Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Novembru 2011 - Hassan vs Il-Kunsill

(Kawża T-572/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Samir Hassan (Damasku, is-Sirja) (rappreżentanti: E. Morgan de Rivery u E. Lagathu, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla, abbażi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE):

id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/515/PESK, tat-23 ta' Awwissu 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, sa fejn din iżżid lil Samir Hassan mal-lista li tidher fl-anness tal-imsemmija Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK, tad-9 ta' Mejju 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 843/2011, tat-23 ta' Awwissu 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, sa fejn iżid lil Samir Hassan mal-lista li tidher fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta' Mejju 2011, dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

tikkumpensa, abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE, id-danni kkawżati lil S. Hassan permezz tat-teħid kontrih tal-miżuri restrittivi msemmija iktar 'il fuq, kif ġej:

tirrikonoxxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għad-danni materjali subiti u futuri u d-danni morali;

tordna l-ħlas tas-somma ta' EUR 250 000 fix-xahar lil S. Hassan, mill-1 ta' Settembru 2011, sabiex jiġi kkumpensat għad-danni materjali subiti;

tordna l-ħlas ta' Euro (1) simbolika lil S. Hassan għad-danni morali subiti, u

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas kumpens għad-danni materjali futuri;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka seba' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest tal-Kunsill fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta' żball ta' liġi li rriżulta.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta' proprjetà u tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta' innoċenza tar-rikorrent.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur mill-Kunsill tal-linji gwida tiegħu fuq l-implementazzjoni u l-evalwazzjoni ta' miżuri restrittivi fil-kuntest tal-politika barranija u ta' sigurtà komuni.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta' poter imwettaq mill-Kunsill.

Is-seba' motiv, ibbażat fuq kumpens għad-danni kkawżati mill-miżuri illegali meħuda mill-Kunsill.

____________