Language of document : ECLI:EU:T:2013:408

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Settembru 2013 (*)

“Dumping — Importazzjoni ta’ ċerti alkoħols xaħmija u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja — Aġġustament mitlub abbażi tal-konverżjoni tal-muniti — Oneru tal-prova — Dannu — Dazju antidumping definittiv”

Fil-Kawża T‑6/12,

Godrej Industries Ltd, stabbilita f’Mumbai (l-Indja),

VVF Ltd, stabbilita f’Mumbai,

irrappreżentati minn B. Servais, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch u A. Polcyn, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Sasol Olefins & Surfactants GmbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

Sasol Germany GmbH, stabbilita f’Hamburg,

irrappreżentati minn V. Akritidis, avukat, u J. Beck, solicitor,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. França u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1138/2011, tat-8 ta’ Novembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti alkoħols xaħmija u t-taħlitiet tagħhom li joriġinaw mill-Indja, l-Indoneżja u l-Malasja (ĠU L 293, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u M. van der Woude (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spryropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti fetħu din il-kawża b’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Jannar 2012.

11      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni talbet sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

12      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Marzu 2012, Sasol Olefins & Surfactants GmbH u Sasol Germany GmbH (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “Sasol”) talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

13      B’digriet tal-President tar-Raba’ Awla tad-19 ta’ April 2012, il-Kummissjoni ġiet ammessa bħala intervenjenti.

14      B’digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-4 ta’ Ġunju 2012, Sasol ġiet ammessa bħala intervenjenti.

15      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċernahom;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

16      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u minn Sasol, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

[omissis]

 Fuq it-tieni motiv, dwar l-introduzzjoni tal-bejgħ mir-rikorrenti lil Cognis fil-kalkolu tal-marġni ta’ dannu

59      Insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrenti essenzjalment iressqu tliet ilmenti. L-ewwel nett, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“regolament bażiku”). Dawn isostnu li l-bejgħ tagħhom lil Cognis kellu jiġi eskluż mill-evalwazzjoni tad-dannu u li n-natura “awto-imposta” tad-dannu allegat kienet tipprekludi, f’kull każ, li jiġi stabbilit, bejn l-importazzjonijiet b’dumping u d-dannu, rabta ta’ kawżalità fis-sens tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku. Anki jekk jitqies li l-allegat dannu huwa stabbilit, dan kellu jitqies li ġie kkawżat minn “fatturi oħra”, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, hekk kif ġie kkunsidrat f’xi deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill. Il-bejgħ imsemmi kellu wkoll jiġi eskluż mill-kalkolu tal-marġni tad-dannu. It-tieni nett, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Fid-dawl tal-fatt li l-bejgħ lil Cognis ma ġiex eskluż mir-rabta ta’ kawżalità, il-Kummissjoni u l-Kunsill ma wettqux eżami oġġettiv u lanqas ma bbażaw id-determinazzjoni tagħhom tad-dannu fuq provi pożittivi. It-tielet nett, ir-rikorrenti jinvokaw ukoll ksur tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, peress li l-Kunsill ma eskludiex il-bejgħ tal-prodott inkwistjoni lil Cognis u impona dazju antidumping mingħajr ma evalwa l-marġni ta’ dannu b’mod korrett.

60      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti.

 Fuq il-ksur tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku

61      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jitfakkar li mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku jirriżulta li “[d]azju kontra dumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott suġġett ta’ dumping li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa [fl-Unjoni] tikkawża dannu”. Skont l-Artikolu 3(2) tar-regolament imsemmi, l-eżami tal-eżistenza ta’ dannu huwa bbażat fuq provi pożittivi u jinvolvi eżami oġġettiv, b’mod partikolari tal-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

62      Mill-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jipprovaw li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping joħolqu dannu kbir lill-industrija Komunitarja, fid-dawl tal-volum u tal-prezz tagħhom. Dan jinvolvi analiżi msejħa ta’ imputazzjoni. Mill-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku jirriżulta wkoll li l-imsemmija istituzzjonijiet għandhom, minn naħa, jeżaminaw il-fatturi l-oħra magħrufa kollha li jikkawżaw dannu lill-industrija Komunitarja, fl-istess ħin bħall-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping, u, min-naħa l-oħra, għandhom jiżguraw li d-dannu kkawżat minn dawn il-fatturi l-oħra ma jkunx imputat lill-importazzjonijiet imsemmija. Dan jinvolvi analiżi msejħa ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni.

63      B’hekk, l-għan tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku huwa li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jisseparaw u jiddistingwu l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma suġġetti għal dumping minn dawk tal-fatturi l-oħra. Jekk l-istituzzjonijiet ma jisseparawx u ma jiddistingwux l-impatt tad-diversi fatturi dannużi, huma ma jkunux jistgħu jikkonkludu b’mod validu li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ikkawżaw dannu lill-industrija Komunitarja.

64      Sussegwentement, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-determinazzjoni tad-dannu, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom b’mod partikolari jeżaminaw jekk id-dannu li jridu jikkunsidraw huwiex ikkawżat mill-aġir tal-produtturi tal-Unjoni stess (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1992, Extramet Industries vs Il-Kunsill, C‑358/89, Ġabra p. I‑3813, punt 16).

65      Finalment, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku fih is-segwenti definizzjoni tal-industrija Komunitarja:

“[I]t-terminu industrija Komunitarja għandu jkun interpretat bħala li jirreferi għall-produtturi [tal-Unjoni] kollha ta’ prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti tagħhom jikkostitwixxi proporzjon maġġuri, kif definit fl-Artikolu 5(4) [tal-imsemmi regolament], tal-produzzjoni [tal-Unjoni] totali ta’ dawk il-prodotti, għajr li:

a)      meta l-produtturi huma marbuta mal-esportaturi jew mal-importaturi jew huma huma nfushom importaturi tal-prodott allegatament suġġett ta’ dumping, it-terminu ‘industrija Komunitarja’ jista’ jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-bqija tal-produtturi […]”

66      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-inklużjoni fid-definizzjoni tal-industrija Komunitarja ta’ produttur li huwa hu stess importatur tal-prodott allegat li huwa s-suġġett ta’ dumping ma timplikax b’mod awtomatiku li l-importazzjonijiet tiegħu ma għandhomx jitqiesu iktar bħala “fattur ieħor” fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom l-obbligu, fid-dawl tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi l-oħra kollha minbarra l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping li jistgħu jipprekludu l-istabbiliment ta’ rabta’ ta’ kawżalità bejn id-dumping u d-dannu subit mill-industrija Komunitarja. Għalhekk, in-natura awto-imposta tad-dannu li jista’ eventwalment jirriżulta mix-xiri minn produttur tal-Unjoni ta’ prodotti li huma s-suġġett ta’ dumping provenjenti mill-pajjiżi kkunsidrati fl-investigazzjoni antidumping hija “fattur ieħor” li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jikkunsidraw fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dannu. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, la mir-Regolament bażiku u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li importazzjonijiet minn produttur tal-Unjoni ta’ prodotti li huma s-suġġett ta’ dumping provenjenti minn pajjiżi kkunsidrati fl-investigazzjoni ma jistgħu qatt jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tad-dannu.

68      F’dan il-każ, il-Kunsill effettivament eżamina, minn naħa, fil-premessa 61 tar-regolament ikkontestat, il-kwistjoni jekk Cognis kellhiex tiġi inkluża fil-kuntest tad-definizzjoni tal-industrija Komunitarja minkejja l-importazzjonijiet tagħha mill-pajjiżi kkunsidrati mill-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, fil-premessa 69 tar-regolament ikkontestat, jekk il-bejgħ ikkontestat kellux jiġi eskluż mill-evalwazzjoni tad-dannu u mill-kalkolu tal-marġni ta’ dannu, għaliex kull dannu allegat relattiv għal dan ix-xiri huwa awto-impost.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonfermat li l-Kunsill ma wettaq ebda żball meta kkonkluda li ma kienet teżisti ebda raġuni imperattiva biex il-bejgħ ikkontestat jiġi eskluż mill-evalwazzjoni.

70      Fil-fatt, l-ewwel nett, huwa stabbilit li dan il-bejgħ kien effettivament is-suġġett ta’ dumping. B’hekk, dan seta’ jikkontribwixxi għall-eżistenza ta’ dannu lill-industrija Komunitarja. Fil-fatt, anki jekk jitqies li dan id-dannu huwa “awto-impost” f’dak li jikkonċerna lil Cognis, l-istess ma jkunx japplika għall-industrija Komunitarja kollha, jiġifieri għall-importatur l-ieħor. F’kull każ, il-fatt li Cognis irtirat l-ilment tagħha ma huwiex tali li jpoġġi indiskussjoni din il-konstatazzjoni.

71      It-tieni nett, mill-premessa 69 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li, matul il-perijodu tal-investigazzjoni, l-importazzjonijiet ta’ Cognis kienu prinċipalment dovuti għall-għeluq temporanju ta’ wieħed mis-siti ta’ produzzjoni tagħha. B’hekk, dan ix-xiri b’dumping kien prinċipalment dovut għal neċessità ekonomika. Hekk kif jenfasizza l-Kunsill, barra minn hekk, tali importazzjonijiet jistgħu mingħajr dubju jkunu intiżi biex jillimitaw l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet b’dumping.

72      Mill-premessa 17 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta, hekk kif ifakkru r-rikorrenti, li Cognis kienet ilha tixtri l-provvisti mingħand ir-rikorrenti għal xi snin. Madankollu, il-bejgħ ikkontestat, li kien dgħajjef matul il-perijodu tal-investigazzjoni, kien iktar dgħajjef matul is-snin preċedenti. Fil-fatt, miċ-ċifri pprovduti mill-Kunsill, mingħajr ma dawn tpoġġew indiskussjoni mir-rikorrenti, jirriżulta li, matul il-perijodu tal-investigazzjoni, l-importazzjonijiet kienu jirrappreżentaw minn 9 sa 11 % biss tal-produzzjoni ta’ Cognis, li minnhom kienu biss bejn 4 u 5 % provenjenti mill-Indja. Bħala eżempju, fl-2007 u fl-2008, l-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja rrappreżentaw inqas minn 1 % tal-produzzjoni totali ta’ Cognis u l-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiżi terzi oħra rrappreżentaw madwar 1 %. Barra minn hekk, fl-2009, il-bejgħ mir-rikorrenti lil Cognis irrappreżenta biss 4.3 u 5.3 % rispettivament tal-importazzjonijiet totali provenjenti mill-Indja u ta’ dawk miż-żewġ pajjiżi l-oħra li kienu suġġetti għall-investigazzjoni. B’hekk, il-bejgħ mir-rikorrenti lil Cognis matul il-perijodu tal-investigazzjoni kien għalhekk fil-parti l-kbira temporanju.

73      It-tielet nett, fir-rigward tad-deċiżjonijiet u tar-regolamenti preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill iċċitati mir-rikorrenti insostenn tal-argumenti tagħhom, biżżejjed jiġi kkonstatat li, kemm f’dawk il-każijiet kif ukoll f’dan il-każ (ara l-punt 68 iktar ’il fuq), il-Kunsill u l-Kummissjoni effettivament eżaminaw il-kwistjoni jekk il-kunsiderazzjoni tal-importazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni bħala “fattur ieħor”, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, kinux ipprekludew l-istabbiliment ta’ rabta kawżali.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti kollha tar-rikorrenti intiżi biex jeskludu l-bejgħ ikkontestat lil Cognis għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-dannu u tar-rabta kawżali. Peress li r-rikorrenti ma ppreżentawx argument supplimentari fir-rigward tal-esklużjoni tal-bejgħ imsemmi mill-kalkolu tal-marġni ta’ dannu, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom bħala infondati.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Godrej Industries Ltd u VVF Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk ta’ Sasol Olefins & Surfactants GmbH u ta’ Sasol Germany GmbH, kif ukoll l-ispejjeż tagħhom.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 –      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom il-Qorti Ġenerali tqis utli.