Rikors ippreżentat fil-25 ta' Jannar 2011 - Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo PTE vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-43/11)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Singapore Airlines Ltd u Singapore Airlines Cargo PTE Ltd (rappreżentanti: J. Kallaugher, solicitor, J. P. Poitras, solicitor, J. R. Calzado u É. Barbier de la Serre, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2010 fil-Każ COMP/39.258 - ġarr ta' merkanzija bl-ajru;
flimkien jew sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti;
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1. Permezz tal-ewwel motiv ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tikser forom proċedurali sostanzjali, fosthom:
id-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali
id-dritt għal ċertezza legali u prevedibbiltà tal-pieni; u
id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti peress illi Singapore Airlines Cargo PTE Ltd ma ngħatatx l-aċċess għar-risposti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentati mill-impriżi l-oħra li lilhom kienet indirizzata d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għall-materjal ieħor fil-pusses tal-Kummissjoni li serva ta' bażi għad-deċiżjoni.
2. Permezz tat-tieni motiv ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni hija vvizjata bi sensiela ta' żbalji ta' fatt u ta' liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tan-natura u l-iskop tal-allegat "kartell", peress illi:
id-deċiżjoni hija vvizjata b'nuqqas ta' motivazzjoni adegwata għaliex tonqos milli tispjega l-bażi tal-konstatazzjonijiet essenzjali tagħha u ma tiddefinixxix is-swieq rilevanti.
id-deċiżjoni hija vvizjata bi żbalji ta' evalwazzjoni fir-rigward tan-natura u l-iskop tal-allegat "kartell". B'mod partikolari, l-allegati kuntatti fid-deċiżjoni ma jikkostitwixxux netwerk dinji wieħed u l-konstatazzjoni ta' "għan komuni" li jorbot dawn il-kuntatti ma hijiex sostnuta mill-provi;
il-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi meta ddefinit l-elementi tal-allegat ksur kumpless;
il-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat l-allegat ksur kumpless marbut man-nuqqas ta' ħlas ta' kummissjoni fuq ħlasijiet addizzjonali u
il-Kummissjoni wettqet żbalji ta' liġi u ta' evalwazzjoni meta qieset l-allegati tliet "elementi" tal-ksur bħala ksur uniku.
3. Permezz tat-tielet motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta' liġi u ta' fatt meta applikat l-Artikolu 101 TFUE għal aġir marbut ma' bejgħ f'ġurisdizzjonijiet barranin peress illi:
il-Kummissjoni wettqet żbalji ta' liġi u ta' fatt meta applikat l-Artikolu 101 TFUE għal aġir li jaffettwa swieq barra mill-UE, u b'hekk kisret ir-regoli li jillimitaw il-ġurisdizzjoni tal-UE fuq dan l-aġir; u
il-Kummissjoni wettqet żbalji ta' liġi u ta' evalwazzjoni meta rrifjutat li tikkunsidra l-fatt li f'ġurisdizzjonijiet barranin li spiss jissemmew fid-deċiżjoni, id-deċiżjoni ma tirreflettix b'mod adegwat il-fatt li l-aġir ġie effettivament issorveljat u effettivament impost mill-aġenziji governattivi.
4. Permezz tar-raba' motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet numru ta' żbalji meta imputat l-allegat ksur lil Singapore Airlines Cargo PTE Ltd peress illi:
il-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta' liġi u ta' evalwazzjoni meta analizzat u qieset kuntatti qabel l-1 ta' Mejju 2004, kuntatti dwar talbiet mill-operaturi għal ħlasijiet ta' kummissjonijiet, kuntatti dwar il-ħlasijiet addizzjonali fuq is-sigurtà, kuntatti dwar il-ħlasijiet addizzjonali fuq il-fjuwil barra mill-UE u kuntatti dwar il-ħlasijiet addizzjonali fuq il-fjuwil fl-UE;
il-Kummissjoni wettqet żbalji ta' liġi u ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-użu tal-kuntatti ta' alleanza WOW sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta' Singapore Airlines Cargo PTE Ltd fl-allegat ksur; u
il-Kummissjoni ma stabbilixxitx li Singapore Airlines Cargo PTE Ltd kienet taf jew kellha tkun taf bl-allegat ksur jew bl-elementi li jikkostitwixxuh.
5. Permezz tal-ħames motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha, abbażi tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, li teżamina bir-reqqa u b'mod imparzjali l-elementi kollha tal-każ.
6. Permezz tas-sitt motiv ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni għandha diversi żbalji ta' liġi u ta' evalwazzjoni fil-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti peress illi:
il-Kummissjoni kisret il-Linji gwida dwar il-metodu tal-iffissar tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2), il-prinċipju ta' proporzjonalità u l-prinċipju ta' ugwaljanza fl-ikkalkolar tal-valur tal-bejgħ jiġi kkalkolati, għaliex ma kkunsidratx
il-fatt li dħul mill-bejgħ tat-traffiku li jidħol ma jirrigwardax il-bejgħ fi ħdan iż-ŻEE
il-portata ġeografika limitata tal-aġir li fir-rigward tiegħu d-deċiżjoni tikkonstata ksur;
ir-rwol relattiv tar-rikorrenti; u
il-fatt li l-allegat koordinament kien jinvolvi biss ħlasijiet addizjonali.
il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra b'mod xieraq l-iskop u t-tul tal-allegata parteċipazzjoni ta' Singapore Airlines Cargo PTE Ltd fil-ksur; u
in-nuqqas tad-deċiżjoni li tagħti tnaqqis għal parteċipazzjoni limitata lil Singapore Airlines Cargo PTE Ltd jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.
____________