Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Jannar 2012 - Godrej Industries u V V F vs Il-Kunsill

(Kawża T-6/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Godrej Industries Ltd (Mumbai, l-Indja), V V F Ltd (Mumbai) (rappreżentant: B. Servais, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1138/2011, tat-8 ta' Novembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta' ċerti alkoħols xaħmija u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja (ĠU L 293, p. 1), sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(10), b'mod partikolari l-paragrafu (j) tiegħu, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea , kif interpretat skont l-Artikoli 2.4 u 2.4.1 tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ tal-1994; sa fejn il-Kunsill ma aċċettax li jsir l-aġġustament mitlub mir-rikorrenti peress li kien hemm konverżjoni tal-muniti, minħabba bejgħ li sar bil-Euro bejn Jannar u Ġunju 2010, fid-dawl tal-fatt li kien hemm apprezzament sostnut tar-Rupee Indjan imqabbel mal-Euro matul parti importanti tal-perijodu ta' investigazzjoni;

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta' Novembru 2009 u, b'mod partikolari, tal-paragrafi 2, 6 u 7 ta' dan l-artikolu, kif ukoll l-Artikolu 9(4) tal-imsemmi regolament, sa fejn il-Kunsill ma eskludiex il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat għall-industrija tal-Unjoni sabiex jikkalkula l-marġni tal-ħsara u janalizza l-ħsara u l-kawżalità;

It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1(1) u 2(10) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, tat-30 Novembru 2009, kif interpretati skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ Organizzazzjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ tal-1994, u b'mod partikolari tal-Artikolu 9(1) tiegħu, kif ukoll tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' raġonevolezza, sa fejn il-Kunsill ma eskludiex il-bejgħ lill-industrija tal-Unjoni sabiex jikkalkola l-marġni tad-dumping.

____________

1 - ĠU L 343, p. 51