Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ottubru 2013 – Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-542/13)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: J. Langer u M. Bulterman, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni C (2013) 4474 finali, tat-18 ta’ Lulju 2013, li tiddikkjara mhux applikabbli ċerti dispożizzjonijiet tad-Digriet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tat-8 ta’ Ġunju 2012, li jistabbilixxi l-metodi dettaljati f’dak li jikkonċerna l-liberalizzazzjoni tat-trasport ferrovjarju internazzjonali tal-vjaġġaturi.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni bbażat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 61 tad-Direttiva 2012/34/UE 1 . Ir-rikorrent jallega li jekk il-Kummissjoni ma taqbilx mal-mod kif il-leġiżlatur Olandiż jimplementa d-Direttiva, hija tista’ tuża l-Artikolu 258 TFUE.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sa fejn il-Kummissjoni ddikkjarat ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Olandiża inapplikabbli abbażi tal-Artikolu 61 tad-Direttiva 2012/34/UE, fi tmiem il-proċedura “EU Pilot” 2 . Ir-rikorrent isostni li, fir-risposta għad-domandi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura “EU Pilot” huwa seta’ raġonevolment jikkunsidra li l-Kummissjoni kienet ser tuża l-informazzjoni li kienet ġiet trażmessa lilha esklużivament fil-kuntest ta’ (eventwali) proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball ta’ motivazzjoni u interpretazzjoni żbaljata tad-Direttiva 2012/23/UE, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kriterji sabiex “jiddeterminaw [...] l-iskop prinċipali tas-servizz”, fis-sens tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva ma jistgħux jiġu ddeterminati minn qabel u li huwa l-korp regolatorju li għandu jiddetermina l-kriterji tal-“ekwilibriju ekonomiku” fis-sens tal-Artikolu 11(2).

____________

1 Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 21 ta’ Novembru 2012, li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, p. 32).

2 Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa li tikseb ir-riżultati – l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja”, COM(2007) 502 finali.