Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Jannar 2011 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-45/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: P. Gentili, avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7893 finali, tal-10 ta' Novembru 2010, innotifikata lir-Repubblika Taljana b'nota tal-11 ta' Novembru 2010 SG-Greffe (2010) D/18018, li tiċħad ir-rinviju tal-Każ COMP/M.5960 - Crédit Agricole/Cassa di Risparmio della Spezia/Agenzie Intesa SanPaolo.

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tal-Awtorità Taljana dwar il-kompetizzjoni għal rinviju, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta' Jannar 2004, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), tal-konċentrazzjoni nnotifikata lill-Kummissjoni, li permezz tagħha Crédit Agricole S.A. takkwista, permezz tal-kontrollata Cassa Di Risparmio di Parma e Paicenza S.p.A., il-kontroll esklużiv ta' Cassa di Risparmio della Spezia S.p.A., attwalment ikkontrollata minn Intesa SanPaolo.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, sa fejn il-Kummissjoni qieset li t-talba għal rinviju kienet tardiva u mhux motivata.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9(2)(a) u (b) u l-ewwel paragrafu tal-punt (3)(b) u t-tieni paragrafu, tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, kif ukoll fuq nuqqas ta' motivazzjoni.

Ir-rikorrenti ssostni f'dan ir-rigward li l-Kummissjoni tat importanza lill-fatt li wara l-konċentrazzjoni, l-ishma tas-suq ma nbidlux. Fil-fatt, Crédit Agricole ser takkwista dawn l-ishma tas-suq permezz tal-konċentrazzjoni, u mhux bħal Intesa SanPaolo qabel il-konċentrazzjoni, permezz ta' espansjoni interna. Għalhekk kien hemm effett fuq is-suq provinċjali tas-servizzi bankarji bl-imnut.

It-tielet motiv, dwar il-ksur tal-Artikolu 9(2)(a) u (b) l-ewwel paragrafu tal-punt 3(b) u t-tieni paragrafu, tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, kif ukoll fuq nuqqas ta' motivazzjoni.

Ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-suq provinċjali tas-servizzi jeżisti: l-utenti ta' tali servizzi, fil-fatt, ma għandhomx intenzjoni jiċċaqilqu għal post ieħor, u hemm diffikultajiet għal operaturi oħra sabiex jidħlu f'suq provinċjali li ma jesgħax iktar. Għalhekk kien jeżisti suq ristrett li ma jikkostitwiex parti sostanzjali tas-suq komuni.

Ir-raba' motiv, dwar il-ksur tal-Artikolu 9(2)(a) u (b) l-ewwel paragrafu tal-punt 3(b) u t-tieni paragrafu, tar-Regolament (KE) Nru 139/2004, kif ukoll fuq nuqqas ta' motivazzjoni.

Fir-rigward ta' dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-proċeduri ta' nuqqas ta' osservanza mibdija mill-Awtorità Garanti tal-Kompetizzjoni kontra Crédit Agricole u Intesa SanPaolo, li għalhekk kellhom, għall-finijiet ta' effett fuq is-suq, jiġu meqjusa bħala partijiet relatati u mhux kompetituri.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 1 u 9(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 u fuq il-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità.

Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-konċentrazzjoni ma kinitx ta' relevanza Komunitarja u li l-Awtorità Garanti tal-Kompetizzjoni kienet fl-aħjar pożizzjoni sabiex tkun taf dan. Tal-anqas, il-Kummissjoni kellha tirrinvija l-parti tal-konċentrazzjoni li kienet tolqot is-swieq provinċjali msemmija fid-deċiżjoni.

____________