Language of document : ECLI:EU:T:2009:317

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Settembru 2009 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Servizzi finanzjarji – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 82 KE – Rifjut li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali ta’ clearing u ta’ konklużjoni – Prezzijiet diskriminatorji – Suq rilevanti – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur”

Fil-Kawża T‑301/04,

Clearstream Banking AG, stabbilita fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja),

Clearstream International SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

irrappreżentati minn H. Satzky u B. Maassen, avocats,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn T. Christoforou, A. Nijenhuis u M. Schneider, wara minn Nijenhuis u R. Sauer, bħala aġenti

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 1958 tat-2 ta’ Ġunju 2004, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 [KE] [Każ COMP/38.096 – Clearstream (clearing u konklużjoni)],

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek (Relatur) u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        It-tieni rikorrenti, Clearstream International SA (iktar ’il quddiem “CI”), li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fil-Lussemburgu, hija kumpannija holding li hija l-proprjetarja tal-ewwel rikorrenti, Clearstream Banking AG (iktar ’il quddiem “CBF”), stabbilita fi Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja), u Clearstream Banking Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “CBL”). Il-grupp Clearstream jipprovdi servizzi ta’ clearing, ta’ konklużjoni u ta’ depożitu ta’ titoli trasferibbli. CBL u Euroclear Bank SA (iktar ’il quddiem “EB”), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), huma l-uniċi żewġ depożitarji ċentrali internazzjonali ta’ titoli li joperaw attwalment fl-Unjoni Ewropea. CBF hija d-depożitorja ċentrali ta’ titoli u attwalment l-uniku bank li għandu l-istatus ta’ bank ta’ depożitu ta’ titoli trasferibbli (Wertpapiersammelbank) fil-Ġermanja.

2        Fit-22 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bdiet investigazzjoni ex officio fir-rigward tas-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni billi bagħtet l-ewwel serje ta’ talbiet għal informazzjoni lil ċertu numru ta’ istituzzjonijiet, u mbagħad domandi addizzjonali dwar l-aġir abbużiv eventwali ta’ CI u ta’ CBF.

3        Fit-28 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li għaliha dawn irrispondu fit-30 ta’ Mejju 2003. Is-smigħ seħħ fl-24 ta’ Lulju 2003. Bħala parti terza interessata fil-proċeduri, EB ta l-opinjoni tiegħu fuq id-definizzjoni tas-suq matul is-smigħ u bħala risposta għal talba ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni.

4        Ir-rikorrenti kellhom aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fl-14 ta’ April u fit-3 ta’ Novembru 2003. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tar-rikorrenti fuq il-mod kif kienet ser tuża ċerti elementi mdaħħla fil-fajl wara l-għoti tal-aċċess għal dan il-fajl fl-14 ta’ April 2003, kif ukoll l-informazzjoni relatata mal-ispejjeż, ipprovduta mir-rikorrenti wara s-smigħ li nżamm fix-xahar ta’ Lulju, u tathom l-opportunità li jikkummentaw. Ir-rikorrenti rrispondew b’ittra tal-1 ta’ Diċembru 2003.

 Id-deċiżjoni kkontestata

5        Fit-2 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2004) 1958 finali, dwar proċedura taħt l-Artikolu 82 [KE] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Fiha, hija tikkritika lir-rikorrenti talli kisru l-Artikolu 82 KE, minn naħa, billi rrifjutaw li jipprovdu servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji lil EB u billi ddiskriminaw fir-rigward tiegħu u, min-naħa l-oħra, billi applikaw lil EB prezzijiet diskriminatorji.

6        Id-deċiżjoni kkontestata fiha informazzjoni ġenerali fuq il-clearing u l-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet fuq it-titoli trasferibbli, li minnha l-essenzjali ġie riprodott hawn isfel.

7        Il-likwidazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ xiri u ta’ bejgħ ta’ titoli trasferibbli teħtieġ verifika permanenti tal-proprjetà tat-titoli kkonċernati sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali fil-każ ta’ trasferiment ta’ proprjetà wara t-tranżazzjoni ta’ xiri jew ta’ bejgħ u sabiex jiġi żgurat is-servizz kontinwu tal-istrument. Għal din ir-raġuni, il-kummerċ ta’ titolu trasferibbli għandu jiġi segwit minn ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet addizzjonali.

8        Il-clearing hija tranżazzjoni li ssir bejn il-kummerċ u l-konklużjoni. Hija tiggarantixxi li l-bejjiegħ u x-xerrej ikkonkludew tranżazzjoni identika u li l-bejjiegħ jista’ jbiegħ it-titoli trasferibbli inkwistjoni. Il-konklużjoni huwa t-trasferiment definittiv tat-titoli trasferibbli u tal-fondi bejn il-bejjiegħ u x-xerrej, kif ukoll l-għoti tad-dokumenti korrispondenti fil-kontijiet tat-titoli.

9        Jeżistu tliet tipi ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni:

–        id-depożitarju ċentrali ta’ titoli (iktar ’il quddiem id-“DĊT”) huwa istituzzjoni li jżomm u jamministra titoli trasferibbli u li jippermetti li jseħħu tranżazzjonijiet fuq it-titoli trasferibbli, bħat-trasferiment ta’ titoli bejn żewġ partijiet, permezz ta’ dħul fil-kontijiet; fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, id-DĊT jipprovdi servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni tat-tranżazzjonijiet imwettqa fuq it-titoli trasferibbli li qegħdin depożitati għandu (f’kustodja finali); huwa jista’ wkoll joffri servizzi bħala intermedjarju fit-tranżazzjonijiet transkonfinali ta’ clearing u ta’ konklużjoni meta d-depożitu primarju tat-titoli trasferibbli jinsab f’pajjiż ieħor;

–        id-depożitarju ċentrali internazzjonali ta’ titoli (iktar ’il quddiem id-“DĊIT”) huwa istituzzjoni li l-attività prinċipali tiegħu hija l-clearing u l-konklużjoni f’ambjent internazzjonali; huwa jiżgura l-clearing u l-konklużjoni ta’ titoli trasferibbli internazzjonali jew ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali fuq it-titoli trasferibbli nazzjonali;

–        il-banek, bħala intermedjarji, joffru lill-klijenti tagħhom servizzi relatati mat-tranżazzjonijiet fuq it-titoli trasferibbli; dawn it-tranżazzjonijiet huma, fl-Unjoni Ewropea, ġeneralment, nazzjonali.

10      It-titoli trasferibbli kollha għandhom jiġu depożitati fiżikament jew elettronikament għand istituzzjoni sabiex jinżammu hemmhekk.

11      Fil-Ġermanja, id-Depotgesetz (liġi Ġermaniża fuq id-depożitu ta’ titoli trasferibbli) tipprevedi żewġ tipi ta’ kustodja finali ta’ titoli trasferibbli: il-kustodja kollettiva u l-kustodja individwali. Fil-każ tal-kustodja kollettiva, titoli trasferibbli funġibbli u teknikament adattati tal-istess tip depożitati minn diversi depożitarji u/jew proprjetarji jinżammu f’depożitu kollettiv wieħed.

12      Għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari għad-definizzjoni tas-suq, il-Kummissjoni introduċiet distinzjoni bejn is-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni “primarji” u “sekondarji”.

13      Il-clearing u l-konklużjoni primarji huma, skont id-deċiżjoni kkontestata, imwettqa mill-istituzzjoni li tiżgura hija stess il-kustodja finali tat-titoli, u dan matul kull bidla tal-pożizzjoni fil-kontijiet tat-titoli li hija żżomm.

14      Il-clearing u l-konklużjoni sekondarji huma, skont id-deċiżjoni kkontestata, imwettqa minn intermedjarji, jiġifieri minn atturi tas-suq li ma humiex l-istituzzjoni li għandha jinżammu t-titoli (f’dan il-każ, il-banek, id-DĊIT u id-DĊT mhux Ġermaniżi).

15      Il-clearing u l-konklużjoni sekondarji jkopru kemm operazzjonijiet interni, jiġifieri meta tranżazzjoni sseħħ bejn żewġ klijenti tal-istess intermedjarju, li b’hekk jippermetti li jsiru l-operazzjonijiet fil-kontijiet ta’ dan l-intermedjarju mingħajr dħul korrispondenti fil-livell tad-DĊT, kif ukoll operazzjonijiet mirror li bihom l-intermedjarji finanzjarji jipproċedu għad-dħul neċessarju fil-kontijiet sabiex jirriflettu r-riżultat tal-clearing u tal-konklużjoni mwettqa mid-DĊT fil-kontijiet tal-klijenti tagħhom. F’dan it-tieni każ, l-intermedjarji jistgħu jipprovdu servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni lill-klijenti tagħhom biss meta jkun hemm konessjoni mas-sistema tad-DĊT.

16      Skont il-bżonn, l-aċċess tad-depożitarji intermedjarji għad-depożitarju ċentrali jista’ jkun dirett (bħala membru jew klijent) jew indirett (bħala intermedjarju). F’dan il-każ, il-konnessjoni bejn CBF u l-klijenti tagħha hija assigurata mis-sistema ta’ konklużjoni ta’ CBF, ikkostitwita minn Cascade u Cascade RS. Cascade hija sistema kompjuterizzata li tippermetti li jiddaħħlu u jitqabblu istruzzjonijiet ta’ konklużjoni u tikkostitwixxi wkoll il-pjattaforma ta’ konklużjoni għal dawn l-istruzzjonijiet. Cascade RS (Registered Shares, li tfisser azzjonijiet irreġistrati) hija subsistema ta’ Cascade li tippermetti lill-klijenti ta’ CBF li ddaħħal l-informazzjoni speċifika meħtieġa mill-proċessi ta’ reġistrazzjoni u ta’ tneħħija tar-reġistrazzjoni għall-azzjonijiet irreġistrati. Hemm żewġ tipi ta’ aċċess għal Cascade u Cascade RS: l-aċċess manwali (imsejjaħ ukoll “online”) u l-aċċess kompletament awtomatizzat permezz tat-trasferiment ta’ fajls.

17      Skont id-deċiżjoni kkontestata (premessi 196 sa 198), is-suq ġeografiku inkwistjoni huwa dak tal-Ġermanja sa fejn it-titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż jinżammu f’kustodja finali fil-Ġermanja.

18      Il-Kummissjoni tikkonstata li, skont l-Artikolu 5 tad-Depotgesetz, it-titoli kollha miżmuma kollettivament fil-Ġermanja għandhom jinżammu minn bank ta’ depożitu ta’ titoli trasferibbli rikonoxxut u li attwalment fil-Ġermanja l-uniku depożitorju ta’ dan it-tip huwa CBF. Filwaqt li tispeċifika li l-kustodja kollettiva hija l-forma ta’ kustodja tat-titoli l-iktar użata fil-Ġermanja, hija tosserva li skont ir-rikorrenti stess 90 % tat-titoli Ġermaniżi eżistenti huma depożitati għand CBF (premessi 23 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Fir-rigward tad-delimitazzjoni tas-suq ta’ servizzi inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonstatat (premessi 199 u 200 tad-deċiżjoni kkontestata) li, għall-intermedjarji li jitolbu aċċess dirett għal CBF, l-aċċess indirett għal CBF ma hijiex soluzzjoni ta’ sostituzzjoni; il-provvista minn CBF ta’ servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji lill-klijenti li żammu mal-kundizzjonijiet ġenerali sseħħ f’suq distint mill-provvista tal-istess servizzi lid-DĊT u DĊIT; għall-intermedjarji li jitolbu servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji sabiex jkunu jistgħu joffru b’mod effettiv servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni sekondarji, il-clearing u l-konklużjoni sekondarji ma jikkostitwixxux soluzzjoni ta’ sostituzzjoni ekonomikament vjabbli; għal dawn l-intermedjarji, is-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji pprovduti minn entitajiet li ma humiex CBF ma jikkostitwixxux soluzzjoni ta’ sostituzzjoni vjabbli. Hija tikkonkludi li la jista’ jkun hemm sostituzzjoni min-naħa tad-domanda u lanqas min-naħa tal-provvista, peress li l-intermedjarji ma jistgħux b’mod faċli jagħżlu fornitur ieħor jew aċċess indirett għas-servizzi inkwistjoni u li l-ebda kumpannija oħra ma tista’, fil-futur ġejjieni, tipprovdi dawn l-istess servizzi.

20      Konsegwentement, il-Kummissjoni tiddefinixxi s-suq inkwistjoni bħal tal-provvista, minn CBF lill-intermedjarji bħad-DĊT ud-DĊIT, ta’ servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji għat-titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż (premessa 201 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Il-Kummissjoni tikkonkludi li CBF għandha pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni, peress li l-clearing u l-konklużjoni primarji ta’ tranżazzjonijiet fuq it-titoli trasferibbli maħruġa u miżmuma kollettivament skont id-dritt Ġermaniż jitwettqu minn CBF, bħala l-uniku bank ta’ depożitu ta’ titoli trasferibbli fil-Ġermanja. Fi żmien tal-fatti, din il-pożizzjoni ta’ CBF fis-suq Ġermaniż, skont il-Kummissjoni, ma kienet imfixkla minn ebda kompetizzjoni effettiva. Barra minn hekk, minħabba numru ta’ ostakoli kbar għal dħul ġdid fis-suq, il-possibbiltà ta’ dħul ġdid li terżerċita restrizzjoni kompetittiva fuq CBF fil-ġejjieni prevedibbli hija, skontha, eskluża (premessi 206, 208 u 215 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Skont id-deċiżjoni kkontestata (premessi 154, 216, 301 u 335), l-aġir abbużiv tar-rikorrenti kkonsista:

–        f’li jirrifjutaw li jipprovdu servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji għall-azzjonijiet irreġistrati, billi jimpedixxu l-aċċess dirett għal Cascade RS u f’li jeżerċitaw diskriminazzjoni lejn EB dwar il-provvista ta’ dawn is-servizzi; ir-rifjut li jipprovdu aċċess dirett għal Cascade RS u d-diskriminazzjoni mhux iġġustifikata f’dan ir-rigward ma humiex zewġ ksur separati, iżda pjuttost żewġ manifestazzjonijiet tal-istess aġir, peress li d-diskriminazzjoni mhux iġġustifikata teżisti peress li, matul kważi sentejn, ir-rikorrenti rrifjutaw li jipprovdu lil EB l-istess servizzi li huma pprovdew b’mod rapidu lil klijenti simili oħra f’sitwazzjonijiet ekwivalenti;

–        f’li japplikaw lil EB prezzijiet diskriminatorji għas-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji, billi jiffatturawh, għal servizzi ekwivalenti, prezzijiet ogħla minn dawk applikati lil klijenti simili oħra (id-DĊT u d-DĊIT, li jwettqu kuljum operazzjonijiet transkonfinali), u dan mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva.

23      Il-Kummissjoni tikkonstata li r-rifjut li jipprovdu lil EB aċċess dirett għas-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji għall-azzjonijiet irreġistrati jagħmel ħsara lill-innovazzjoni u l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi transkonfinali ta’ clearing u ta’ konklużjoni sekondarji u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-konsumaturi fis-suq wieħed (premessi 228 sa 237 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Dejjem skont id-deċiżjoni kkontestata (premessi 338 u 339), il-Ġermanja hija parti sostanzjali mill-Komunità. Barra minn hekk, il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa affettwat minħabba n-natura transkonfinali tal-provvista minn CBF lil EB ta’ servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji għat-titoli miżmuna f’depożitu kollettiv fil-Ġermanja. Il-volum sinjifikattiv tal-operazzjonijiet ta’ EB fuq it-titoli Ġermaniżi juri li l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa sostanzjali.

25      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jinqara kif ġej:

“Artikolu 1

[CBF] u [CI] kisru l-Artikolu 82 [KE] b’dan il-mod:

a)       billi rrifjutaw li jipprovdu servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji għall-azzjonijiet irreġistrati lil [EB] u l-predeċessur tiegħu, mit-3 ta’ Diċembru 1999 sad-19 ta’ Novembru 2001, u dan b’mod mhux iġġustifikat u matul tul taż-żmien mhux raġonevoli, u billi wettqu diskriminazzjoni fir-rigward ta’ [EB] u l-predeċessur tiegħu, matul l-istess perijodu, għal dak li jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji għall-azzjonijiet irreġistrati;

b)       billi applikaw prezzijiet diskriminatorji lil [EB] u l-predeċessur tiegħu għas-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji li huma pprovdewlu, mill-1 ta’ Jannar 1997 sal-1 ta’ Lulju 1999 fil-każ ta [CBF], u mill-1 ta’ Lulju 1999 sal-1 ta’ jannar 2002 għal [CI] u [CBF].

Artikolu 2

[CBF] u [CI] għandhom jastjenu fil-futur milli jwettqu kull azzjoni jew aġir li jmur kontra l-Artikolu 82 [KE] hekk kif deskritti fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni.

Artikolu 3

1. [CBF]

2. [CI]

huma d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

27      Fis-26 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti ppreżentaw ittra li kien fiha mehmuża magħha l-ktejjeb Internalisation of Settlement. Fl-10 ta’ Novembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tqiegħed din l-ittra fil-proċess. Fid-29 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fl-14 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tqiegħed dawn l-osservazzjonijiet fil-proċess.

28      Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, li għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

30      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2008.

31      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonstata l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti u sa fejn din tissuġġetthom għal obbligu ta’ astensjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

33      Ir-rikorrenti jibbażaw ir-rikors tagħhom fuq erba’ motivi. L-ewwel nett, huma jikkontestaw id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni kif ukoll l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. It-tieni nett, huma jikkontestaw il-karattru abbużiv tal-aġir tagħhom, għal dak li jikkonċerna kemm ir-rifjut li jipprovdu servizzi kif ukoll il-prezzijiet applikati lil EB. It-tielet nett, huma jsostnu li l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ CBF ma jistax jiġi attribwit lil CI. Ir-raba’ nett, huma jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata minħabba n-natura mhux preċiża tagħha.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq ta’ servizzi inkwistjoni u fuq nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

34      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jaqblu fuq il-fatt li t-territorju tal-Ġermanja jikkostitwixxi s-suq ġeografiku inkwistjoni.

35      Madankollu, skont ir-rikorrenti, id-delimitazzjoni tas-suq inkwistjoni tirriżulta mill-fatt li t-titoli ddepożitati – u mhux it-titoli maħruġa, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata – skont id-dritt Ġermaniż huma depożitati fil-Ġermanja.

36      Għal dak li jikkonċerna s-suq ta’ servizzi inkwistjoni, ir-rikorrenti jikkontestaw id-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn servizzi primarji u servizzi sekondarji ta’ proċess ta’ back-office tat-titoli. Id-delimitazzjoni tas-suq għandha ssir biss abbażi tas-servizz li huwa offrut fuq is-suq, jiġifieri t-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq it-titoli mibjugħa. Dan il-proċess ta’ back-office jsir darba biss u unikament għall-partijiet fit-tranżazzjoni. Anki fil-każ fejn dan il-proċess isir minn CBF, din mhux ser tipprovdi servizzi “primarji” iżda biss servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni eżistenti. Il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li, f’dan il-każ, id-depożitarji intermedjarji għandhom qabel kolox jiksbu servizz ta’ CBF sabiex jerġgħu jiġu pprovduti lilhom. Fil-verità, huma jittrażmettu biss lil CBF l-istruzzjonijiet u r-remunerazzjoni tal-partijiet għat-tranżazzjoni u jdaħħlu fil-kontijiet tagħhom il-proċess magħmul minnha.

37      Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata b’mod żbaljat fuq l-opinjoni tad-depożitarji sabiex jiġi delimitat is-suq inkwistjoni. Fil-verità, dawk li jitolbu s-servizzi inkwistjoni huma l-bejjiegħa u x-xerrejja ta’ titoli li, peress li ma jżommux direttament dawn it-titoli, jsiru dawk li jitolbu is-servizz ta’ trasferiment ta’ proprjetà. Id-depożitarji intermedjarji huma dawk li jitolbu s-servizzi ta’ proċess ta’ back-office biss jekk huma stess kienu partijiet għal tranżazzjoni fuq it-titoli, iżda f’dan il-każ huma ma joperawx bħala depożitarji intermedjarji. Barra minn hekk, l-adozzjoni tal-perspettiva tad-depożitarji intermedjarji tikkontradixxi ċerti deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni.

38      Ir-rikorrenti jikkontestaw it-teżi ta’ suq li jikkonsisti f’linja vertikali ta’ ħolqien ta’ valur miżjud li fil-kuntest tagħha l-proċess tat-tranżazzjoni għand CBF u għand il-fornituri ta’ servizzi sekondarji ssir f’żewġ livelli differenti. Barra minn hekk, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni kkontradixxiet ruħha fuq dan il-punt. Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq suq wieħed ta’ servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni għat-titoli trasferibbli Ġermaniżi, f’livell wieħed, li fuqu CBF tikkompeti ma’ EB u ma’ impriżi oħra għall-istess klijenti finali.

39      Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, l-offerenti ta’ servizzi ta’ clearing jew konklużjoni huma kollha depożitorji, diretti (depożitorju finali) jew indiretti (depożitarji intermedjarji) tat-titoli kkonċernati, li jistgħu jwettqu t-trasferiment ta’ proprjetà. Peress li n-natura u l-kontenut tas-servizzi tagħhom huma identiċi, huwa l-istess għal dawk li jitolbu s-servizz jekk immorrux għand depożitorju finali jew depożitorji intermedjarji. Huma jmorru iktar spiss għand depożitarji intermedjarji milli għand depożitorju finali. Konsegwentement, CBF ma hijiex l-unika impriża offerenti fuq is-suq tas-servizzi inkwistjoni, iżda hija f’kompetizzjoni mad-depożitarji intermedjarji kollha ta’ dawn it-titoli, dak li l-Kummissjoni, tal-inqas bħala prinċipju, ammettiet ukoll.

40      F’dan il-kuntest, CBF u d-depożitarji intermedjarji differenti qegħdin f’kompetizzjoni, iżda dawn tal-aħħar huma wkoll klijenti ta’ CBF. L-aċċess tad-depożitarji intermedjarji għad-depożitarju finali, li jeħtieġ il-ftuħ ta’ kont u l-implementazzjoni ta’ linji ta’ komunikazzjoni, huwa l-bażi ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni kemm vertikali kif ukoll orizzontali bejn il-klijenti. Il-possibbiltà li ċerti relazzjonijiet bejn impriżi għandhom bħala effett li joħloqu sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni bejnithom diġà ġiet irrikonoxxuta minn deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni.

41      Ir-rikorrenti jsostnu li fil-Ġermanja, skont id-Depotgesetz, id-depożitu kollettiv biss ta’ dokumenti kollettivi – u mhux, kif issostni l-Kummissjoni, id-depożitu kollettiv ġenerali – għandu jitwettaq f’bank ta’ depożitu ta’ titoli trasferibbli, jiġifieri għand CBF. Barra minn hekk, il-funzjoni tad-DĊT fil-kuntest ta’ tali depożitu kollettiv ta’ dokumenti kollettivi hija funzjoni ta’ kontroll u tikkonċerna biss ir-rabta bejn il-partijiet tal-proprjetà kollettiva u l-proprjetarji tagħhom fil-kuntest tad-depożitu. Fil-fatt, anki għal dawn it-tipi ta’ titoli, u meta d-depożitarju intermedjarju jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, is-servizzi ta’ clearing u konklużjoni huma pprovduti biss mid-depożitarju intermedjarju, mingħajr ebda intervent minn CBF, li tibqa tkun il-possessur dirett tat-titoli. Il-monopolju ta’ depożitu ta’ CBF għat-titoli kollettivi ma jinvolvu ebda monopolju tat-trattament ta’ back office tat-tranżazzjonijiet fuq titoli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti qatt ma allegaw, hekk kif tiżgura l-Kummissjoni, li d-depożitarji intermedjarji kienu jiddependu mill-“għajnuna” tad-depożitarju finali għat-trasferiment tal-proprjetà tal-kontribuzzjonijiet tat-titoli kollettivi.

42      Il-Kummissjoni injorat il-possibbiltà tat-trattamenti interni, li matulhom il-konklużjoni jsir għand depożitarju intermedjarju, jekk neċessarju abbażi tal-ftuħ ta’ kontijiet ġodda għandu. Minħabba ż-żieda ta’ dan it-tip ta’ trattament, in-numru ta’ klijenti ta’ CBF minn diversi snin naqas. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jipproduċu l-ktejjeb Internalisation of Settlement li jesponi l-proċess u l-importanza ta’ dan it-tip ta’ trattament. Huma jżiedu li l-leġiżlazzjoni fuq il-borża ta’ Frankfurt am Main, iċċitata mill-Kummissjoni bħala li tipproteġi lil CBF minn din it-tip ta’ kompetizzjoni, ġiet emendata u li din, f’kull każ, ma hijiex applikabbli għat-tranżazzjonijiet fuq it-titoli nnegozjati privatament inkwistjoni f'din il-kawża.

43      Ir-rikorrenti jsostnu li, peress li ma jeżistix suq awtonomu tas-servizzi primarji ta’ proċess ta’ back-office, id-distinzjoni addizzjonali, magħmula mill-Kummissjoni, bejn, minn naħa, il-klijenti li aderixxew mal-kundizzjonijiet ġenerali, ukoll depożitarji intermedjarji, u, min-naħa l-oħra, id-DĊT u d-DĊIT, li jeħtieġu aċċess dirett għal CBF, hija irrilevanti. Barra minn hekk, tali distinzjoni ma tistax tiġi bbażata fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Mejju 1979, Hugin Kassaregister u Hugin Cash Registers vs Il-Kummissjoni (22/78, Ġabra p. 1869).

44      F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li CBF ma tipprovdiex is-servizzi ta’ proċess ta’ back-office għat-tliet kategoriji ta’ klijenti msemmija hawn fuq. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li, bħala depożitarji intermedjarji, dawn it-tliet kategoriji ta’ klijenti jiksbu minn CBF essenzjalment l-istess servizzi, iżda jikkompetulha wkoll fil-qasam ta’ clearing u ta’ konklużjoni. Dan ikkonfermatu l-Kummissjoni stess fil-komunikazzjoni tagħha COM (2004) 312 finali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, tat-28 ta’ April 2004 – Clearing u konklużjoni fl-Unjoni Ewropea – Pjan għall-futur. Min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-provvediment ta’ dawn is-servizzi, u konsegwentement, il-prezzijiet tagħhom, jista’ jvarja, u dan skont l-eżiġenzi differenti tal-klijenti. Dan jispjega għalfejn aċċess dirett għal CBF huwa iktar importanti għal ċerti klijenti milli għal oħrajn, iżda ma jippermettix li dawn il-klijenti jiġu kkunsidrati li jaqgħu fi swieq differenti.

45      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma għamlet ebda konstatazzjoni fir-rigward għar-rapporti ta’ kompetizzjoni li jeżistu fil-verità bejn id-depożitorji finali u intermedjarji fil-qasam ta’ servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni, skont is-suġġerimenti tar-rikorrenti, ta’ EB u ta’ terzi.

46      Il-Kummissjoni titlob li dan ir-raġunament jinċaħad.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

47      Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li d-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti, sa fejn din timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni, tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ limitat min-naħa tal-Qorti Komunitarja. Madankollu, din tal-aħħar ma tistax tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. F’dan ir-rigward, hija għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni bbażatx l-evalwazzjoni tagħha fuq elementi ta’ prova li huma preċiżi, affidabbli u koerenti, li jikkostitwixxu l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u li huma kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa minnhom (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 482, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-eżami tal-pożizzjoni, possibbilment dominanti, ta’ impriża f’settur ta’ suq iddeterminat, il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta’ suq li jiġbor il-prodotti jew servizzi kollha li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, huma partikolarment adattati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet kostanti u huma biss sa ċertu punt interkambjabbli bi prodotti oħra u servizzi oħra. Barra minn hekk, peress li d-determinazzjoni tas-suq inkwistjoni ssir sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża kkonċernata għandhiex il-possibbiltà li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva, u li jkollha mġiba, b’mod kunsiderevoli, indipendenti minn dik tal-kompetituri tagħha u tal-klijenti tagħha, għal dawn il-finijiet, ma tistax tiġi limitata għall-eżami tal-karatteristiċi oġġettivi tas-servizzi inkwistjoni biss, iżda għandhom ukoll jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u tal-istruttura tad-domanda u tal-provvista fis-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 37; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, T-65/96, Ġabra p. II-1885, punt 62, u tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni, T-219/99, Ġabra p. II-5917, punt 91).

49      Il-kunċett ta’ suq ikkonċernat jimplika, fil-fatt, li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti minnu, li jippresupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti jew is-servizzi kollha li jiffurmaw parti mill-istess suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 28).

50      Sabiex tasal għad-definizzjoni kkontestata tas-suq f’din il-kawża, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ sostituzzjoni tas-servizzi mill-aspett tad-domanda, minn naħa, u mill-provvista, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (ĠU 1997, C 372, p. 5, punt 7), li “suq rilevanti ta’ prodotti inkwistjoni jinkludi dawk il-prodotti kollha u/jew servizzi li l-konsumatur iqis bħala interkambjabbli jew sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezzijiet tagħhom u l-użu intiż tagħhom”. Barra minn hekk, hekk kif inhu indikat fil-paragrafu 20 tal-istess kommunikazzjoni, is-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni fl-operazzjonijiet li fihom din is-sostitwibbiltà għandha effetti ekwivalenti għal dawk tas-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda f’termini ta’ immedjatezza u ta’ effiċjenza. Dan jeżiġi li l-fornituri jkunu jistgħu jmexxu l-produzzjoni tagħhom lejn il-prodotti inkwistjoni u jikkummerċjalizzawhom fi żmien qasir, mingħajr ma jsofru spejjeż jew riskji addizzjonali sostanzjali minħabba varjazzjonijiet żgħar, iżda fit-tul, fil-prezzijiet relattivi.

51      Il-Kummissjoni tibda l-analiżi tagħha bil-kwistjoni, li hija tikkunsidra determinanti, tal-eventwali sostitwibbiltà tas-servizzi min-naħa ta’ dawk li jitolbuhom, jiġifieri d-depożitarji intermedjarji bħad-DĊT u d-DĊIT. Il-Kummissjoni pproċediet għal diversi testijiet ta’ sostitwibbiltà billi analizzat is-sitwazzjonijiet differenti possibbli fuq is-suq inkwistjoni. F’dan il-kuntest, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-perspettiva tal-operaturi differenti tas-suq kif ukoll dik tar-rikorrenti.

52      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li dawk li jitolbu s-servizzi ta’ proċess ta’ back-office huma l-bejjiegħa u x-xerrejja ta’ titoli.

53      Dan ir-raġunament ma huwiex konvinċenti. Mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 122) jirriżulta li, skont ir-rikorrenti stess, CBF għandha tliet kategoriji ta’ klijenti għas-servizzi ta’ konklużjoni, jiġifieri l-klijenti li jaderixxu għall-kundizzjonijiet ġenerali (iktar ’il quddiem il-“klijenti kundizzjonijiet ġenerali”, prinċipalment il-banek), id-DĊT mhux Ġermaniżi u d-DĊIT. Ir-rikorrenti jaffermaw, barra minn hekk, fir-rikors, li CBF għandha bħala klijenti stabbilimenti ta’ kreditu u intermedjarji finanzjarji oħra biss. Isegwi, kif tfakkar il-Kummissjoni, li ma hemm l-ebda relazzjoni kuntrattwali u għaldaqstant ebda obbligu bejn il-partijiet għat-tranżazzjoni u CBF. Fil-fatt, ir-rabta kuntrattwali teżisti biss bejn CBF u d-depożitarju intermedjarju u bejn dan tal-aħħar u l-klijent tiegħu, parti għat-tranżazzjoni. Is-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni pprovduti minn CBF lid-depożitarji intermedjarji huma pprovduti għal remunerazzjoni distinta u jippermettu lil dawn tal-aħħar li josservaw l-obbligu proprji tagħhom fir-rigward tal-klijenti tagħhom.

54      It-teżi tal-eżistenza ta’ suq ġenerali ta’ servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni sostnuta mir-rikorrenti, li fil-kuntest tagħha dawk li jitolbu s-servizz huma l-partijiet għat-tranżazzjoni (inklużi d-depożitarji intermedjarji meta jaġixxu għal kont tagħhom stess), għandha tinċaħad. Minn naħa, kif ġie mfakkar fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet għat-tranżazzjoni huma dawk li jitolbu servizzi minn għand l-intermedjarji li jżommu t-titoli trasferibbli f’isimhom u għal kont tal-klijenti tagħhom għand id-depożitarju finali. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-biċċa l-kbira tat-titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż u barra mill-possibbiltajiet ta’ trattamenti internalizzati, l-intermedjarji ma jistgħux jipprovdu servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni kompluti, peress li huma ma humiex d-depożitarji finali ta’ dawn it-titoli. Min-naħa l-oħra, CBF ma tistax tipprovdi s-servizzi tagħha lil dawn l-istess partijiet peress li dawn ma għandhomx kont ta’ titoli għandha. Meta jaġixxu għall-kont tal-partijiet għat-tranżazzjoni, id-depożitarji intermedjarji jeżerċitaw attività ta’ provvediment ta’ servizzi awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Airways vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 93).

55      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-adozzjoni tal-perspettiva tad-depożitarji intermedjarji tikkontradixxi ċerti deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, din hija irrilevanti. Fil-fatt, din il-kawża għandha ċirkustanzi fattwali differenti mill-kawżi invokati mir-rikorrenti. F’kull każ, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha tipproċedi għal analiżi individwalizzata taċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull każ, mingħajr ma tkun marbuta minn deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernaw operaturi ekonomiċi oħra, ta’ swieq oħra ta’ prodotti u ta’ servizzi jew swieq ġeografiċi oħra fi żmienijiet differenti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Cableuropa et vs Il-Kummissjoni, T-346/02 u T-347/02, Ġabra p. II-4251, punt 191). B’hekk, ir-rikorrenti ma għandhomx id-dritt li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni minħabba li dawn ikunu differenti minn dawk li jkunu saru preċedentement f'każ ieħor, anki jekk is-swieq inkwistjoni fiż-żewġ każijiet ikunu simili, jew ikunu identiċi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T-210/01, Ġabra p. II‑5575, punt 118; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, T‑282/06, Ġabra p. II‑2149, punt 88).

56      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-provvista minn CBF ta’ servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji lill-klijenti kundizzjonijiet ġenerali, ukoll depożitarji intermedjarji, tikkostitwixxi suq separat tal-provvista ta’ dawn is-servizzi lid-DĊT u d-DĊIT (premessi 149 et seq tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, għandu jiġi kkonstatat li hija fuq il-bażi ta’ informazzjoni kkommunikata mir-rikorrenti dwar in-natura tas-servizzi pprovduti, il-prezzijiet tagħhom, il-ftehim ta’ bażi u d-domanda effettiva tal-kategoriji ta’ klijenti li l-Kummissjoni setgħet tasal b’mod validu għal din il-konklużjoni. Il-Kummissjoni b’hekk ikkonstatat li, jekk is-servizzi pprovduti għal din il-kategorija ta’ klijenti jippreżentaw soluzzjoni ta’ sostituzzjoni valida għad-DĊT u d-DĊIT, dawn jużaw ġeneralment dawn is-servizzi, minħabba l-prezz sew inqas iffatturat lill-klijenti kundizzjonijiet ġenerali. Barra minn hekk, għad-differenza tad-DĊIT u d-DĊT mhux Ġermaniżi, diversi klijenti kundizzjonijiet ġenerali huma banek li jinsabu fil-Ġermanja li jittrattaw operazzjonijiet nazzjonali. Ir-rikorrenti ma jipprovdu l-ebda element li jista’ jinvalida l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq din il-kwistjoni. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet effettivament għas-sentenza Hugin Kassaregister u Hugin Cash Registers vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, dan ma sarx fil-kuntest tad-distinzjoni bejn il-klijenti kundizzjonijiet ġenerali u d-DĊT u DĊIT. Dan l-aħħar argument tar-rikorrenti huwa għaldaqstant irrilevanti.

57      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li d-depożitarji intermedjarji bħad-DĊT u d-DĊIT kienu dawk li jitolbu servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni offerti minnn CBF.

58      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkritikaw l-analiżi tal-Kummissjoni li ma teżistix sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista, peress li ebda kumpannija oħra ħlief CBF ma tista’, fil-futur ġejjieni, tipprovdi servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji tat-tip meħtieġa minn intermedjarji bħad-DĊT u d-DĊIT, għal operazzjonijiet fuq titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż u miżmuma minnha (premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata). Huma jsostnu li s-suq huwa kkostitwit, min-naħa tal-provvista, mid-depożitarji kollha, dirett (depożitarju finali) jew indiretti (depożitarji intermedjarji), tat-titoli kkonċernati, li jistgħu jwettqu t-trasferiment ta’ proprjetà, u li magħhom CBF tinsab, konsegwentement, f’kompetizzjoni.

59      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li ma huwiex id-depożitu kollettiv b’mod ġenerali li għandu jitwettaq ġo bank ta’ depożitu ta’ titoli trasferibbli, iżda biss id-depożitu kollettiv ta’ dokumenti kollettivi li fihom jinsabu diversi drittijiet li jimmaterjalizzawx iżda li jeżistu biss bħala partijiet virtwali tal-komplet. F’dan il-kuntest, il-monopolju ta’ depożitu ta’ CBF ma jinvolvi ebda monopolju tal-proċess ta’ back-office fuq it-titoli.

60      Dan l-argument għandu jinċaħad. Minn naħa, id-distinzjoni bejn dokumenti kollettivi u titoli individwali ma taffettwax il-fatt li CBF hija, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha stess, id-depożitarju ta’ 90 % tat-titoli Ġermaniżi eżistenti kollha (premessa 170 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, fir-rikors, ir-rikorrenti jikkonfermaw li dawk li joħorġu t-titoli jagħtu t-titoli tagħhom, fil-biċċa l-kbira, taħt forma ta’ dokumenti kollettivi. Min-naħa l-oħra, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk dan tal-aħħar jikkonċerna biss is-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni, dawn ma jistgħux jiġu kompletament separati miż-żamma, peress li l-clearing u l-konklużjoni huma possibbli biss għat-titoli li qed jinżammu f’depożitu. Għandu jiġi mfakkar, barra minn hekk, li r-rikorrenti kienu huma stess ikkonfermaw ir-rabta bejn il-monopolju fil-qasam tad-depożitu ta’ CBF u konklużjoni rapidu u affidabbli. B’hekk, ir-rikorrenti affermaw li “[m]eta depożitarji intermedjarji – pereżempju intermedjarji finanzjarji, iżda wkoll DĊIT, banek depożitarji, eċċ. – [ma kinux] kapaċi jwettqu l-clearing u l-konklużjoni, [kien] effettivament id-depożitarju finali [id-DĊT] li kellu jagħmel dan” u li “[i]t-titoli funġibbli Ġermaniżi – li kienu jirrappreżentaw iktar minn 90 % tat-titoli Ġermaniżi eżistenti – [kienu] depożitati għand CBF, li ppermetta konklużjoni rapidu u ċert permezz ta’ dħul fil-kontijiet” (premessa 165 u 170 tad-deċiżjoni kkontestata).

61      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li s-suq għandu jiġi ddefinit abbażi tal-fatt li t-titoli trasferibbli depożitati, u mhux dawk maħruġa, skont id-dritt Ġermaniż huma ddepożitati fil-Ġermanja, imur kontra d-dikjarazzjonijiet tagħhom waqt il-proċedura amministrattiva. Jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 23 u 197 tad-deċiżjoni kkontestata li, skont ir-risposta tagħhom tat-30 ta’ Mejju 2003 għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, it-titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż huma, fil-prattika, iddepożitati fil-Ġermanja, li ma huwiex il-każ tat-titoli trasferibbli mhux Ġermaniżi, u li, “fil-prattika, id-depożitu kollettiv huwa l-forma ta’ depożitu l-iktar użata fil-Ġermanja”. Konsegwentement, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li s-suq inkwistjoni jirrigwarda t-titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż.

62      Fid-dawl tal-preċedenti, il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkunsidra li, lanqas min-naħa tal-provvista, ma kien hemm sostitwibbiltà għas-servizzi inkwistjoni. Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tal-każijet ta’ trattamenti internalizzati, is-servizz ta’ clearing u ta’ konklużjoni komplet jeħtieġ r-reġistrazzjoni tat-tranżazzjoni għand id-depożitarju finali tat-titoli, f’dan il-każ CBF, li ebda kumpannija oħra fil-Ġermanja ma tista’ tikkompeti magħha għal dan l-istadju speċifiku tal-għoti ta’ servizz.

63      Ċertament, hekk kif tikkonstata l-Kumissjoni fil-premessa 312 tad-deċiżjoni kkontestata, CBF, meta tassumi l-funzjoni ta’ intermedjarja, tista’ ssib ruħha f’kompetizzjoni ma’ depożitarji intermedjarji oħra fil-każ ta’ operazzjoni transkonfinali li tikkonċerna t-titoli trasferibbli maħruġa skont leġiżlazzjoni li ma hijiex dik Ġermaniża. Barra minn hekk, dan huwa konformi mas-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali eżistenti fis-suq tal-għoti ta’ servizzi ta’ konklużjoni transkonfinali, hekk kif ippreżentata fil-Komunikazzjoni COM (2004) 312 Finali (p. 5 u 6). Madankollu, is-suq ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata huwa dak tat-titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż, li fil-biċċa l-kbira huma ddepożitati kollettivament għand CBF bħala bank ta’ depożitu ta’ titoli trasferibbli. B’hekk, fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-30 ta’ Mejju 2003, riprodotta fil-premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ddikjaraw:

“Il-[bank ta’ depożitu ta’ titoli trasferibbli] biss jista’ jagħmel dan it-trasferiment ta’ proprjetà. Għaldaqstant, il-possess biss għal terzi ma huwiex suffiċjenti; il-parteċipazzjoni ta’ [bank ta’ depożitu ta’ titoli trasferibbli] bħala depożitarju finali għall-clearing u għall-konklużjoni minn depożitarji intermedjarji għall-istrumenti miżmuma kollettivament tmur lil’hinn minn dan.”

64      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm l-eżistenza ta’ rapport ta’ kompetizzjoni bejn iż-żewġ servizzi ma tippresupponix interkambjabbiltà perfetta għal użu speċifiku, il-konstatazzjoni ta’ pożizzjoni dominati għal servizz ma teħtieġx in-nuqqas totali ta’ kompetizzjoni ta’ servizzi oħra parzjalment interkambjabbli, sakemm din il-kompetizzjoni ma tqiegħedx inkwistjoni s-setgħa tal-impriża li tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kundizzjonijiet li fihom din il-kompetizzjoni tiżviluppa u, f’kull każ, li ġġib ruħha fil-biċċa l-kbira mingħajr ma jkollha għalfejn teħodha inkunsiderazzjoni u mingħajr ma ssostni preġudizzju minħabba l-imġiba tagħha (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 48).

65      F’dan il-każ, is-servizzi pprovduti minn CBF jirriżultaw minn domanda u provvista speċifiċi. Fil-fatt, ikun impossibbli għad-depożitarji intermedjarji li jipprovdu s-servizzi tagħhom jekk huma ma jiddisponux mis-servizzi ta’ CBF. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li suq sekondarju, b’karatteristiċi speċifiċi mill-aspett tad-domanda u tal-provvista u li joffri prodotti li jokkupaw post essenzjali u mhux interkambjabbli fis-suq iktar ġenerali, li minnu jagħmel parti, għandu jiġi kkunsidrat bħala suq ta’ prodotti distinti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra p. II‑1689, punti 55 u 56).

66      F’dan il-kuntest, huwa biżżejjed li suq potenzjali jew anki wieħed ipotetiku jista’ jiġi identifikat, u dan huwa l-każ fejn il-prodotti jew is-servizzi huma indispensabbli sabiex tiġi eżerċitata attività partikolari u meta teżisti, għalihom, domanda effettiva min-naħa tal-impriżi li għandhom il-ħsieb li jeżerċitaw tali attività. Għaldaqstant huwa determinanti l-fatt li jkunu jistgħu jiġu identifikati żewġ stadji ta’ produzzjoni differenti, li jkunu marbuta minħabba li l-prodott fl-ewwel stadju jkun indispensabbli għall-provvista tal-prodott fit-tieni stadju. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, IMS Health, C‑418/01, Ġabra p. I‑5039, punti 43 sa 45, u s-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 335).

67      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovawx li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li la hemm sostitwibbiltà mill-aspett tad-domanda u lanqas mill-aspett tal-provvista (premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata) kienet manifestament żbaljata.

68      Peress li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest fl-identifikazzjoni ta’ dawk li jitolbu u dawk li jipprovdu s-servizzi, id-distinzjoni magħmula bejn is-servizzi primarji u s-servizzi sekondarji ta’ clearing u ta’ konklużjoni hija ġġustifikata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jipprovdu l-ebda prova li tista’ tinvalida l-evalwazzjoni magħmula f’dan il-każ mill-Kummissjoni, ibbażata fuq informazzjoni miġbura direttament minn għand operaturi tas-suq kif ukoll minn għand ir-rikorrenti.

69      F’dan ir-rigward, għandu jinċaħad l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq it-trattamenti internalizzati. Trattament internalizzat huwa servizz li huwa pprovdut mid-depożitarji intermedjarji. Jekk jitqies suq maqsum f’servizzi primarji u sekondarji ta’ clearing u ta’ konklużjoni, dan it-tip ta’ trattament jagħmel parti mis-servizzi sekondarji u, bħala tali, ma jagħmilx parti mis-suq inkwistjoni u ma huwiex is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Mill-premessi 35 sa 166 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-parteċipanti tas-suq jikkunsidraw it-trattamenti internalizzati bħala każijiet eċċezzjonali dovuti għal ċirkustanzi li ma jiġrux lill-intermedjarji u li ma jirriżultawx bħala possibbiltà għal investitur li jagħżel bejn żewġ kategoriji ta’ servizzi. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet, ġustament, li dawn is-servizzi internalizzati ma jikkostitwixxux ġeneralment soluzzjoni ta’ sostituzzjoni valida għas-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji (premessi 164 sa 168 tad-deċiżjoni kkontestata).

70      Fir-rigward tal-ktejjeb Internalisation of Settlement prodott mir-rikorrenti, dan ma jġib ebda element ta’ prova insostenn tat-teżi tagħhom. Għall-kuntrarju, dan jikkonferma l-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata rigward il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti għat-trattamenti internalizzati u fih jinsab anness li jiġbor flimkien mill-ġdid l-informazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet eventwali għal dan it-tip ta’ trattament fil-pajjiżi differenti u li jindika li fil-Ġermanja il-Börsenordnung (Leġiżlazzjoni fuq il-Borża ta’ Frankfurt-am-Main) timponi li s-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni jiġu pprovduti minn DĊT u li t-trattament internalizzat huwa eċċezzjoni. F’kull każ, hekk kif tfakkar il-Kummissjoni, dan il-ktejjeb ma jikkonċernax speċifikament is-sitwazzjoni fil-Ġermanja u jirrigwarda perijodu sussegwenti għal dak inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

71      Barra minn hekk, għandu jinċaħad l-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 16 (2) tal-Börsenordnung, iċċitat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 27), ġie emendat u li, f’kull każ, ma huwiex iktar applikabbli għat-tranżazzjonijiet fuq titoli kkumerċjalizzati privatament inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, huwa kostanti bejn il-partijiet li din l-emenda seħħet wara l-perijodu inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, dan ir-riferiment iservi biss fid-deċiżjoni kkontestata bħala eżempju ta’ regoli tal-borża li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ CBF f’dak li jikkonċerna l-operazzjonijiet ta’ borża inġenerali.

72      It-tielet nett, għandu jinċaħad bħala infondat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma għamlet ebda konstatazzjoni dwar ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti fil-verità bejn id-depożitarji finali u intermedjarji fil-qasam tas-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni. Fil-fatt, dawn ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġew eżaminati mill-Kummissjoni matul l-analiżi ekonomika tagħha kollha u b’mod partikolari, fid-dawl taċ-ċirkustanzi preċedenti, fil-parti li tikkonċerna l-kwistjoni tas-sostitwibbiltà mill-aspett tal-provvista u tad-domanda. Barra minn hekk, kif tindika hija stess, il-Kummissjoni, fil-premessi 176 sa 189 tad-deċiżjoni kkontestata, ħadet inkunsiderazzjoni l-argument ta’ EB u r-rapport qasir tal-Bundesbank matul is-seduta.

73      Abbażi tal-elementi preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovawx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkonstatat li s-suq inkwistjoni kien dak tal-provvista, minn CBF, lill-intermedjarji bħad-DĊT u d-DĊIT, tas-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji għat-titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż, li fuqhom CBF għandha monopolju u hija, għaldaqstant, soċja kummerċjali b’saħħitha.

74      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jinċaħad.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti

75      Dan il-motiv huwa fformulat f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li huma ma rrifjutawx b’mod abbużiv lil EB l-ftuħ tal-aċċess għal Cascade RS u li EB ma sostna ebda diskriminazzjoni abbużiva. It-tieni nett, huma jsostnu li l-prezzijiet applikati lil EB ma kinux diskriminatorji.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ rifjut abbużiv għal aċċess u ta’ diskriminazzjoni abbużiva min-naħa tar-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

76      Ir-rikorrenti jikkontestaw li rrifjutaw b’mod abbużiv lil EB l-aċċess għal Cascade RS. Huma jsostnu li l-preparazzjoni u n-negozjati tal-ftuħ tal-aċċess kienu partikolarment diffiċli minħabba raġunijiet dipendenti fuq EB. Għall-ewwel, bejn Awwissu 1999 u Jannar 2000, seħħu biss diskussjonijiet preliminari u EB talbet l-aċċess fit-28 ta’ Jannar 2000 biss. Insegwitu, bejn Frar u Novembru 2000, il-ftuħ tal-aċċess fid-data prevista tħassar minħabba n-nuqqas ta’ preparazzjoni ta’ EB. Fl-aħħar nett, bejn Diċembru 2000 u Novembru 2001, in-negozjati relatati mal-ftuħ ta’ dan l-aċċess kienu diffiċli minħabba l-organizzazzjoni mill-ġdid tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn ir-rikorrenti u EB.

77      Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq fehma żbaljata tas-sistema ta’ trattament ta’ azzjonijiet irreġistrati minn CBF. B’hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għall-waħda miż-żewġ funzjonijiet ta’ konklużjoni ta’ Cascade RS. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nsiet li kien hemm aċċessi separati għal Cascade u għal Cascade RS li kienu jeħtieġu informazzjoni differenti; dik relatata mal-konklużjoni kellha tiġi trażmessa lil Cascade u dik relatata mal-azzjonist lil Cascade RS. Ir-rikorrenti jżiedu li, fiż-żewġ każijiet, din it-trażmissjoni tista’ ssir b’mod manwali jew b’mod awtomatizzat u li huwa d-depożitorju intermedjarju kkonċernat li għandu jagħżel il-modi ta’ aċċess li għandhom jiġu stabbiliti.

78      Mill-posta elettronika tat-3 ta’ Awwissu u tad-29 ta’ Ottubru 1999 u tal-31 ta’ Jannar 2000, iċċitata mill-Kummissjoni, jirriżulta li EB riedet tittrażmetti l-informazzjoni relatata mal-konklużjoni għall-azzjonijiet irreġistrati, permezz tal-intermedjarju tal-aċċess għal Cascade (Azzjonijiet irreġistrati), b’mod kompletament awtomatizzat, u l-informazzjoni relatata mal-azzjonist, permezz tal-intermedjarju tal-aċċess għal Cascade RS, b’mod manwali, u dan ukoll jekk aċċess manwali għal Cascade kien ukoll ġie propost u seta’ jinfetaħ immedjatament. Il-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni la bejn iż-żewġ tipi ta’ aċċess u lanqas bejn l-aċċess manwali għal Cascade RS u l-funzjoni addizzjonali tiegħu “Power of Attorney”, li ma tippresupponi ebda trażmissjoni ta’ informazzjoni relatata mal-azzjonarju mill-utenti, peress li din tkun reġistrazzjoni awtomatizzata minn Cascade RS stess.

79      Ir-rikorrenti jsostnu li huma kienu diġà invokaw dawn l-argumenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari fin-noti tal-1 ta’ Diċembru 2003, li estratti minnhom ġew riprodotti fl-anness tar-replika, u tat-30 ta’ Mejju 2003. Il-posta elettronika msemmija tikkorrobora wkoll l-argument tar-rikorrenti li kien possibli għal EB, sa minn Marzu 2002, li jikseb aċċess awtomatizzat għal Cascade RS. Huma jispeċifikaw, barra minn hekk, li l-funzjoni “Power of Attorney” u r-reġistrazzjoni awtomatizzata ma humiex sinonimi għall-aċċess għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni tal-azzjonarji.

80      L-istabbiliment tal-formulazzjoni taż-żewġ aċċessi mitluba minn EB hija waħda mir-raġunijiet tal-kumplessità teknika tal-preparazzjoni tal-ftuħ għal EB ta aċċess għas-sistema ta’ trattament ta’ CBF. Fil-fatt, aċċess kompletament awtomatizzat jitlob modifiki sinjifikattivi fis-sistemi informatiċi, preparazzjonijiet dettaljati u diversi serje ta’ testijiet. Għal din ir-raġuni u sabiex d-depożitarji intermedjarji jkunu jistgħu jipproċedu għall-pjanifikazzjoni u għall-preparazzjoni, CBF tipproċedi għall-istabbiliment u għall-modifikazzjonijiet tal-aċċessi awtomatizzati biss f’dati tal-ftuħ preċiżi darbtejn fis-sena. EB ippreveda d-dati ta’ ftuħ f’April jew f’Settembru 2000.

81      Mill-posta elettronika skambjata bejn EB u CBF jirriżulta li kien minħabba nuqqas ta’ preparazzjoni minn EB li l-ftuħ tal-aċċess inkwistjoni ma kienx possibbli fiż-żewġ dati ta’ ftuħ previsti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li anki l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-fatt li EB kien ikkonstata li, wara April 2000, id-data l-iktar viċina possibbli għall-ftuħ tal-aċċess għal CBF kienet Settembru 2000. EB xtaq b’hekk jipposponi mhux biss l-awtomatizzazzjoni msejħa “RTS” (konklużjoni fi żmien utli) iżda ukoll l-aċċess kompletament awtomatizzat għat-trażmissjoni tal-informazzjoni relatata mal-konklużjoni bl-għan li jiġu stabbiliti flimkien. F’Settembru 2000, CBF wettqet it-testijiet u l-preparattivi kollha (b’mod partikolari formazzjoni ta’ kollaboraturi ta’ EB fil-11 ta’ Settembru 2000, li tagħha ġiet prodotta d-dokumentazzjoni fl-anness tar-replika) u fetħet u qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ EB matul ħames ġranet ta’ xogħol aċċess li jikkorrispondi għat-talba tiegħu, u dan ġie rrikonoxxut minn EB. Skont ir-rikorrenti, dan il-ftuħ tal-aċċess ma ġiex segwit peress li EB ma rnexxilux jispiċċa fil-ħin il-preparattivi neċessarji. Il-ftuħ straordinarju previst għat-30 ta’ Ottubru 2000 ma sarx minħabba l-istess raġuni u EB ressaq id-data għall-1 ta’ Diċembru 2000.

82      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prattika segwita minn CBF matul il-perijodu inkwistjoni kienet intiża sabiex jiġi rreġistrat l-isem tax-xerrej tal-azzjoni rreġistrata (proprjetarju ekonomiku) fir-reġistru tal-azzjonijiet ta’ dak li ħariġhom minflok ta’ dak tal-fiduċjarju amministrattiv jew fiduċjarju mandatarju (proprjetarju ġuridiku/nominee) kien problema serja għal EB. Dan jirriżulta mill-posta elettronika differenti ċċitati mill-Kummissjoni kif ukoll mill-aġir ta’ EB wara l-ftuħ tal-aċċess, li ma għamilx użu mill-aċċess manwali għal Cascade RS u ma ttrażmettix l-informazzjoni relatata mal-azzjonarji.

83      Insostenn tal-argumenti dwar it-tipi ta’ żewġ aċċessi li EB talab lil CBF, ir-rifjut tiegħu li jirreġistra l- azzjonijiet irreġistrati f’isem il-proprjetarju ekonomiku u r-responsabbiltà ta’ EB għan-nuqqas tal-ftuħ ta’ aċċess, ir-rikorrenti ppreżentaw, bħala offerta ta’ prova, ix-xhieda tal-kap tas-servizz “Clearing u Konklużjoni”.

84      Insegwitu, ir-rikorrenti jsostnu li, bejn Diċembru 2000 u Novembru 2001, in-negozjati fuq il-ftuħ tal-aċċess kienu marbuta man-negozjati ta’ kwistjonijiet oħra bejn CBF u EB. B’mod partikolari, CBF ressqet il-ftuħ tal-aċċess lil EB minn Ottubru għal Novembru 2001 bħala risposta taċ-ċaħda għad-domanda tagħha ta’ aċċess għal Euroclear France għat-titoli Franċiżi kollha. CBF aġixxiet fuq il-bażi ta’ dik imsejħa “jekk tagħtini nagħtik” u mhux b’mod abbużiv. Fir-risposta għat-talba ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma semmewx din il-problema, peress li d-domanda mressqa kienet tikkonċerna d-DĊT u mhux id-DĊIT. Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni fuq dan il-punt huwa kontradittorju.

85      Kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, il-kwistjonijiet tar-remunerazzjonijiet u tat-tkabbir tas-servizzi speċjali jirrelataw b’mod strett mal-aċċess ta’ EB għas-sistema ta’ CBF u kienu ġew perċepiti hekk miż-żewġ kumpanniji. F’nota interna tal-15 ta’ Marzu 2001, invokata mir-rikorrenti u mehmuża mal-anness mill-Kummissjoni fir-risposta, EB stess ħalla x’tifhem li l-aċċess kellu jintuża biss bħala argument relatat man-negozjati fuq il-prezzijiet. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll li, fin-negozjati, EB kien qed jipprova jilħaq diversi għanijiet fl-istess ħin. F’dan il-kuntest, EB kien qed joġġezzjona biss għall-inklużjoni tal-kwistjoni tal-emenda tal-ftehim Bridge.

86      L-organizzazzjoni mill-ġdid kompleta tar-relazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u reċiproki bejn CBF u EB kienet mixtieqa minn EB. Ir-rikorrenti jibbażaw din it-teżi fuq id-dokumenti dwar il-laqgħat bejn iż-żewġ kumpanniji tat-23 ta’ Ottubru 2000 u tal-21 ta’ Marzu 2001. Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-kontenut tal-posta elettronika relatata mal-ewwel laqgħa. Barra minn hekk, in-negozjati l-ġodda kienu mill-aspett kummerċjali meħtieġa u kienu għaldaqstant oġġettivament iġġustifikati. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-diskussjonijiet fuq dawn il-kwistjonijiet kollha bdew fl-istess perijodu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistgħux jiġu kkritikati talli riedu jsostnu l-interessi tagħhom stess waqt dawn id-diskussjonijiet jew li kienu ħatja ta’ prokrastinazzjoni fir-rigward ta’ EB.

87      Ir-rikorrenti jsostnu li ma kienx hemm ostakolu abbużiv la mill-aspett tal-intenzjoni ta’ min jostakola u lanqas mill-aspett tal-effett tal-ostakolu. L-ewwel nett, anki jekk jiġi ammess li huma kienu dewmu l-ftuħ tal-aċċess, dan ma jiġġustifikax li dawn jiġu akkużati minn abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE, peress li huma qatt ma kellhom għan antikompetittiv. B’hekk, il-Kummissjoni ma invokat ebda indiċi li jista’ jiġġustifika l-konklużjoni tagħha li r-rikorrenti kienu dewmu l-ftuħ tal-aċċess sabiex jimpedixxu kompetitur ta’ CBF milli jipprovdi s-servizzi tiegħu b’mod effikaċi. Fir-realtà, CBL kiseb l-ftuħ tal-istess aċċess ħafna iktar tard minn EB, f’Marzu 2002.

88      It-tieni nett, fir-rigward tal-effett tal-ostakolu, ir-rikorrenti jqisu li hemm abbuż ta’ pożizzjoni dominanti biss fir-rigward tal-possibbiltajiet kompetittivi tal-impriża allegatament ostakolata kienu jew setgħu kienu kunsiderevolment affettwati. Dewmien fil-konklużjoni ta’ att jista’ jkun ekwivalenti għal rifjut ta’ konklużjoni jekk dan ikollu l-istess effett restrittiv biss. Dan għandu jkun tal-inqas kapaċi li jimpedixxi jew jostakola għal tul ta’ żmien l-aċċess tal-kompetituri fis-suq iddominat jew li teliminhom mis-suq. Barra minn hekk, ir-riferiment għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex rilevanti, peress li, għall-kuntrarju ta’ din il-kawża, dawk kienu bbażati fuq dan l-effett restrittiv ikkwalifikat. Fir-rigward ta’ dawn il-kriterji, ir-rikorrenti ma aġixxewx b’mod abbużiv fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

89      Tali żvantaġġ kompetittiv għal EB ma ntweriex, fil-fatt, mill-Kummissjoni. Fil-verità, EB u CBL għandhom fl-Ewropa fil-biċċa l-kbira tal-każijiet aċċess indirett għad-DĊT. L-intermedjazzjoni ssir anki fuq livelli diversi u dawn il-livelli huma, tal-inqas potenzjalment, f’kompetizzjoni ma’ xulxin. Aċċess indirett ma jikkostitwixxix b’mod ċar żvantaġġ kompetittiv. Anki d-differenza ta’ prezz ma taffettwax id-deċiżjoni ta’ depożitarju intermedjarju li jagħżel aċċess dirett jew indirett għal CBF.

90      Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq l-importanza tal-azzjonijiet irreġistrati fil-Ġermanja, minflok ħadet inkunsiderazzjoni l-importanza tal-azzjonijiet irreġistrati għal EB. Hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li EB wettaq clearing u konklużjoniijiet esklużivament għal tranżazzjonijiet kummerċjali fuq titoli kkumerċjalizzati privatament u qabel kollox fil-kuntest tal-kummerċ tas-self. F’dan it-tip ta’ kummerċ u speċjalment fl-attivitajiet ta’ EB, l-azzjonijiet irreġistrati Ġermaniżi huma prattikament insinjifikattivi u ma humiex elementi indispensabbli fl-offerta tiegħu ta’ servizz komplet ta’ clearing u konklużjoni. Ċertament, il-parti ta’ tranżazzjonijiet ta’ EB għand CBF żdidet wara li EB seta’ jirreġistra l-proprjetarji ġuridiċi fl-aħħar tal-2002. Madankollu, il-parti tal-azzjonijiet irreġistrati ta’ EB iddepożitati għand CBF, li kienet 1 % fl-2002, tnaqset għal 0.24 % fl-2004. Barra minn hekk, il-figura mressqa ta’ 9.2 miljun dollari tal-Istati Uniti (USD) ta’ frankar ta’ spejjeż ta’ tranżazzjoni fuq l-azzjonijiet irreġistrati li l-użu tal-aċċess dirett seta’ ġab lil EB kienet improbabbli.

91      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li EB ma sostna ebda diskriminazzjoni min-naħa ta’ CBF. Huma jsostnu li d-depożitarji ċentrali Awstrijaċi u Franċiżi kisbu l-aċċess tagħhom iktar malajr peress li huma riedu aċċess manwali li seta’ jinfetaħ f’kull mument u relattivament rapidu. Fir-rigward ta’ CBL, huwa seta’, fil-mument tal-ftuħ tal-aċċess tiegħu, diġà jipproċedi għall-preparattivi tekniċi neċessarji kollha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jżidu li, sabiex jiġi kkomparat iż-żmien li għadda bejn it-talba u l-ftuħ tal-aċċess, ma hijiex il-komparabbiltà tas-servizzi pprovduti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, iżda t-tip ta’ aċċess, id-dati ta’ stabbiliment li jirriżultaw minn dan u l-problemi tekniċi li jkun hemm eventwalment

92      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u tibqa’ ssostni l-konklużjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

93      Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, minkejja li l-Qorti Komunitarja teżerċita, bħala regola ġenerali, stħarriġ ġudizzjarju sħiħ fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni humiex sodisfatti jew le, l-istħarriġ ġudizzjarju li hija teżerċita fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandu, madankollu, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tar-regoli dwar il-motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Bl-istess mod, sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirriżulta minn evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi, dawn l-evalwazzjonijiet, bħala prinċipju, ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju limitat, li jimplika li l-Qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-elementi ta’ fatt tagħha għal dik tal-Kummissjoni (ara s-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Madankollu, għalkemm il-Qorti Komunitarja tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ekonomiċi jew tekniċi, dan ma jfissirx li l-Qorti Komunitarja għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ informazzjoni ta’ din in-natura. Fil-fatt, il-Qorti Komunitarja mhux biss għandha tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa (ara s-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti differenti invokati mir-rikorrenti.

–       Fuq id-data tat-talba ta’ aċċess

97      Id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal, u tirripproduċihom, ċerti estratti minn posta elettronika bejn EB u CBF matul il-perijodu inkwistjoni. Ċertament, għandu jiġi kkonstatat li mill-ebda minn din il-posta elettronika ma tirriżulta talba formali ta’ EB ta’ aċċess għal CBF. B’hekk, il-posta elettronika tat-3 ta’ Awwissu 1999, li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala t-talba ta’ aċċess għal Cascade RS magħmula minn EB, tindika li EB ressaq domandi tekniċi u talab informazzjoni dwar il-passi li għandhom isiru sabiex ikollu dan l-aċċess. EB isaqsi, b’mod partikolari, fuq il-mod kif jista’ jiġi implementat dan l-aċċess dirett fil-prattika. Madankollu, mill-qari ta’ dan l-estratt ta’ posta elettronika jirriżulta li seħħew diversi diskussjonijiet bejn iż-żewġ kumpanniji rigward l-aċċess ta’ EB u dawn jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li ma kienx neċessarju li ssir talba formali. Barra minn hekk, insegwitu għall-ftuħ mill-ġdid ta’ EB permezz ta’ posta elettronika tal-24 ta’ Settembru 1999, ir-risposta ta’ CBF tad-19 ta’ Ottubru 1999 hija tiftiehem f’dan is-sens, peress li din tikkonċerna l-kundizzjonijiet tekniċi għall-ftuħ tal-aċċess dwar it-trasferiment tal-informazzjoni relatata mal-azzjonarji. Barra minn hekk, fil-posta elettronika tal-20 ta’ Settembru 1999, EB josserva li diversi domandi tiegħu baqgħu mingħajr risposta, b’mod partikolari dik rigward il-konnessjoni diretta ma’ Cascade RS.

98      Għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li din it-talba ta’ aċċess saret waqt il-laqgħa tat-28 ta’ Jannar 2000, dan ma huwiex konvinċenti. Fil-fatt, jirriżulta mill-minuti ta’ din il-laqgħa li ż-żewġ kumpanniji kienu pjuttost iddiskutu hemmhekk il-modalitajiet tal-ftuħ tal-aċċess u dan iġagħal li jiġi ssuponut li huma kienu jikkunsidraw li t-talba ta’ aċċess kienet diġà saret b’validu. Dan huwa kkonfermat permezz tal-posta elettronika tat-3 ta’ Frar 2000, li ssemmi li EB qies li l-aħħar laqgħa bejn iż-żewġ kumpanniji ppermettitihom li “jibdew javvanzaw” fuq il-kwistjoni tal-aċċess għal ċerti servizzi, b’mod partikolari l-aċċess għal Cascade RS u l-awtomatizzazzjoni RTS.

99      Mill-preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet b’mod validu tiddeduċi abbażi tal-korrispondenza bejn EB u CBF li talba għall-aċċess kienet saret effettivament fit-3 ta’ Awwissu 1999.

–       Fuq l-iżbalji ta’ interpretazzjoni allegati tal-Kummissjoni rigward it-tipi ta’ aċċess mitluba minn EB

100    L-ewwel nett, għal kuntrarju li sostnew ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkunsidratx fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata li kien hemm aċċess wieħed biss għas-sistema ta’ trattament ta’ CBF għall-azzjonijiet irreġistrati. Għall-kuntrarju, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni semmiet l-aċċess għas-subsistema Cascade RS li hija ddistingwiet sew mis-sistema Cascade, u li hija għamlet id-differenza bejn iż-żewġ tipi ta’ aċċess possibbli, l-aċċess manwali (imsejjaħ ukoll “fuq il-linja”) u l-aċċess awtomatizzat (premessi 46 u 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

101    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni pproċediet għal interpretazzjoni żbaljata tal-posta elettronika skambjata bejn il-partijiet. Interpretazzjoni korretta ta’ din turi li l-problema prinċipali ma kinitx it-talba ta’ aċċess manwali għal Cascade RS, iżda t-talba ta’ aċċess awtomatizzat għal Cascade kif ukoll il-formulazzjoni mitluba taż-żewġ aċċessi. L-argument tagħhom huwa bbażat prinċipalment fuq interpretazzjoni tal-posta elettronika inkwistjoni differenti minn dik sostnuta mill-Kummissjoni.

102    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kwistjoni analizzata waqt il-proċedura amministrattiva kienet dik tal-aċċess dirett għal Cascade RS, peress li EB kien diġà jibbenefika minn aċċess għal Cascade għall-azzjonijiet bearer u li f’dan l-istadju huwa kien diġà talab aċċess dirett għal CBF għall-azzjonijiet irreġistrati. Id-deċiżjoni kkontestata b’hekk hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li EB kien talab aċċess dirett għal Cascade RS, li għal din it-talba CBF irrispondiet li aċċess manwali seta’ jinfetaħ iktar faċilment u li l-aċċess finalment miksub fid-19 ta’ Novembru 2001 kien manwali. Il-Kummissjoni minn dan iddeduċiet li EB stenna iktar minn sentejn sabiex jikseb aċċess li, skont CBF, seta’ jiġi stabbilit faċilment.

103    Billi għamlet tali konstatazzjoni, il-Kummissjoni sosniet interpretazzjoni korretta tal-posta elettronika skambjata bejn il-partijiet. Fil-fatt, kieku, hekk kif isostnu r-rikorrenti, sabiex jaċċedi għas-servizzi ta’ kumpens u ta’ konklużjoni primarji għall-azzjonijiet irreġistrati, EB kellu jikseb, barra l-aċċess awtomatizzat tiegħu diġà eżistenti għal Cascade għall-azzjonijiet bearer u aċċess manwali għal Cascade RS, aċċess ieħor għal Cascade għall-azzjonijiet irreġistrati u kieku tali formulazzjoni tirrapreżenta problema għal CBF, kien ikun raġonevoli, fil-kuntest ta’ negozjati miftuħa bejn iż-żewġ kumpanniji, li dan jiġi indikat lil EB, u anki li jiġi propost lilu eventwalment soluzzjoni alternattiva, u dan kien dak li EB talab fil-posta elettronika tiegħu tat-3 ta’ Awwissu, li huwa jkun jista’ “fil-prattika jimplementa dan l-aċċess dirett”.

104    Issa, hemm lok li jiġi osservat, abbażi tal-korrispondenza skambjata bejn iż-żewġ kumpanniji, li CBF, f’ebda mument, ma tkellmet ma’ EB fuq problema eventwali marbuta mal-ftuħ ta’ żewġ aċċessi separati, wieħed manwali u l-ieħor awtomatizzat. Fil-fatt, l-aċċess separat għal Cascade ma ġie msemmi qatt u n-negozjati kollha bejn ir-rikorrenti u EB jirrigwardaw il-kwistjoni tal-aċċess għal Cascade RS. Meta, fil-posta elettronika tad-19 ta’ Ottubru 1999 (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata), CBF issemmi l-bidliet sinjfikattivi tas-sistema u l-analiżi neċessarji għal konnessjoni awtomatizzata, hija tirrispondi għad-domandi ta’ EB dwar l-awtomatizzazzjoni RTS. Min-naħa l-oħra, fl-istess posta elettronika, CBF tiddikjara wkoll, rigward l-aċċess dirett għal Cascade RS, li aċċess manwali jista’ jiġi stabbilit daqshekk faċilment. Ir-rikorrenti jsemmu t-tipi differenti ta’ aċċess għal Cascade u Cascade RS biss fir-risposta tagħhom lill-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri ladarba l-aċċess għal Cascade RS ingħata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsemmuhom biss (fit-test u fl-iskema annessa) iżda ma jsostnux li aċċess partikolari jew il-formulazzjoni tat-tnejn tirrapreżenta problema għalihom.

105    Barra minn hekk, mill-premessa 256 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li waqt il-proċedura amministrattiva r-rikorrenti kkunsidraw li EB kellu diġà aċċess fuq il-linja għal Cascade f’Awwissu 1999 u li l-ftuħ ta’ aċċess fuq il-linja għal Cascade RS kien ikun biżżejjed sabiex EB jkun jista’ jittratta l-azzjonijiet irreġistrati direttament minn CBF. Huma kienu, barra minn hekk, iddikjaraw li fiż-żmien tal-ftuħ tal-aċċess għal Cascade RS lil EB dan “kien possibbli biss b’mod manwali [...] minħabba raġunijiet tekniċi” (ir-raba’ inċiż tal-premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata) u ma semmew ebda problema marbuta mal-aċċess awtomatizzat għal Cascade jew għall-formulazzjoni taż-żewġ aċċessi. Barra minn hekk, in-nota annessa mal-ittra ta’ CBF tal-24 ta’ Mejju 2002, intitolata “Processing of registered shares in Germany”, li l-Kummissjoni hemżet mar-risposta, tiddiskrivi l-proċess ta’ trattament tal-azzjonijiet irreġistrati u tirreferi biss għal Cascade RS.

106    F’kull każ, anki jekk l-aċċess għal-Cascade RS isir teknikament permezz ta’ żewġ daħliet, dan ma jistax ibiddel l-evalwazzjoni tal-fatti stabbiliti waqt il-proċedura amministrattiva. L-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-aċċess awtomatizzat jeħtieġ bidliet sinjifkattivi fis-sistemi informatiċi, preparazzjonijiet fid-dettall u diversi serje ta’ testijiet u, konsegwentement, ma jistax jinfetaħ ħlief darbtejn f’sena, ma jistgħux jiġġustifikaw b’mod validu sentejn ta’ stennija għal konnessjoni li tirriżulta minn prattika kurrenti ta’ CBF u li din tal-aħħar tiftaħ ġeneralment fi żmien ta’ ftit xhur. Għall-finijiet ta’ tqabbil, CBL kienet, skont ir-rikorrenti talbet eżattament l-istess formulazzjoni bħal EB u kisbet l-aċċess f’erba’ xhur biss. Ir-rikorrenti jaffermaw li dan kien possibbli peress li CBL kienet ipproċediet għall-preparattivi neċessarji kollha waqt il-ftuħ. Issa, din l-ispjegazzjoni tikkontradixxi t-teżi tar-rikorrenti li kien diffiċli li tintlaqgħa, fi żmien raġonevoli, it-talba ta’ EB minħabba t-talba speċifika ta’ formulazzjoni ta’ żewġ aċċessi separati. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu huma stess li l-modi ta’ aċċess jistgħu jiġu fformolizzati skont kif wieħed jixtieq u li huwa l-klijent li jagħżel liema tip ta’ aċċess għal CBF hu jixtieq jikseb.

107    Ir-rikorrenti jsostnu ukoll li aċċess manwali għal Cascade kien ġie propost u li setgħa jiġi installat immedjatament. Madankollu, hekk kif osservat il-Kummissjoni, huma ma ressqu ebda prova f’dan ir-rigward. Dan lanqas ma jirriżulta mill-estratti tal-korrispondenza bejn iż-żewġ kumpanniji. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset ġustament li r-rikorrenti ma setgħux jsostnu b’mod validu li huma kienu offrew aċċess manwali għal Cascade u li EB kien irrifjuta billi insista fuq aċċess awtomatizzat (l-ewwel inċiż tal-premessa 258 tad-deċiżjoni kkontestata).

108    Rigward l-argument tar-rikorrenti dwar il-funzjoni addizzjonali ta’ Cascade RS “Power of Attorney”, dan ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, l-aċċess li ngħata f’Novembru 2001 lil EB kien manwali u l-funzjoni ta’ “Power of Attorney” kienet ġiet disponibbli biss f’Marzu 2002. Konsegwentement, dan ma ppremettix li jinvalida l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Kummissjoni.

109    Fl-aħħar nett, dan jgħodd ukoll għall-argument bbażat fuq il-funzjoni ta’ konklużjoni ta’ Cascade RS. Din hija fil-fatt speċifikazzjoni teknika li ma ssemmitx fil-korrispondenza bejn iż-żewġ kumpanniji u li, għaldaqstant, ma tistax tinvalida l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Kummissjoni.

110    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni qieset ġustament, abbażi tal-korrispondenza bejn iż-żewġ kumpanniji kif ukoll fuq informazzjoni li ngħatatilha matul il-proċedura amministrattiva, li EB kien talab l-aċċess għal Cascade RS u li hija ma insistitx fuq tip ta’ aċċess speċifiku.

111    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

–       Fuq l-argument li EB ma pproċediex għal preparattivi neċessarji kollha għall-ftuħ tal-aċċess

112    L-argumenti differenti mressqa mir-rikorrenti u li huma intiżi sabiex jiġġustifikaw n-nuqqas ta’ ftuħ tal-aċċess għal EB f’data preċedenti minħabba li dan tal-aħħar ma wettaqx il-preparattivi neċessarji kollha ma humiex konvinċenti.

113    L-ewwel nett, dan jgħodd għall-argument ibbażat fuq il-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ aċċess awtomatizzat biss fid-dati ta’ ftuħ, jiġifieri darbtejn biss fis-sena, fir-rebbiegħa u fil-ħarifa. Minn naħa, il-prinċipju tad-dati ta’ ftuħ huwa, skont ir-rikorrenti stess, marbut mal-aċċess awtomatizzat li, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma kienx ddeterminat f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju ma jirriżultax mill-korrispndenza riprodotta mid-deċiżjoni kkontestata. Jekk huwa minnu li, kif isostnu r-rikorrenti, il-viċi-president ta’ EB kiteb li għal CBF id-data possibbli li tmiss wara April 2000 kienet biss Settembru 2000 (posta elettronika tal-31 ta’ Jannar 2000), jidher li wara Settembru 2000, il-prinċpju tad-dati ta’ ftuħ kien ġie kompletament abbandunat. B’hekk, id-dati segwenti previsti kienu dawk tat-30 ta’ Ottubru u tal-4 ta’ Diċembru 2000. Barra minn hekk, permezz ta’ posta elettronika tat-30 ta’ Settembru u tat-13 ta’ Ottubru 2000, CBF stiednet lil EB sabiex jagħtiha d-data li fiha huwa jikkunsidra li jkun lest għall-ftuħ, u dan, respettivament, tliet ġimgħat jew ħmistax-il ġurnata qabel din id-data. Ebda limitazzjoni fis-sens ta’ dati ta’ ftuħ ma hija msemmija. Bħala eżempju, fil-messaġġ tiegħu lil CBF tal-4 ta’ Diċembru 2000, li kienet id-data stabbilita għall-ftuħ ta’ aċċess iżda li ma ġietx osservata minn CBF, EB kiteb li kien possibbli li huwa jiġi sforzat jippostponi dan il-ftuħ fil-bidu tas-sena sussegwenti. Finalment, EB kiseb l-aċċess fid-19 ta’ Novembru 2001.

114    Jekk il-frażijiet “data ta’ ftuħ” jew “ftuħ” tissemma’ ħafna fil-korrispondenza bejn iż-żewġ kumpanniji, dawn huma sinonimi għad-data ta’ ftuħ tal-aċċess. Għaldaqstant, għandu jiġi analizzat jekk EB għamilx dak kollu neċessarju għall-ftuħ tal-aċċess indipendentement mill-prinċipju tad-dati tal-ftuħ, hekk kif esposti mir-rikorrenti, jiġifieri limitati għal żewġ possibbiltajiet f’sena.

115    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-dewmien kien dovut għall-oppożizzjoni ta’ EB għall-prattika ta’ CBF matul il-perijodu inkwistjoni li kienet tikkonsisti f’li tirreġistra x-xerrej tal-azzjonijiet irreġistrati fir-reġistru tal-azzjonijiet ta’ dak li ħariġhom minflok l-isem tal-proprjetarju ġuridiku. Fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 255), il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti ma pprovawx li l-kummenti ta’ EB li kienu jikkonċernaw il-preferenzi tiegħu rigward għall-mekkaniżmu ta’ reġistrazzjoni kienu ta’ natura li jimpedixxu jew idewmu l-għoti ta’ aċċess dirett għal Cascade RS. F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li dan ma jirrigwardax il-kummenti ta’ EB, iżda ukoll dawk ta’ CBF. Fil-fatt, irriżulta li CBF ukoll kienet semmiet din il-problema, b’mod partikolari fil-posta elettronika tagħha tad-19 ta’ Ottubru 1999 li fiha hija speċifikat li, sabiex ikun hemm aċċess dirett għas-sistema, EB kellu jaċċetta li jdaħħal l-informazzjoni personali kollha ta’ kull proprjetarju benefiċjarju u/jew investitur. Barra minn hekk, mill-minuti tal-laqgħa tat-28 ta’ Jannar 2000 bejn iż-żewġ kumpanniji (posta elettronika tal-31 ta’ Jannar 2000) jirriżulta li din il-kwistjoni kienet ġiet diskussa u li EB propona soluzzjoni li jidher li CBF irrifjutat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li, anki matul il-perijodu wara l-ftuħ tal-aċċess għal EB u sal-ħolqien tal-funzjoni “Power of Attorney” li solviet din il-problema fl-2002, EB ma użax l-aċċess manwali għal Cascade RS għall-informazzjoni relatata tal-azzjonisti u ma ttrażmettix din l-informazzjoni. Issa, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, dan juri li l-ftuħ tal-aċċess kien possibbli mingħajr ma ġiet solvuta l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tal-proprjetarju ġuridiku.

116    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li EB ressaq l-ftuħ tal-aċċess previsti f’April, f’Settembru u f’Ottubru 2000, dawn il-kwistjonijiet huma analizzati fit-tul fid-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, l-ewwel lok, il-Kummissjoni ġustament qieset li ma jirriżulta mkien fil-posta elettronika tal-31 ta’ Jannar 2000 li EB ma kienx lest għall-ftuħ f’April. Dan tal-aħħar indika biss li, wara April, id-data ta’ ftuħ possibbli li jmiss għal CBF hija f’Settembru. Meta, fil-posta elettronika tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2000, huwa kiteb li f’istadju attwali, huwa ma kienx f’pożizzjoni li jibda f’April, huwa kien qed jirreferi biss għas-sistema RTS u mhux għall-aċċess għal Cascade RS. Barra minn hekk, fir-risposta tagħha tat-3 ta’ April 2000, CBF qabel li l-ftuħ tal-awtomatizzazzjoni RTS jiġi pospost, filwaqt li talbet jekk, għal dak li jikkonċerna l-aċċess dirett għal Cascade RS, l-impenn tagħhom rigward il-ftuħ ta’ Settembru 2000 kienx għadu fis-seħħ (premessi 57, 59 u 60 tad-deċiżjoni kkontestata). L-argument tar-rikorrenti li EB stqarr fil-posta elettronika tal-31 ta’ Jannar 2000 li huwa xtaq jimplementa l-konnessjoni fl-istess ħin bħall-awtomatizzazzjoni RTS u li konsegwentement ried jipposponi t-tnejn flimkien huwa għaldaqstant kontradizzjoni mal-fehma tas-sitwazzjomi li CBF kellha fiż-żmien tal-fatti.

117    Fit-tieni lok, lanqas l-argumenti tar-rikorrenti li CBF kienet wettqet il-preparattivi (b’mod partikolari taħriġ għand EB) u fetħet l-aċċess għal Cascade RS fit-18 ta’ Settembru 2000 li EB ma setax juża peress li kien għadu ma spiċċax fil-ħin il-preparattivi ma humiex konvinċenti. Ċertament, huwa minnu li, fil-posta elettronika tagħha tat-12 ta’ Settembru 2000 lil EB, CBF kienet tinsab “xi ġranet qabel ma’ [EB ma] beda juża Cascade RS”. Madankollu, hija saqsiet f’liema data EB kien beda juża Cascade RS u f’liema data il-kont previst kien disponibbli għall-azzjonijiet irreġistrati. EB wieġeb permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ Settembru 2000 li t-trasferiment kien diġà previst għat-30 ta’ Ottubru, iżda li dan jista’ jkun pospost. Barra minn hekk, messaġġ intern tad-19 ta’ Settembru 2000 ta’ EB jsemmi dan l-aċċess mhux attiv li kellu jingħalaq mad-“data ta’ ftuħ reali” (premesssi 62 sa 64 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan jirriżulta li r-raġunament tal-Kummissjoni, li l-aċċess miftuħ fit-18 ta’ Settembru 2000 ma kienx aċċess attiv, u għaldaqstant li jaħdem fuq il-linja, għal Cascade RS, u li kien ingħata b’mod mhux mistenni, huwa korrett. Ir-rikorrenti jsostnu ukoll li EB kien ġagħal jifhem ukoll li huwa seta’ jżomm it-terminu ta’ Settembru 2000. Madankollu, kif tosserva fil-fatt il-Kummissjoni, dawn ma ressqu ebda prova f’dan is-sens. F’dan ir-rigward, il-preżentazzjoni Powerpoint għat-taħriġ tal-persunal ta’ EB tal-11 ta’ Settembru 2000 u l-iskambju ta’ posta elettronika li segwiet jipprovaw biss li dan it-taħriġ seħħ, fatt li l-Kummissjoni ma tikkontestax, iżda minn dawn ma jistax jiġi dedott li EB kien ġie informat b’data preċiża għall-ftuħ tal-aċċess tiegħu.

118    Barra minn hekk, wara l-falliment ta’ dan il-ftuħ, CBF imponiet fuq EB ċerti kundizzjonijiet li huwa kellu jissodisfa qabel il-ftuħ tal-aċċess, b’mod partikolari, l-informazzjoni tal-klijenti u l-indikazzjoni minn EB tad-data prevista tlett ġimgħat jew ħmistax-il ġurnata minn qabel (rispettivament permezz ta’ posta elettronika tat-30 ta’ Settembru u tat-13 ta’ Ottubru 2000, riprodotti fil-premessi 65 u 67 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx sodisfatti qabel il-ftuħ tal-aċċess ta’ Settembru 2000. F’kull każ, hekk kif issostni l-Kummissjoni u fid-dawl tal-punt 117 hawn fuq, tali aċċess ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jaħdem.

119    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, jekk l-aċċess ma kienx miftuħ fid-data tat-30 ta’ Ottubru 2000, dan kien peress li EB ma kienx lest, iżda din issostni li ħadet dan l-element inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fis-16 ta’ Ottubru 2000, EB informa lil CBF li huwa ma kienx lest għall-ftuħ tat-30 ta’ Ottubru, iżda li jkun probabbilment lest għal Diċembru 2000 B’ittra tal-15 ta’ Novembru 2000, skont l-avviż mitlub, hija kkonfermat li l-aċċess jista’ jinfetaħ fl-4 ta’ Diċembru 2000 (premessi 68 u 69 tad-deċiżjoni kkontestata). Abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li dan il-posponiment ta’ xahar kien intalab minn EB. Madankollu, hija ġustament ikkunsidrat li dan il-fatt ma waqqafx l-imġiba dilatorja ta’ CBF, li, barra minn hekk, baqgħet sad-19 ta’ Novembru 2001 (premessa 264 tad-deċiżjoni kkontestata)

120    Fir-rigward ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-posponiment ta’ xahar mixtieq minn EB, dan kien għadu ma kisibx l-aċċess għal Cascade RS iktar minn sena wara t-talba tiegħu, u dan mingħajr ma r-rikorrenti pprovdew elementi ta’ ġustifikazzjoni konklużivi. Konsegwentement, l-argument tagħhom ma jistax jintlaqa’.

–       Fuq l-argument ibbażat fuq in-negozjati l-ġodda tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u EB

121    Id-data l-ġdida stabbilita għall-ftuħ ta’ aċċess kienet fl-4 ta’ Diċembru 2000. Fis-17 ta’ Novembru, wara konversazzjoni telefonika bejn ir-responsabbli tal-proġett taż-żewġ kumpanniji li waqtha CBF informat lil EB li l-aċċess ma setax jingħata fil-ħin, EB kiteb lil CBF u saqsiha iktar informazzjoni dettaljata fuq ir-raġunijiet ta’ dan ir-rifjut (premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata).

122    Kien wara din il-posta elettronika li CI daħal fin-negozjati bejn EB u CBF. Fil-fatt, fl-1 ta’ Diċembru 2000, CI bagħtet faks lil EB billi rriferiet għad-diskussjonijiet tagħhom u n-negozjati tagħhom ta’ dak iż-żmien rigward it-talba ta’ dan tal-aħħar li jbiddel il-kummissjonijiet applikabbli għas-servizzi ta’ konklużjoni li kienu ngħatawlu minn CBF. F’dan il-faks (premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm indikat dan li ġej:

“F’dawn il-kundizzjonijiet, għandi l-pjaċir li ninformawk li aħna disposti fil-prinċipju li niffirmaw ftehim ma’ EB li jikkonċerna mhux biss il-kwistjoni tal-analiżi tagħna tal-proċessi attwali ta’ konklużjoni, iżda li jieħu inkunsiderazzjoni wkoll it-talba tiegħek ta’ tnaqqis tal-kummissjonijiet u ta’ servizzi addizzjonali. Konsegwentement, aħna għandna ninnegozjaw kuntratt ġdid. Aħna għandna wkoll nieħdu din l-opportunità sabiex neżaminaw id-domandi li aħna indirizzajna lil [EB] u s-servizzi l-ġodda li aħna qed nistennew. In-negozjati għandhom jibdew kemm jista’ jkun malajr sabiex jiġu konklużi b’suċċess għan-nofs tas-sena li ġejja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

123    Il-messaġġ tal-4 ta’ Diċembru 2000 ta’ EB lil CBF (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata) jinqara kif ġej:

“Ilna ġimgħatejn nipprovaw nġibu status għal dak li jikkonċerna l-aċċess tagħha għal Cascade RS. Minkejja diversi [telefonati] u messaġġi, aħna ma rċevejna ebda informazzjoni fuq ir-raġuni tad-dewmien lanqas fuq id-data li fiha aħna għandna normalment ikollna aċċess għal Cascade RS […] Aħna konna sorpriżi mid-deċiżjoni ta’ CBF li tipposponi l-aċċess tagħna għal Cascade RS minkejja li tajna avviż minn qabel ta’ ġimgħatejn kif mitlub minnha u li hija tagħtna l-kunsens mill-ewwel. Aħna ninsabu issa mħassba minħabba l-fatt li m’aħniex qed nirċievu informazzjoni rigward ir-raġunijiet ta’ dan id-dewmien u ż-żmien stimat li intkom għandkom bżonn sabiex issolvu l-“problemi tekniċi li qed taffaċċjaw.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

124    Permezz ta’ posta elettronika tat-22 ta’ Jannar 2001, EB kiteb lil CI li huwa kien “ukoll ġie informat f’Diċembru li għadda li [CBF] kienet bidlet fehmtha u [li] fl-aħħar mill-aħħar, hija mhux ser tagħti lil [EB] aċċess għas-sistema tagħha ta’ azzjonijiet irreġistrati, li hija madankollu miftuħa għal klijenti oħra ta’ [CBF]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. EB iqis, barra minn hekk, li dan jinvolvi forma ta’ diskriminazzjoni li taffettwa l-kapaċità tiegħu li jipprovdi servizzi għal klijenti tiegħu (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata).

125    F’faks tal-24 ta’ Jannar 2001 lil EB (premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata), CI kkontestat l-ilment ta’ kull diskriminazzjoni. Hija ssemmi ukoll, laqgħa tat-23 ta’ Ottubru 2000 bejn iż-żewġ kumpanniji li matulha l-kwistjoni tat-tqabbil tal-kummissjonijiet ta’ EB mal-kummissjonijiet imħallsa mill-banek Ġermaniżi l-oħra kienet ġiet eżaminata. Hemmhekk hemm imniżżel ukoll li:

“Għal dak li jikkonċerna s-sistema ta’ azzjonijiet irreġistrati ta’ CBF, aħna lesti li ninkluduh fil-negozjati li jmiss tagħna. Madankollu, għandna nosservaw li s-servizz tal-azzjonijiet irreġistrati huwa propost minn fornituri diversi u li, konsegwentement, CBF ma għandhiex pożizzjoni esklużiva fis-suq Ġermaniż. Għal darb’oħra, aħna qed nitolbukom li tinnotaw li lanqas [CBL] ma għandu aċċess dirett għas-sistema ta’ azzjonijiet irreġistrati ta’ CBF. U hawnhekk ukoll, l-akkuża tiegħek ta’ diskriminazzjoni hija mingħajr mertu […] Għal dak li jikkonċerna t-talba speċifika tiegħek sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni tat-tnaqqis tal-Kummissjoni u tal-kwistjoni tas-servizz tal-azzjonijiet irreġistrati, aħna nistgħu nibdew mill-ġdid in-negozjati globali tal-kuntratt (inkluża t-talba tiegħek ta’ tnaqqis tal-kummissjonijiet u tas-servizzi addizzjonali fil-bidu ta’ Marzu […]”

126    F’din l-istess faks, CI kitbet li, “[m]atul [il-]laqgħa tat-23 ta’ Ottubru 2000, [EB u hija stess kienu] impenjaw ruħhom li jerġgħu jinnegozjaw flimkien kuntratt ġdid ta’ konnessjoni li [kien] ser isolvi l-problemi li [kienu] jeżistu f’dan il-kuntratt u li tiġi eżaminata [t-]talba [ta’ EB] ta’ tnaqqis tal-kummissjonijiet fil-miżura mixtieqa”, li “[l]-impenn [ta’ EB] li jidħol f’negozjati [kien] tbiddel […] fl-ittri [tiegħu] u li “[d]awn iż-żewġ ittri [… kienu] ikkonfermaw [li EB] fehem li din il-kwistjoni tat-tnaqqis tal-Kummissjoni kienet tagħmel parti min-negozjati globali tal-kuntratt il-ġdid u li [dawn] iż-żewġ ittri ma kellhom ebda kundizzjonijiet oħra”. Għal dak li jikkonċerna t-talba speċifika ta’ EB li tiġi solvuta l-kwistjoni ta’ tnaqqis tal-kummissjonijiet, CI indikat li hija kienet disposta li tibda n-negozjati globali tal-kuntratt fil-bidu tax-xahar ta’ Marzu (premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

127    Fl-10 ta’ Lulju 2001, CBF indikat permezz ta’ telefonata lil EB li hija ma kellhiex problema għal dak li jikkonċerna l-aċċess dirett għall-konklużjoni tal-azzjonijiet irreġistrati peress li, min-naħa tiegħu, Sicovam (id-DĊT Franċiż) kien fetaħ il-konnessjoni għal CBF għal numru sinjifikattiv ta’ azzjonijiet Franċiżi (premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata).

128    Nota interna ta’ EB tal-15 ta’ Marzu 2001, mehmuża mar-risposta, fiha l-istrateġija li għandha tiġi segwita minnu waqt il-laqgħa ma’ CBF tal-21 ta’ Marzu 2001. Fiha hemm miktub b’mod partikolari li, għal EB, l-għan oriġinali tad-diskussjonijiet ma’ CBF kien in-negozjati l-ġodda tal-prezzijiet u t-tieni għan kien li jinkiseb aċċess għal Cascade RS. EB spera, barra minn hekk, li jżomm il-kuntratt eżistenti filwaqt li jipprova jikseb iż-żewġ għanijiet l-oħra. Il-kisba tat-tnaqqis tal-prezz ġiet estimata għal EUR 2 miljuni u l-kisba tal-aċċess għal Cascade RS għal USD 9.2 miljun. Min-naħa l-oħra, mill-konklużjoni tan-nota li, għal EB, l-aċċess għal Cascade RS kien iktar importanti mit-tnaqqis tal-prezz, milli jkollu kuntratt “speċjali” b’ċerti vantaġġi li huwa ried iżomm u li t-tnaqqis tal-prezz seta’ jiġi diskuss fi stadju ulterjuri.

129    Barra minn hekk, mill-minuti li saru ta’ din il-laqgħa tal-21 ta’ Marzu 2001, mehmuża mal-kontrareplika, jirriżulta li skont EB, il-prezzijiet kienu l-kwistjoni prinċipali li kellhom jiġu nnegozjati u li l-kwistjonijiet kollha li kellhom jiġu nnegozjati fil-kuntest tal-kuntratt applikabbli f’dak iż-żmien, iżda li CBF riedet tinnegozja l-kwistjonijiet kollha flimkien u mhux individwalment.

130    Hemm lok li jiġi kkonstatat, abbażi tal-korrispondenza u d-dokumenti msemmija hawn fuq, li anki jekk EB ried iqajjem il-kwistjoni tat-tnaqqis tal-Kummissjoni u ta’ servizzi addizzjonali, kienu r-rikorrenti li riedu jinkludu l-kwistjoni tal-aċċess dirett fin-negozjati l-ġodda tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom, u mhux EB. Fil-fatt, jekk dan tal-aħħar, kif tirrikonoxxi wkoll il-Kummissjoni, kellu diversi għanijiet fid-diskussjonijiet tiegħu ma’ CBF, huwa kien stima li l-qliegħ potenzjali tal-kisba tal-aċċess għal Cascade RS kien iktar sinjifikattiv minn dak marbut mat-tnaqqis tal-prezz. EB ma seta’ kellu ebda interess li jinkludi l-kwistjoni tal-ftuħ tal-aċċess fin-negozjati l-ġodda tar-relazzjonijiet kuntrattwali tiegħu ma’ CBF, iżda iktar xtaq jikseb l-aċċess abbażi tal-kuntratt diġà applikabbli u jinnegozja tnaqqis eventwali ta’ prezz iktar tard. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti fuq dan il-punt għandu jinċaħad.

131    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li CBF ipposponiet minn Ottubru għal Novembru 2001 il-ftuħ tal-aċċess għal EB peress li t-talba tagħha ta’ aċċess għal Euroclear France (qabel Sicovam) għat-titoli Franċiżi kollha kienet inċaħdet.

132    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, għalkemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fiha nfisha ma timplika ebda kritika fir-rigward tal-impriża kkonċernata, din għandha, irrispettivament mill-fatturi li joħolqu tali pożizzjoni, responsabbiltà partikolari li permezz tal-aġir tagħha ma tippreġudikax kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjonijiet fis-suq komuni (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 57). Bl-istess mod, għalkemm l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma tipprivax impriża mqiegħda f’din il-pożizzjoni mid-dritt li tħares l-interessi kummerċjali tagħha stess, meta dawn ikunu mhedda, u għalkemm din l-impirża għandha l-fakultà, f’miżura raġonevoli, li twettaq l-atti li hija tqis xierqa sabiex tipproteġi l-interessi tagħha, tali aġir ma jistax madankollu jiġi ammess meta dan għandu bħala għan li jirrinforza din il-pożizzjoni dominanti u jabbuża minnha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    B’hekk jirriżulta min-natura tal-obbligi imposti mill-Artikolu 82 KE li, f’ċirkustanzi partikolari, l-impriżi f’pożizzjoni dominanti jistgħu jiġu miċħuda mid-dritt li jadottaw aġir, jew iwettqu xi atti, li ma humiex fihom infushom abbużivi, u li lanqas ma huma kundannabbli meta adottati jew imwettqa minn impriżi mhux dominanti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni, T‑111/96, Ġabra p. II‑2937, punt 139).

134    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw iċ-ċaħda mat-talba ta’ aċċess ta’ CBF lil Euroclear France għat-titoli Franċiżi kollha jew in-negozjati l-ġodda tar-relazzjonijiet kuntrattwali ma’ EB sabiex jiġġustifikaw l-aġir tagħhom. Fil-fatt, bħala impriża f’pożizzjoni dominanti, CBF kellha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjonijiet fis-suq komuni.

135    Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li t-talba ta’ CBF ta’ aċċess għad-DĊT Franċiż ma setgħetx tkun rilevanti għal din il-kawża qabel Jannar 2001 (data li fiha EB akkwista Sicovam, li sar Euroclear France), jiġifieri sena u nofs qabel it-talba ta’ aċċess ta’ EB.

136    Abbażi tal-ġurisprudenza ċċitatata, għandu jiġi konkluż li kien abbużiv, min-naħa tar-rikorrenti, li jiġu inklużi n-negozjati l-ġodda tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom u t-talba ta’ aċċess għad-DĊT Franċiż fin-negozjati fuq l-għoti ta’ aċċess għal Cascade RS filwaqt li dawn kienu ilhom iktar minn sena. Barra minn hekk, l-interessi ta’ CI, kumpannija parent ta’ CBL li huwa l-uniku DĊIT fl-Unjoni Ewropea ma’ EB, jidhru li ħarġu kjarament mill-korrispondenza u mill-minuti tal-laqgħat bejn, minn issa, EB, CBF u CI. Finalment, l-aċċess għal Cascade RS ingħata lil EB mingħajr ma ntlaħaq ftehim globali bejn il-partijiet.

137    Rigward l-affermazzjoni tar-rikorrenti li d-diskussjonijiet ma’ EB fuq il-ftuħ tal-aċċess inbdew biss mill-ħarifa 2000, jiġifieri l-istess perijodu bħal dawk tat-tnaqqis tal-prezz u fuq it-tkabbir tas-servizzi speċjali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din tikkonradixxi l-argumenti preċedenti tagħhom rigward il-perijodu li jibda minn Frar sa Novembru 2000.

138    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti fuq dan il-punt għandu jiġi kompletament miċħud.

–       Fuq in-nuqqas allegat ta’ ostakolu abbużiv

139    Ir-rikorrenti jsostnu li dewmien eventwali fil-ftuħ tal-aċċess ma jiġġustifikax l-kritika li saritilhom ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE, peress li huma ma kellhom ebda għan antikompetittiv. Barra minn hekk, huma jqisu li hemm abbuż ta’ pożizzjoni dominanti biss meta l-possibbiltajiet kompetittivi tal-impriża allegatament ostakolata kienu ġew jew setgħu ġew kunsiderevolment affettwati.

140    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ użu abbużiv huwa kunċett oġġettiv li jirrigwarda l-aġir ta’ impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti li jkun tali li jinfluwenza l-istruttura ta’ suq fejn, preċiżament insegwitu għall-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef u li jkollu l-effett li jostakola, permezz ta’ mezzi differenti minn dawk li normalment jeżistu meta jkun hemm kompetizzjoni normali fuq prodotti jew servizzi abbażi tal-prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li jkun għad fadal fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 91; ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

141    Konsegwentement, l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jista’ jiġi kkunsidrat abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, anki fin-nuqqas ta’ kull ħtija (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ April 1993, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, T‑65/89, Ġabra p. II‑389, punt 70).

142    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti, li huma ma kellhom ebda għan antikompetittiv, ma jaffettwax il-kwalifika ġuridika tal-fatti. F’dan il-kuntest, l-istabbiliment tal-għan tar-rikorrenti li jipposponu l-ftuħ tal-aċċess sabiex jimpedixxu klijent u kompetitur tal-grupp Clearstream milli jipprovdi b’mod effikaċi s-servizzi tiegħu jista’ jsaħħaħ l-konklużjoni tal-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, iżda ma huwiex waħda mill-kundizzjonijiet.

143    Għandu jiġi mfakkar, barra minn hekk, li, f’dan il-każ, l-aċċess ġie miċħud lil EB, li kien, fl-istess ħin, klijent ta’ CBF fis-suq Ġermaniż tat-titoli f’depożitu kollettiv, iżda wkoll kompetitur dirett ta’ CBL, sister company ta’ CBF u l-uniku DĊIT ieħor fl-Unjoni Ewropea, fis-suq downstream tal-clearing u konklużjoni tal-operazzjonijiet transkonfinali fuq it-titoli trasferibbli. Għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix l-għan tar-rikorrenti li joħolqu żvantaġġ kompetittiv għall-EB, hija tevalwa, min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni u l-konsegwenzi ta’ dan ir-rifjut li jiġu pprovduti servizzi fil-kuntest tal-pożizzjoni ta’ EB u l-grupp kollu ta’ Clearstream fis-suq inkwistjoni. B’hekk, il-Kummissjoni tesponi diversi indizji ta’ natura li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kellhom bħala għan li jeskludu EB mill-provvediment tas-servizzi sekondarji transkonfinali ta’ clearing u ta’ konklużjoni (premessi 234 u 300 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, minħabba l-kunċett oġġettiv tal-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, ma hijiex neċessarja li tittieħed deċiżjoni fuq dan il-punt.

144    Fir-rigward tal-effett li tirreferi għalih il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 140 hawn fuq, dan ma jikkonċernax neċessarjament l-effett konkret tal-aġir abbużiv li dwaru sar l-ilment. Għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, huwa biżżejjed li jintwera li l-aġir abbużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandu tendenza li jirristrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir huwa ta’ natura li jkollu tali effett jew jista jkollu tali effett. (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, punt 239).

145    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxitx f’dan il-każ li l-aġir tar-rikorrenti kienx itendi li jirristrinġi l-kompetizzjoni fuq is-suq ta- servizzi sekondarji ta’ clearing u ta’ konklużjoni.

146    Kif ġie espost fil-kuntest ta’ eżami tal-ewwel motiv, mid-deċiżjoni kkontestata toħroġ l-analiżi kompleta tas-suq ta’ servizzi mwettqa mill-Kummissjoni. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni setgħet insegwitu b’mod validu tikkonkludi li CBF kellha monopolju u hija, għaldaqstant, soċja kummerċjali b’saħħitha fil-qasam tal-provvediment ta’ servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji fis-suq inkwistjoni. Hija, barra minn hekk, tikkonstata li l-ostakoli għad-dħul f’dan is-suq, fis-sens ta’ regoli, ta’ eżiġenzi tekniċi, ta’ interess tal-parteċipanti tas-suq, ta’ spejjeż tad-dħul, ta’ spejjeż għall-klijenti, kienu tant għolja li kien possibbli li tiġi eskluża l-eventwalità ta’ daħliet ġodda li jeżerċitaw restrizzjoni kompetittiva fuq CBF fil-futur ġejjieni (premessi 205 sa 215 tad-deċiżjoni kkontestata).

147    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex jiġi konkluż li hemm abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE, huwa neċessarju li r-rifjut tas-servizz inkwistjoni jkun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq min-naħa ta’ dak li qed jitlob is-servizz, li dan ir-rifjut ma jistax jiġi ġġustifikat oġġettivament u li s-servizz stess ikun indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ dak li jitolbu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, Ġabra p. I‑7791, punt 41). Skont ġurisprudenza stabbilita, prodott jew servizz huwa kkunsidrat bħala essenzjali jew indispensabbli jekk ma teżisti ebda sostituzzjoni reali jew potenzjali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 208, u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    Fir-rigward tal-kriterji tal-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni, ma huwiex neċessarju, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, li tiġi pprovata l-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni fis-suq, iżda li jiġi pprovat li r-rifjut inkwistjoni jippreżenta riskju li, jew huwa ta’ natura li, jelimina kull kompetizzjoni effettiva minnu. Tali riskju li jwassal għall-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva għandu jiġi pprovat mill-Kummissjoni (sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punti 563 u 564).

149    F'dan il-każ, huwa skont dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Kummissjoni kkonstatat (premessi 168, 226, 228, 231 u 234 tad-deċiżjoni kkontestata), qabel kollox, li r-rikorrenti kellhom monopolju fil-qasam ta’ provvediment ta’ servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji fis-suq inkwistjoni u li EB ma setax jidduplika s-servizzi li huwa kien qed jitlob. Hija, insegwitu, ikkonstatat li, bħala DĊIT, EB kien joffri lill-klijenti tiegħu punt ta’ aċċess uniku għal numru kbir ta’ swieq ta’ titoli trasferibbli u għaldaqshekk servizz innovattiv, fuq livell Ewropew, ta’ clearing u ta’ konklużjoni sekondarji għall-operazzjonijiet transkonfinali fuq it-titoli trasferibbli fi ħdan is-suq interjuri u li l-investituri li xtaqu jużaw is-servizzi ta’ “bank uniku” ta’ DĊIT kellhom essenzjalment l-għażla bejn CBL u EB. Skont il-Kummissjoni, l-aċċess għal CBF kien indispensabbli għal EB sabiex dan ikun jista’ jipprovdi dawn is-servizzi transkonfinali ta’ clearing u ta’ konklużjoni sekondarji, u ir-rifjut tar-rikorrenti li jipprovdulu servizzi primarji ta’ clearing u ta’ konklużjoni għall-azzjonijiet irreġistrati ostakola l-kapaċità ta’ EB li jipprovdi servizzi kompleti, pan-Ewropej u innovattivi. Dan ippreġudika l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni fil-provvediment ta’ servizzi transkonfinali ta’ clearing u ta’ konklużjoni sekondarji fis-suq tal-clearing u tal-konklużjoni transkonfinali ta’ titoli fl-Unjoni Ewropea u fl-aħħar mill-aħħar lill-konsumaturi fis-suq wieħed. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-aġir tar-rikorrenti ma setax ikun oġġettivament iġġustifikat.

150    Il-Kummissjoni kkonstatat, barra minn hekk, li r-rifjut li jiġi pprovdut aċċess dirett lil Cascade RS u d-diskriminazzjoni mhux iġġustifikata f'dan ir-rigward ma humiex żewġ ksur separati, iżda pjuttost żewġ manifestazzjonijiet tal-istess aġir, peress li d-diskriminazzjoni mhux iġġustifikata teżisti minħabba li CBF irrifjutat li tipprovdi lil EB l-istess servizzi bħal dawk li hija kienet tipprovdi lil klijenti simili jew servizzi simili. B’hekk, ir-rifjut ta’ provvediment hekk ipprovat huwa skontha msaħħaħ mill-konstatazzjoni ta’ aġir diskriminatorju mhux iġġustifikat tal-klijenti ta’ CBF.

151    Dawn il-konklużjonijiet ma jistgħux jiġu invalidati mill-argumenti differenti invokati mir-rikorrenti f'dan ir-rigward. B’hekk għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat ġustament li d-dewmien għall-ksib tal-aċċess kien sew qabeż dak li seta’ jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli u ġġustifikat, b’hekk flimkien ma’ rifjut abbużiv li jiġi pprovdut is-servizz inkwistjoni, ta’ natura li jikkawża żvantaġġ kompetittiv għal EB fis-suq inkwistjoni. Skont tqabbil, CBL, kompetitur dirett ta’ EB, kien kiseb l-aċċess għal Cascade RS f’erba’ xhur biss. Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li fi żmien il-fatti lanqas CBL ma kellu aċċess għal CBF, għandu jiġi osservat li CBL għamel din it-talba biss ladarba l-aċċess għal Cascade RS kien ingħata diġà lil EB (it-tieni inċiż tal-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata).

152    L-argument ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-aċċess indirett għal CBF kien jikkostitwixxi żvantaġġ kompetittiv għal EB u li EB u CBL kellhom fl-Ewropa fil-biċċa l-kbira tal-każijiet aċċess indirett għad-DĊT diġà ġie analizzat fil-kuntest tal-ewwel motiv fir-rigward tal-kwistjoni tas-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista. Għandu jiġi mfakkar, fuq dan il-punt, li, qabel ma talab l-aċċess għal Cascade RS, EB kellu aċċess indirett għal CBF permezz tal-intermedjarju tad-Deutsche Bank. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-atturi tas-suq, il-Kummissjoni kkonstatat ġustament li tali aċċess indirett kien jippreżenta numru ta’ inkonvenjenzi , jiġifieri termini itwal, riskju iktar sinjifikattiv, spejjeż ogħla u kunflitti ta’ interessi potenzjali (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, l-argument ta’ aċċess indirett eventwali għad-DĊT preżenti fis-swieq oħra ġeografiċi ma huwiex rilevanti, peress l-evalwazzjoni tal-fatti tikkonċerna biss is-suq ġeografiku inkwistjoni f'din il-kawża, jiġifieri l-Ġermanja.

153    Għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti fuq in-nuqqas ta’ rilevanza tar-riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għad-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni peress li dawn huma fondati fuq effett restrittiv kwalifikat li ma jinsabx f'din il-kawża, huwa biżżejjed li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 55 hawn fuq.

154    Fir-rigward tal-importanza ta’ titoli trasferibbli rreġistrati ta’ EB iddepożitati għand CBF u tal-qligħ potenzjali għal EB konness mal-kisba tal-aċċess għal Cascade RS, għandha tiġi enfasizzata b’mod partikolari, bħall-Kummissjoni, l-importanza tal-possibbiltà li jiġu proposti lill-klijenti s-servizzi marbuta mal-azzjonijiet irreġistrati Ġermaniżi, li fil-kuntest tas-suq attwali, ma tistax tiġi kkontestata. Barra minn hekk, l-importanza tas-servizz ipprovdut minn CBF tista’ tiġi evalwata biss abbażi tal-volumi ta’ tranżazzjonijiet mwettqa fir-rigward ta’ EB, li ma jikkorrispondux bil-fors u anki li ma jikkorrispondux fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, għall-volum tal-azzjonijiet iddepożitati għand CBF. F’kull każ, għalkemm l-argument tal-ftit volum jista’ jintuża fl-għażla bejn aċċess awtomatizzat u aċċess manwali, anki volum baxx ta’ operazzjoni fuq azzjonijiet irreġistrati, speċjalment fid-dawl tal-importanza tagħhom, jista’ jiġġustifika aċċess dirett għas-sistema ta’ trattament ta’ CBF. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma joffru ebda stima abbażi tal-valur tat-tranżazzjonijiet imwettqa, iżda jillimitaw ruħhom biss għall-preżentazzjoni ta’ ammonti li jikkonċernaw il-parti tal-azzjonijiet irreġistrati ddepożitati għand CBF, u dan mingħajr ebda prova. Bl-istess mod, huma jipproponu kalkolazzjoni oħra għad-determinazzjoni tal-importanza ta’ dawn l-azzjonijiet għal EB, li la hija sostnuta minn xi dokument u lanqas minn ebda bażi ta’ kalkolazzjoni definita.

155    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti fuq dan il-punt għandu jiġi kompletament miċħud.

–       Fuq in-nuqqas allegat ta’ diskriminazzjoni kontra EB

156    L-elementi kollha ta’ risposta għal dan l-argument kienu diġà ġew esposti fil-punt preċedenti. B’hekk huwa biżżejjed li jitfakkar, fir-rigward tat-talba allegata ta’ EB ta’ aċċess awtomatizzat għal Cascade u ta’ aċċess manwali għal Cascade RS, li CBL kiseb l-aċċess għal Cascade RS f’erba’ xhur biss għalkemm dan kien, skont ir-rikorrenti stess, talab l-istess formulazzjoni bħal EB (ara l-punti 106 u 151 hawn fuq). Fir-rigward tal-allegazzjoni li EB ma pproċediex għall-preparattivi neċessarji għall-ftuħ ta’ aċċess matul perijodu ta’ iktar minn sena, din ma ġietx ipprovata mir-rikorrenti (ara l-punti 112 sa 120 hawn fuq). Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li d-DĊT Awsrtijaċi u Franċiżi kienu kisbu aċċess għal Cascade mingħajr dewmien. Issa, jirriżulta mill-informazzjoni riċevuta matul il-proċedura amministrattiva u esposta fid-deċiżjoni kkontestata li ma hemmx servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni li CBF kienet tipprovdi lid-DĊIT li hija ma kinitx tipprovdi lid-DĊT nazzjonali (premessi 133 u 296 tad-Deċiżjoni kkontestata). Rigward it-tip ta’ aċċess, għandu jiġi mfakkar li l-aċċess mogħti lil EB f’Novembru 2001 kien manwali, bħal dak mogħti lil dawn id-DĊT nazzjonali.

157    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kkonstatat ġustament li EB sostna diskriminazzjoni fuq il-provvedimenti tas-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji għall-azzjonijiet irreġistrati.

158    Fir-rigward ta’ dak li jippreċedi, din il-parti tat-tieni motiv għandha tinċaħad bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ diskriminazzjoni fil-qasam tal-prezz

 L-argumenti tal-partijiet

159    Ir-rikorrenti jsostnu li ma kienx hemm diskriminazzjoni abbużiva fl-istabbiliment tal-prezzijiet fir-rigward ta’ EB. B’mod partikolari, ma huwiex possibbli li jitqabblu d-DĊT mad-DĊIT, peress li dawn huma żewġ gruppi differenti ta’ klijenti. Kemm il-formulazzjonijiet ta’ servizzi mitluba kif ukoll l-ispejjeż relatati magħhom huma differenti.

160    L-ewwel nett, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-istruttura tas-suq tista’ tiġġustifika d-distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ klijenti. Issa, f'dan il-każ, il-Kummissjoni naqset id-differenzi determinanti eżistenti fil-funzjonijiet u l-mudelli ta’ attività tad-DĊT u tad-DĊIT. B’mod partikolari, għad-differenza tad-DĊT, id-DĊIT ma humiex eżenti minn riskju peress li huma ma humiex suġġetti għal sorveljanza mill-istat qabel ma jiżguraw is-sigurtà taċ-ċirkolazzjoni tal-kapitali u peress li huma jistgħu jwettqu tranżazzjonijiet f’muniti differenti.

161    It-tieni nett, il-volumi ta’ tanżazzjonijiet li CBF jkollha tittratta għad-DĊIT huma ħafna iktar sinjifikattivi minn dawk mwettqa għad-DĊT u konsegwentement, il-livell ta’ standardizzazzjoni u ta’ awtomatizzazzjoni huwa ogħla għal tal-ewwel, u dan jeħtieġ l-użu ta’ ċerti programmi speċjali. Fil-fatt, 76 % tal-ispejjeż globali jirrigwardaw it-trattament tat-tranżazzjonijiet għad-DĊIT u dan huwa li jiġġenera żieda fl-ispejjeż tat-trattament tal-informazzjoni.

162    It-tielet nett, EB jibbenifika minn ċerti servizzi speċjali, imsemmija fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa għal dawn li jikkorispondi l-ammont biss annwali ta’ EUR 125 000. Fil-fatt, dawn is-servizzi ma humiex marbuta mal-clearing u mal-konklużjoni, iżda biss maż-żamma u l-ħruġ tat-titoli. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jipproduċu, anness mar-replika, posta elettronika tad-29 ta’ Awwissu 1996 indirizzata lil EB. Ir-rikorrenti jinsistu fuq l-eżattezza u r-rilevanza tal-kwalifika u tas-separazzjoni bejn is-servizzi ta’ konklużjoni u s-servizzi speċjali u jsostnu li s-servizzi huma pprovduti lil EB biss. It-tibdil ta’ pożizzjonijiet konsekuttivi għall-għoti ta’ titoli mill-bearer tagħhom, għar-restituzzjoni lill-bearers u għaż-żidiet jew tnaqqis tal-kapitali ta’ dawk li joħorġuhom huwa marbut maż-żamma tat-titoli u mhux mal-clearing jew mal-konklużjoni fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet fuq titoli.

163    Ir-raba’ nett, ftehim iffirmat fl-1997 bejn il-predeċessuri ta’ CBF u ta’ EB kien jispeċifika ċerti attivitajiet biss fir-rigward ta’ EB, li l-valur partikolari tagħhom kien irrikonoxxut minn dan tal-aħħar fin-nota interna tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2001. Madankollu, il-Kummissjoni ma ħaditx kont tal-informazzjoni kollha li minnha hija kienet tiddisponi.

164    Il-ħames nett, CBF għandha tbati l-ispejjeż tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili għar-riskji partikolari ta’ responsabbiltà marbuta maż-żewġ DĊIT. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, l-ispejjeż indikati taħt it-titolu “Spejjeż Ġenerali” għal EB huma sitt darbiet ogħla mill-ispejjeż indikati għad-DĊT kolha u 1.7 ogħla mill-ispejjeż indikati għal CI. Dawn ir-riskji speċjali huma marbuta mal-volumi kbar ta’ tranżazzjonijiet ta’ DĊIT, kif ir-rikorrenti diġà esponew fin-noti tagħhom tal-1 ta’ Settembru u tal-1 ta’ Diċembru 2003, li estratti minnhom huma mehmuża fl-anness tar-replika. Barra minn hekk, it-tqassim tal-ispejjeż ta’ assigurazzjoni hija ġġustifikata mill-inċidenti, li huma iktar frekwenti fid-DĊIT.

165    Is-sitt nett, 99.01 % tat-tranżazzjonijiet ittrattati matul il-lejl għad-depożitarji ċentrali, jkunu għad-DĊIT u dan jiġġenera spejjeż addizzjonali. Fil-fatt, għall-kuntrarju għad-DĊT, ir-riżultati tad-DĊIT huma mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom hemmhekk inklużi matul il-lejl. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti qed jipproduċu fl-anness tar-replika tabella ta’ remunerazzjoni tat-tranżazzjonijiet, ikkalkolata abbażi tal-ispejjeż globali u tal-volum ta’ tranżazzjonijiet attribwiti lid-DĊIT u d-DĊT, iżda li ma fiha ebda distinzjoni bejn l-ispejjeż ta’ tranżazzzjoni bejn it-trattament ta’ lejl u tal-jum, peress li l-ispejjeż ta’ sorveljanza speċjali ta’ eżekuzzjonijiet addizzjonali ta’ programmi maħruġa biss għad-DĊIT u ta’ servizzi ta’ volumi kbar ta’ tranżazzjoni huma mġarrba fil-kuntest tat-trattament ta’ lejl u wkoll fil-kuntest ta’ trattament tal-jum.

166    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni kkalkolat b’mod żbaljat id-differenza ta’ prezz ikkonstatata f’dan il-każ. Fil-fatt, l-ammont fiss annwali ma kienx remunerazzjoni tas-servizzi ta’ konklużjoni u peress li CBF kienet tagħti lil EB skontijiet skont il-kwantità, id-differenza ta’ prezz li għandha tiġi ġġustifikata mill-prova tal-ispejjeż korrispondenti hija bejn 2 u 5 % u tammontax sa 20 %. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrifjuta li tirrikonoxxi l-ispejjeż speċifiċi sostnuti minn CBF li jippermettu li tiġi oġġettivament iġġustifikata din id-differenza ta’ prezz li r-rikorrenti stmaw għal ammont bejn EUR 0.10 u 0.25.

167    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma analizzatx u ma rrispondietx għad-domanda dwar jekk il-formulazzjoni tal-prezzijiet mitluba minn EB mir-rikorrenti ma kinitx il-kawża għal EB ta’ żvantaġġ kompetittiv. Skont ir-rikorrenti, l-aħjar prova li EB ma subix żvantaġġ tikkonsisti fil-fatt li EB ma għaddiex it-tnaqqis tal-prezz fuq il-klijenti tiegħu.

168    Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda ta’ dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

169    Il-prattika, minn impriża f’pożizzjoni dominanti, ta’ prezzijiet diskriminatorji hija projbita mis-subparagrafu (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE li jipprevdi l-prattiki abbużivi li jikkonsistu fl-“applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet ekwivalenti ma’ partijiet oħra, li b’ hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv”

170    B’hekk, skont il-ġurisprudenza, impriża ma tistax tipprattika differenzi artifiċjali ta’ prezz li jistgħu jinvolvu żvantaġġ għall-klijenti tagħha u li jistgħu jinvolvu distorsjoni ta’ kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T‑83/91, Ġabra p. II‑755, punt 160 u Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 78).

171    Għandhom, għaldaqstant, jiġu vverifikati, f'dan il-każ, l-eżattezza materjali tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħa sabiex tikkonstata prattiki ta’ prezzijiet diskriminatorji mir-rikorrenti u jekk dawn l-elementi jistgħux iwasslu għall-konklużjoni li kundizzjonijiet mhux ugwali ġew applikati fir-rigward tal-partijiet l-oħra għal tranżazzjonijiet ekwivalenti, billi jiġu mqiegħda minħabba f’hekk fi żvantaġġ kompetittiv.

172    Skont il-Kummissjoni, id-DĊIT u d-DĊT jiffurmaw żewġ gruppi ta’ klijenti simili inkwantu huma jipprovduhom bħall-oħrajn servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni sekondarji għall-operazzjonijiet transkonfinali li jirrigwardaw it-titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż, u li l-kontenut tas-servizzi primarji ta’ clearing u ta’ konklużjoni għall-operazzjonijiet transkonfinali li CBF tipprovdilhom huwa ekwivalenti. Fil-fatt, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti stess, hija kkonstatat li d-DĊT u d-DĊIT jibbenefikaw minn servizzi simili u li ma hemmx servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni li CBF tipprovdi lid-DĊIT li hija ma tipprovdix lid-DĊT (premessi 128 u 133 tad-deċiżjoni kkontestata).

173    Issa, huwa kostanti bejn il-partijiet li CBF tiffattura lid-DĊT nazzjonali EUR 5 għal kull operazzjoni filwaqt li, bejn l-aħħar tas-sena 1996 u l-1 ta’ Jannar 2002, hija ffatturat lil EB prezz ta’ bażi ta’ EUR 6 għal kull operazzjoni kif ukoll miżata annwali ta’ EUR 125 000.

174    Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jaffermaw li t-tliet kategoriji ta’ CBF (DĊT, DĊIT u klijenti kundizzjonijiet ġenerali) jiksbu min-naħa tagħha essenzjalment l-istess servizzi, peress li kollha huma konnessi magħha bħala depożitarji intermedjarji, iżda li d-differenza ta’ prezz jikkorrispondi għat-twettiq tal-proċess li jista’ jkun differenti skont il-bżonnijiet differenti ta’ kull wieħed minn dawn il-klijenti. Madankollu, għandu jingħad li dan l-argument huwa spiss f’kontradizzjoni mad-dikjarazzjonijiet l-oħra magħmula waqt il-proċedura amministrattiva u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

175    B’hekk fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-ammont fiss ta’ EUR 125 000 jikkorrispondi biss għaż-żamma u għall-ħruġ ta’ titoli. Insostenn ta’ dan l-argument, huma pproduċew mehmuża mar-replika ittra tad-29 ta’ Awwissu 1999 mill-predeċessur ta’ CBF għall-predeċessur ta’ EB li kienet tinforma lil dan tal-aħħar bil-prezzijiet applikati minn tal-ewwel mill-1 ta’ Jannar 1997. Madankollu, minn din l-ittra jirriżulta li l-ammont fiss ta’ EUR 125 000 kien iffatturat għal servizzi speċjali (ara wkoll il-premesa 131 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li hemm speċifikat li għas-servizzi ta’ clearing il-prezzijiet applikati kienu “regolari”.

176    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenumeraw ċerti attiviatjiet li kienu jikkonċernaw lil EB biss skont il-ftehim iffirmat fl-1997 bejn il-predeċessuri ta’ CBF u ta’ EB.

177    Madankollu, ir-rikorrenti ma wrewx kif is-servizzi speċjali differenti li huma jsemmu huma differenti minn dawk pprovduti lid-DĊIT u lid-DĊT b’mod ġenerali. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li, waqt il-proċedura amministrattiva, huma affermaw, dwar id-DĊT, li barra s-servizzi standard ġew ipprovduti b’ċerti servizzi ta’ konklużjoni, enumerati, sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet speċifiċi tad-DĊT (għall-operazzjonijiet transkonfinali) abbażi ta’ ftehim indiviwali. It-tieni nett, fir-rigward tad-DĊIT, huma ddikjaraw li “d-DĊIT jirċievi kemm servizzi standard kif ukoll servizzi speċjali simili għal dawk ipprovduti lid-DĊT” u li, meta mqabbla mad-DĊT, ċerti servizzi speċjali, enumerati, ma humiex mitluba mid-DĊIT (premessi 125 u 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

178    Minn dan jirriżulta li, barra mis-servizzi standard ipprovduti lill-klijenti kundizzjonijiet ġenerali, ċerti servizzi addizzjonali kienu pprovduti lid-DĊT u lid-DĊIT skont il-bżonn speċifiku tagħhom, jiġifieri t-trattament tal-operazzjonijiet transkonfinali.

179    F'dan ir-rigward, għandu jinċaħad l-argument tar-rikorrenti dwar il-funzjonijiet differenti tad-DĊT u tad-DĊIT, peress li, għal dak li jikkonċerna t-titoli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż, id-DĊT mhux Ġermaniżi u d-DĊIT joperaw fuq l-istess livell u jitolbu lil CBF l-istess servizzi primarji. Il-Kummissjoni għaldaqstant ikkonkludiet ġustament li l-kontenut tas-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji għall-operazzjonijiet transkonfinali pprovduti minn CBF lid-DĊT u lid-DĊIT kienu ekwivalenti (premessa 307 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrewx b’liema mod il-punt 120 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni (C‑62/86, Ġabra p. I‑3359), li għaliha huma jirreferu, hija rilevanti għad-distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ klijenti kkonċernati f'dan il-każ.

180    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li bejn l-1998 u l-2002 il-volum tat-tranżazzjonijiet ta’ EB kien 18-il darba iktar sinjifikanti milli l-volum ta’ tranżazzjonijiet flimkien tas-seba’ DĊT nazzjonali u li, għaldaqstant, il-livell ta’ standardizzazzjoni u ta’ awtomatizzazzjoni huwa ogħla għas-servizzi pprovduti lid-DĊIT minn dak għad-DĊT. Madankollu, kif isostni ġustament il-Kummissjoni, dan l-argument jgħodd iktar fis-sens tal-konklużjoni inversa, jiġifieri wara s-sostenn ta’ spiża inizjali eventwali ta’ awtomatizzazzjoni, livell ogħla ta’ awtomatizzazzjoni jwassal fil-prinċipju għal tnaqqis fil-prezzijiet iktar milli għal żieda fil-prezzijiet. Bħala eżempju, jirriżulta mill-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata li t-tliet DĊT mhux Ġermaniżi tnaqqusulhom il-kummissjonijiet tagħhom minħabbba l-bidla minn trattament purament manwali għal proċeduri totalment awtomatizzati.

181    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-differenza ta’ prezz kienet iġġustifikata peress li CBF kellha ssostni ċerti spejjeż proprji għad-DĊIT, marbuta għat-trattament ta’ matul il-lejl, mal-volumi kbar ta’ tranżazzjonijiet kif ukoll ma’ kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili għar-riskji partikolari li għalihom huma esposti ż-żewġ DĊIT.

182    Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-elementi ta’ prova insostenn ta’ dawn l-argumenti li r-rikorrenti pproduċew fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma humiex konklużivi. B'mod partikolari, dawn huma prodotti annessi mar-replika tal-estratti tan-noti tar-rikorrenti tal-1 ta’ Settembru u tal-1 ta’ Diċembru u anness tan-nota tal-1 ta’ Settembru 2003, indirizzati lill-Kummissjoni għat-talbiet tagħha ta’ informazzjoni.

183    Id-dokument anness man-nota tal-1 ta’ Settembru 2003 fiha t-tqassim tal-ispejjeż għall-perijodu minn Jannar sa Awwissu 2002 u għaldaqstant ma jikkonċernax il-perijodu li fuqu qed tiġi kkonstatata l-applikazzjoni ta’ prezzijiet diskriminatorji. Barra minn hekk, il-prezz applikat lil EB mill-1 ta’ Jannar 2002 ġie mnaqqas għal EUR 3. Issa, mir-risposta tar-rikorrenti għat-talba ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Settembru 2002, mehmuża mal-anness tal-kontroreplika, jirriżulta li l-marġni ta’ profitt ta’ CBF fuq id-DĊIT, anki wara dan it-tnaqqis, kien simili għal dak tad-DĊT. Dan it-tqassim għaldaqstant fl-ebda każ ma jista’ jiġġustifika d-differenza tal-prezzijiet li fuqha sar ilment matul il-perijodu inkwistjoni.

184    Fir-rigward tal-estratti tan-noti tal-1 ta’ Settembru u tal-1 ta’ Diċembru 2003, dawn jippreżentaw għaldaqstant iktar u iktar argument addizzjonali tar-rikorrenti li dokument għandu xi valur probatorju

185    Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li, għalkemm l-oneru tal-prova fir-rigward tal-eżistenza taċ-ċirkustanzi li jammontaw għal ksur tal-Artikolu 82 KE jinsab fuq il-Kummissjoni, hija madankollu l-impriża dominanti inkwistjoni, u mhux il-Kummissjoni, li għandha, jekk ikun il-każ, u qabel l-għeluq tal-proċedura amministrattiva, tressaq ġustifikazzjoni oġġettiva eventwali u tippreżenta, f’dan ir-rigward, argumenti u elementi ta’ prova. Il-Kummissjoni mbagħad, jekk ikollha l-intenzjoni tikkonkludi li jeżisti abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tipprova li l-argumenti u l-elementi ta’ prova invokati mill-imsemmija impriża ma jistgħux jipprevalu u għaldaqstant, li l-ġustifikazzjoni ppreżentata ma tistax tintlaqa’ (sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 688).

186    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, waqt il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni talbet diversi drabi lir-rikorrenti sabiex jiġġustifikaw id-differenzi tal-prezzijiet applikati matul il-perijodu kkonċernat u b'mod partikolari li jagħtuha d-dettall tal-ispejjeż f’kull każ billi jqassmuhom għal kull operazzjoni. Huwa kostanti bejn il-partijiet li r-rikorrenti qatt ma ressqu tali tqassim tal-ispejjeż. Barra minn hekk, il-lista tas-servizzi pprovduti mir-rikorrenti kienet, skont il-Kummissjoni, inkoerenti u kontradittorja (premessi 134 u 313 tad-deċiżjoni kkontestata).

187    Barra minn hekk, l-argumenti tar-rikorrenti għal dak li jirrigwarda t-trattament matul il-lejl, il-volumi kbar ta’ tranżazzzjonijiet u l-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ EB ġew kollha analizzati u ġustament miċħuda fid-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm ċerti dokumenti, li abbażi tagħhom saret din l-analiżi, ssemmew fid-deċiżjoni kkontestata, dawn jew ma ġewx prodotti għall-finijiet ta’ din il-kawża, jew għalkemm prodotti ma kinux konklużivi (ara l-punti 183 u 184 hawn fuq). Issa, dawn l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti li ma huma ibbażati fuq l-ebda ċifra probatorja ma humiex konvinċenti, filwaqt li ċerti minnhom huma illoġiċi u anki kontradittorji. B’hekk, ir-rikorrenti ma humiex f’pożizzjoni li juru kif il-volumi kbar ta’ tranżazzjoni, għalkemm il-kawża ta’ livell ogħla ta’ awtomatizzazzjoni, iġġeneraw iż-żieda tal-ispejjeż għal kull tranżazzjoni. Bl-istess mod, huma ma jispjegawx il-għala huma daħlu f’assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili li tippermetti li jiġu koperti r-riskji li jirrigwardaw id-DĊIT u ma ressqux kopja ta’ tali kuntratt ta’ assigurazzjoni. Fir-rigward tat-trattament matul il-lejl, għalkemm dan l-argument fih innifhsu jista’ jirrappreżenta ġustifikazzjoni, l-argument tar-rikorrenti fuq dan il-punt għandu madankollu jinċaħad. Ir-rikorrenti jaffermaw li l-kalkolu li huma pproduċew fl-anness tar-replika ma fih ebda distinzjoni tal-ispejjeż ta’ tranżazzjoni bejn it-trattament matul il-lejl u t-trattament matul il-ġurnata, peress li l-ispejjeż tas-sorveljanza speċjali tal-eżekuzzjonijiet addizzjonali ta’ programmi magħmula biss għad-DĊIT u tas-servizzi ta’ informazzjoni li jirriżultaw minn volumi kbar ta’ tranżazzjonijiet huma mġarrba fil-kuntest tat-trattament matul il-lejl, iżda ukoll fil-kuntest ta’ dak matul il-ġurnata. Minn naħa, huma fixklu l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mill-elementi msemmija fil-kuntest tal-argumenti preċedenti u l-ispejjeż addizzjonali dovuti għat-trattament matul il-lejl. Min-naħa l-oħra, huma ma pproduċew ebda kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż mqassma skont il-volum ta’ tranżazzjonijiet ittrattati matul il-ġurnata u matul il-lejl u skont il-benefiċjarju, EB jew id-DĊT.

188    Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jipprovaw li l-prezzijiet applikati lil EB kienu bbażati fuq spejjeż reali addizzjonali li huma sostnew fir-rigward tiegħu biss.

189    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni għamlet żball meta kkalkolat id-differenza tal-prezzijiet li huma kellhom jiġġustifikaw, dan għandu wkoll jinċaħad. Fil-fatt, abbażi tad-deskrizzjoni tas-servizzi li r-rikorrenti jikkwalifikaw bħala speċjali barra mill-konklużjoni (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata), minn tal-inqas ċerti minn dawn is-servizzi li jikkorrispondu għall-ammont fiss ta’ EUR 125 000 jidhru konnessi mas-servizz ta’ konklużjoni. F’kull każ, għandu jiġi kkonstatat li barra mill-Kummissjoni għal kull tranżazzjoni regolari, CBF kienet tiffattura lil EB dan l-ammont fiss annwali għal servizzi li minnhom kienu jibbenefikaw EB u d-DĊT, li minkejja dan ma kienx jiġi ffaturat lil dawn tal-aħħar, li kienu xorta jibbenefikaw minn numru iktar sinjifikattiv ta’ servizzi speċjali mid-DĊIT. B’hekk, il-prezz għal kull tranżazzjoni meħuda fit-totalità tagħha u effettivament imħallsa minn EB kien ogħla mit-tariffa normali ta’ EUR 6 u d-diskriminazzjoni li kien isofri minnha EB taqbeż għaldaqstant id-differenza ta’ 20 % bejn il-prezzijiet iffatturati lil EB u dawk iffatturati lil ċerti DĊT (premessa 306 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-iskont ta’ kwantità applikat lil EB, dan kellu pjuttost iwassal l-prezzijiet għal EB għal livell inferjuri minn dak ta’ klijenti simili oħra.

190    Fir-rigward ta’ dak li jippreċedi għandu jiġi kkonstatat li mingħajr ma wettqet żball ta’ evalwazzjoni l-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikorrenti pprattikaw prezzijiet diskriminatorji kontra EB fis-sens tas-subparagrafu (ċ), tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE.

191    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma analizzatx u ma rrisponditx għall-kwistjoni dwar jekk il-formazzjoni tal-prezzijiet iffatturati mir-rikorrenti lil EB kinitx tinvolvi għalih żvantaġġ kompetittiv.

192    Kif tfakkar il-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni speċifika tad-diskriminazzjoni stipulata fis-subparagrafu (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE tagħmel parti mis-sistema li tiggarantixxi, skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, li ma jkunx hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern. L-aġir kummerċjali tal-impriża f’pożizzjoni dominanti ma għandux joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni f’suq li jinsab upstream jew downstream, jiġifieri l-kompetizzjoni bejn fornituri u bejn klijenti ta’ din l-impriża. Il-partijiet kontraenti ta’ din l-impriża ma għandhomx jiġu vantaġġati jew żvantaġġati fit-territorju fejn qed jikkompetu bejniethom. Konsegwentement, sabiex il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tas-subparagrafu (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE ikunu sodisfatti, għandu jiġi kkonstatat li l-aġir tal-impriża f'pożizzjoni dominanti fis-suq mhux biss huwa diskriminatorju, iżda anki li jwassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bejniethom, jiġifieri li jostakola l-pożizzjoni kompetittiva ta’ uħud mill-kompetituri ta’ din l-impriża meta mqabbla mal-oħrajn (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, C-95/04 P, Ġabra p. I‑2331, punti 143 u 144).

193    F'dan ir-rigward, xejn ma jipprekludi li d-diskriminazzjoni tal-partijiet l-oħra li jsibu ruħhom f’kompetizzjoni bejniethom tista’ tkun ikkunsidrata bħala abbużiva minn meta l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jwassal, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, għal distorsjoni kompetittiva bejn dawn il-partijiet l-oħra. F'sitwazzjoni bħal din, ma jistax jiġi mitlub li tingħata barra minn hekk il-prova ta’ deterjorament effettiv kwantifikabbli tal-pożizzjoni kompetittiva tal-partijiet l-oħra meħuda individwalment (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, punt 192 iktar ’il fuq, punt 145).

194    F'dan il-każ, l-applikazzjoni fir-rigward ta’ parti oħra ta’ prezzijiet differenti għal servizzi ekwivalenti, u dan b’mod kontinwu matul ħames snin u minn impriża li għandha monopolju fis-suq upstream, ma tistax ma tipproduċix żvantaġġ kompetittiv għal din l-istess parti.

195    Fir-rigward ta’ dak kollu li jippreċedi, għandha tinċaħad din il-parti tat-tieni motiv u, għaldaqstant, it-tieni motiv kollu.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ CBF lil CI

 L-argumenti tal-partijiet

196    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni qatt ma kkonstatat li t-tieni rikorrenti, CI, kellha pożizzjoni dominanti u li, konsegwentement, din ma setgħetx tabbuża minnha.

197    Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

198    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi attribwit lill-oħra meta din ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda tkun essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet mogħtija minn din tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, C-294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27). Għalhekk, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi attribwit lil kumpannija parent meta l-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-linja ta’ aġir tagħha fuq is-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jkunu ngħataw mill-kumpannija parent, peress li dawn iż-żewġ impriżi jikkostitwixxu entità ekonomika waħda (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 132 u 133).

199    Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent jkollha 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li tkun responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur, teżisti preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 50), u għaldaqstant dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T-71/03, T-74/03, T-87/03 u T-91/03, Ġabra p. II-10, punt 59). Għaldaqstant, hija l-kumpannija parent li, quddiem il-Qorti Komunitarja, tkun qiegħda tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa għall-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, li għandha tikkonfuta din il-preżunzjoni billi tressaq elementi ta’ prova li jistgħu jipprovaw l-awtonomija ta’ din tal-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T-314/01, Ġabra p. II-3085, punt 136; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, iktar ’il quddiem is-“sentenza Stora”, punt 29).

200    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora, punt 56 hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat ċirkustanzi oħra minbarra dik tal-proprjetà ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent eżerċitat fuq il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja esponiet l-imsemmija ċirkustanzi għall-fini biss li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ibbażat ir-raġunament tagħha sabiex tikkonkludi li dan ma kienx ibbażat biss fuq il-fatt li l-kumpannija parent kienet il-proprjetarja tal-kapital kollu tal-kumpannija sussidjarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja tindika, fis-sentenza Stora, punt 199 iktar ’il fuq (punt 29), espliċitament li “fil-każ ta’ proprjetà tal-kapital kollu tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet leġittimament tqis, kif irrlevat il-Kummissjoni, li l-kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha”, u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija r-rikorrenti li għandha tikkonfuta din il-“preżunzjoni” permezz ta’ elementi probatorji suffiċjenti.

201    F'dan il-każ, peress li CI għandha 100 % tal-kapital tal-CBF, hija hija li għandha tressaq il-prova tal-eżistenza ta’ aġir awtonomu ta’ CBF li tista’ tikkonfuta din il-preżunzjoni, u dan ma għamlitux. Fil-fatt. Fin-noti tagħhom, ir-rikorrenti ma jsemmux il-kwistjoni dwar jekk is-sussidjarja CBF kinitx idddeterminat u/jew tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq minflok tapplika l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent tagħha.

202    Ir-rikorrenti lanqas ma kkontestaw l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fir-risposta, b’riferiment għall-premessi 235, 271 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, li, minn naħa, fil-pubblikazzjonijiet kummerċjali tagħha, Clearstream hija ppreżentata bħala entità weħedha, u min-naħa l-oħra, l-elementi ta’ fatt imressqa fid-deċiżjoni kkontestata juru li CI influwenzat l-aġir ta’ CBF, li għaldaqstant ma aġixxietx b’mod awtonomu, u anki li CI xi drabi aġixxiet f’isem is-sussidjarja Ġermaniża tagħha.

203    Għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni qatt ma kkonstatat li CI kienet impriża li kellha pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq premessa żbaljata, li ebda ksur ma kien ġie kkonstatat fir-rigward tagħha. Issa, mill-premessi 224 et seq u mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li CI hija personalment ikkundannata għal ksur li hija suppost għamlet minħabba r-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi li junifikawha ma’ CBF u li jippermettulha li tiddetermina l-aġir ta’ dan tal-aħħar fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, punt 198 iktar ’il fuq, punt 34).

204    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jinċaħad bħala infondat.

4.     Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-karattru impreċiż tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

205    Ir-rikorrenti jsostnu li, billi meta ffissat, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-bidu tar-rifjut illegali li tipprovdi s-servizzi inkwistjoni f’Diċembru 1999, il-Kummissjoni ma ħaditx kont tal-intervall ta’ erba’ xhur mit-talba għall-aċċess li għalih hija, minkejja kollox, affermat, fil-motivi, li ma kienx abbużiv.

206    Rigward l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, dan huwa illegali peress li l-kliem tiegħu huwa wisq impreċiż, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-aġir konkret li minnu r-rikorrenti għandhom jastjenu. Barra minn hekk, il-kliem ta’ dan l-artikolu ma huwiex ċar ħafna bil-Ġermaniż u huwa f’kontradizzjoni mal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, jista’ jinftiehem f’dan is-sens li r-rikorrenti għandhom jastjenu biss mill-atti deskritti fl-Artikolu 1 li jiksru l-Artikolu 82 KE, mingħajr madankollu ma ġew speċifikati liema.

207    Ir-rikorrenti jiddeduċu mill-preċiżjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fir-risposta li d-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċerna biss l-aġir tar-rikorrenti kontra EB, u mhux kontra impriżi oħra. Il-Kummissjoni tiċħad interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li tkun għaldaqstant mingħajr effett għall-azzjonijiet bearer.

208    Skont il-Kummissjoni, il-kliem tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata ma fihx l-impreċiżjonijiet li r-rikorrenti jattribwixxulu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

209    Fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni terminu ta’ erba’ xhur fid-determinazzjoni tal-perijodu tal-ksur ma huwiex fondat. Fil-fatt, id-data tal-ewwel talba ta’ aċċess ta’ EB lil Cascade RS sostnuta mill-Kummissjoni u kkonfermata fil-punti 97 sa 99 iktar ’il fuq hija dik tat-3 ta’ Awwissu 1999, filwaqt li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiffissa l-bidu tal-ksur fit-3 ta’ Diċembru 1999. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni naqsithom sew l-erba’ xhur, jiġifieri t-tul taż-żmien massimu li hija ddeċidiet raġonevoli sabiex jingħata l-aċċess mitlub, mill-perijodu totali tal-ksur kkonstatat f'dan il-każ. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda kontradizzjoni bejn il-motivi tagħha u d-dispożittiv tagħha.

210    Fit-tieni lok, rigward l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi mfakkar li huwa fid-dispożittiv tad-deċiżjonijiet tagħha li l-Kummissjoni tindika n-natura u l-estenzjoni ta’ ksur li hija ssanzjonat u kkonstatat, u, fil-prinċipju, fir-rigward preċiżament tal-portata u tan-natura tal-ksur, huwa d-dispożittiv, u mhux il-motivi, li huwa rilevanti. Huwa biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ kjarezza tat-termini użati fid-dispożittiv li dan għandu jiġi interpertat billi jsir riferiment għall-motivi tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, T-61/99, Ġabra T‑61/99 p. II‑5349, punt 43).

211    F'dan il-każ, il-kliem tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma fih ebda ambigwità. Minnu jirriżulta kjarament li l-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1, li r-rifjut li jiġu pprovduti servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji għall-azzjonijiet irreġistrati u l-aġir diskriminatorju fir-rigward ta’ EB, minn naħa, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ prezzijiet diskriminatorji, min-naħa l-oħra, kienu jmorru kontra l-Artikolu 82 KE. Dan l-artikolu jippreċiża n-natura, it-tul taż-żmien u l-awturi tal-ksur ikkonstatat.

212    Fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti biex jastjenu fil-futur milli jwettqu l-ksur previsti fl-Artikolu 1 tiegħu.Il-kliem tiegħu, moqrija flimkien mal-kliem tal-Artikolu 1, huwa, għaldaqstant, preċiż ħafna.

213    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jinċaħad bħala infondat.

214    Mill-iżviluppi kollha li jippreċedu jirriżulta li hemm lok li r-rikors jinċaħad kollu kemm hu.

5.     Fuq it-talba ta’ smigħ ta’ xhud

215    Ir-rikorrenti offrew li jressqu, permezz tax-xhieda tal-kap tad-dipartiment “Clearing u Konklużjoni” ta’ CBF fiż-żmien tal-fatti, il-prova ta’ ċerti affermazzjonijiet tagħhom, jiġifieri t-tip ta’ aċċess li EB talab, ir-rifjut tiegħu li jirreġistra l-azzjonijiet irreġistrati fl-isem tal-proprjetarju ekonomiku u r-responsabbiltà ta’ EB fil-falliment tal-ftuħ ta’ aċċess.

216    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha diskrezzjoni sħiħa dwar jekk ikunx meħtieġ li jiġu ssupplementati l-elementi ta’ prova li jkollha quddiema f’kawżi li jkunu tressqu quddiemha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).

217    Fil-fatt, anki meta talba għas-smigħ ta’ xhieda, magħmula fir-rikors, tindika bi preċiżjoni l-fatti li fuqhom għandhom jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom, hija fid-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l-ħtieġa li jiġu eżaminati x-xhieda indikati (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 70).

218    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tiddeċiedi b’mod utli abbażi tal-konklużjonijiet, tal-motivi u tal-argument żviluppati matul il-proċedura kemm miktuba kif ukoll orali. Konsegwentement, għandha tinċaħad it-talba ta’ smigħ ta’ xhud, ippreżentata mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

219    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Clearstream Banking AG u Clearstream International SA huma kkundanati għall-ispejjeż.

Vilaras

Prek

Ciucă

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq ta’ servizzi inkwistjoni u fuq nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ rifjut abbużiv għal aċċess u ta’ diskriminazzjoni abbużiva min-naħa tar-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–  Fuq id-data tat-talba ta’ aċċess

–  Fuq l-iżbalji ta’ interpretazzjoni allegati tal-Kummissjoni rigward it-tipi ta’ aċċess mitluba minn EB

–  Fuq l-argument li EB ma pproċediex għal preparattivi neċessarji kollha għall-ftuħ tal-aċċess

–  Fuq l-argument ibbażat fuq in-negozjati l-ġodda tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u EB

–  Fuq in-nuqqas allegat ta’ ostakolu abbużiv

–  Fuq in-nuqqas allegat ta’ diskriminazzjoni kontra EB

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ diskriminazzjoni fil-qasam tal-prezz

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-imputazzjoni żbaljata tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ CBF lil CI

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-karattru impreċiż tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  Fuq it-talba ta’ smigħ ta’ xhud

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża:il-Ġermaniż.