persekuzzjoni invokati insostenn ta’ dawn l-applikazzjonijiet, xorta jibqa’ l-fatt li huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jadattaw il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tagħhom tad-dikjarazzjonijiet u tal-provi dokumentali jew oħrajn skont il-karatteristiċi speċifiċi għal kull kategorija ta’ applikazzjoni għall-ażil, u dan fl-osservanza tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 54).

37      Ma jistax jiġi eskluż li, f’dan il-kuntest partikolari tal-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, ċerti forom ta’ perizja huma utli għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi u jistgħu jitwettqu mingħajr ma jinkisru d-drittijiet fundamentali ta’ dan l-applikant.

38      Għalhekk, kif jenfasizzaw il-Gvern Franċiż u dak Olandiż, ir-rikors għal espert jista’, b’mod partikolari, jippermetti li tinġabar informazzjoni iktar kompleta dwar is-sitwazzjoni tal-persuni li jaqsmu ċerta orjentazzjoni sesswali fil-pajjiżi terzi minn fejn huwa oriġinarju l-applikant.

39      L-Artikolu 10(3)(d) tad-Direttiva 2013/32, li kellu, skont l-Artikolu 51(1) ta’ din, jiġi traspost l-iktar tard fl-20 ta’ Lulju 2015, jipprovdi fil-fatt speċifikament li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal responsabbli sabiex jeżamina l-applikazzjonijiet u li jieħu d-deċiżjonijiet għandu l-possibbiltà li jitlob parir, meta jkun meħtieġ, minn esperti dwar kwistjonijiet partikolari relatati mas-sess, li jkopru b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 30 tad-Direttiva 2011/95, il-kwistjonijiet dwar l-identità sesswali u l-orjentazzjoni sesswali.

40      Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li kemm mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-awtorità determinanti għandha twettaq eżami xieraq tal-applikazzjonijiet u wara għandha tagħti deċiżjoni dwarhom. Għaldaqstant, huma biss tali awtoritajiet li għandhom, taħt stħarriġ ġudizzjarju, jwettqu l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C-472/13, EU:C:2015:117, punt 40).

41      Minn naħa, mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tinkludi evalwazzjoni individwali ta’ din l-applikazzjoni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż tal-oriġini tal-persuna kkonċernata fil-mument li jiġi deċiż dwar l-applikazzjoni, informazzjoni u dokumenti rilevanti ppreżentati minn dan kif ukoll tal-istatus individwali u tas-sitwazzjoni personali ta’ dan tal-aħħar. Fejn xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra wkoll l-ispjegazzjonijiet fornuti għal dak li jirrigwarda l-assenza ta’ provi u l-kredibbiltà ġenerali tal-applikant (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C-472/13, EU:C:2015:117, punt 26, u tad-9 ta’ Frar 2017, M, C-560/14, EU:C:2017:101, punt 36).

42      Minn dan isegwi li l-awtorità determinanti ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha sempliċement fuq il-konklużjonijiet ta’ perizja u li din l-awtorità ma tistax, a fortiori, tkun marbuta b’dawn il-konklużjonijiet fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

43      Fir-rigward tal-possibbiltà, għal qorti adita b’rikors intiż kontra deċiżjoni tal-awtorità determinanti li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li tordna perizja, għandu jingħad ukoll li kemm l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdu li l-applikant għandu dritt ta’ rikors effettiv quddiem qorti kontra din id-deċiżjoni, mingħajr ma huma speċifikati l-miżuri ta’ investigazzjoni li din il-qorti tista’ tordna.

44      L-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2005/85 u l-Artikolu 46(4) tad-Direttiva 2013/32 jippreċiżaw, barra minn hekk, li huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu r-regoli neċessarji għall-eżerċizzju mill-applikant tad-dritt tiegħu għal rikors effettiv.

45      Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux għalhekk li qorti tordna perizja sabiex isir stħarriġ effettiv tad-deċiżjoni tal-awtorità determinanti, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl, minn naħa, tar-rwol speċifiku mogħti lill-qrati mill-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u mill-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u, min-naħa l-oħra, tal-kunsiderazzjonijiet dwar l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 li jinsabu fil-punti 41 ta’ din is-sentenza, il-qorti adita ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq il-konklużjonijiet ta’ perizja u ma tistax, a fortiori, tkun marbuta mill-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu li jinsabu f’dawn il-konklużjonijiet.

46      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-awtorità responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew il-qrati aditi, skont il-każ, b’rikors kontra deċiżjoni ta’ din l-awtorità, milli jordnaw perizja fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi dwar l-orjentazzjoni sesswali allegata minn applikant, sa fejn il-modalitajiet ta’ tali perizja huma konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, sa fejn l-imsemmija awtorità u dawn il-qrati ma jibbażawx id-deċiżjoni tagħhom biss fuq il-konklużjonijiet tal-perizja u sa fejn ma humiex marbuta b’dawn il-konklużjonijiet fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ dan l-applikant dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

 Fuq l-ewwel domanda

47      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi t-twettiq u l-użu, sabiex tiġi evalwata r-realtà tal-orjentazzjoni sesswali allegata ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, ta’ perizja psikoloġika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-għan, abbażi ta’ testijiet projettivi tal-personalità, li tipprovdi stampa tal-orjentazzjoni sesswali ta’ dan l-applikant.

48      Mir-risposta mogħtija għat-tieni domanda u mill-kunsiderazzjonijiet fil-punt 35 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 ma jipprekludix lill-awtorità determinanti jew lill-qrati aditi b’rikors kontra deċiżjoni ta’ din l-awtorità milli jordnaw, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, perizja, il-modalitajiet ta’ rikors għal tali perizja għandhom ikunu konformi, b’mod partikolari, għad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

49      Fost id-drittijiet fundamentali li għandhom relevanza speċifika fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu hemm b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 64).

50      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 għandu, konsegwentement, jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Khachab, C-558/14, EU:C:2016:285, punt 28).

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li perizja psikoloġika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ordnata mill-awtorità determinanti fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula mill-persuna kkonċernata.

52      Minn dan isegwi li din il-perizja hija mwettqa f’kuntest fejn il-persuna msejħa tissuġġetta ruħha għal testijiet projettivi tal-personalità tinsab f’sitwazzjoni fejn il-futur tagħha jiddependi strettament mir-risposta li din l-awtorità tirriżerva għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha u fejn eventwali rifjut li tissuġġetta ruħha għal dawn it-testijiet jista’ jikkostitwixxi element importanti li din l-awtorità tibbaża ruħha fuqu sabiex tiddetermina jekk din il-persuna sostnietx biżżejjed l-applikazzjoni tagħha.

53      Għaldaqstant, anki fil-każ fejn it-twettiq ta’ testijiet psikoloġiċi li fuqhom tkun ibbażata perizja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa formalment suġġett għall-espressjoni tal-kunsens tal-persuna kkonċernata, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-kunsens ma huwiex neċessarjament ħieles, peress li huwa de facto impost taħt il-pressjoni taċ-ċirkustanzi li jinsabu fihom l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 66).

54      F’dawn il-kundizzjonijiet, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-twettiq u l-użu ta’ perizja psikoloġika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu ndħil fid-dritt ta’ din il-persuna għar-rispett tal-ħajja privata tagħha.

55      Issa skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti minnha għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-kontenut essenzjali tagħhom. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u ta’ dawn il-libertajiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jiġu ssodisfatti l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

56      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-proporzjonalità tal-indħil ikkonstatat, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti adottati ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li hu xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-oġġettivi leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, fis-sens li l-inkonvenjenzi kkaġunati minn din ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet intiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk, C-96/03 u C-97/03, EU:C:2005:145, punt 47; tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria, C-83/14, EU:C:2015:480, punt 123, kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2016, N., C-601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 54).

57      F’dan il-kuntest, għalkemm indħil fil-ħajja privata ta’ applikant jista’ jkun iġġustifikat mir-riċerka ta’ elementi li jippermettu li jiġu evalwati l-bżonnijiet reali ta’ protezzjoni internazzjonali, hija l-awtorità determinanti li għandha tevalwa, taħt l-istħarriġ ta’ qorti, in-natura xierqa u neċessarja għat-twettiq ta’ dan il-għan ta’ perizja psikoloġika li hija jkollha l-intenzjoni li tordna jew li hija tixtieq tieħu inkunsiderazzjoni.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li n-natura xierqa ta’ perizja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi aċċettata biss jekk hija bbażata fuq metodi u prinċipji affidabbli biżżejjed fid-dawl tar-regoli aċċettati mill-komunità xjentifika internazzjonali. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt, li jaqa’, bħala evalwazzjoni tal-fatti, taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali, l-affidabbiltà ta’ tali perizja ġiet ikkontestata bis-sħiħ mill-Gvern Franċiż u dak Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni.

59      Fi kwalunkwe każ, l-effett ta’ perizja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-ħajja privata tal-applikant jidher sproporzjonat meta mqabbel mal-għan intiż, peress li l-gravità tal-indħil fid-dritt tar-rispett għall-ħajja privata li hija tikkostitwixxi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija proporzjonata għall-utilità li din jista’ possibbilment ikollha għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95.

60      Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-indħil fil-ħajja privata tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali kkostitwit mit-twettiq u mill-użu ta’ perizja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jippreżenta, fid-dawl tan-natura u tal-għan tagħha, gravità partikolari.

61      Fil-fatt, tali perizja hija bbażata b’mod partikolari fuq il-fatt li l-persuna kkonċernata tissuġġetta ruħha għal serje ta’ testijiet psikoloġiċi intiżi sabiex jiġi stabbilit element essenzjali tal-identità ta’ din il-persuna li jagħmel parti mill-isfera personali tagħha peress li hija relatata ma’ aspetti intimi tal-ħajja tal-imsemmija persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C-199/12 sa C-201/12, EU:C:2013:720, punt 46, kif ukoll tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punti 52 u 69).

62      Hemm ukoll lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-indħil permezz tat-twettiq u tal-użu ta’ perizja psikoloġika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-prinċipju 18 tal-prinċipji ta’ Yogyakarta dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-orjentazzjoni sesswali u tal-identità sesswali, li jirreferu għalihom il-Gvern Franċiż u dak Olandiż, li jippreċiża b’mod partikolari li ħadd ma jista’ jiġi sfurzat li jissubixxi kwalunkwe forma ta’ test psikoloġiku minħabba l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità sesswali tiegħu.

63      Mill-kombinazzjoni ta’ dawn l-elementi jirriżulta li l-gravità tal-indħil fil-ħajja privata kkostitwit mit-twettiq u l-użu ta’ perizja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tmur lil hinn minn dak li jimplikaw l-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali relatati ma’ biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jew ir-rikors għal perizja psikoloġika li għandha għan differenti minn dak li tiġi stabbilita l-orjentazzjoni sesswali ta’ dan l-applikant.

64      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li perizja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95.

65      F’dan il-kuntest, tali perizja ma tistax tiġi kkunsidrata bħala indispensabbli sabiex tikkonferma d-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali dwar l-orjentazzjoni sesswali sabiex tingħata deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bbażata fuq biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba din l-orjentazzjoni.

66      Fil-fatt, minn naħa, it-twettiq ta’ intervista personali mill-persunal ta’ awtorità determinanti huwa ta’ natura li jikkontribwixxi għall-evalwazzjoni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, sa fejn kemm l-Artikolu 13(3)(a) tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll l-Artikolu 15(3)(a) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuna responsabbli li twettaq l-intervista tkun kompetenti sabiex tieħu kont tas-sitwazzjoni personali li tkun taqa’ fiha l-applikazzjoni, fejn din is-sitwazzjoni tkopri b’mod partikolari l-orjentazzjoni sesswali tal-applikant.

67      B’mod iktar ġenerali, mill-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità determinanti jkollha l-mezzi xierqa, inkluż persunal kompetenti f’numru suffiċjenti, sabiex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha. Minn dan isegwi li l-persunal ta’ din l-awtorità għandu b’mod partikolari jkollu kompetenzi adegwati sabiex jevalwa l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li huma mmotivati minn biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali.

68      Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li meta l-Istati Membri japplikaw il-prinċipju li huwa l-applikant li għandu jsostni l-applikazzjoni tiegħu, id-dikjarazzjonijiet tal-applikant dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu li ma humiex sostnuti minn provi dokumentati jew ta’ natura oħra ma jeħtiġux konferma peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti, fejn dawn il-kundizzjonijiet jirreferu b’mod partikolari għall-koerenza u għall-plawsibbiltà ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u ma jirreferu bl-ebda mod għat-twettiq jew għall-użu ta’ perizja.

69      Barra minn hekk, anki fl-ipoteżi li perizja bbażata fuq testijiet projettivi tal-personalità, bħala dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tikkontribwixxi sabiex tiġi ddeterminata b’ċerta affidabbiltà l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna kkonċernata, mid-dikjarazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-konklużjonijiet ta’ tali perizja jistgħu biss jagħtu stampa ta’ din l-orjentazzjoni sesswali. Għaldaqstant, dawn il-konklużjonijiet huma, fi kwalunkwe każ, ta’ natura approssimattiva u għandhom biss interess limitat għall-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari meta, bħal fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn id-dikjarazzjonijiet ma jinkludux kontradizzjonijiet.

70      F’dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex neċessarju, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 jiġi interpretat ukoll fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Karta.

71      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi t-twettiq u l-użu, sabiex tiġi evalwata r-realtà tal-orjentazzjoni sesswali allegata ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, ta’ perizja psikoloġika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-għan, abbażi ta’ testijiet projettivi tal-personalità, li tipprovdi stampa tal-orjentazzjoni sesswali ta’ dan l-applikant.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-awtorità responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew il-qrati aditi, skont il-każ, b’rikors kontra deċiżjoni ta’ din l-awtorità, milli jordnaw perizja fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi dwar l-orjentazzjoni sesswali allegata minn applikant, sa fejn il-modalitajiet ta’ tali perizja huma konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn l-imsemmija awtorità u dawn il-qrati ma jibbażawx id-deċiżjoni tagħhom biss fuq il-konklużjonijiet tal-perizja u sa fejn ma humiex marbuta b’dawn il-konklużjonijiet fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ dan l-applikant dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

2)      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi t-twettiq u l-użu, sabiex tiġi evalwata r-realtà tal-orjentazzjoni sesswali allegata ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, ta’ perizja psikoloġika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-għan, abbażi ta’ testijiet projettivi tal-personalità, li tipprovdi stampa tal-orjentazzjoni sesswali ta’ dan l-applikant.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.


i Fil-kliem gwida, fil-punti 40 u 46, u fl-ewwel punt tad-dispożittiv ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.