Language of document : ECLI:EU:C:2018:36

Kawża C-473/16

F

vs

Bevándorlási és Állampolgársági Hivatal

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Direttiva 2011/95/UE – Standards minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali – Artikolu 4 – Evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi – Rikors għal perizja – Testijiet psikoloġiċi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) ta* 25 ta’ Jannar 2018

1.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi – Biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali – Obbligu li l-orjentazzjoni sesswali titqies li hija fatt stabbilit fuq il-bażi biss tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant – Assenza – Konsegwenzi

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 4)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi – Biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali – Neċessità li l-kredibbiltà tal-orjentazzjoni sesswali tiġi evalwata sistematikament – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikoli 2(d), 4 u 10(1)(d) u (2))

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi – Biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali – Evalwazzjoni permezz ta’ perizja – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 4)

4.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95 – Proċedura ta’ eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi – Biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali – Evalwazzjoni permezz ta’ perizja psikoloġika abbażi ta’ testijiet projettivi tal-personalità – Ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/95, Artikolu 4)

1.      Għandu jiġi enfasizzat li d-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jikkostitwixxu biss, fid-dawl tal-kuntest partikolari li jaqgħu fih l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, il-punt ta’ tluq tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 49). Minn dan isegwi li, għalkemm huwa l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali li għandu jidentifika din l-orjentazzjoni, li tikkostitwixxi element rilevanti tal-isfera personali tiegħu, l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali mmotivati minn biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba din l-orjentazzjoni, l-istess bħall-applikazzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet oħra ta’ persekuzzjoni, jistgħu jkunu s-suġġett tal-proċess ta’ evalwazzjoni previst fl-Artikolu 4 tal-istess direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 52).

(ara l-punti 28, 29)

2.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi karatteristika li tista’ tistabbilixxi l-appartenenza ta’ applikant għal ċertu grupp soċjali, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95, meta l-grupp tal-persuni li l-membri tiegħu għandhom l-istess orjentazzjoni sesswali huwa pperċepit mis-soċjetà ta’ madwaru bħala li huwa differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, X et, C-199/12 sa C-201/12, EU:C:2013:720, punti 46 kif ukoll 47), kif jikkonferma fil-fatt l-Artikolu 10(1)(d) ta’ din id-direttiva. Madankollu mill-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, meta l-Istati Membri jevalwaw jekk applikant għandux biża’, bir-raġun, li jiġi ppersegwitat, huwa irrelevanti jekk għandux effettivament il-karatteristika marbuta mal-appartenenza għal ċertu grupp soċjali li tagħti lok għall-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tiġi attribwita lilu mill-attur tal-persekuzzjoni.

Għaldaqstant, ma huwiex dejjem neċessarju, sabiex tingħata deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali mmotivata minn biża’ ta’ persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali, li tiġi evalwata l-kredibbiltà tal-orjentazzjoni sesswali tal-applikant fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva.

(ara l-punti 30-32)

3.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-awtorità responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jew il-qrati aditi, skont il-każ, b’rikors kontra deċiżjoni ta’ din l-awtorità, jordnaw perizja fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi dwar l-orjentazzjoni sesswali allegata minn applikant, sa fejn il-modalitajiet ta’ tali perizja huma konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn l-imsemmija awtorità u dawn il-qrati ma jibbażawx id-deċiżjoni tagħhom biss fuq il-konklużjonijiet tal-perizja u sa fejn ma humiex marbuta b’dawn il-konklużjonijiet fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ dan l-applikant dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

Ma jistax jiġi eskluż li, f’dan il-kuntest partikolari tal-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, ċerti forom ta’ perizja huma utli għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi u jistgħu jitwettqu mingħajr ma jinkisru d-drittijiet fundamentali ta’ dan l-applikant. Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li kemm mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-awtorità determinanti għandha twettaq eżami xieraq tal-applikazzjonijiet u wara għandha tagħti deċiżjoni dwarhom. Għaldaqstant, huma biss tali awtoritajiet li għandhom, taħt stħarriġ ġudizzjarju, jwettqu l-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Shepherd, C-472/13, EU:C:2015:117, punt 40). Minn dan isegwi li l-awtorità determinanti ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha sempliċement fuq il-konklużjonijiet ta’ perizja u li din l-awtorità ma tistax, a fortiori, tkun marbuta b’dawn il-konklużjonijiet fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

Fir-rigward tal-possibbiltà, għal qorti adita b’rikors intiż kontra deċiżjoni tal-awtorità determinanti li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li tordna perizja, għandu jingħad ukoll li kemm l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdu li l-applikant għandu dritt ta’ rikors effettiv quddiem qorti kontra din id-deċiżjoni, mingħajr ma huma speċifikati l-miżuri ta’ investigazzjoni li din il-qorti tista’ tordna. Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux għalhekk li qorti tordna perizja sabiex isir stħarriġ effettiv tad-deċiżjoni tal-awtorità determinanti, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl, minn naħa, tar-rwol speċifiku mogħti lill-qrati mill-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/85 u mill-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u, min-naħa l-oħra, tal-kunsiderazzjonijiet dwar l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95 li jinsabu fil-punti 41 ta’ din is-sentenza, il-qorti adita ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq il-konklużjonijiet ta’ perizja u ma tistax, a fortiori, tkun marbuta mill-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ applikant dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu li jinsabu f’dawn il-konklużjonijiet.

(ara l-punti 37, 40, 42, 43, 45, 46, u d-dispożittiv 1)

4.      L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi t-twettiq u l-użu, sabiex tiġi evalwata r-realtà tal-orjentazzjoni sesswali allegata ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, ta’ perizja psikoloġika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-għan, abbażi ta’ testijiet projettivi tal-personalità, li tipprovdi stampa tal-orjentazzjoni sesswali ta’ dan l-applikant.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li perizja psikoloġika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ordnata mill-awtorità determinanti fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali magħmula mill-persuna kkonċernata. Għaldaqstant, anki fil-każ fejn it-twettiq ta’ testijiet psikoloġiċi li fuqhom tkun ibbażata perizja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa formalment suġġett għall-espressjoni tal-kunsens tal-persuna kkonċernata, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-kunsens ma huwiex neċessarjament ħieles, peress li huwa de facto impost taħt il-pressjoni taċ-ċirkustanzi li jinsabu fihom l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, A et, C-148/13 sa C-150/13, EU:C:2014:2406, punt 66). F’dawn il-kundizzjonijiet, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-twettiq u l-użu ta’ perizja psikoloġika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu ndħil fid-dritt ta’ din il-persuna għar-rispett tal-ħajja privata tagħha

F’dan il-kuntest, għalkemm indħil fil-ħajja privata ta’ applikant jista’ jkun iġġustifikat mir-riċerka ta’ elementi li jippermettu li jiġu evalwati l-bżonnijiet reali ta’ protezzjoni internazzjonali, hija l-awtorità determinanti li għandha tevalwa, taħt l-istħarriġ ta’ qorti, in-natura xierqa u neċessarja għat-twettiq ta’ dan il-għan ta’ perizja psikoloġika li hija jkollha l-intenzjoni li tordna jew li hija tixtieq tieħu inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li n-natura xierqa ta’ perizja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi aċċettata biss jekk hija bbażata fuq metodi u prinċipji affidabbli biżżejjed fid-dawl tar-regoli aċċettati mill-komunità xjentifika internazzjonali. Fi kwalunkwe każ, l-effett ta’ perizja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-ħajja privata tal-applikant jidher sproporzjonat meta mqabbel mal-għan intiż, peress li l-gravità tal-indħil fid-dritt tar-rispett għall-ħajja privata li hija tikkostitwixxi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija proporzjonata għall-utilità li din jista’ possibbilment ikollha għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95.

(ara l-punti 51, 53, 54, 57-59, 71, u d-dispożittiv 2)