Language of document : ECLI:EU:T:2018:761

Kawża T544/13 RENV

Dyson Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Direttiva 2010/30/UE – Indikazzjoni, permezz ta’ ttikkettjar u ta’ informazzjoni standard tal-prodott, dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija – Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni li jissupplimenta d-Direttiva – Ittikkettjar enerġetiku tal-vacuum cleaners – Element essenzjali ta’ att ta’ awtorizzazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat‑8 ta’ Novembru 2018

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati – Obbligu li ma jiġux emendati elementi essenzjali tal-att leġiżlattiv bażiku – Rekwiżit li tiġi pprovduta lill-konsumaturi informazzjoni li tirrifletti l-konsum enerġetiku tal-vacuum cleaners li tikkostitwixxi element essenzjali tad-Direttiva 2010/30 – Ħtieġa li jiġi previst, fl-att iddelegat, metodu ta’ kalkolu li jippermetti li titkejjel il-prestazzjoni enerġetika taħt kundizzjonijiet reali ta’ użu

(Artikolu 290 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 665/2013, Artikolu 5; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/30, premessa 5 u Artikolu 5(b))

2.      Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali – Kundizzjoni – Natura diviżibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati – Kundizzjoni mhux issodisfatta

(Artikolu 263 TFUE)

1.      Il-Kummissjoni għandha l-obbligu, sabiex ma tiksirx element essenzjali tad-Direttiva 2010/30 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija, li tuża, fil-kuntest tar-Regolament ta’ Delega Nru 665/2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30 fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners, metodu ta’ kalkolu li jippermetti li titkejjel il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners f’kundizzjonijiet kemm jista’ jkun viċin tal-kundizzjonijiet reali ta’ użu, billi teżiġi li l-kontenitur tal-vacuum cleaner ikun mimli sa ċertu livell, kont meħud madankollu tar-rekwiżiti marbuta mal-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u mal-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi bħalma huma b’mod partikolari msemmija fil-premessa 5 u fl-Artikolu 5(b) ta’ din id-direttiva.

Għaldaqstant, sabiex il-metodu wżat mill-Kummissjoni jkun konformi mal-elementi essenzjali tad-Direttiva 2010/30, żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għandhom jiġu ssodisfatti. Minn naħa, sabiex titkejjel il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners, f’kundizzjonijiet kemm jista’ jkun viċin tal-kundizzjonijiet reali tal-użu, il-kontenitur tal-vacuum cleaner irid ikun mimli sa ċertu livell. Min-naħa l-oħra, il-metodu wżat għandu jissodisfa ċerti rekwiżiti marbuta mal-validità xjentifika tar-riżultati miksuba u mal-eżattezza tal-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi.

(ara l-punti 68 sa 71)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 78 sa 82)