Language of document : ECLI:EU:T:2015:783

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

2 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Rikors għal annullament – REACH – Impożizzjoni ta’ spiża amministrattiva għal żball fid-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża – Sistema lingwistika – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑540/13,

Société européenne des chaux et liants, stabbilita f’Bourgoin-Jallieu (Franza), irrappreżentata minn J. Dezarnaud, avukat,

rikorrenti,

vs

L‑Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä, A. Iber u C. Schultheiss, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni SME (2013) 1665 tal-ECHA, tal-21 ta’ Mejju 2013, sa fejn timponi spiża amministrattiva fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse (Relatur) u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-9 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti, Société européenne des chaux et liants, irreġistrat żewġ sustanzi mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).

2        Matul il-proċedura ta’ reġistrazzjoni, ir-rikorrenti ddikjarat lill-ECHA li hija kienet impriża “żgħira”, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, tas-6 ta’ Mejju 2003, dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, p. 36). Din id-dikjarazzjoni ppermettitilha tibbenefika minn tnaqqis fil-ħlas dovut għal kull talba għal reġistrazzjoni, previst fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1907/2006.

3        Fit-13 ta’ Frar 2013, l-ECHA talbet lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008, tas-16 ta’ April 2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-ECHA skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 107, p. 6), tipprovdi numru ta’ dokument għall-finijiet li tivverifika d-dikjarazzjoni ta’ din tal-aħħar li hija impriża żgħira.

4        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ April 2013, ir-rikorrenti wieġbet li d-dikjarazzjoni tagħha bħala impriża “żgħira”, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, kienet żbaljata u li hija kienet impriża “kbira” fis-sens ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

5        Permezz ta’ posta elettronika u ittra tal-21 ta’ Mejju 2013, l-ECHA nnotifikat lir-rikorrenti d-Deċiżjoni SME (2013) 1665 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni, l-ECHA ddeċidiet, fid-dawl tal-ittra tat-12 ta’ April 2013 u b’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, li r-rikorrenti ma kinitx eliġibbli għat-tnaqqis fil-ħlas applikabbli għall-impriżi “żgħar” u li għalhekk kienet sejra tibgħatilha, minbarra żewġ fatturi li jkopru d-differenza bejn il-ħlasijiet imħallsa inizjalment u dawk finalment dovuti, fattura ta’ EUR 9 950 għall-ħlas tal-ispiża amministrattiva. Id-deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi riferiment speċifiku għall-modalitajiet tar-rimedji ġudizzjarji offerti lid-destinatarju tagħha.

6        Għalhekk l-ECHA bagħtet lir-rikorrenti, permezz ta’ posta elettronika, fattura, iddatata 22 ta’ Mejju 2013, għal ammont ta’ EUR 9 950, f’dak li jirrigwarda l-ispiża amministrattiva.

7        Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Lulju 2013, mibgħuta lill-ECHA u li din l-aġenzija rċeviet fil-25 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti kkontestat l-impożizzjoni tal-ispiża amministrattiva u talbet it-tnaqqis tagħha.

8        Permezz ta’ posta elettronika u ittra mibgħuta fis-26 ta’ Lulju 2013 lir-rikorrenti, l-ECHA indikat li, kif issemma fid-deċiżjoni kkontestata u skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 u l-Artikolu 263 TFUE, rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata seta’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni. Hija żiedet li, għal din ir-raġuni u fil-każ li r-rikorrenti tkun tixtieq tippreżenta azzjoni legali kontra l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, hija kellha tippreżenta l-azzjoni tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

9        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 2013, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Awwissu 2013 u li kellha annessa magħha l-ilment tal-15 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti, bil-firma tal-maniġer tagħha M., kellha l-intenzjoni li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

10      Permezz ta’ ittra u faks tal-14 ta’ Awwissu 2013, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali ġibed l-attenzjoni tar-rikorrenti għall-fatt li, sabiex jiġi ppreżentat rikors li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, rikorrent kellu jkun irrappreżentat minn avukat iskritt mal-Kamra tal-Avukati ta’ wieħed mill-Istati Membri, li rikors mhux iffirmat minn avukat ma jistax jiġi rreġistrat u li, għalhekk, ebda segwitu ma seta’ jingħata lill-ittra tat-30 ta’ Lulju 2013.

 Il-proċedura

11      Permezz ta’ att iddatat 27 ta’ Settembru 2013 u ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2014 skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, l-ECHA qajmet l-inammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tat-termini.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

14      Il-proċedura bil-miktub fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ngħalqet fil-25 ta’ Marzu 2014, wara li r-rikorrenti rregolarizzat il-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

15      Fid-9 ta’ Jannar 2015, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-partijiet intalbu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali rilevanza tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, Spraylat vs ECHA (T‑177/12, Ġabra, EU:T:2014:849), għal din il-kawża u ntalbu jwieġbu mistoqsija sat-12 ta’ Frar 2015.

16      L-ECHA kkonformat ruħha ma’ din it-talba fil-11 ta’ Frar 2015 u r-rikorrenti fit-23 ta’ Frar 2015. Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2015, it-tweġiba tar-rikorrenti ddaħħlet fil-proċess tal-kawża.

 It-talbiet tal-partijiet

17      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż.

 Id-dritt

19      Skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, fuq talba tal-konvenut, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompetenza mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha informazzjoni biżżejjed u tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma titkompla l-proċedura.

 L-argumenti tal-partijiet

20      L-ECHA ssostni li r-rikors, li ġie ppreżentat fl-1 ta’ Ottubru 2013, huwa inammissibbli peress li ġie ppreżentat tardivament.

21      Il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ifformulata f’lingwa differenti minn dik tar-rikorrenti ma jistax ibiddel din il-konklużjoni.

22      Fil-fatt, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal reġistrazzjoni lill-ECHA bl-Ingliż. L-ECHA wieġbet u tat segwitu għal din it-talba bl-istess lingwa, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1958, 17, p. 385).

23      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti saret taf bid-deċiżjoni kkontestata fi żmien xieraq u ma hemmx dubju li fehmitha.

24      Barra minn hekk, fl-assenza ta’ obbligu ġenerali li d-destinatarji jiġu informati bl-atti adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli kontra dawn l-atti, il-fatt li n-notifika dwar ir-rimedji ġudizzjarji ġiet ifformulata bl-Ingliż ma jistax jaffettwa t-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament.

25      F’dak li jirrigwarda l-preżentata bl-Ingliż tat-talba tagħha għar-reġistrazzjoni ta’ sustanzi kimiċi, ir-rikorrenti ssostni li l-ittra li permezz tagħha titlob ir-reġistrazzjoni kienet ifformulata minn qabel b’din il-lingwa u mehmuża mal-korrispondenza tal-ECHA, b’mod li kulma kellha tagħmel kien li tipprovdi l-informazzjoni dwar kontabbiltà u li timmarka l-kaxxa li kienet tikkorrispondi mad-daqs tal-impriża.

26      F’dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tal-ECHA li r-rikorrenti ma tallegax li ma fehmitx id-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti, mingħajr ma tikkontesta din l-affermazzjoni, tindika li l-fattura mehmuża ma’ din id-deċiżjoni, li kienet ifformulata bil-Franċiż, kienet suffiċjenti fiha nfisha sabiex tippermettilha tikkonkludi li ġiet imposta fuqha sanzjoni finanzjarja.

27      Ir-rikorrenti tfakkar li f’żewġ okkazjonijiet, jiġifieri fil-15 u fit-30 ta’ Lulju 2013, hija kienet esprimiet il-kontestazzjoni tagħha fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata, “ċertament b’mod mhux xieraq mill-aspett proċedurali fid-dawl, skontha, tal-ambigwitajiet fil-korrispondenza fformulata mill-ECHA b’lingwa li ma kinitx [il-lingwa nazzjonali tagħha]”.

28      Madankollu, skont ir-rikorrenti, il-fatt li hija effettivament ikkontestat din is-sanzjoni finanzjarja ma jfissirx li hija kienet fehmet eżattament il-fajl tat-talba għal reġistrazzjoni li kienet irċeviet fil-bidu. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-għażla lingwistika magħmula mill-ECHA ffavorixxiet żball ta’ interpretazzjoni tal-fajl ta’ reġistrazzjoni, sa fejn ir-rikorrenti tat biss l-informazzjoni finanzjarja li kienet tikkonċerna lilha fit-talba tagħha għal reġistrazzjoni u mhux dik dwar l-impriża msieħba magħha b’interess fil-kapital tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

29      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, ir-regoli applikabbli għat-termini għall-preżentata ta’ rikors, għandu jitfakkar li t-termini għall-preżentata ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE huma ta’ ordni pubbliku u ma humiex għad-diskrezzjoni tal-partijiet u tal-qorti (digriet tal-15 ta’ Novembru 2012, Städter vs BĊE, C‑102/12 P, EU:C:2012:723, punt 13).

30      Għandu jitfakkar ukoll li l-applikazzjoni stretta tar-regoli proċedurali tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li jiġu evitati kull diskriminazzjoni jew kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara d-digriet tad-29 ta’ Jannar 2014, Gbagbo vs Il‑Kunsill, C‑397/13 P, EU:C:2014:46, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ ssir deroga mit-termini proċedurali biss f’ċirkustanzi għalkollox eċċezzjonali, ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri (ara d-digriet Gbagbo vs Il‑Kunsill, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2014:46, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda t-termini għall-preżentata ta’ rikors, il-kunċett ta’ żball skużabbli għandu jiġi interpretat b’mod strett u jista’ jkopri biss ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata adottat imġiba tali li, waħedha jew b’mod determinanti, toħloq konfużjoni ammissibbli f’moħħ parti f’kawża li taġixxi bona fide u li teżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur normalment informat (ara s-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, Ġabra, EU:C:2011:612, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-rikorrenti fil-21 ta’ Mejju 2013. B’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, meħuda flimkien, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni għalhekk skada nhar l-Erbgħa 31 ta’ Lulju 2013 f’nofsillejl.

34      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, is-sistema lingwistika tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1, id-dokumenti li Stat Membru jew persuna suġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat u r-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa.

35      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1, id-dokumenti li xi istituzzjoni tibgħat lil xi Stat Membru jew lil xi persuna suġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandhom jitfasslu fil-lingwa ta’ dak l-Istat.

36      L-Artikolu 104 tar-Regolament Nru 1907/06 jipprovdi li r-Regolament Nru 1 huwa applikabbli għall-ECHA.

37      F’dan il-każ, huwa paċifiku li t-talba għal reġistrazzjoni ġiet ippreżentata mir-rikorrenti bl-Ingliż.

38      Huwa paċifiku wkoll li d-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata bl-Ingliż u kellha magħha fattura, li kienet tirrigwarda l-ispiża amministrattiva kontenzjuża, li kienet ifformulata parzjalment bl-Ingliż u parzjalment bil-Franċiż.

39      Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-ilment tar-rikorrenti mibgħut mir-rikorrenti lill-ECHA fil-15 ta’ Lulju 2013 kien ifformulat bil-Franċiż u li, fis-26 ta’ Lulju 2013, l-ECHA wieġbet għal dan l-ilment permezz ta’ posta elettronika fformulata bl-istess lingwa.

40      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti, filwaqt li l-ECHA tirrileva li hija fehmet id-deċiżjoni kkontestata, ma tressaq ebda argument preċiż u ma taffermax li ma fehmitx din id-deċiżjoni li timponi fuqha, bl-Ingliż, spiża amministrattiva. B’mod partikolari u f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, il-kwistjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, li l-osservanza tagħhom hija kkontestata fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti ma tallegax li ma fehmitx l-informazzjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni u li tirrigwarda l-modalitajiet u t-termini għall-preżentata ta’ rikors.

41      Ir-rikorrenti tillimita ruħha, dwar il-mertu tal-fajl, li tallega li l-użu tal-Ingliż u ta’ vokabularju tekniku fil-proċedura segwita għar-reġistrazzjoni taż-żewġ sustanzi kimiċi tagħha ffavorixxa l-iżball li twettaq fid-dikjarazzjoni tad-daqs tal-impriża tagħha, ħaġa li, skontha, tiġġustifika li ebda spiża amministrattiva ma għandha tiġi imposta fuqha.

42      B’mod iktar ġenerali, ir-rikorrenti għalhekk la fir-rikors u lanqas fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tipprovdi kwalunkwe spjegazzjoni ta’ natura li possibbilment tiġġustifika, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 31 u 32 iktar ’il fuq, il-fatt li l-preżentata tar-rikors seħħet biss fl-1 ta’ Ottubru 2013.

43      L-iktar l-iktar, ir-rikorrenti ssemmi, fir-rikors, li, f’żewġ okkażjonijiet, jiġifieri fil-15 u fit-30 ta’ Lulju 2013, hija esprimiet il-kontestazzjoni tagħha fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata, “ċertament b’mod mhux xieraq mill-aspett proċedurali fid-dawl tal-ambigwitajiet fil-korrispondenza fformulata mill-ECHA b’lingwa li ma hijiex [il-lingwa nazzjonali tagħha]”.

44      Anki li kieku din il-kunsiderazzjoni, li ma ssemmix it-termini iżda biss il-proċedura tal-kontestazzjonijiet tal-15 u tat-30 ta’ Lulju 2013, kellha madankollu tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll il-kwistjoni tat-tardività tar-rikors, hija għandha tiġi miċħuda.

45      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, f’dak li jirrigwarda, tal-inqas, il-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-modalitajiet u t-termini għall-preżentata ta’ rikors, ir-riferiment għal “ambigwitajiet” huwa manifestament barra minn loku.

46      Minn naħa, din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-modalitajiet u t-termini għall-preżentata ta’ rikors tirriżulta, fil-formulazzjoni tagħha bl-Ingliż, li hija nieqsa minn kwalunkwe ambigwità fid-deskrizzjoni tagħha tal-imsemmija modalitajiet u termini.

47      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi invokazzjoni ta’ allegata ambigwità tippreżupponi, loġikament, l-identifikazzjoni tagħha minn qabel u, għalhekk, neċessarjament, għarfien suffiċjenti, għall-finijiet ta’ din l-identifikazzjoni, tal-lingwa tat-test allegatament ambigwu. Issa r-rikorrenti, filwaqt li tallega vagament xi ambigwitajiet, ma tindikahomx.

48      Minn dan isegwi li, anki jekk jitqies li l-kunsiderazzjoni msemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq għandha tinftiehem fis-sens li tkopri wkoll il-kwistjoni tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ta’ natura li tispjega, u inqas u inqas li tiġġustifika, il-fatt li r-rikors ġie ppreżentat biss fl-1 ta’ Ottubru 2013.

49      Barra minn hekk u għall-kompletezza, għandu jitfakkar li, bi tweġiba għall-ilment bil-Franċiż tal-15 ta’ Lulju li waslilha fil-25 ta’ Lulju 2013, l-ECHA, permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Lulju 2013, indikat lir-rikorrenti, bl-istess lingwa, li r-rikors kellu jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali f’terminu ta’ xahrejn mid-deċiżjoni kkontestata, u indikatilha l-link lejn is-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

50      Għalhekk, l-invokazzjoni mir-rikorrenti ta’ allegati ambigwitajiet, li diġà hija kontradetta suffiċjentement mill-kunsiderazzjonijiet tal-punti 42 sa 47 iktar ’il fuq, hija kkonfutata ulterjorment mir-repetizzjoni magħmula mil-ECHA, bil-Franċiż, tal-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-modalitajiet u t-termini għall-preżentata ta’ rikors.

51      Issa, wara l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata u r-repetizzjoni tagħha mill-ECHA fis-26 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti, minflok ma ppreżentat ir-rikors tagħha ffirmat minn avukat fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors, illimitat ruħha li tibgħat dan tal-aħħar lill-Qorti Ġenerali, fil-forma ta’ ittra impostata lejlet l-iskadenza ta’ dan it-terminu u ffirmata minn maniġer. Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, rikors mhux iffirmat minn avukat huwa vvizzjat b’difett tali li jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors mal-iskadenza tat-termini proċedurali u ma jistax jiġi rregolarizzat (sentenza Bell & Ross vs UASI, EU:C:2011:612, punt 32 iktar ’il fuq, punt 42).

52      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-fatti ta’ din il-kawża u fl-assenza ta’ ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fil-punti 31 u 32 iktar ’il fuq, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-ECHA għandha tintlaqa’ u dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala tardiv.

 Fuq l-ispejjeż

53      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-ECHA.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Société européenne des chaux et liants għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA).

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Ottubru 2015.

E. Coulon

 

       S. Frimodt Nielsen

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.