Language of document : ECLI:EU:T:2009:317

Kawża T-301/04

Clearstream Banking AG u

Clearstream International SA

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Servizzi finanzjarji — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 82 KE — Rifjut li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali ta’ clearing u ta’ konklużjoni — Prezzijiet diskriminatorji — Suq rilevanti — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Suq inkwistjoni — Delimitazzjoni — Evalwazzjoni ekonomika kumplessa — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikolu 82 KE)

2.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Suq inkwistjoni — Delimitazzjoni — Kriterji

(Artikolu 82 KE)

3.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Suq inkwistjoni — Delimitazzjoni — Kriterji — Sostitwibbiltà ta’ prodotti jew servizzi min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda

(Artikolu 82 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 372/03)

4.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Suq inkwistjoni — Delimitazzjoni — Effett tal-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni — Assenza

(Artikolu 82 KE)

5.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Suq inkwistjoni — Delimitazzjoni — Kriterji — Nuqqas totali ta’ kompetizzjoni min-naħa ta’ servizzi oħra parzjalment interkambjabbli — Kundizzjoni mhux neċessarja

(Artikolu 82 KE)

6.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Deċiżjoni li teħtieġ evalwazzjoni ekonomika jew teknika kumplessa — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

7.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Obbligi tal-impriża dominanti —Possibbiltà għall-impriża f’pożizzjoni dominanti li żżomm l-interessi kummerċjali tagħha, bil-kundizzjoni li la ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha u lanqas ma tabbuża minnha

(Artikolu 82 KE)

8.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kunċett — Nuqqas ta’ żball — Effett tal-għan tal-aġir abbużiv

(Artikolu 82 KE)

9.      Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Kunċett — Aġir li għandu jew bħala effett jew bħala għan li jostakola ż-żamma jew l-iżvilupp tal-kompetizzjoni

(Artikolu 82 KE)

10.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Rifjut diskriminatorju ta’ aċċess għas-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjoni primarji għat-titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż

(Artikolu 82 KE)

11.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Applikazzjoni ta’ prezzijiet diskriminatorji

(Artikolu 82 KE)

12.    Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Abbuż — Applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet ekwivalenti — Neċessità ta’ prova ta’ distorsjoni effetiva tal-kompetizzjoni — Assenza

(Artikolu 3(1)(g) KE u s-subparagrafu ċ tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE)

13.    Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur imwettaq minn sussidjarja — Imputazzjoni lill-kumpannija parent — Kundizzjonijiet

14.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Identifikazzjoni tal-ksur issanzjonat

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

15.    Proċedura — Miżuri istruttorji — Smigħ tax-xhieda — Setgħa diskrezzjonali tal-Qorti tal-Prim’Istanza

(Regoli tal-Proċedura tat-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 68(1))

1.      Id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni li timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni, tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ limitat min-naħa tal-Qorti Komunitarja. Madankollu, din tal-aħħar ma tistax tastjeni milli tistħarreġ l‑interpretazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. F’dan ir-rigward, hija għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni bbażatx l-evalwazzjoni tagħha fuq elementi ta’ prova li huma preċiżi, affidabbli u koerenti, li jikkostitwixxu l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u li huma kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa minnhom.

(ara l-punt 47)

2.      Għall-finijiet tal-eżami tal-pożizzjoni, possibbilment dominanti, ta’ impriża f’settur ta’ suq iddeterminat, il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta’ suq li jiġbor il-prodotti jew servizzi kollha li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, huma partikolarment adattati sabiex jissodisfaw il‑bżonnijiet kostanti u huma biss sa ċertu punt interkambjabbli bi prodotti oħra u servizzi oħra.

Barra minn hekk, peress li d-determinazzjoni tas-suq inkwistjoni ssir sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża kkonċernata għandhiex il-possibbiltà li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva, u li jkollha mġiba, b’mod kunsiderevoli, indipendenti minn dik tal-kompetituri tagħha u tal-klijenti tagħha, għal dawn il-finijiet, ma tistax tiġi limitata għall-eżami tal-karatteristiċi oġġettivi ta’ prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni biss, iżda għandhom ukoll jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u tal-istruttura tad-domanda u tal-provvista fis-suq.

Il-kunċett ta’ suq ikkonċernat jimplika li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti minnu, li jippresupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti jew is-servizzi kollha li jiffurmaw parti mill-istess suq.

(ara l-punti 48, 49)

3.      Hekk kif jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, “suq rilevanti ta’ prodotti inkwistjoni jinkludi dawk il-prodotti kollha u/jew servizzi li l-konsumatur iqis bħala interkambjabbli jew sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezzijiet tagħhom u l-użu intiż tagħhom”. Is-sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni fl-operazzjonijiet li fihom din is‑sostitwibbiltà għandha effetti ekwivalenti għal dawk tas-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda f’termini ta’ immedjatezza u ta’ effiċjenza. Dan jeżiġi li l-fornituri jkunu jistgħu jmexxu l-produzzjoni tagħhom lejn il-prodotti inkwistjoni u jikkummerċjalizzawhom fi żmien qasir, mingħajr ma jsofru spejjeż jew riskji addizzjonali sostanzjali minħabba varjazzjonijiet żgħar, iżda fit-tul, fil-prezzijiet relattivi.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta hija sostniet l-eżistenza ta’ suq speċifiku tas-servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjonijiet primarji għat-titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż, distint mis-suq ta’ servizzi sekondarji, peress li, minħabba l-fatt li impriża għandha f’dan is-suq monopolju ta’ fatt u tikkostitwixxi għaldaqstant soċju kummerċjali b’saħħtu għall-imsemmija servizzi primarji, la hemm sostitwibbiltà mill-aspett tad-domanda u lanqas mill-aspett tal-provvista tal-imsemmija servizzi.

Fil-fatt, suq sekondarju, b’karatteristiċi speċifiċi mill-aspett tad-domanda u tal-provvista u li joffri prodotti jew servizzi li jokkupaw post essenzjali u mhux interkambjabbli fis-suq iktar ġenerali, li minnu jagħmel parti, għandu jiġi kkunsidrat bħala suq ta’ prodotti distinti. F’dan il-kuntest, huwa biżżejjed li suq potenzjali jew anki wieħed ipotetiku jista’ jiġi identifikat, u dan huwa l-każ fejn il‑prodotti jew is-servizzi huma indispensabbli sabiex tiġi eżerċitata attività partikolari u meta teżisti, għalihom, domanda effettiva min-naħa tal-impriżi li għandhom il-ħsieb li jeżerċitaw tali attività. Għaldaqstant, huwa determinanti l‑fatt li jkunu jistgħu jiġu identifikati żewġ stadji ta’ produzzjoni differenti, li jkunu marbuta minħabba li l-prodott fl-ewwel stadju jkun indispensabbli għall-provvista tal-prodott fit-tieni stadju.

(ara l-punti 50, 51, 57, 62, 64-68, 73)

4.      Fil-kuntest tas-setgħa deċiżjonali tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni, il‑Kummissjoni għandha tipproċedi għal analiżi individwalizzata taċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull każ, mingħajr ma tkun marbuta minn deċiżjonijiet preċedenti. Minn dan jirriżulta li l-partijiet imsemmija fid-deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE tal-Kummissjoni ma għandhomx id-dritt li jikkontestaw il‑konstatazzjonijiet ta’ din tal-aħħar minħabba li dawn ikunu differenti minn dawk li jkunu saru preċedentement f'każ ieħor, anki jekk is-swieq inkwistjoni fiż-żewġ każijiet ikunu simili, jew ikunu identiċi.

(ara l-punt 55)

5.      Għalkemm l-eżistenza ta’ rapport ta’ kompetizzjoni bejn iż-żewġ servizzi ma tippresupponix interkambjabbiltà perfetta għal użu speċifiku, il-konstatazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti għal servizz ma teħtieġx in-nuqqas totali ta’ kompetizzjoni ta’ servizzi oħra parzjalment interkambjabbli, sakemm din il-kompetizzjoni ma tqegħedx inkwistjoni s-setgħa tal-impriża li tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il‑kundizzjonijiet li fihom din il-kompetizzjoni tiżviluppa u, f’kull każ, li ġġib ruħha fil-biċċa l-kbira mingħajr ma jkollha għalfejn teħodha inkunsiderazzjoni u mingħajr ma ssostni preġudizzju minħabba l-imġiba.

(ara l-punt 64)

6.      Minkejja li l-Qorti Komunitarja teżerċita, bħala regola ġenerali, stħarriġ ġudizzjarju sħiħ fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni humiex sodisfatti jew le, l-istħarriġ ġudizzjarju li hija teżerċita fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandu, madankollu, ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tar-regoli dwar il-motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

Bl-istess mod, sa fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirriżulta minn evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi, dawn l-evalwazzjonijiet, bħala prinċipju, ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju limitat, li jimplika li l-Qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-elementi ta’ fatt tagħha għal dik tal-Kummissjoni.

Madankollu, għalkemm il-Qorti Komunitarja tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ekonomiċi jew tekniċi, dan ma jfissirx li l-Qorti Komunitarja għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta’ informazzjoni ta’ din in-natura. Fil-fatt, il-Qorti Komunitarja mhux biss għandha tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex kapaċi jissostanzjaw il-konklużjonijiet milħuqa.

(ara l-punti 93-95)

7.      Għalkemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fiha nnifisha ma timplika ebda kritika fir-rigward tal-impriża kkonċernata, din għandha, irrispettivament mill-fatturi li joħolqu tali pożizzjoni, responsabbiltà partikolari li permezz tal-aġir tagħha ma tippreġudikax kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjonijiet fis-suq komuni. Bl-istess mod, għalkemm l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma tipprivax impriża mqiegħda f’din il-pożizzjoni mid-dritt li tħares l‑interessi kummerċjali tagħha stess, meta dawn ikunu mhedda, u għalkemm din l‑impriża għandha l-fakultà, f’miżura raġonevoli, li twettaq l-atti li hija tqis xierqa sabiex tipproteġi l-interessi tagħha, tali aġir ma jistax madankollu jiġi ammess meta dan għandu bħala għan li jirrinforza din il-pożizzjoni dominanti u jabbuża minnha.

B’hekk jirriżulta min-natura tal-obbligi imposti mill-Artikolu 82 KE li, f’ċirkustanzi partikolari, l-impriżi f’pożizzjoni dominanti jistgħu jiġu miċħuda mid-dritt li jadottaw aġir, jew iwettqu xi atti, li ma humiex fihom infushom abbużivi, u li lanqas ma huma kundannabbli meta adottati jew imwettqa minn impriżi mhux dominanti.

Jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, aġir abbużiv il-fatt għal impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ clearing u ta’ konklużjonijiet primarji għat-titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż, li ddewwem l‑aċċess dirett għal impriża oħra għas-sistema informatika neċessarja għall-imsemmija servizzi.

(ara l-punti 132, 133, 136)

8.      Il-kunċett ta’ użu abbużiv huwa kunċett oġġettiv li jirrigwarda l-aġir ta’ impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti li jkun tali li jinfluwenza l-istruttura ta’ suq fejn, preċiżament insegwitu għall-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef u li jkollu l-effett li jostakola, permezz ta’ mezzi differenti minn dawk li normalment jeżistu meta jkun hemm kompetizzjoni normali fuq prodotti jew servizzi abbażi tal-prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni li jkun għad fadal fis-suq jew l‑iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni. Konsegwentement, l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jista’ jiġi kkunsidrat abbużiv, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, anki fin-nuqqas ta’ kull ħtija. Konsegwentement, il-fatt li impriża f’pożizzjoni dominanti ma ħaddnet l-ebda għan antikompetittiv, ma jaffettwax il-kwalifika ġuridika tal-fatti. F’dan il-kuntest, l-istabbiliment tal-għan tal-azzjonijiet ikkontestati tal-imsemmija impriża f’pożizzjoni dominanti jista’ jsaħħaħ il‑konklużjoni tal-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, iżda ma huwiex wieħed mill-kundizzjonijiet.

(ara l-punti 140-142)

9.      Għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ ksur tal-Artikolu 82 KE, huwa biżżejjed li jintwera li l-aġir abbużiv tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandu tendenza li jirristrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir huwa ta’ natura li jkollu tali effett jew jista’ jkollu tali effett.

(ara l-punt 144)

10.    Sabiex jiġi konkluż li hemm abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE, fil-każ ta’ rifjut ta’ servizz, huwa neċessarju li dan tal-aħħar ikun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq min-naħa ta’ dak li qed jitlob is-servizz, li dan ir-rifjut ma jistax jiġi ġġustifikat oġġettivament u li s-servizz stess ikun indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ dak li jitolbu. Prodott jew servizz huwa kkunsidrat bħala essenzjali jew indispensabbli jekk ma teżisti ebda sostituzzjoni reali jew potenzjali. Barra minn hekk, il-kriterju tal-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni, ma jimponix in-neċessità li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni fis-suq, iżda biss riskju ta’ eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni effettiva tagħha.

Jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE l-fatt, għal impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ clearing u konklużjonijiet primarji għat-titoli trasferibbli maħruġa skont id-dritt Ġermaniż, li għandha monopolju ta’ fatt fuq l-imsemmi suq u tikkostitwixxi għaldaqstant soċju kummerċjali b’saħħtu fil-qasam ta’ fornitura tal-imsemmija servizzi, li tirrifjuta b’mod diskriminatorju lil impriża oħra l-aċċess għall-imsemmija servizzi, filwaqt li dan huwa indispensabbli għall-fornitura ta’ servizzi transkonfinali ta’ clearing u konklużjonijiet sekondarji ta’ titoli, u b’hekk isir ħsara, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, għall-innovazzjoni u l‑kompetizzjoni fil-provvista tal-imsemmija servizzi u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-konsumaturi fis-suq wieħed

(ara l-punti 145-150)

11.    Il-prattika, minn impriża f’pożizzjoni dominanti, ta’ prezzijiet diskriminatorji hija projbita mis-subparagrafu (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE. Impriża ma tistax tipprattika differenzi artifiċjali ta’ prezz li jistgħu jinvolvu żvantaġġ għall-klijenti tagħha u li jistgħu jinvolvu distorsjoni ta’ kompetizzjoni.

(ara l-punti 169, 170)

12.    Il-projbizzjoni speċifika tad-diskriminazzjoni stipulata fis-subparagrafu (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE tagħmel parti mis-sistema li tiggarantixxi, skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, li ma jkunx hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern. L-aġir kummerċjali tal-impriża f’pożizzjoni dominanti ma għandux joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni f’suq li jinsab upstream jew downstream, jiġifieri l‑kompetizzjoni bejn fornituri u bejn klijenti ta’ din l-impriża. Il-partijiet kontraenti ta’ din l-impriża ma għandhomx jiġu vantaġġati jew żvantaġġati fit-territorju fejn qed jikkompetu bejniethom. Konsegwentement, sabiex il‑kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tas-subparagrafu (ċ) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE jkunu sodisfatti, għandu jiġi kkonstatat li l-aġir tal-impriża f'pożizzjoni dominanti fis-suq mhux biss huwa diskriminatorju, iżda anki li jwassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni bejniethom, jiġifieri li jostakola l‑pożizzjoni kompetittiva ta’ wħud mill-kompetituri ta’ din l-impriża meta mqabbla mal-oħrajn.

F’dan ir-rigward, xejn ma jipprekludi li d-diskriminazzjoni tal-partijiet l-oħra li jsibu ruħhom f’kompetizzjoni bejniethom tista’ tkun ikkunsidrata bħala abbużiva minn meta l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jwassal, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, għal distorsjoni kompetittiva bejn dawn il-partijiet l‑oħra. F’sitwazzjoni bħal din, ma jistax jiġi mitlub li tingħata barra minn hekk il‑prova ta’ deterjorament effettiv kwantifikabbli tal-pożizzjoni kompetittiva tal-partijiet l-oħra meħuda individwalment.

(ara l-punti 192, 193)

13.    Aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ jiġi attribwit lill-oħra meta din ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda tkun essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet mogħtija minn din tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rabtiet ekonomiċi u legali li jgħaqqduhom. Għalhekk, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi attribwit lil kumpannija parent meta l-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-linja ta’ aġir tagħha fuq is-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li jkunu ngħataw mill-kumpannija parent.

Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li tkun responsabbli għall-aġir li jikkostitwixxi ksur, teżisti preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, u għaldaqstant dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, hija l-kumpannija parent li, quddiem il-Qorti Komunitarja, tkun qiegħda tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa għall-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, li għandha tikkonfuta din il‑preżunzjoni billi tressaq elementi ta’ prova li jistgħu jipprovaw l-awtonomija ta’ din tal-aħħar.

(ara l-punti 198, 199)

14.    Huwa fid-dispożittiv tad-deċiżjonijiet tagħha li l-Kummissjoni tindika n-natura u l-estenzjoni ta’ ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni li hija ssanzjonat u kkonstatat. Fil-prinċipju, fir-rigward preċiżament tal-portata u tan-natura tal-ksur, huwa d‑dispożittiv, u mhux il-motivi, li huwa rilevanti. Huwa biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ kjarezza tat-termini użati fid-dispożittiv li dan tal-aħħar għandu jiġi interpretat billi jsir riferiment għall-motivi. F’dan ir-rigward, ma fih ebda ambigwità, id‑dispożittiv ta’ deċiżjoni li jippreċiża n-natura, it-tul, u l-awturi ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni u li jitlob lil dawn tal-aħħar sabiex jastjenu milli jirrepetu dan l-aġir fil-futur.

(ara l-punti 210-212)

15.    Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha diskrezzjoni sħiħa dwar jekk ikunx meħtieġ li jiġu ssupplementati l-elementi ta’ prova li jkollha quddiema f’kawżi li jkunu tressqu quddiemha. Anki meta talba għas-smigħ ta’ xhieda magħmula fir-rikors tindika bi preċiżjoni l-fatti li fuqhom għandhom jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom, hija fid-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l‑ħtieġa li jiġu eżaminati x-xhieda indikati. B’hekk, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi abbażi tal-konklużjonijiet, tal-motivi u tal-argument żviluppati matul il-proċedura kemm miktuba kif ukoll orali, hija tista’ tiċħad it-talba ta’ smigħ ta’ xhud.

(ara l-punti 216-218)