Language of document : ECLI:EU:T:2015:836

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Novembru 2015 (*)

“ Direttiva 2010/30/UE – Indikazzjoni, permezz ta’ ttikkettjar u ta’ informazzjoni standard tal-prodott, dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 665/2013 – Kompetenza tal-Kummissjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑544/13,

Dyson Ltd, stabbilita fi Malmesbury (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn F. Carlin, barrister, E. Batchelor u M. Healy, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. White u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013, tat-3 ta’ Mejju 2013, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners (ĠU L 192, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka (Relatur) u V. Kreuschitz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din il-kawża għandha bħala suġġett talba għall-annullament, mir-rikorrenti, Dyson Ltd, kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż li timpjega 4,400 persuna madwar id-dinja u li toħloq, tipproduċi u tikkummerċjalizza, f’iktar minn sittin pajjiż, vacuum cleaners għall-użu domestiku li l-mekkaniżmu tagħhom li jiġbor it-trab jaħdem b’kontenituri mingħajr borża, tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013, tat-3 ta’ Mejju 2013, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners (ĠU L 192, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-regolament ikkontestat ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea għall-finijiet li jissuplimenta d-Direttiva 2010/30/UE, tad-19 ta’ Mejju 2010, dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU L 153, p. 1), sa fejn din tikkonċerna t-tikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners.

 Direttiva 2010/30

3        Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, id-Direttiva 2010/30 “tistabbilixxi qafas għall-armonizzazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar l-informazzjoni għall-utent aħħari, b’mod partikolari b’mezzi ta’ ttikkettjar u b’informazzjoni standard dwar il-prodott, dwar il-konsum ta’ enerġija u, fejn rilevanti, dwar riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu, u b’informazzjoni supplimentari dwar prodotti marbutin mal-enerġija, u b’hekk tippermetti lill-utenti aħħarin jagħżlu prodotti aktar effiċjenti”, bid-Direttiva tkun applikabbli “għall-prodotti marbutin mal-enerġija li għandhom impatt sinifikanti dirett jew indirett fuq il-konsum tal-enerġija u, fejn applikabbli, fuq ir-riżorsi essenzjali l-oħra waqt l-użu”.

4        Skont l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2010/30, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li “l-fornituri li jqiegħdu fis-suq jew għat-tħaddim prodotti koperti minn att delegat [għandhom] jipprovdu tikketta u skeda skont […] id-Direttiva u l-att delegat’.

5        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30, intitolat “Atti delegati” jipprovdi:

“ 1.      Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-dettalji dwar it-tikketta u l-iskeda permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 11, 12 u 13, dwar kull tip ta’ prodott skont dan l-Artikolu.

Fejn prodott jissodisfa l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2, hu għandu jiġi kopert minn att delegat skont il-paragrafu 4.

Dispożizzjonijiet fl-atti delegati fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta u fuq l-iskeda dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra matul l-użu għandhom jippermettu lill-utenti aħħarin biex jaslu għal deċiżjoni aħjar dwar ix-xiri u għandhom jippermettu lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jivverifikaw jekk il-prodotti jikkonformawx mal-informazzjoni pprovduta.

Fejn att delegat jistabbilixxi dispożizzjonijiet fir-rigward kemm tal-effiċjenza enerġetika kif ukoll il-konsum tar-riżorsi essenzjali ta’ prodott, id-disinn u l-kontenut tat-tikketta għandhom jenfasizzaw l-effiċjenza enerġetika tal-prodott.

2.      Il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 huma li ġejjin:

a)      skont iċ-ċifri disponibbli l-aktar riċenti u meta jitqiesu l-kwantitajiet imqegħda fis-suq tal-Unjoni, il-prodotti għandu jkollhom potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija u, fejn applikabbli, ta’ riżorsi essenzjali oħra;

b)      prodotti b’funzjoni ekwivalenti disponibbli fis-suq għandu jkollhom id-differenzi estensivi fil-livelli rilevanti ta’ prestazzjoni;

c)      il-Kummissjoni għandha tqis il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u awtoregolamentazzjoni rilevanti, bħal ftehimiet volontarji, li jkunu mistennija jilħqu l-għanijiet ta’ politika iktar malajr jew bi spiża iżgħar mir-rekwiżiti mandatorji.

3.      Fl-abbozzar ta’ att delegat, il-Kummissjoni għandha:

a)      tqis dawk il-parametri ambjentali stipulati fl-Anness I, il-Parti 1, għad-Direttiva 2009/125/KE li huma identifikati bħala sinifikanti fil-miżuri implimentattivi rilevanti adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE u li huma rilevanti għall-utent aħħari matul l-użu;

b)      tivvaluta l-impatt tal-att fuq l-ambjent, l-utenti aħħarin u l-produtturi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), f’termini ta’ kompetittività, inkluż fuq is-swieq barra mill-Unjoni, l-innovazzjoni, l-aċċess għas-suq, l-ispejjeż u l- benefiċċji;

c)      twettaq konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati;

d)      tiffissa data(i) ta’ implimentazzjoni, kull miżura jew perjodu f’diversi stadji, waqt li tikkunsidra b’mod partikolari l-impatti possibbli fuq l-SMEs jew fuq gruppi ta’ prodotti speċifiċi primarjament manifatturati mill-SMEs.

4.      L-atti delegati għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari:

a)      id-definizzjoni eżatta tat-tip ta’ prodotti li għandhom jiġu inklużi;

b)      l-istandards u l-metodi ta’ qisien [kejl] li għandhom jintużaw biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1);

c)      id-dettalji tad-dokumentazzjoni teknika meħtieġa skont l-Artikolu 5;

d)      id-disinn u l-kontenut tat-tikketta msemmija fl-Artikolu 4, li kemm jista’ jkun għandu jkollha karatteristiċi ta’ disinn uniformi għall-gruppi kollha tal-prodotti; u fil-każijiet kollha għandha tkun viżibbli u leġġibbli b’mod ċar. Bħala bażi, il-format tat-tikketta għandu jibqa’ skont il-klassifikazzjoni bl-użu tal-ittri minn A sa G; l-istadji tal-klassifikazzjoni għandhom jikkorrespondu ma’ ffrankar sinifikanti tal-enerġija u l-ispejjeż mill-perspettiva tal-utenti aħħarin.

Jistgħu jiġu miżjuda tliet klassijiet addizzjonali mal-klassifikazzjoni jekk ikun meħtieġ mill-progress teknoloġiku. Dawk il-klassijiet addizzjonali ser ikunu A+, A++, u A+++ għall-aktar klassi effiċjenti. Fil-prinċipju n-numru totali ta’ klassijiet ser ikun limitat għal sebgħa, ħlief jekk ikunu għadhom mimlijin aktar klassijiet.

L-iskala tal-kuluri m’għandhiex tikkonsisti f’aktar minn seba’ kuluri differenti minn aħdar skur sa aħmar. Il-kodiċi ta’ kulur tal-ogħla klassi biss għandu dejjem ikun aħdar skur. Jekk ikun hemm aktar minn seba’ klassijiet, jista’ jiġi dduplikat il-kulur aħmar biss.

Il-klassifika      zzjoni għandha tiġi riveduta b’mod partikolari meta proporzjon sinifikanti ta’ prodotti fis-suq intern jilħaq l-ogħla żewġ klassijiet ta’ effiċjenza tal-enerġija u meta jkun jista’ jinkiseb iffrankar addizzjonali b’aktar differenzjar ta’ prodotti.

Il-kriterji dettaljati għal riklassifikazzjoni possibbli għandhom, fejn xieraq, jiġu ddeterminati fuq bażi ta’ każ b’każ fl-att delegat rilevanti;

e)      […]

f)      il-kontenut u, fejn xieraq, il-format u dettalji oħra dwar l-iskeda jew informazzjoni oħra speċifikata fl-Artikoli 4 u 5(c). L-informazzjoni fuq it-tikketta għandha tiġi inkluża wkoll fuq l-iskeda;

g)      il-kontenut speċifiku għat-tikketta għar-reklmar [reklamar], inkluż, kif xieraq, il-klassi enerġetika u l-livell(i) rilevanti ta’ prestazzjoni ta’ prodott partikolari f’forma leġġibbli u viżibbli;

h)      it-tul taż-żmien tal-klassifikazzjoni(jiet) tat-tikketti, fejn xieraq, f’konformità mal-punt (d);

i)      il-livell ta’ preċiżjoni fl-istqarrijiet fuq it-tikketta u l-iskedi;

j)      id-data għall-evalwazzjoni u r-reviżjoni possibbli tal-att delegat, filwaqt li titqies il-ħeffa tal-progress teknoloġiku.”

6        L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2010/30, intitolat “L-eżerċizzju tad-delega’, jippreċiża dan li ġej:

“ 1.      Is-setgħat sabiex jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 10 għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin li jibda fid-19 ta’ Ġunju 2010. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport rigward is-setgħat delegati mhux aktar tard minn 6 xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ 5 snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi awtomatikament estiża għal perijodi tal-istess dewmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokawhiex skont l-Artikolu 12.

2.      Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

[…] ”

 Ir-regolament ikkontestat

7        Sabiex tissupplimenta d-Direttiva 2010/30 f’dak li jikkonċerna l-ittikkettjar tal-vacuum cleaners, fit-3 ta’ Mejju 2013 il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat.

8        Skont l-Artikollu 1(1) tiegħu, ir-regolament ikkontestat “jistabbilixxi rekwiżiti għat-tikkettar u l-għoti ta’ informazzjoni supplimentari dwar il-prodott għal vacuum cleaners li jitqabbdu mal-mejn tal-elettriku, inklużi vacuum cleaners ibridi”.

9        L-Artikolu 3 tar-regolament ikkontestat, intitolat “Responsabbiltajiet tal-fornituri u skeda taż-żmien”, jipprovdi:

“ 1.      Il-fornituri għandhom jiżguraw li mill-1 ta’ Settembru 2014:

a)      kull vacuum cleaner ikun fornut b’tikketta stampata fil-format u bil-kontenut kif stipulat fl-Anness II;

b)      tkun disponibbli skeda tal-prodott, kif stabbilit fl-Anness III;

c)      id-dokumentazzjoni teknika, kif stipulata fl-Anness IV, tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq talba tagħhom[;]

d)      jekk tkun qed tingħata informazzjoni relatata mal-enerġija jew mal-prezz, kull reklamar għal mudell speċifiku ta’ vacuum cleaner għandu jindika l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

e)      kwalunkwe materjal tekniku ta’ promozzjoni dwar mudell speċifiku ta’ vacuum cleaner li tiddeskrivi l-parametri tekniċi speċifiċi tindika l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ dak il-mudell.

2.      Il-format tat-tikketta stipulata fl-Anness II se japplika skont l-iskeda li ġejja:

a)      għal vacuum cleaners li tqiegħdu fis-suq mill-1 ta’ Settembru 2014 it-tikketti għandhom ikunu skont it-tikketta 1 tal-Anness II;

b)      għal vacuum cleaners li [se jitqiegħdu] fis-suq mill-1 ta’ Settembru 2017 it-tikketti għandhom ikunu skont it-tikketta 2 tal-Anness II.”

10      L-Artikolu 5 tar-regolament ikkontestat, intitolat “Metodi ta’ kejl”, jippreċiża li “[l]-informazzjoni li għandha tingħata skont l-Artikoli 3 u 4 għandha tinkiseb permezz ta’ metodi tal-kejl u tal-kalkolu li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi tal-kejl u tal-kalkolu l-aktar avvanzati rrikonoxxuti, kif stipulat fl-Anness VI”.

11      L-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat, intitolat “Reviżjoni”, jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku sa mhux aktar tard minn ħames snin wara li jkun daħal fis-seħħ. Ir-reviżjoni għandha b’mod partikolari tivvaluta t-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fl-Anness VII, jekk il-vacuum cleaners ta’ daqs sħiħ li jaħdmu bil-batteriji għandhomx ikunu inklużi fil-kamp tal-applikazzjoni [tar-regolament] u jekk hux vijabbli li jintużaw metodi ta’ kejl għall-konsum annwali tal-enerġija, għat-trab miġbur u għall-emissjoni mill-ġdid tat-trab li huma bbażati fuq kejl b’kontenitur parzjalment mimli pjuttost milli b’kontenitur vojt.”

12      Il-punt 1 tal-Anness VI tar-regolament ikkontestat jippreċiża:

“Għall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom jitwettqu permezz ta’ proċedura ta’ kejl affidabbli, preċiża u riproduċibbli, li tqis il-metodi ta’ kejl u kalkolu l-aktar reċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli [rikonoxxuti], inkluż il-metodi armonizzati stipulati f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jissodisfaw id-definizzjonijiet tekniċi, il-kundizzjonijiet, l-ekwazzjonijiet u l-parametri stabbilit[i] b’dan l-Anness.”

13      Ir-regolament ikkontestat ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta’ Lulju 2013.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla r-regolament ikkontestat.

15      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fl-istess jum fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ressqet talba għal proċedura mħaffa, b’applikazzjoni tal-Artikolu 76a(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

16      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal proċedura mħaffa tar-rikorrenti.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Novembru 2013, it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex tingħata deċiżjoni permezz ta’ proċedura mħaffa ġiet miċħuda.

18      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, fil-21 ta’ Novembru 2014 il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

19      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-4 ta’ Frar 2015.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, it-tieni wieħed fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tar-regolament ikkontestat u t-tielet wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

23      Il-Qorti Ġenerali tqis li qabel kollox għandha tittratta l-ewwel motiv, sussegwentement it-tielet motiv u, fl-aħħar nett, it-tieni motiv.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

24      Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat huwa illegali minħabba li l-Kummissjoni aġixxiet lil hinn mil-limiti tal-kompetenza li hija tislet mid-direttiva.

25      L-ewwel motiv huwa magħmul minn żewġ partijiet.

26      Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti b’mod partikolari tallega li r-regolament ikkontestat se jiżgwida lill-konsumaturi fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners.

27      Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli, fir-regolament ikkontestat, ma imponietx obbligu ta’ informazzjoni dwar il-boroż u l-filtri, bħala riżorsi essenzjali kkunsmati matul l-użu.

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv

28      Mingħajr ma teċċepixxi b’mod formali dwar l-inammissibbiltà tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni tqajjem il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tiegħu, billi tosserva li, minkejja li r-rikorrenti tinvoka n-nuqqas ta’ kompetenza tagħha fir-rigward tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30, fil-verità hija tallega l-inkompatibbiltà tar-regolament ikkontestat ma’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, hija ma ssostnix li r-regolament ikkontestat jimponi obbligi jew jistabbilixxi rekwiżiti jew kundizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li l-Kummissjoni għandha dritt timponi jew tipprevedi, iżda kulma tagħmel huwa li tiċċita silta mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 sabiex issostni li l-metodu ta’ kejl tal-effiċjenza enerġetika kellu jiġi ddefinit abbażi ta’ testijiet magħmula b’kontenitur mimli u kellu jipprevedi rekwiżiti f’dak li jikkonċerna l-boroż u l-filtri, bħala riżorsi essenzjali.

29      Ir-rikorrenti għaldaqstant tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti u l-għażliet leġiżlattivi magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-mandat fdat mid-direttiva, u l-Kummissjoni madankollu tħalli f’idejn il-Qorti Ġenerali l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-ewwel motiv għandux jiġi ddikjarat inammissibbli fuq din il-bażi, għan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

30      Peress li l-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali tevalwa l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv, ċertament mingħajr ma teċċepixxi b’mod espress dwar l-inammissibbiltà ta’ dan il-motiv, għandha tiġi vverifikata l-ammissibbiltà tiegħu qabel, jekk ikun meħtieġ, ma tiġi evalwata l-fondatezza tiegħu.

31      Essenzjalment, il-Kummissjoni tqis li, sa fejn ma huwiex intiż li tiġi evalwata l-kompetenza tal-Kummissjoni, iżda l-legalità, fuq il-mertu, tar-regolament ikkontestat, l-ewwel motiv mhux neċessarjament jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

32      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, fil-verżjoni l-ġdida tagħha, l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors “għandu jinkludi […] s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti […] kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi”.

33      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 76(d) tal-verżjoni l-ġdida tar-Regoli tal-Proċedura.

34      Fil-fatt, ma jistax jiġi kkontestat b’mod serju li r-rikorrenti kemm ippreċiżat, u dan mingħajr ambigwità, is-suġġett tal-kawża, fil-punt 2 tar-rikors, kif ukoll esponiet, tal-inqas fil-qosor, il-motivi invokati insostenn tal-azzjoni, fil-punti 66 sa 102 tar-rikors, fosthom l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, fil-punti 66 sa 84, indipendentement min-natura ineffettiva tal-argumenti mressqa insostenn ta’ dan il-motiv kif ifformulat fir-rikors, bin-natura, jekk ikun il-każ, ineffettiva ta’ argument ma tkun taffettwa bl-ebda mod l-ammissibbiltà tal-motiv li insostenn tiegħu dan jiġi fformulat.

35      Għaldaqstant, sa fejn huwa bbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, l-ewwel motiv tar-rikors huwa ammissibbli fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 76(d) tal-verżjoni l-ġdida tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq l-ewwel motiv dwar il-mertu

36      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta b’mod ċar li din tal-aħħar, permezz tal-ewwel motiv tagħha, ma tinvokax bħala tali n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, fir-rigward tar-regolament ta’ delega, iżda pjuttost essenzjalment tikkontesta l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza.

37      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju u fuq l-għanijiet tad-Direttiva 2010/30

38      Preliminarjament, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li l-awtoritajiet tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom, għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-azzjonijiet tagħhom fejn hemm involuti għażliet ta’ natura kemm politika, ekonomika jew soċjali u meta jkollhom iwettqu evalwazzjonijiet kumplessi. Madankollu, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, l-awtoritajiet tal-Unjoni huma obbligati li jibbażaw l-għażla tagħhom fuq kriterji oġġettivi u xierqa fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt kollha kif ukoll id-data teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, Ġabra, EU:C:2008:728, punti 57 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Skont ġurisprudenza stabbilita, ladarba l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew saħansitra jekk dawn l-awtoritajiet eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, Ġabra, EU:C:2011:504, punt 60).

40      Fit-tieni lok u f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tad-Direttiva 2010/30, qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li mill-premessi 4 u 5 tagħha jirriżulta li l-għan tagħha huwa “[i]t-titjib tal-effiċjenza ta’ prodotti relatati mal-enerġija permezz ta’ għażla informata tal-konsumatur”, il-“forniment ta’ informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku ta’ enerġija tal-prodotti marbutin mal-enerġija [li] għandu jinfluwenza l-għażla tal-utenti finali favur dawk il-prodotti li jikkonsmaw jew indirettament iwasslu għal konsum inqas tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali matul l-użu”, b’mod li, minn naħa, il-“produtturi [jitwasslu] biex jieħdu passi biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali mill-prodotti li jimmanifatturaw” u li, min-naħa l-oħra, billi “[t]inkoraġġixxi wkoll indirettament l-użu effiċjenti ta’ dawn il-prodotti”, din l-informazzjoni “[se tikkontribwixxi] għall-mira tal-UE ta’ 20 % effiċjenza tal-enerġija”.

41      Sussegwentement, mill-premessa 13 tad-Direttiva 2010/13 jirriżulta li l-“[p]rodotti marbutin mal-enerġija għandhom impatt dirett jew indirett fuq il-konsum ta’ firxa wiesgħa ta’ forom ta’ enerġija matul l-użu, fejn l-elettriku u l-gas ikunu l-aktar importanti”, b’mod li d-Direttiva 2010/30 “għandha […] tkopri prodotti b’rabta mal-enerġija li jkollhom impatt dirett jew indirett fuq il-konsum ta’ kull tip ta’ enerġija waqt l-użu tagħhom”.

42      Fl-aħħar nett, il-premessa 14 tad-Direttiva 2010/30 tistabbilixxi li l-“[p]rodotti marbutin mal-enerġija li għandhom impatt sinifikanti dirett jew indirett fuq il-konsum tal-enerġija jew, fejn applikabbli, tar-riżorsi essenzjali matul l-użu u li joffru biżżejjed possibilitajiet adekwati għal żieda fl-effiċjenza għandhom jiġu koperti b’att delegat, fejn il-forniment tal-informazzjoni permezz ta’ ttikketjar jista’ jistimola l-utenti aħħarin jixtru prodotti aktar effiċjenti”.

43      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel motiv, sa fejn dan huwa essenzjalment ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

44      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tar-regolament ikkontestat, li fil-fehma tagħha jimponi testijiet imwettqa b’kontenitur vojt, twassal, l-ewwel nett, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni mhux eżatta, it-tieni nett, sabiex fl-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta ma tiġix inkluża d-data tal-prestazzjoni enerġetika “matul l-użu”, it-tielet nett, sabiex il-produtturi ma jiġux imħeġġa jinvestu bl-għan li jtejbu l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners u, ir-raba’ nett, sabiex jiġi pprovdut ittikkettjar li ma huwiex se jippermetti li l-mira tat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija tintlaħaq, iżda tista’, għall-kuntrarju, twassal għal żieda fil-konsum tal-enerġija.

45      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni, essenzjalment, li hija tiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-konsum enerġetiku tal-vacuum cleaners, sa fejn il-prestazzjoni ta’ tindif tiġi mkejla biss permezz ta’ testijiet imwettqa b’kontenitur vojt.

46      Ċertament ma jistax jiġi eskluż li l-prestazzjoni ta’ ġbid ta’ vacuum cleaner b’kontenitur mimli u, għaldaqstant, l-effiċjenza enerġetika li tirriżulta minnha jitnaqqsu minħabba l-akkumulu tat-trab.

47      Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma rrikjedietx testijiet imwettqa b’kontenitur mimli, jekk, fid-dawl tas-setgħat diskrezzjonali wiesgħa tagħha hija setgħet tqis li tali testijiet kienu għadhom ma humiex affidabbli, preċiżi u riproduċibbli.

48      Barra minn hekk, u indipendentement mill-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni għat-tfassil tat-testijiet, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tan-natura riproduċibbli tat-testijiet imwettqa b’kontenitur mimli, il-Kummissjoni tindika l-asssenza ta’ twettiq ta’ testijiet “ċirkolari” bejn laboratorji li jippermettu li tiġi ddeterminata din ir-riproduċibbiltà.

49      F’dan ir-rigward, minkejja li r-rikorrenti tinvoka għadd kbir ta’ argumenti intiżi li juru l-affidabbiltà u l-preċiżjoni tat-test imwettaq b’kontenitur mimli, xorta waħda jibqa’ l-fatt li xi dubji fir-rigward tar-riproduċibbiltà tal-imsemmi test jibqgħu jissussistu.

50      Fil-fatt, hekk kif ġustament tirrimarka l-Kummissjoni, id-determinazzjoni tar-riproduċibbiltà tat-testijiet fil-prattika teħtieġ li jitwettqu testijiet imsejħa “ċirkolari’ bejn laboratorji, fejn dawn it-testijiet ikunu intiżi li jiżguraw ir-regolarità tar-riżultati miksuba permezz tat-twettiq ta’ testijiet repetuti f’diversi laboratorji permezz ta’ kampjun uniku.

51      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ssemmi biss test wieħed f’laboratorju li, fil-fehma tagħha, jippermetti li tiġi attestata r-riproduċibbiltà tiegħu, b’mod li r-riproduċibbiltà tat-test imwettaq b’kontenitur mimli ma tkunx stabbilita b’mod suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni.

52      Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, testijiet “ċirkolari’ bejn laboratorji twettqu fir-rigward tat-testijiet magħmula b’kontenitur vojt, hekk kif jirriżulta minn analiżi ta’ impatt imwettqa mill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, b’mod li r-riproduċibbiltà tagħhom hija attestata.

53      Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ stħarriġ ristrett, ma jistax jiġi deċiż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi tat preferenza lil test imwettaq b’kontenitur vojt milli test imwettaq b’kontenitur mimli.

54      Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti, essenzjalment ibbażat fuq żbalji manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-obbligu li jitwettqu testijiet b’kontenitur vojt, għandu jiġi miċħud.

55      Fit-tieni lok ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni essenzjalment li ma rrikjedietx informazzjoni dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners matul l-użu tagħhom, peress li fil-fehma tagħha t-testijiet imwettqa b’kontenitur vojt ma jippermettux li tittieħed inkunsiderazzjoni l-prestazzjoni enerġetika f’kundizzjonijiet ta’ użu reali.

56      F’dan ir-rigward ċertament għandu jitfakkar li, skont il-premessi 2, 5, 13, 14 u 19 tad-Direttiva 2010/30, l-Artikolu 1(1) tagħha jipprevedi l-informazzjoni tal-utenti finali dwar il-konsum ta’ enerġija u, fejn applikabbli, ta’ riżorsi oħra essenzjali “waqt l-użu” u, l-Artikolu 1(2) tagħha jipprevedi li d-Direttiva 2010/30 għandha tapplika għall-prodotti marbutin mal-enerġija li għandhom impatt sinifikanti dirett jew indirett fuq il-konsum tal-enerġija u, fejn applikabbli, fuq riżorsi essenzjali oħra “waqt l-użu’ [ara, ukoll, l-Artikolu 2(a), (c), (e) u (f), Artikolu 3(1)(b) u Artikolu 4(a) tad-Direttiva 2010/30].

57      Bl-istess mod, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 jagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-atti delegati fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta u fuq l-iskeda, dwar il-konsum tal-enerġija u ta’ riżorsi essenzjali oħra tal-prodott “matul l-użu [tiegħu]”.

58      Bla dubju, minkejja li l-kejl sabiex tiġi ttestjata l-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners isir abbażi ta’ testijiet imwettqa b’kontenitur vojt, ma jistax jiġi eskluż li l-vacuum cleaner ma tkunx intużat qabel ma jkun sar it-test.

59      Xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward jistrieħ fuq interpretazzjoni eċċessivament estensiva tal-kliem “matul l-użu”, peress li huwa diffiċli li wieħed jipprevedi bħala possibbli li tiġi ttestjata l-prestazzjoni ta’ tindif ta’ vacuum cleaner mingħajr ma jsir użu minnha, anki jekk għall-ewwel darba.

60      Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti bbażat essenzjalment fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-assenza ta’ informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-vacuum cleaner “matul l-użu”, għandu jiġi miċħud.

61      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti essenzjalment tqis li r-regolament ikkontestat huwa illegali, sa fejn fil-fehma tagħha dan ma jħeġġiġx lill-produtturi ta’ vacuum cleaners sabiex jagħmlu l-aħjar għażliet ta’ ħolqien, fis-sens ta’ titjib tal-effiċjenza enerġetika.

62      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku, mhux iktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u li din ir-reviżjoni għandha tirrigwarda b’mod partikolari l-vijabbiltà tal-metodi ta’ kejl ibbażati fuq kontenitur parzjalment mimli pjuttost milli b’kontenitur vojt.

63      Għaldaqstant, sabiex dan l-ilment jiġi miċħud, huwa biżżejjed li wieħed iqis li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-produtturi ta’ vacuum cleaners “bil-borża” għandhom, fid-dawl tal-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat, jieħdu qies ta’ żviluppi futuri possibbli.

64      Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li r-regolament ikkontestat mhux se jħeġġeġ lill-produtturi ta’ vacuum cleaners sabiex jagħmlu l-aħjar għażla ta’ ħolqien, fis-sens ta’ titjib tal-effiċjenza enerġetika.

65      Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti, essenzjalment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-assenza ta’ tħeġġiġ tal-produtturi sabiex itejbu l-effiċjenza enerġetika, ukoll għandu jiġi miċħud.

66      Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni essenzjalment li fir-regolament ikkontestat hija imponiet obbligi ta’ informazzjoni li ma jippermettux li l-mira ta’ tnaqqis tal-konsum tal-enerġija tintlaħaq, iżda għall-kuntrarju jistgħu jwasslu għal żieda fil-konsum tal-enerġija.

67      Sabiex dan l-ilment jiġi miċħud huwa biżżejjed li wieħed josserva li dan huwa bbażat fuq data estremament spekulattiva li ma tistax tivvizzja r-regolament ikkontestat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

68      Konsegwentement, l-ilment tar-rikorrenti essenzjalment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta’ obbligi ta’ informazzjoni li ma jippermettux li l-mira ta’ tnaqqis tal-konsum tal-enerġija tintlaħaq għandu daqstant ieħor jiġi miċħud.

69      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda, sa fejn, essenzjalment, din hija bbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

70      Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

71      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma imponietx obbligi ta’ informazzjoni dwar l-użu tal-oġġetti konsumabbli, filwaqt li din kienet obbligata tagħmel dan taħt l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30.

72      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma imponiet ebda obbligu ta’ informazzjoni fuq l-użu tal-oġġetti konsumabbli, jiġifieri l-boroż u l-filtri, filwaqt li, minn naħa, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tiġbor f’qafas l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi dwar ir-riżorsi essenzjali kkunsmati matul l-użu u li, min-naħa l-oħra, il-boroż u l-filtri jikkostitwixxu riżorsi essenzjali kkunsmati matul l-użu.

73      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, ċertament, mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2010/30 jirriżulta li din tapplika “għall-prodotti marbutin mal-enerġija li għandhom impatt sinifikanti dirett jew indirett fuq il-konsum tal-enerġija u, fejn applikabbli, fuq ir-riżorsi essenzjali l-oħra waqt l-użu”.

74      Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2010/30, ir-“riżorsi essenzjali oħra”, fis-sens ta’ din id-direttiva, huma ddefiniti bħala l-“ilma, sustanzi kimiċi jew kwalunkwe sostanza oħra kkonsmata minn prodott f’użu normali”.

75      Issa, ma jistax jiġi sostnut b’mod serju li l-oġġetti konsumabbli inkwistjoni, jiġifieri l-boroż u l-filtri, għandhom jitqiesu bħala l-ilma, il-prodotti kimiċi jew sustanza fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2010/30.

76      Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti bbażat essenzjalment fuq żball manifest ta’ evalwazjoni fir-rigward tal-assenza ta’ informazzjoni dwar l-oġġetti konsumabbli għandu jiġi miċħud.

77      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

78      Fil-kuntest tat-tielet motiv tar-rikors, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

79      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta ffavorixxiet il-vacuum cleaners “bil-borża” għad-detriment tal-vacuum cleaners “mingħajr borża” jew vacuum cleaners li jużaw it-teknoloġija “ċiklonika”, minħabba li t-telf ta’ ġbid dovut għall-ibblukkar – karatteristika li tolqot b’mod iktar partikolari lill-vacuum cleaners “bil-borża” – ma jistax jinqabad matul it-testijiet imwettqa “mingħajr trab”. Barra minn hekk, hija tal-fehma li dawn it-testijiet ma jippermettux li jiġu kkonstatati l-innovazzjonijiet imwettqa mill-produtturi ta’ vacuum cleaners “mingħajr borża” u ta’ vacuum cleaners li jużaw it-teknoloġija “ċiklonika” – li wħud fosthom huma kapaċi jevitaw l-ibblukkar u jżommu ġbid kostanti matul l-użu tagħhom.

80      Fir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni, sabiex tkejjel il-prestazzjoni ta’ tindif tal-vacuum cleaners, allegatament ipprevediet test uniku bil-“kontenitur vojt”, kemm għall-vacuum cleaners li jużaw it-teknoloġija “ċiklonika” kif ukoll għall-vacuum cleaners “bil-borża”, b’mod li hija injorat il-fatt li, kuntrarjament għall-vacuum cleaners li jużaw it-teknoloġija “ċiklonika”, il-vacuum cleaners “bil-borża” ma jistgħux jiġu ttestjati b’“borża vojta”, peress li dawn il-vacuum cleaners huma predestinati li jimtlew bit-trab mal-użu.

81      Għaldaqstant, filwaqt li l-vacuum cleaners li jagħmlu użu mit-teknoloġija “ċiklonika” huma maħluqa speċjalment sabiex inaqqsu d-deterjorazzjoni tal-prestazzjoni enerġetika minħabba l-akkumulazzjoni tat-trab, il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners “bil-borża” tonqos minħabba l-imblukkar tal-pori tal-borża permezz tal-akkumulazzjoni tat-trab, u din hija differenza li t-test bil-“kontenitur vojt” impost mir-regolament ikkontestat ma jistax jirrifletti.

82      Minn dan ikun isegwi li r-regolament ikkontestat jiffavorixxi l-vacuum cleaners “bil-borża”, għad-detriment tal-vacuum cleaners li jużaw it-teknoloġija “ċiklonika”.

83      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-regolament ikkontestat ma jimponix li l-vacuum cleaners jiġu ttestjati b’kontenitur vojt, sa fejn dan jirrikjedi sempliċement metodi ta’ kejl u ta’ kalkolu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-metodi ta’ kalkolu u ta’ kejl ġeneralment rikonoxxuti bħala l-iktar reċenti, minkejja li tali metodi għadhom ma jeżistux għall-kontenituri mimlija bit-trab.

84      Il-Kummissjoni tqis li hija ma kellhiex għalfejn tistenna li dawn il-metodi jkunu jeżistu sabiex tadotta regolament fuq l-ittikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners, peress li, fil-każ kuntrarju, huwa probabbli li hija qatt ma hi se tkun f’pożizzjoni li tadotta dispożizzjonijiet leġiżlattivi fil-qasam, peress li dejjem se jkun hemm xi produtturi li jallegaw li l-innovazzjonijiet teknoloġiċi tagħhom ma humiex meħuda inkunsiderazzjoni bil-valur ġust fir-rigward tagħhom mill-metodi ta’ testijiet eżistenti u li, għaldaqstant, huma jkunu żvantaġġati mill-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

85      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tielet motiv tar-rikors, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi jittratta sitwazzjonijiet differenti b’mod simili f’dak li jikkonċerna l-metodu ta’ kejl tal-prestazzjoni ta’ tindif tal-vacuum cleaners.

86      Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tat-tielet motiv tirrikjedi li tissolva l-kwistjoni ta’ jekk l-applikazzjoni ta’ metodu uniformi, irrispettivament mill-modalitajiet tiegħu, sabiex titkejjel il-prestazzjoni ta’ tindif tal-vacuum cleaners “bil-borża”, “mingħajr borża” u dawk li jużaw it-teknoloġija “ċiklonika”, previst bir-regolament ikkontestat, tiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

87      Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi att ta’ delega tad-Direttiva 2010/30, liema direttiva, fl-Artikolu 1 tagħha, tipprevedi qafas għall-armonizzazzjoni tal-miżuri nazzjonali dwar l-informazzjoni għall-utenti aħħarin, b’mod partikolari b’mezzi ta’ ttikkettjar u b’informazzjoni standard dwar il-prodott, dwar il-konsum ta’ enerġija u, fejn rilevanti, dwar riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu, u b’informazzjoni supplimentari dwar prodotti marbutin mal-enerġija, u b’hekk tippermetti lill-utenti aħħarin jagħżlu prodotti iktar effiċjenti.

88      Għal dan l-għan, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2010/30 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi d-dettalji dwar l-ittikkettjar permezz ta’ atti delegati. Skont it-tielet supbaragrafu tal-istess paragrafu, id-dispożizzjonijiet fl-atti delegati fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta dwar il-konsum tal-enerġija tal-prodott u l-konsum ta’ riżorsi essenzjali oħra tal-prodott matul l-użu għandhom jippermettu lill-utenti aħħarin biex jaslu għal deċiżjoni aħjar dwar ix-xiri.

89      Fil-paragrafu (4)(b) tiegħu, l-Artikolu 10 tad-Driettiva 2010/30 jipprevedi wkoll li l-att delegat għandu jispeċifika l-istandards u l-metodi ta’ kejl li għandhom jintużaw biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) tal-istess direttiva.

90      Għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat, bħala att delegat, fl-Artikolu 5 tiegħu jipprevedi li l-informazzjoni li għandha tingħata għandha tinkiseb permezz ta’ metodi ta’ kejl u ta’ kalkolu li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl u ta’ kalkolu rikonoxxuti bħala l-iktar reċenti, kif stipulat fl-Anness VI ta’ dan ir-regolament.

91      Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-imsemmija metodi għandhom ikunu uniformi u ma jkunux jagħmlu distinzjoni skont it-tip ta’ vacuum cleaner, b’mod partikolari skont jekk din tkunx vacuum cleaner “bil-borża” jew vacuum cleaner “mingħajr borża”.

92      Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk, fir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta imponiet test uniku sabiex tiġi evalwata l-prestazzjoni ta’ tindif tal-vacuum cleaners “mingħajr borża”, bħal dawk immanifatturati mir-rikorrenti, u tal-vacuum cleaners “bil-borża”.

93      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, fosthom il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif interpretat mill-qrati tal-Unjoni, u li, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament il-Kummissjoni ma tistax tittratta sitwazzjonijiet kumparabbli b’mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat b’mod oġġettiv (sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja, C‑505/09 P, Ġabra, EU:C:2012:179, punt 64 ; tad‑19 ta’ Novembru 2009, Denka International vs Il-Kummissjoni, T‑334/07, Ġabra, EU:T:2009:453, punt 169, u tas-7 ta’ Marzu 2013, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, T‑370/11, Ġabra, EU:T:2013:113, punt 30).

94      L-istess rekwiżiti huma imposti fuq il-Kummissjoni meta din taġixxi fil-kuntest ta’ att ta’ delega taħt kompetenza assenjata lilha minn direttiva, bħal f’dan il-każ.

95      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkontestax l-użu ta’ metodu ta’ kejl standard sabiex tiġi ttestjata l-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners, sew jekk dawn ikunu vacuum cleaners “bil-borża” jew vacuum cleaners “mingħajr borża”.

96      Fit-tieni lok, għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni lanqas ma tikkontesta d-differenzi, fuq il-livell teknoloġiku, li jisseparaw il-vacuum cleaners “bil-borża” mill-vacuum cleaners “mingħajr borża”.

97      Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-vacuum cleaners “mingħajr borża” huma vacuum cleaners li jużaw it-teknoloġija “ċiklonika”, jiġifieri teknika ta’ separazzjoni mekkanika tal-partikoli li jkunu sospiżi ġewwa fluwidu, fejn din it-teknika tippermetti li t-trab jiġi separat mill-arja permezz ta’ qawwa ċentrifugali (tbegħid tal-materja miċ-ċentru tar-rotazzjoni), fejn it-trab għaldaqstant jinġabar ġo kontenitur riġidu, b’mod li la jibqa’ neċessarju l-filtru ċentrali u lanqas il-borża, peress li l-arja tant iddur tgħaġġel li t-trab jinbeżaq b’mod kontinwu ’l barra mill-kurrent tal-arja.

98      Hija lanqas ma tikkontesta li, għall-vacuum cleaners “bil-borża”, it-trab jinġabar f’borża, b’mod li l-pori tal-borża jinstaddu sakemm il-borża timtela, u, għaldaqstant, li s-saħħa ta’ ġbid tal-vacuum cleaner tista’ tonqos minħabba ċirkulazzjoni inqas densa tal-arja.

99      Bl-istess mod, il-Kummissjoni tammetti b’mod espress li “l-ammont ta’ trab li jinġema’ jista’ jaffettwa l-effiċjenza”.

100    Il-Kummissjoni tammetti wkoll li jeżistu differenzi oġġettivi bejn il-vacuum cleaners “mingħajr borża” u l-vacuum cleaners “bil-borża”.

101    Fit-tielet lok, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tikkontesta l-metodoloġija li fuqha huma bbażati d-diversi riżultati ppreżentati mir-rikorrenti u li jikkonfermaw it-telf ta’ ġbid tal-vacuum cleaners “bil-borża”, sa fejn l-imsemmija metodoloġija la hija affidabbli, la preċiża u lanqas riproduċibbli.

102    Skont il-Kummissjoni, it-test stabbilit fir-regolament ikkontestat huwa l-uniku test li jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-prestazzjoni ta’ tindif tal-vacuum cleaners u li t-testijiet proposti mir-rikorrenti la huma affidabbli, la preċiżi u lanqas riproduċibbli, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data teknika u xjentifika li kienet disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, b’mod li t‑trattament uniformi tal-vacuum cleaners “mingħajr borża” u tal-vacuum cleaners “bil-borża” ikun ġustifikat.

103    Issa, skont il-ġurisprudenza, trattament uniformi ta’ sitwazzjonijiet differenti jkun iġġustifikat jekk dan ikun ibbażat fuq kriterju oġġettiv u xieraq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arcelor Atlantique et Lorraine et, punt 38 iktar ’il fuq, EU:C:2008:728, punt 47).

104    Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni humiex oġġettivi u xierqa fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2010/30.

105    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni mill-ġdid li testijiet imwettqa b’kontenitur mimli huma possibbli sabiex isir kontroll tal-prestazzjoni ta’ tindif tal-vacuum cleaners u ssostni f’dan is-sens li regola tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) diġà tipprevedi metodu komplut u pprovat sabiex tiġi ttestjata l-prestazzjoni ta’ tindif b’kontenitur mimli u li l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-konsumaturi u l-korpi ta’ evalwazzjoni kollha jużaw forma jew oħra ta’ test imwettaq b’kontenitur mimli.

106    Mingħajr ma tagħti deċiżjoni, fil-kuntest tat-tieni motiv tar-rikors, fuq it-testijiet imwettqa b’kontenitur mimli, il-Kummissjoni tikkontesta tali testijiet u tagħmel riferiment għall-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat, li jgħid li eżami fil-futur tal-imsemmi regolament ikollu jieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà eventwali li jiġu introdotti metodi ta’ kejl u ta’ kalkolu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli bbażati fuq kontenitur mimli bit-trab pjuttost milli kontenitur vojt.

107    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni rrikonoxxiet lill-awtoritajiet tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi fdati lilhom, setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta l-azzjoni tagħhom tkun tinvolvi għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u meta dawn jinħtieġu jwettqu evalwazzjoniijet kumplessi, iżda li, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, l-awtoritajiet tal-Unjoni huma obbligati li jibbażaw l-għażla tagħhom fuq kriterji oġġettivi u xierqa meta mqabbla mal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi fattwali kollha kif ukoll tad-data teknika u xjentifika disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att inkwistjoni (ara s-sentenza Arcelor Atlantique et Lorraine et, punt 38 iktar ’il fuq, EU:C:2008:728, punti 57 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Issa, f’dan il-każ, waqt li eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha għall-finijiet tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kienet obbligata tibbaża l-għażla tagħha dwar metodi ta’ kejl tal-effiċjenza enerġetika fuq kriterji oġġettivi, b’mod konformi mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2010/30, jiġifieri dawk li jikkonsistu fl-għoti ta’ informazzjoni affidabbli u uniformi lill-konsumaturi sabiex huma jkunu jistgħu jagħżlu prodotti li jagħtu l-aħjar rendiment.

109    F’dan ir-rigward, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 70 sa 75 ta’ din is-sentenza, it-testijiet magħmula b’kontenitur parzjalment mimli, fihom infushom ma ġewx suġġetti għal testijiet “ċirkolari” bejn laboratorji, b’mod li r-riproduċibbiltà tagħhom setgħet tiġi kkontestata.

110    Għaldaqstant, il-fatt li t-testijiet irrakkomandati mir-rikorrenti ma jissodisfawx, b’mod simultanju, il-kriterji ta’ affidabbiltà, ta’ preċiżjoni u ta’ riproduċibbiltà jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika trattament uniformi ta’ vacuum cleaners li jużaw teknoloġiji differenti, jiġifieri tal-vacuum cleaners “bil-borża” u tal-vacuum cleaners “mingħajr borża”.

111    Għaldaqstant, it-tielet motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

112    Permezz tat-tieni motiv tar-rikors, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha permezz tal-Artikolu 296 TFUE.

113    Skont ir-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat ma jispjegax b’mod suffiċjenti, u saħansitra bl-ebda mod ma jispjega għaliex l-istat tal-“progress teknoloġiku” ma jippermettix li tiġi ttestjata l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni ta’ tindif tal-vacuum cleaner meta l-kontenitur ikun mimli bit-trab u għaliex il-Kummissjoni, fl-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat, ipposponiet l-eżami ta’ din it-teknika ta’ test b’ħames snin.

114    La r-regolament ikkontestat, la l-espożizzjoni tar-raġunijiet tal-proposta, u lanqas ix-xogħlijiet preparatorji ma jipprovdu spjegazzjonijiet suffiċjenti f’dan ir-rigward.

115    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-testijiet imwettqa b’kontenitur mimli hija diffiċli li tinftiehem fir-rigward tal-kuntest ġenerali u tal-ġenesi tar-regolament ikkontestat, peress li r-rikorrenti ssostni mill-ġdid li hija prattika stabbilita, fl-Unjoni kollha, li l-prestazzjoni tat-tindif tal-vacuum cleaners tiġi ttestjata bil-kontenitur mimli bit-trab, b’din il-prattika titqies bħala li tirrifletti l-prestazzjoni ta’ din l-għodda f’kundizzjonijiet reali ta’ użu, kif dan jirriżulta minn regola ta’ Cenelec u mit-testijiet kollha pprattikati mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u mill-korpi ta’ evalwazzjoni u liema prattika kienu sostnewha l-partijiet ikkonċernati, fosthom ir-rikorrenti, matul il-proċess ta’ konsultazzjoni li sar qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

116    Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni motiv tar-rikors jikkonferma n-nuqqas ta’ komprensjoni, mir-rikorrenti, tar-regolament ikkontestat, peress li dan tal-aħħar ma jipprojbixxix it-testijiet b’kontenitur “mimli bit-trab”, iżda jeħtieġ sempliċement li jiġu applikati “metodi tal-kejl u tal-kalkolu li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi tal-kejl u tal-kalkolu l-aktar avvanzati rrikonoxxuti, kif stipulat fl-Anness VI”, filwaqt li ebda “metodu ta’ kejl u ta’ kalkolu affidabbli, preċiż u riproduċibbli” ma jeżisti għat-testijiet b’kontenitur “mimli bit-trab”, b’mod li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tindika r-raġunijiet li għalihom hija ma imponietx obbligu sabiex it-testijiet jitwettqu b’tali kontenitur.

117    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottatu, b’tali mod li tippermetti lill-persuni interessati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C-138/03, C-324/03 u C-431/03, Ġabra, EU:C:2005:714, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandhiex tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad-diċitura tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2005:714, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk il-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat hijiex suffiċjenti f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-metodi ta’ kejl adottati fih.

120    Għandu jiġi rrilevat li l-parti essenzjali tal-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat f’dan ir-rigward tinsab fl-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat, intitolat “Reviżjoni”, li jistipula:

“Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku sa mhux aktar tard minn ħames snin wara li jkun daħal fis-seħħ. Ir-reviżjoni għandha b’mod partikolari tivvaluta [...] jekk hux vijabbli li jintużaw metodi ta’ kejl għall-konsum annwali tal-enerġija, għat-trab miġbur u għall-emissjoni mill-ġdid tat-trab li huma bbażati fuq kejl b’kontenitur parzjalment mimli pjuttost milli b’kontenitur vojt.”

121    Minn dan ċertament isegwi li l-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat ma jispjegax b’mod espress u ddettaljat ir-raġunijiet speċifiċi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tagħżel il-metodi ta’ kejl adottati.

122    Xorta waħda jibqa’ l-fatt li, meta att ikun ta’ natura regolamentari, bħal f’dan il-każ, il-motivazzjoni tista’ tkun limitata li tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali illi huwa jrid jilħaq (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1985, Abrias et vs Il-Kummissjoni, 3/83, Ġabra, EU:C:1985:284, punt 30, u tal-10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il-Kunsill, C‑342/03, Ġabra, EU:C:2005:151, punt 55).

123    Barra minn hekk, jekk att ta’ portata ġenerali, bħal f’dan il-każ, jindika l-għan essenzjali mfittex mill-istituzzjoni, ikun eċċessiv li tintalab motivazzjoni speċifika għad-diversi għażliet tekniċi li jkunu saru (ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C-310/04, Ġabra, EU:C:2006:521, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Issa, l-għan imfittex mill-Kummissjoni fir-regolament ikkontestat jirriżulta mill-premessa 4 tal-imsemmi regolament, li tgħid li “[l]-informazzjoni mogħtija fuq it-tikketta għandha tinkiseb bis-saħħa ta’ proċeduri ta’ kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl l-aktar reċenti u avvanzati rikonoxxuti inkluż, fejn disponibbli, standards armonizzati adottati mill-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej, kif elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea”.

125    F’dan is-sens, l-Artikolu 5 tar-regolament ikkontestat, intitolat “Metodi ta’ kejl”, jipprevedi li “[l]-informazzjoni li għandha tingħata […] għandha tinkiseb permezz ta’ metodi tal-kejl u tal-kalkolu li jkunu affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi tal-kejl u tal-kalkolu l-aktar avvanzati rrikonoxxuti, kif stipulat fl-Anness VI”.

126    Il-punt 1 tal-Anness VI tar-regolament ikkontestat jieħu l-kontenut tiegħu filwaqt li jippreċiża li, “[g]ħall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl u l-kalkoli għandhom jitwettqu permezz ta’ proċedura ta’ kejl affidabbli, preċiża u riproduċibbli, li tqis il-metodi ta’ kejl u kalkolu l-aktar reċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli, inkluż il-metodi armonizzati stipulati f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea” u li “[d]awn għandhom jissodisfaw id-definizzjonijiet tekniċi, il-kundizzjonijiet, l-ekwazzjonijiet u l-parametri stabbilit[i] b’dan l-Anness”.

127    Għaldaqstant, il-Kummissjoni mmotivat ir-regolament ikkontestat biżżejjed f’dak li jikkonċerna l-għażla tagħha tal-metodi ta’ kejl adottati fih.

128    Fil-fatt, mill-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 5, mal-premessa 4 u mal-punt 1 tal-Anness VI tar-regolament ikkontestat, jista’ jirriżulta li l-Kummissjoni adottat metodi ta’ kejl ibbażati fuq testijiet imwettqa b’kontenitur vojt pjuttost milli fuq testijiet imwettqa b’kontenitur mimli, minħabba l-ineżistenza, fid-dawl tal-istat tal-għarfien teknoloġiku, skont il-Kummissjoni, ta’ metodi ta’ kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-metodi ta’ kejl rikonoxxuti bħala l-iktar reċenti sabiex jiġu adottati miżuri bbażati fuq testijiet imwettqa b’kontenitur mimli, mingħajr madankollu ma jiġi impost b’mod espress test iktar milli ieħor.

129    Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tispjega b’mod iktar elaborat għaliex, minħabba l-istat tal-progress teknoloġiku, fl-Artikolu 7 tar-regolament ikkontestat hija mexxiet b’ħames snin l-eżami ta’ testijiet ta’ effiċjenza enerġetika u ta’ prestazzjoni ta’ tindif tal-vacuum cleaners b’kontenitur mimli.

130    Hekk kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-eżami tal-ewwel u tat-tielet motivi tar-rikors, il-motivazzjoni tar-regolament ikkontestat f’dan ir-rigward għaldaqstant ippermettiet li r-rikorrenti ssir taf ir-raġunament tal-Kummissjoni, b’mod li jippermettilha tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-Qorti Ġenerali twettaq l-istħarriġ tagħha.

131    Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda x-xogħlijiet preparatorji, kemm jekk dawn ikunu osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, fosthom ir-rikorrenti, matul il-proċess ta’ konsultazzjoni jew tal-espożizzjoni tar-raġunijiet għall-proposta li wasslet għar-regolament ikkontestat.

132    Fil-fatt, sabiex dan l-argument jiġi miċħud, huwa biżżejjed jiġi rrilevat li dan ma huwiex dirett kontra l-att ikkontestat, iżda huwa dirett kontra atti li ġew qabel l-adozzjoni tiegħu, b’mod li l-imsemmija atti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni, f’din il-kawża, tal-legalità esterna tar-regolament ikkontestat.

133    Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka b’mod utli regola tas-Cenelec u l-uniformità tal-prattika tat-testijiet, anki jekk jitqies li din hija stabbilita, tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jew tal-korpi ta’ evalwazzjoni.

134    Fil-fatt, dawn il-kunsiderazzjonijiet jaqgħu taħt il-legalità tar-regolament ikkontestat fuq il-mertu u mhux taħt il-legalità esterna tiegħu, b’tali mod li huma ma jistgħux iservu ta’ appoġġ għat-tieni motiv tar-rikors, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

135    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

136    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għal dawk esposti mill-Kummissjoni, b’mod konformi mat-talbiet tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Dyson Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Novembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.