Language of document : ECLI:EU:T:2013:145

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Marzu 2013 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CLUB GOURMET – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti CLUB DEL GOURMET, EN.... El Corte Inglés – Raġuni relattiva għal rifjut – Assenza ta’ xebh tal-prodotti u tas-servizzi – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Argumenti u provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża T‑571/11,

El Corte Inglés, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn E. Seijo Veiguela u J. L. Rivas Zurdo, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn M. Ó. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI li kienet

Groupe Chez Gerard Restaurants Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tat-28 ta’ Lulju 2011 (Każ R 1946/2010‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn El Corte Inglés, SA u Groupe Chez Gerard Restaurants Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Novembru 2011,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Marzu 2012,

wara li rat il-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għal dawn il-mistoqsijiet ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 u fl-14 ta’ Novembru 2012,

wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-24 ta’ Mejju 2004, Groupe Chez Gerard Restaurants Ltd ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali CLUB GOURMET.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, wara l-limitazzjoni li saret matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, fil-klassijiet 16, 21, 29, 30, 32 u 33 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 16: “Kartoleriji; kowsters tal-karti, tvalji, matts ta’ fuq il-mejda u srievet tal-karti, boroż tar-rigali tal-karti”;

–        Klassi 21: “Mgħaref tat-tixlil, blenders mhux ta’ l-elettriku, fettieħa tal-fliexken, pniezel għat-tisjir, ċeramiki għall-użu fid-djar, magni li jitħnu l-kafè, filtri tal-kafè, boroż użati minn dulċiera għat-tiżjin, forom għall-użu fil-kċina, sfiefed, għodod għat-tisjir, trabuxù, pressa ta’ l-ikel, lenbut, ħakkieka, gradilji, istla tas-silġ, forom tas-silġ, kontenituri tal-kċina, mixers tal-kċina, għodod tal-kċina, magni għat-tħin għall-użu fil-kċina, magni li jħalltu, mgħaref li jħalltu, magni ta’ l-għaġin, pajpijiet, mtieħen tal-bżar u l-melħ, pipetti, buqari, borom, lenbuba ta’ l-għaġina, oġġetti li jintużaw għal fuq il-mejda, spatulas, bexxiexi, infużorju tat-tè f’forma ta’ ballun, kaxxetti għat-tè, infużorju tat-tè, settijiet tat-tè, trejs, termsijiet, u tubi u tappijiet għall-kampjuni ta’ l-inbid;kontenituri għall-ħażna ta’ l-ikel, oġġetti tal-ħġieġ, oġġetti tal-porċellana u tal-fuħħar”;

–        Klassi 29: “Frott u ħxejjex ippreservat, imqadded u msajjar; ġèlis, ġammijiet, laħam, ħut, tjur u laħam tat-tjur, biċċiet żgħar msajra tal-laħam tal-majjal, ġobon, sopop, jogurt, żejt taż-żebbuġa, patès”;

–        Klassi 30: “Kafè, għaġin, tè, kawkaw, dqiq, zokkor, ħobż, għaġina, ħelu, torti, ġelati u sorbetti, sandwiċċis, għasel, għasel iswed, mustarda, ħall, zlazi, kondimenti u ħwawar, zlazi tal-frott”;

–        Klassi 32: “Birer, ilma minerali u ilma bil-gass u xorb ieħor mingħajr alkoħol, xorb tal-frott u meraq tal-frott; ġulepp u preparazzjonijiet oħra biex isir ix-xorb”;

–        Klassi 33: “Xorb alkoħoliku (ħlief birer); inbid; likur”

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata f’Il-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 17/2005, tal-25 ta’ April 2005.

5        Fit-22 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti, El Corte Inglés, SA, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet inizjalment ibbażata fuq l-erba’ trade marks preċedenti segwenti:

–        it-trade mark Spanjola figurattiva Nru 1817328, irreġistrata għal servizzi li jaqgħu fil-klassi 35;

–        l-applikazzjoni għal trade mark Spanjola verbali Nru 2229135, li tkopri prodotti li jaqgħu fil-klassi 16;

–        l-applikazzjoni għal trade mark Spanjola verbali Nru 2589335, li tkopri prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30, 31, 32, 33 u 34;

–        l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja verbali Nru 3789054, li tkopri prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30, 31, 32,  33 u 35.

7        Sussegwentement, l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 3789054 ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tas-17 ta’ Lulju 2006 (Każ R 343/2006‑2), li saret definittiva. Barra minn hekk, permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Novembru 2009 u tal-11 ta’ Awwissu 2010, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ir-rikorrenti rrinunċjat li tibbaża l-oppożizzjoni tagħha, rispettivament, fuq l-applikazzjonijiet għal trade marks Spanjoli Nri 2229135 u 2589335.

8        Konsegwentement, l-oppożizzjoni hija bbażata biss fuq it-trade mark Spanjola figurattiva preċedenti (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”) riprodotta hawn taħt, irreġistrata bin-Numru 1817328 għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 li tikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti: “Frażi ta’ reklamar. Din tapplika għall-prodotti koperti mit-trade marks Nru 1013156 (klassi 29), Nru 1013157 (klassi 30), Nru 1815538 (klassi 31), Nru 1815539 (klassi 32), Nru 1013158 (klassi 33), Nru 1815547 (klassi 42) ‘El Corte Inglés’ (trade mark figurattiva)”:

Image not found

9        Ir-raġunijiet invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar, l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009].

10      Fit-3 ta’ Settembru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni

11      Fis-6 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, abbażi tal-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-apell. B’mod partikolari, huwa qies, prinċipalment, li d-deskrizzjoni tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti bħala “frażi ta’ reklamar” ma kienet tippermetti ebda paragun mal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, inkwantu din la kienet tkopri prodott u lanqas servizz. Sussidjarjament, anki fuq l-assunzjoni li t-trade mark preċedenti tkopri “servizzi ta’ reklamar” li jaqgħu fil-klassi 35, il-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti huma differenti. Fil-fatt, il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma indirizzati lill-konsumatur medju, filwaqt li s-servizzi ta’ reklamar allegatament koperti mit-trade mark preċedenti huma indirizzati lil pubbliku essenzjalment kompost minn professjonisti. Fl-aħħar, it-trade marks kunfliġġenti huma, minn naħa, globalment differenti fuq livell viżiv, min-naħa l-oħra, nieqsa minn xebh fuq livell fonetiku u, fl-aħħar, ta’ prossimità żgħira fuq livell kunċettwali.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

16      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar l-oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata meta, għal raġuni ta’ identità jew xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identità jew ta’ xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks preċedenti tfisser it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru li d-data tar-reġistrazzjoni tagħhom tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

17      Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI — Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

18      L-ewwel nett, hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar liema huma l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, peress li l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell hija kkontestata mir-rikorrenti.

19      Fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata l-Bord tal-Appell qies li d-deskrizzjoni tal-prodotti u/jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti kienet irreġistrata ma kinitx tindika b’mod ċar in-natura tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti u li din ma kienet tikkorrispondi għal ebda wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi msemmija mill-Klassifikazzjoni ta’ Nice. Barra minn hekk, “frazi ta’ reklamar” la hija prodott u lanqas servizz, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, din id-deskrizzjoni ma kienet tippermetti ebda paragun tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti, b’mod li l-oppożizzjoni kellha tiġi miċħuda. Huwa biss sussidjarjament li huwa sussegwentement eżamina l-appell billi bbaża ruħu fuq l-interpretazzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li skontha l-espressjoni “frazi ta’ reklamar” kellha tiġi assimilata ma’ “servizzi ta’ reklamar” li jaqgħu fil-klassi 35.

20      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, skont il-prassi segwita mill-Uffiċċju tal-Privattivi u tat-Trade marks Spanjol (OEPM) sal-1997, “trade mark slogan” bħat-trade mark preċedenti hija protetta mhux biss għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35, iżda wkoll għall-prodotti u għas-servizzi kollha koperti minn “trade marks bażiċi” waħda jew iktar. F’dan il-każ, it-trade mark preċedenti, li għaliha saret applikazzjoni fis-26 ta’ April 1994 u li ġiet irreġistrata fil-5 ta’ Jannar 1996, hija wkoll għaldaqstant protetta għall-prodotti u għas-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30, 31, 32, 33 u 42 u li huma koperti mit-trade marks imsemmija fid-deskrizzjoni tas-servizzi tat-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll dawn il-prodotti u servizzi għall-paragun ma’ dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u mhux biss dawk li jaqgħu fil-klassi 35.

21      F’dan ir-rigward l-UASI essenzjalment isostni li ma huwiex possibbli li l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti tiġi estiża għall-prodotti li jaqgħu taħt klassijiet oħra jew għal prodotti u għal servizzi protetti minn drittijiet oħra li ma ġewx invokati bħala li fuqhom hija bbażata l-oppożizzjoni.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel kollox hemm lok li tiġi ddeterminata l-portata tad-deskrizzjoni tal-prodotti u/jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni il-kliem tad-deskrizzjoni tal-prodotti u/jew tas-servizzi msemmija, kif jidher fil-punt 8 iktar ’il fuq. It-tieni nett, għandhom jiġu evalwati l-indikazzjonijiet addizzjonali mogħtija mir-rikorrenti quddiem l-UASI u, it-tielet nett, hemm lok li tiġi eżaminata l-eżistenza u l-portata ta’ obbligu eventwali tal-UASI li jipproċedi għal eżami ex officio ta’ ċerti ċirkustanzi.

 Fuq il-kliem tad-deskrizzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti

23      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-lista tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti tipprovdi kif ġej: “klassi 35: Frażi ta’ reklamar. Din tapplika għall-prodotti koperti mit-trade marks Nru 1013156 (klassi 29), Nru 1013157 (klassi 30), Nru 1815538 (klassi 31), Nru 1815539 (klassi 32), Nru 1013158 (klassi 33), Nru 1815547 (klassi 42) ‘El Corte Inglés’ (trade mark figurattiva)”.

24      F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat li din il-lista tidentifika servizz wieħed biss, li jaqa’ fil-klassi 35, jiġifieri “frażi ta’ reklamar”, li fir-rigward tiegħu hija sussegwentement tindika l-użu previst. Minn naħa l-oħra, mill-qari tal-kliem iċċitat fil-punt preċedenti ma jirriżultax li t-trade mark preċedenti hija intiża sabiex tkopri wkoll il-prodotti koperti mit-trade marks indikati bħala li jikkostitwixxu l-qasam ta’ applikazzjoni tas-servizz inkwistjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti sostniet waqt is-seduta, mill-qari ta’ din il-lista biss, ma huwiex possibbli li jsir magħruf liema huma l-prodotti koperti mit-trade marks li hija ssemmi, peress li dawn tal-aħħar ma humiex identifikati korrettament, iżda biss b’riferiment għat-trade marks li bihom dawn huma koperti u għall-klassijiet li fihom huma jaqgħu. Issa, peress li l-klassijiet tal-Ftehim ta’ Nice ħafna drabi jiġbru flimkien numru kbir ta’ prodotti varji ħafni, tali indikazzjonijiet ma humiex biżżejjed sabiex jidentifikaw il-prodotti konkretament koperti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-19 ta’ Ġunju 2012, The Chartered Institute of Patent Attorneys, C‑307/10, punti 49, 56, 61 u 62).

 Fuq l-indikazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti quddiem l-UASI

25      It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li fatti mhux invokati mill-partijiet quddiem l-istanzi tal-UASI ma jistgħux jiġu invokati fl-istadju tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u li din tal-aħħar ma tistax teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-UASI għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni li huwa seta’ jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu fil-mument li fih huwa ħa din id-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C‑214/05 P, Ġabra p. I‑7057, punti 50 sa 52, u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, Ġabra p. I‑10053, punti 136 sa 138).

26      Issa, għandu jiġi kkonstatat li huwa għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti invokat il-prassi speċifika tal-OEPM, fir-rigward tat-trattament tat-“trade marks slogan” sal-1997, u l-ġurisprudenza tal-qrati Spanjoli fir-rigward tal-portata tal-protezzjoni mogħtija mir-reġistrazzjonijiet preċedenti għal din id-data. Fil-fatt, fuq qari tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha prodotti quddiem l-UASI, jidher li r-rikorrenti qatt ma sostniet espressament, la quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u lanqas quddiem il-Bord tal-Appell, li l-protezzjoni mogħtija mit-trade mark preċedenti kienet testendi lil hinn mis-servizzi biss li jaqgħu fil-klassi 35.

27      L-ewwel nett, b’mod partikolari, fil-formola ta’ oppożizzjoni sottomessa lill-UASI fit-22 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti mmarkat il-kaxxa li tindika li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq “il-prodotti/servizzi kollha li għalihom it-trade mark preċedenti [kienet] irreġistrata”, mingħajr ma jirriżulta mill-formola liema prodotti jew servizzi huma kkonċernati, u lanqas liema klassijiet dawn tal-aħħar jaqgħu fihom.

28      It-tieni nett, fl-Anness għal din il-formola li jiddettalja r-raġunijiet għall-oppożizzjoni, ir-rikorrenti invokat erba’ drittijiet preċedenti msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, fosthom it-trade mark preċedenti, billi indikat, għal kull wieħed minn dawn id-drittijiet, f’liema klassijiet jaqgħu l-prodotti jew is-servizzi koperti minnhom. Issa, fir-rigward tat-trade mark preċedenti, hija semmiet biss il-klassi 35 u mhux il-klassijiet 29 sa 33 u 42 li għalihom, skontha, testendi il-protezzjoni ta’ din it-trade mark.

29      It-tielet nett, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ottubru 2005, l-UASI informa lir-rikorrenti li l-oppożizzjoni tagħha ma kienet tinkludi ebda indikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi li fuqhom din kienet ibbażata u li l-indikazzjoni biss li skontha l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha li għalihom it-trade mark preċedenti kienet irreġistrata ma kinitx biżżejjed f’dan ir-rigward. Issa, fit-tweġiba tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2005, ir-rikorrenti llimitat ruħha milli tipprovdi, fir-rigward tat-trade mark preċedenti, estratti mid-database dwar is-sitwazzjoni legali tal-kwistjonijiet quddiem l-OEPM (imsejħa “database sitadex”), bl-Ispanjol u bl-Ingliż, li jinkludu biss, taħt l-intestatura “klassi”, l-indikazzjoni “35”.

30      Ir-raba’ nett, fl-osservazzjonijiet tagħha tal-10 ta’ Lulju 2008 dwar l-oppożizzjoni, il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem l-UASI rrilevat li t-trade mark preċedenti kienet irreġistrata għal servizzi li jaqgħu fil-klassi 35, iddefiniti bħala frażi ta’ reklamar applikabbli għal diversi trade marks, u li dawn is-servizzi ma kellhom ebda xebh u ebda relazzjoni mal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Hija żiedet li r-rikorrenti ma kienet ibbażat l-oppożizzjoni tagħha fuq ebda reġistrazzjoni għall-klassijiet 29, 30, 32 u 33. Issa, fil-osservazzjonijiet tagħha tal-15 ta’ Diċembru 2008 quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sottomessi bi tweġiba għal dawk tal-parti l-oħra quddiem l-UASI, ir-rikorrenti indikat biss li d-drittijiet preċedenti kienu jkopru prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 16, 29 sa 35 u 42. Peress li, f’din id-data, ir-rikorrenti kienet għada qed tibbaża l-oppożizzjoni tagħha, barra mit-trade mark preċedenti, fuq żewġ applikazzjonijiet għal trade marks Spanjoli (ara l-punti 6 u 7 iktar ’il fuq), din l-inklużjoni ma kinitx tippermetti lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tifhem li t-trade mark preċedenti kienet intiża sabiex tkopri prodotti li jaqgħu fi klassijiet oħra għajr fil-klassi 35.

31      Il-ħames nett, fid-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Settembru 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni indikat, fir-rigawrd tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti, li dawn tal-aħħar kienu “identifikati, essenzjalment, bħala frażi ta’ reklamar li taqa’ fil-klassi 35” u li hija kienet interpretat din “il-lista pjuttost mhux komuni u mhux ċara wisq” bħala li tkopri servizzi ta’ reklamar relatati mal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30, 31, 32, 33 u 42. Hija żiedet li, “peress li l-[lista ta’ servizzi] [kienet] tinsab taħt l-uniku titolu tal-klassi 35, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni [kienet] interpretata bħala li tkopri biss servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 u mhux prodotti/servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30, 31, 33 u 42”

32      Issa, minkejja dan ir-rifjut espliċitu tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni prodotti li jaqgħu f’dawn il-klassijiet inkwantu dawn kienu koperti mit-trade mark preċedenti, ir-rikorrenti qatt ma qieset li kien utli, fil-motivazzjoni tal-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, li tindika b’mod ċar li, skontha, din it-trade mark kienet ukoll protetta għal dawn il-prodotti. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti qabel kollox indikat, fit-taqsima ta’ dan l-appell intitolata “Fatti u proċedura”, li l-oppożizzjoni tagħha kienet ibbażata fuq “ir-reġistrazzjoni ta[t-trade mark preċedenti], għall-klassi 35”. Sussegwentement, hija indikat, fis-siltiet iddedikati għall-paragun tal-prodotti, li “t-trade mark preċedenti [kienet] tkopri servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 ‘servizzi ta’ reklamar relatati mal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30, 31, 32, 33 u 42’”, sabiex fl-aħħar tibbaża ruħha biss fuq l-argument li s-“servizzi ta’ reklamar” li jaqgħu fil-klassi 35 huma kumplimentari għall-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u għandhom konnessjoni ma’ xi wħud minn dawn il-prodotti. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li t-trade mark preċedenti kienet tkopri “frażi ta’ reklamar” u mhux “servizzi ta’ reklamar” u li l-indikazzjonijiet tar-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell ma kinux għaldaqstant ibbażati fuq il-fatti. Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrenti riedet tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti kienet testendi għall-prodotti u servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30, 31, 32, 33 u 42, kien ikun biżżejjed li tinvoka x-xebh jew l-identiċità, għall-inqas parzjali, tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, minflok li tallega l-eżistenza ta’ allegata rabta ta’ kumplimentarjetà bejn is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 u l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, li jaqgħu fil-klassijiet 16, 21, 29, 30, 32 u 33.

33      Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti allegat waqt is-seduta, l-elementi kollha li hija ssottomettiet waqt il-proċedura amministattiva ma kienu jinkludu ebda indikazzjoni espliċita li skontha l-protezzjoni mogħtija mit-trade mark preċedenti kinet intiża, fl-ispirtu tagħha, li testendi lil hinn mis-servizzi biss li jaqgħu fil-klassi 35. Għall-kuntrarju, dawn l-elementi kienu jinkludu diversi indikazzjonijiet, espliċiti u impliċiti, li skonthom it-trade mark preċedenti kienet intiża tkopri biss servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 — u dan mingħajr ma tiġi deċiża minn qabel, f’dan l-istadju tal-eżami tal-Qorti Ġenerali, il-kwistjoni dwar kif għandha tinftiehem l-indikazzjoni “frażi ta’ reklamar”.

 Fuq l-obbligu tal-UASI li jieħu inkunsiderazzjoni ex officio d-dritt Spanjol

34      Madankollu għandu jiġi eżaminat jekk, hekk kif ir-rikorrenti sostniet waqt is-seduta, l-UASI kienx obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni ex officio l-fatt li, skont id-dritt Spanjol, il-protezzjoni mogħtija mit-trade mark preċedenti kienet testendi għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30, 31, 32, 33 u 42 u li huma koperti mit-trade marks imsemmija fid-deskrizzjoni tas-servizzi.

35      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li fil-prinċipju, għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, id-determinazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn huma indispensabbli għall-attività tagħhom, huma kwistjoni tal-istabbiliment tal-fatti u mhux tal-applikazzjoni tad-dritt. Fil-fatt, din tal-aħħar tikkonċerna biss l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, għalkemm huwa veru li l-Artikolu 65(2) tar-Regolament Nru 207/2009, invokat mir-rikorrenti, għandu jinftiehem fis-sens li d-dispożizzjonijiet legali li l-ksur tagħhom jista’ jagħti lok għal rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jaqgħu kemm taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll taħt id-dritt Komunitarju, huwa min-naħa l-oħra dan tal-aħħar biss li jaqa’ taħt il-kuntest ġuridiku, li fih il-prinċipju iura novit curia huwa applikabbli, filwaqt li d-dritt nazzjonali, li s-sustanza tiegħu għandha, jekk ikun il-każ, tintwera permezz tal-produzzjoni tal-provi, jinsab f’livell fejn għandhom jiġu ppreżentati fatti u fejn dawn tal-aħħar huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-oneru tal-prova, (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra, p, I-5853, punti 55, 56, 75 u 77; ara, b’analoġija, is-sentenza Edwin vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 sa 50).

36      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-portata tal-protezzjoni mogħtija minn trade mark nazzjonali preċedenti, tali interpretazzjoni tista’ barra minn hekk tkun ibbażata wkoll fuq il-kliem tar-Regola 19(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat, li tipprovdi li “[f]i żmien il-perjodu [stabbilit mill-UASI], il-parti li qed topponi għandha wkoll tiffajlja prova ta’ eżistenza, validità u skop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti”. Skont ir-Regola 20(1) ta’ dan ir-regolament, “[j]ekk sa l-iskadenza tal-perjodu […] il-parti li qed topponi ma tkunx approvat [ipprovat] l-eżistenza, il-validità u l-iskop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti tagħha jew tad-dritt preċedenti […], l-oppożizzjoni tiġi rrifjutata bħala bla bażi”. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, hija għaldaqstant il-parti li qed topponi li għandha tipprova l-portata tal-protezzjoni tad-dritt preċedenti invokat u mhux l-UASI li għandu jagħmel verifiki f’dan ir-rigward.

37      Għaldaqstant, hemm lok li tinċaħad l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-dritt nazzjonali jifforma parti mill-kuntest tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għall-finijiet tal-eżami mill-Qorti tal-Ġenerali tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-UASI. Għalkemm il-Qorti Ġenerali tista, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, tissanzjona wkoll l-iżbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti li l-UASI kien wettaq, jibqa’ l-fatt li, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-UASI, il-fatti inkwistjoni għandhom ikunu ġew allegati u, jekk ikun meħtieġ, murija mill-parti li qed tinvokhom.

38      Minn dan jirriżulta li, fil-prinċipju, fil-kuntest ta’ proċedura quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, hija l-parti li tinvoka d-dritt nazzjonali li għandha turi li dan l-aħħar isostni l-allegazzjonijiet tagħha.

39      Huwa ċertament veru li l-Qorti Ġenerali kkwalifikat dan il-prinċipju, billi ddeċidiet li l-UASI għandu jinforma ruħu ex officio, permezz tal-mezzi li huwa jqis l-iktar adatti għal dan l-għan, dwar id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jekk tali informazzjoni hija neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni u, partikolarment, tal-materjalità tal-fatti ppreżentati jew tas-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati. (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 2005, Atomic Austria vs UASI – Fabricas Agrupadas de Muñecas de Onil (ATOMIC BLITZ), T‑318/03, Ġabra p. II‑1319, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Dan wassal lill-Qorti Ġenerali tqis li l-UASI kien obbligat jieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-provi prodotti quddiemu, id-dritt u l-prassi nazzjonali, f’sitwazzjoni fejn il-parti li qed topponi kienet ipproduċiet estratti minn reġistru li jiċċertifikaw ir-reġistrazzjoni tat-trade marks nazzjonali tagħha, iżda ma setgħetx tipprova t-tiġdid tagħhom, għaliex l-uffiċju tat-trade marks nazzjonali inkwistjoni, fil-prinipju, ma ħariġx dokument uffiċjali li jiċċertifika tali tiġdid (sentenza ATOMIC BLITZ, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 sa 47).

41      Madankollu, skont is-silta ċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq, l-obbligu tal-UASI li jinforma ruħu ex officio dwar id-dritt nazzjonali kien ġie suġġett għall-kundizzjoni li “tali informazzjoni [kienet] neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni u, partikolarment, tal-materjalità tal-fatti ppreżentati jew tas-saħħa probatorja tad-dokumenti ppreżentati”. Għaldaqstant huwa biss fil-każ li l-UASI għandu diġà indikazzjonijiet relatati mad-dritt nazzjonali, jew fil-forma ta’ allegazzjonijiet dwar il-kontenut tiegħu, jew fil-forma ta’ elementi mogħtija waqt it-trattazzjonijiet u li ġiet allegata s-saħħa probatorja tagħhom, li huwa obbligat, skont il-każ, jinforma ruħu ex officio dwar id-dritt nazzjonali.

42      Issa, f’dan il-każ, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 27 sa 33 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti qatt ma espressament sostniet quddiem l-UASI li t-trade mark preċedenti b’mod partikolari hija protetta għal prodotti jew servizzi oħra għajr dawk li jaqgħu fil-klassi 35 biss. Għall-kuntrarju, f’diversi drabi, hija tat indikazzjonijiet li jissuġġerixxu li din it-trade mark kienet tikkonċerna biss il-klassi 35.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien impossibbli kemm għad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kif ukoll għall-Bord tal-Appell li jindunaw li t-trade mark preċedenti kienet intiża sabiex tkopri wkoll il-prodotti u s-servizzi koperti mit-“trade marks bażiċi” u li jaqgħu fil-klassijiet 16, 29, 30, 31, 32, 33 u 42. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-UASI ma kienx obbligat jinforma ruħu dwar id-dritt Spanjol jew li jagħmel riċerki f’dan ir-rigward.

44      Fl-aħħar, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-UASI fil-verità lanqas kellu bżonn jinforma ruħu jew jagħmel riċerki li jikkonċernaw id-dritt Spanjol, peress li, skontha, f’deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tas-17 ta’ Lulju 2006 fil-Każ R 343/2006‑2, li tinvolvi wkoll lir-rikorrenti, huwa kien “[irrikonoxxa] l-eżistenza, it-tifsira u l-effetti [...] tat-‘trade marks slogans’” u peress li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ħadet din id-deċiżjoni inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Settembru 2010 f’dan il-każ.

45      Fil-fatt, l-ewwel nett, l-ewwel silta tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2006, iċċitata mir-rikorrenti, tinsab fit-taqsima intitolata “Argumenti tar-rikorrenti” u, it-Tieni Bord tal-Appell għaldaqstant sempliċement semma l-argumenti mressqa mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tistax titħalla tinvoka, sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża, argumenti u fatti li hija ma invokatx quddiem l-UASI fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti inter partes, iżda fil-kuntest ta’ proċedimenti ex parte li jikkonċernaw applikazzjoni għal trade mark oħra.

46      It-tieni nett, fit-tieni silta ċċitata mir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ċarament indika li l-prassi speċifika tal-OEPM relatata mat-“trade marks slogan”, invokata mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ reġistrazzjonijiet nazzjonali preċedenti, “ma [kinitx tidher] prima facie rilevanti”. Fid-deċiżjoni invokata mir-rikorrenti, l-UASI għaldaqstant lanqas biss eżamina s-sustanza tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-aspetti speċifiċi tad-dritt Spanjol relatati mat-“trade marks slogan”. A fortiori, huwa ma jistax jitqies li kien irrikonoxxa l-eżistenza, it-tifsira u l-effetti ta’ dawn l-aspetti speċifiċi.

47      It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, ma tistax tkun kwistjoni li l-imsemmija aspetti speċifiċi tad-dritt Spanjol huma “magħrufa u ċċitati mill-UASI stess fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni [f’din il-kawża]”. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mir-rimarki preliminari tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fid-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Settembru 2010 f’din il-kawża, hija ħadet inkunsiderazzjoni biss id-dispożittiv tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tas-17 ta’ Lulju 2006 fil-Każ R 343/2006‑2, li, billi tiċħad l-appell imressaq mir-rikorrenti, definittivament irrifjutat ir-reġistrazzjoni ta’ waħda mit-trade marks preċedenti li r-rikorrenti kienet inizjalment invokat insostenn tal-oppożizzjoni tagħha f’din il-kawża.

48      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-UASI ma setax ikun jaf, la fuq qari tad-deskrizzjoni tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti u lanqas abbażi tal-indikazzjonijiet mogħtija lilu mir-rikorrenti, li l-protezzjoni mogħtija mit-trade mark preċedenti kienet intiża sabiex testendi għall-prodotti koperti mit-“trade marks bażiċi” tar-rikorrenti fil-klassijiet 29, 30, 31, 32, 33 u 42. Bl-istess mod, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-UASI ma kienx obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni ex officio l-aspetti speċifiċi tad-dritt Spanjol relatati mat-“trade marks slogan”, u lanqas li jagħmel ex officio riċerki dwar dawn l-aspetti speċifiċi.

49      Minn dan jirriżulta li hemm lok li jiġu miċħuda bħala inammissibbli l-provi kollha u l-argumenti kollha tar-rikorrenti relatati mad-dritt Spanjol, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq.

50      Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ din il-kawża, id-deskrizzjoni tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti hija limitata għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35, kif identifikati fid-deskrizzjoni riprodotta fil-punt 8 iktar ’il fuq.

 Fuq l-interpretazzjoni tad-deskrizzjoni tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti

51      Il-Bord tal-Appell qies, fil-prinċipju, li l-indikazzjoni “frażi ta’ reklamar” bħala deskrizzjoni tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti, ma kienet tikkorrispondi għal ebda wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi msemmija mill-Klassifikazzjoni ta’ Nice, ma kinitx tikkostitwixxi prodott u lanqas servizz, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, u ma setgħetx tiġi interpretata bħala li tkopri “servizzi ta’ reklamar”, mingħajr ma tikkostitwixxi estensjoni inammissibbli tal-portata tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti.

52      Mitluba, fil-kuntest ta’ mistoqsijiet bil-miktub mill-Qorti Ġenerali u waqt is-seduta, tieħu pożizzjoni fuq din l-evalwazzjoni, ir-rikorrenti indikat, waqt is-seduta, li fil-prinċipju hija ma kinitx topponi li kliem “frażi ta’ reklamar” jiġu interpretati, bħal ma għamlet id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, bħala li jirreferu, fil-fatt, għal servizzi ta’ reklamar, iżda hija enfasizzat li kienet tikkontesta li l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti tkun limitata għal dawn is-servizzi, billi jiġu esklużi l-prodotti koperti mit-“trade marks bażiċi”. Hija tqis, barra minn hekk, li s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 koperti mit-trade mark preċedenti huma simili, komplimentari u strettament marbuta mal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Hija tinvoka, f’dan ir-rigward, żewġ sentenzi li fihom il-Qorti Ġenerali kienet irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ xebh bejn servizzi li jaqgħu b’mod partikolari fil-klassi 35, minn naħa, u prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 5, 14, 18 u 25 min-naħa l-oħra.

53      F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti tar-rikorrenti bl-ebda mod ma jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell kif imsemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq u li, a fortiori, dawn ma jistgħux jikkontestawha.

54      Hekk kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, il-fatti ta’ dan il-każ huma kkaratterizzati, minn naħa, mill-fatt li la l-kliem tad-deskrizzjoni tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti u lanqas l-indikazzjonijiet u l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI ma juru li l-portata tal-protezzjoni ta’ din it-trade mark kienet testendi lil hinn minn dan il-kliem strett. Min-naħa l-oħra, l-aspetti speċifiċi tad-dritt Spanjol, li jippermettu, skont ir-rikorrenti, li tiġi ppreċiżata b’mod utli t-tifsira ta’ din id-deskrizzjoni tas-servizzi, ma jistgħux, għal raġunijiet proċedurali, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif ikkonstata l-Bord tal-Appell, li d-deskrizzjoni tas-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti, kif riprodotta fil-punt 8 iktar ’il fuq, ma tippermettix li dawn jiġu pparagunati mal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

55      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball billi kkonkluda li l-oppożizzjoni kellha tiġi miċħuda għal din ir-raġuni.

56      Fid-dawl ta’ dan kollu li ntqal, l-uniku motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġu miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

57      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

58      Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-UASI

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      El Corte Inglés, SA, hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Marzu 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.